Lorenzo de' Medici
Lorenzo de' Medici | |
---|---|
Ħajja | |
Twelid | Firenze, 1 Jannar 1449 |
Nazzjonalità | Repubblika ta' Firenze |
Residenza | Palazzo Medici Riccardi (en) |
Mewt | Careggi (en) u Firenze, 8 April 1492 |
Post tad-dfin | kappelli tal-familja Medici |
Familja | |
Missier | Piero di Cosimo de' Medici |
Omm | Lucrezia Tornabuoni |
Konjuga/i | Clarice Orsini (en) (4 Ġunju 1469, 20 Diċembru 1469 (Gregorian) - 30 Lulju 1487) |
Koppja/i | Lucrezia Donati (en) |
Ulied |
uri
|
Aħwa |
uri
|
Tribù | Familja Medici |
Edukazzjoni | |
Lingwi | Taljan |
Għalliema |
John Argyropoulos (en) Marsilio Ficino (en) Gentile de' Becchi (en) |
Okkupazzjoni | |
Okkupazzjoni |
politiku kittieb poeta bankier |
Lorenzo di Piero de' Medici ([loˈrɛntso deˈ mɛːditʃi]; twieled fl-1 ta’ Jannar 1449 – miet fit-8 ta’ April 1492)[1] kien statista Taljan, bankier, mexxej de facto tar-Repubblika ta’ Firenze u l-iktar patrun setgħan u entużjast tal-kultura Rinaxximentali fl-Italja.[2][3][4] Huwa kien magħruf ukoll bħala Lorenzo il-Manjifiku (bit-Taljan: Lorenzo il Magnifico [loˈrɛntso il maɲˈɲiːfiko]) mill-kontemporanji tiegħu minn Firenze, u kien għani, diplomatiku, politiku u patrun tal-istudjużi, l-artisti u l-poeti. Bħala patrun, huwa magħruf l-iktar talli sponsorja artisti bħal Botticelli u Michelangelo. Huwa rnexxielu jikseb bilanċ fil-poter fi ħdan il-Lega Taljana, alleanza ta’ stati li stabbilizzaw il-kundizzjonijiet politiċi fil-peniżola Taljana għal deċennji, u ħajtu inzertat mal-fażi matura tar-Rinaxximent Taljan u l-Epoka tad-Deheb ta’ Firenze.[5] Mil-lat tal-politika barranija, Lorenzo wera li kellu pjan ċar li jmur kontra l-ambizzjonijiet territorjali tal-Papa Sestu IV, f’ġieħ il-bilanċ tal-Lega Taljana tal-1454. Għal dawn ir-raġunijiet, Lorenzo kien fil-mira tal-konfoffa tal-familja Pazzi tal-1478, fejn ħuh Giuliano de' Medici nqatel. Il-Paċi ta’ Lodi tal-1454 li kienet għenet biex tinżamm il-paċi fost id-diversi stati Taljani sfaxxat ma’ mewtu. Huwa ġie midfun fil-Kappella tal-familja Medici f’Firenze.
Żgħożija
[immodifika | immodifika s-sors]In-nannu ta’ Lorenzo, Cosimo de' Medici, kien l-ewwel membru tal-familja Medici fit-tmun tar-Repubblika ta’ Firenze u mexxa l-Bank tal-familja Medici simultanjament. Bħala wieħed mill-iktar irġiel għonja fl-Ewropa, Cosimo nefaq parti kbira ħafna ta’ ġidu fuq il-governanza u l-filantropija, pereżempju bħala patrun tal-arti u finanzjatur tax-xogħlijiet pubbliċi.[6] Missier Lorenzo, Piero di Cosimo de' Medici, l-istess bħal missieru, kien fil-qalba tal-ħajja ċivika ta’ Firenze, l-iktar bħala patrun u kollezzjonista tal-arti, filwaqt li z-ziju ta’ Lorenzo, Giovanni di Cosimo de' Medici, ħa ħsieb l-interessi kummerċjali tal-familja. Omm Lorenzo, Lucrezia Tornabuoni, kienet kittieba tas-sunetti u ħabiba ta’ poeti u filosfi tal-Akkademja tal-familja Medici.[7] Hija saret il-konsulent ta’ binha wara li missieru u zijuh mietu.[6]
Lorenzo, ikkunsidrat bħala l-iktar wild promettenti mill-ħamest itfal ta’ Piero u Lucrezia, ġie mgħallem minn Gentile de' Becchi, diplomatiku u isqof, u mill-filosfu umanista Marsilio Ficino[8], u ġie mħarreġ fil-Grieg minn John Argyropoulos.[9] Flimkien ma’ ħuh Giuliano, huwa pparteċipa fl-issarar bil-lanza minn fuq iż-żwiemel, fil-falkunerija, fil-kaċċa, u fit-tnissil taż-żwiemel għall-Palio, tiġrija tradizzjonali taż-żwiemel fi Siena. Fl-1469, meta kellu 20 sena, Lorenzo rebaħ l-ewwel premju f’tornew tal-issarar bil-lanza fuq iż-żwiemel li kien sponsorjat mill-familja Medici. Dan l-issarar bil-lanza fuq iż-żwiemel kien is-suġġett ta’ poeżija ta’ Luigi Pulci.[10] Niccolò Machiavelli kiteb ukoll dwar l-okkażjoni, x’aktarx b’mod sarkastiku, li Lorenzo kien rebaħ “mhux għax ġie vvantaġġat, iżda bil-qlubija u bil-ħila tiegħu f’dirgħajh”.[11] Huwa kellu pavaljun impitter minn Verrocchio, u ż-żiemel tiegħu kien jismu Morello di Vento.[12][13]
Piero bagħat lil Lorenzo għal diversi missjonijiet diplomatiċi importanti meta kien għadu żagħżugħ, fosthom vjaġġi lejn Ruma biex jiltaqa’ mal-Papa u ma’ persuni reliġjużi u politiċi importanti oħra.[14]
Lorenzo ġie deskritt bħala xi ħadd b’bixra pjuttost sempliċi u b’tul medju, miftuħ u b’riġlejn qosra, b’xagħar u għajnejn skuri, imnieħru mfattar, ma jarax mill-bogħod u b’leħen aħrax. Giuliano, min-naħa l-oħra, kien meqjus gustuż u popolari bħala mudell, tant li ntuża bħala mudell minn Botticelli fil-pittura tiegħu ta’ Marte u Venere.[15] Anke Niccolò Valori, ħabib qarib ta’ Lorenzo, iddeskrivieh bħala sempliċi u mintagħna, u stqarr li “n-natura ma kinitx ħanina miegħu fir-rigward ta’ bixirtu, għalkemm pattietlu f’dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ moħħu. Bixirtu kienet skura, u għalkemm wiċċu ma kienx gustuż, tant kien mimli dinjità li kien iqanqal ir-rispett.”.[16]
Politika
[immodifika | immodifika s-sors]Lorenzo, li kien trawwem biex ikollu r-riedni tal-poter f’idejh, ta’ 20 sena diġà kellu rwol ta’ mexxej fl-istat malli miet missieru fl-1469. Wara li diġà kienu nxtorbu mill-proġetti ta’ bini ta’ nannuh u mit-taqlibiet u l-gwerer kostanti, mill-ġestjoni ħażina u mill-ispejjeż politiċi, l-assi tal-Bank tal-familja Medici ma baqgħux li kienu tul ħajjet Lorenzo.[17]
Lorenzo de' Medici, bħal nannuh, missieru u ibnu, mexxa lil Firenze indirettament permezz ta’ individwi li kienu jaġixxu f’ismu fil-kunsilli tal-belt, permezz ta’ ħlasijiet u żwiġijiet strateġiċi.[18][19] Il-familji rivali ta’ Firenze inevitabbilment ma kinux kuntenti bid-dominanza tal-familja Medici, u l-għedewwa tal-familja Mediċi baqgħu fattur tal-ħajja f’Firenze ferm wara l-mewt ta’ Lorenzo. L-iktar familja rivali notevoli kienet il-familja Pazzi, li kważi temmet ir-renju ta’ Lorenzo.[20]
Nhar il-Ħadd, is-26 ta’ April 1478, f’avveniment magħruf bħala l-konfoffa tal-familja Pazzi, grupp immexxi minn Girolamo Riario, Francesco de' Pazzi, u Francesco Salviati (l-Arċisqof ta’ Pisa), attakka lil Lorenzo u lil ħuh Giuliano li kien qed imexxi miegħu fil-Katidral ta’ Santa Maria del Fiore f’tentattiv biex jaħtfu l-kontroll tal-governanza ta’ Firenze.[21] B’mod xokkanti, Salviati aġixxa bil-barka tal-patrun tiegħu l-Papa Sestu IV. Giuliano nqatel, b’daqqiet brutali ta’ sikkina, iżda Lorenzo rnexxielu jeħlisha ħafif b’ġerħa żgħira f’għonqu, wara li ġie difiż mill-poeta Poliziano.[22] L-aħbar tal-konfoffa nfirxet ma’ Firenze kollha, u nqerdet għalkollox mill-popolin b’miżuri ħorox bħall-illinċjar tal-Arċisqof ta’ Pisa u tal-membri tal-familja Pazzi li kienu involuti fil-konfoffa.[20]
Wara l-konfoffa tal-familja Pazzi u l-ikkastigar tal-Papa Sestu IV, il-familja Medici u Firenze qanqlu l-korla tas-Santa Sede, li ssekwestrat l-assi kollha tal-familja Medici li l-Papa Sestu IV seta’ jissekwestra, skumnikat lil Lorenzo u l-gvern kollu ta’ Firenze, u fl-aħħar mill-aħħar imponiet l-interdett għall-belt u għall-istat ta’ Firenze.[23] Kif induna li dawn l-azzjonijiet ma tantx kellhom effett, il-Papa Sestu IV ifforma alleanza militari mar-Re Ferdinandu I ta’ Napli, u ibnu Alfonso, id-Duka ta’ Calabria, mexxa invażjoni fir-Repubblika ta’ Firenze, li kienet għadha mmexxija minn Lorenzo.[24]
Lorenzo ġabar ġemgħa ċittadini. Madankollu, bi ftit appoġġ mill-alleati tradizzjonali tal-familja Medici f’Bologna u f’Milan[20], il-gwerra damet għaddejja, u kien biss bis-saħħa tad-diplomazija ta’ Lorenzo, li vvjaġġa personalment lejn Napli u sar priġunier tar-re għal diversi xhur, li l-kriżi ssolviet. Dak is-suċċess ippermetta lil Lorenzo jikseb bidliet kostituzzjonali fi ħdan il-gvern tar-Repubblika ta’ Firenze li komplew isaħħu l-poter tiegħu.[18]
Minn dak iż-żmien ’il quddiem, Lorenzo, bħal nannuh Cosimo de' Medici, fittex li jikseb politika ta’ żamma tal-paċi, u li jibbilanċja l-poter bejn l-istati tat-Tramuntana tal-Italja u jara li l-istati Ewropej maġġuri bħal Franza u l-Imperu Ruman Sagru jibqgħu ’l barra mill-Italja. Lorenzo rnexxielu jżomm relazzjonijiet tajbin mas-Sultan Mehmed II tal-Imperu Ottoman, peress li l-kummerċ marittimu ta’ Firenze mal-Ottomani kien sors ewlieni ta’ ġid għall-familja Medici.[25]
L-isforzi li jinkiseb dħul mill-estrazzjoni tal-allumi fit-Toskana sfortunatament għarrqet ir-reputazzjoni ta’ Lorenzo de' Medici. L-allumi kien ġie skopert miċ-ċittadini lokali ta’ Volterra, li kienu fittxew l-appoġġ ta’ Firenze biex jisfruttaw din ir-riżorsa naturali importanti. L-allumi kien materja prima importanti għall-industriji tal-produzzjoni tal-ħġieġ, tal-konzeriji u tat-tessuti, u kien disponibbli minn ftit sorsi biss li kienu taħt il-kontroll tal-Ottomani u ġew monopolizzati minn Genova qabel ma ġew skoperti sorsi tal-allumi f’Tolfa, l-Italja. L-ewwel il-Kurja Rumana fl-1462, u mbagħad Lorenzo u l-Bank tal-familja Medici inqas minn sena wara, involvew ruħhom sabiex jappoġġaw l-estrazzjoni. Il-Papa kien jieħu kummissjoni ta’ żewġ dukati għal kull qantar ta’ allumi li jiġi estratt. Barra minn hekk, ġie żgurat monopolju kontra l-oġġetti li kienu joriġinaw mit-Turkija billi ġie pprojbit il-kummerċ tal-allumi mal-pagani.[26] Meta rrealizzaw x’kien il-valur tal-minjiera tal-allumi, iċ-ċittadini ta’ Volterra riedu li d-dħul li kien ġej minnha jmur fil-fondi muniċipali tagħhom u mhux fil-bwiet tal-entitajiet ta’ Firenze li kienu qed jagħtu l-appoġġ tagħhom. B’hekk faqqgħet insurrezzjoni u seċessjoni minn Firenze, fejn ġew iġġustizzjati diversi ċittadini li kienu qed jopponuhom. Lorenzo bagħat xi merċenarji biex itemmu l-irvell bil-forza, u dawn serqu li setgħu mill-belt. Lorenzo ħaffef biex imur Volterra u jagħmel tajjeb għal dak li kien ġara, iżda xorta waħda dan l-avveniment baqa’ tebgħa kerha għar-reputazzjoni tiegħu.[27][28]
Patroċinju
[immodifika | immodifika s-sors]Lorenzo ta l-patroċinju tiegħu lil artisti bħal Piero u Antonio del Pollaiuolo, Andrea del Verrocchio, Leonardo da Vinci, Sandro Botticelli, Domenico Ghirlandaio u Michelangelo Buonarroti, li kienu strumentali għall-kisba tar-Rinaxximent tas-seklu 15. Għalkemm Lorenzo ma tantx ikkummissjona bosta xogħlijiet hu stess, huwa għen lil dawn l-artisti jiżguraw kummissjonijiet minn patruni oħra. Michelangelo għex ma’ Lorenzo u mal-familja tiegħu għal tliet snin, u kien jiekol magħhom u jipparteċipa fid-diskussjonijiet immexxija minn Marsilio Ficino.
Lorenzo kien artist u kiteb xi poeżiji bit-Toskan li kien ilsien twelidu. Fil-poeżiji tiegħu, huwa jiċċelebra l-ħajja filwaqt li jirrikonoxxi b’melankonija l-fraġilità u l-instabbiltà tal-kundizzjoni umana, b’mod partikolari fl-aħħar xogħlijiet tiegħu. L-imħabba, il-festini u d-dawl jiddominaw il-versi tiegħu.[29]
Cosimo kien beda l-kollezzjoni ta’ kotba li saru l-Librerija tal-familja Medici
(imsejħa wkoll il-Librerija Lawrenzjana), u Lorenzo espandiha. L-aġenti ta’ Lorenzo ġabu magħhom għadd kbir ta’ xogħlijiet klassiċi mil-Lvant, u qabbad studjo kbir ta’ dak iż-żmien biex jikkupjaw il-kotba tiegħu u jxerrdu l-kontenut tagħhom fl-Ewropa kollha. Huwa appoġġa l-iżvilupp tal-umaniżmu permezz tal-grupp ta’ ħbieb tiegħu ta’ żmien l-istudji tiegħu, fosthom il-filosfi Marsilio Ficino, Poliziano u Giovanni Pico della Mirandola. Huma studjaw il-filosfi Griegi u ppruvaw jagħmlu fużjoni tal-ideat ta’ Platun mal-Kristjaneżmu.[30]
Apparti għal interess personali, Lorenzo kien juża l-ħiliet tal-artisti ta’ Firenze għall-isforzi diplomatiċi tiegħu. Eżempju ta’ dan jinkludu l-kummissjoni ta’ Ghirlandaio, Botticelli, Pietro Perugino u Cosimo Rosselli minn Ruma biex ipittru l-affreski fil-Kappella Sistina, mossa li ġiet interpretata bħala l-issiġillar ta’ alleanza bejn Lorenzo u l-Papa Sestu IV.[30]
Fl-1471, Lorenzo kkalkula li l-familja tiegħu kienet nefqet xi 663,000 fjorin (madwar €383 miljun illum) għall-karità, għall-binjiet u għat-taxxi mill-1434. Huwa kiteb:
“Ma jiddispjaċini xejn għaliex għalkemm bosta x’aktarx li jqisu li aħjar għandhom parti minn dik is-somma f’buthom, jiena nqis li kienu unur kbir lill-istat tagħna, u naħseb li l-flus intefqu tajjeb u sodisfatt ferm”.[31]
Żwieġ u tfal
[immodifika | immodifika s-sors]Lorenzo żżewweġ lil Clarice Orsini bi prokura fis-7 ta’ Frar 1469. Iż-żwieġ wiċċ imb wiċċ seħħ f’Firenze fl-4 ta’ Ġunju 1469. Hi kienet it-tifla ta’ Giacomo Orsini, Sinjur ta’ Monterotondo u ta’ Bracciano bis-saħħa ta’ martu u kuġinuh Maddalena Orsini. Clarice u Lorenzo kellhom għaxart itfal, li kollha ħlief Contessina Antonia twieldu f’Firenze:
- Lucrezia Maria Romola de' Medici (1470-1553)[32], li żżewġet lil Jacopo Salviati fl-10 ta’ Settembru 1486 u kellha għaxart itfal miegħu, fosthom il-Kardinal Giovanni Salviati, il-Kardinal Bernardo Salviati, Maria Salviati (omm Cosimo I de' Medici, il-Gran Duka tat-Toskana), u Francesca Salviati (omm il-Papa Ljun XI)
- Tewmin li mietu mat-twelid (f’Marzu 1471)
- Piero di Lorenzo de' Medici (1472-1503)[32], imsejjaħ l-“Isfortunat”, li kien mexxej ta’ Firenze wara li miet missieru
- Maria Maddalena Romola de' Medici (1473-1528), li żżewġet lil Franceschetto Cybo (iben illeġittimu tal-Papa Innoċenti VIII) fil-25 ta’ Frar 1487 u kellha sebat itfal
- Contessina Beatrice de' Medici, li mietet ftit wara twelidha fit-23 ta’ Settembru 1474
- Giovanni di Lorenzo de' Medici (1475-1521)[32], li sar il-Papa Ljun X fl-1513[33]
- Luisa de' Medici (1477-1488), li kienet tissejjaħ ukoll Luigia, ġiet mgħarrsa u żżewġet lil Giovanni de' Medici il Popolano, iżda mietet ta’ età żgħira
- Contessina Antonia Romola de' Medici (1478-1515)[32], li twieldet f’Pistoia, iżżewġet lil Piero Ridolfi (1467-1525) fl-1494 u kellha ħamest itfal, fosthom il-Kardinal Niccolò Ridolfi
- Giuliano di Lorenzo de' Medici (1479-1516)[32], li sar Duka ta’ Nemours fl-1515 bis-saħħa ta’ François I ta’ Franza
Lorenzo adotta lin-neputi tiegħu Giulio di Giuliano de' Medici (1478-1534), l-iben illeġittimu ta’ ħuh Giuliano li kien inqatel. Fl-1523, wara li mexxa lil Firenze għal erba’ snin, Giulio sar il-Papa Klementi VII.[34]
L-aħħar snin ta’ ħajtu, mewtu, u l-legat
[immodifika | immodifika s-sors]Matul it-tmexxija ta’ Lorenzo, diversi fergħat tal-bank tal-familja Medici sfaxxaw minħabba selfiet ħżiena, u fl-aħħar snin ta’ ħajtu ltaqa’ ma’ diffikultajiet finanzjarji u kellu jdur għall-approprjazzjoni indebita ta’ fondi statali u ta’ fondi fiduċjarji.
Lejn l-aħħar ħajjet Lorenzo, Firenze kienet taħt l-influwenza ta’ Savonarola, li kien jemmen li l-Kristjani kienu qorbu wisq mal-kultura Griega-Rumana. Lorenzo kellu rwol x’jaqdi fir-rigward ta’ Savonarola f’Firenze.[35]
Lorenzo miet matul il-lejla tat-8 ta’ April 1492, fil-villa ta’ Careggi li kienet ilha tal-familja Medici għal żmien twil.[36] Savonarola żar lil Lorenzo fis-sodda tal-mewt tiegħu. L-għajdut li Savonarola xtaq id-deni lil Lorenzo fis-sodda ta’ mewtu ġie rrifjutat fil-ktieb ta’ Roberto Ridolfi Vita di Girolamo Savonarola (Il-Ħajja ta’ Girolamo Savonarola). Minn ittri li nkitbu minn dawk li kienu xhieda għall-mewt ta’ Lorenzo jidher li huwa miet fil-paċi wara li sema’ l-Vanġelu tal-ġurnata.[37] Bosta sinjali u twiddib li kien se jiġri xi ħaġa ħażina ssemmew li seħħew fil-mument meta miet, fosthom li l-koppla tal-Katidral ta’ Firenze ntlaqtet mis-sajjetti, li dehru xi fatati, u li l-iljuni li kien hemm f’Via Leone bdew jiġġieldu ma’ xulxin.[38]
Is-Signoria u l-kunsilli ta’ Firenze ħarġu digriet li kien jgħid:
Billi l-iktar raġel importanti tal-belt kollha, Lorenzo de' Medici, li miet dan l-aħħar, tul ħajtu kollha ma tilef l-ebda opportunità biex jipproteġi, iżid, isebbaħ u jtejjeb isem din il-belt, iżda anzi kien dejjem lest bil-kunsill u bl-awtorità tiegħu bla heda, bil-ħsieb u bl-azzjoni; u qatt ma qagħad lura lanqas quddiem l-għawġ u l-periklu għall-ġid tal-istat u għal-libertà tagħha..... deher li huwa ġust għas-Senat u għall-poplu ta’ Firenze.... li jiġi stabbilit mafkar pubbliku li jagħti ġieħ lill-memorja ta’ raġel uniku bħalu, sabiex għemilu jingħata ġieħ fost iċ-ċittadini ta’ Firenze, u fil-futur ċittadini oħra jkunu jistgħu jiġu inċitati biex għemilhom iservi għall-ġid komuni bis-setgħa u bl-għerf.[39]
Lorenzo ġie midfun maġenb ħuh Giuliano fil-Knisja ta’ San Lawrenz fis-sarkofagu aħmar tal-porfirju ddisinjat għal Piero u Giovanni de' Medici, u mhux kif jista’ jkun mistenni, fis-Sagristija l-Ġdida, iddisinjata minn Michelangelo. Din tal-aħħar fiha ż-żewġ oqbra monumentali ta’ Lorenzo u Giuliano oħrajn mhux dawk l-iktar magħrufa: Lorenzo, id-Duka ta’ Urbino, u Giuliano, id-Duka ta’ Nemours. Skont Williamson u oħrajn, l-istatwi ta’ dawn tal-aħħar ġew imnaqqxin minn Michelangelo biex jinkorpora l-essenza tal-Lorenzo u Giuliano l-iktar magħrufa. Fl-1559, il-katavri ta’ Lorenzo de' Medici (“il-Manjifiku”) u ta’ ħuh Giuliano tpoġġew fis-Sagristija l-Ġdida f’qabar mhux immarkat taħt l-istatwa tal-Madonna magħmula minn Michelangelo.[40]
L-eredi ta’ Lorenzo kien ibnu l-kbir, Piero di Lorenzo de' Medici, magħruf bħala “Piero l-Isfortunat”. Fl-1494, berbaq il-patrimonju ta’ missieru u l-familja Medici ma baqgħetx tiggverna f’Firenze. It-tieni iben tiegħu, Giovanni, li sar il-Papa Ljun X, reġa’ ħa l-belt f’idejh fl-1512 bl-għajnuna tal-armata Spanjola.[41] Fl-1531, in-neputi ta’ Lorenzo Giulio di Giuliano – li Lorenzo kien rabba bħala ibnu, u li iktar ’il quddiem sar il-Papa Klementi VII – ifformalizza t-tmexxija tal-familja Medici f’Firenze billi stabbilixxa lil Alessandro de' Medici bħala l-ewwel duka ereditarju tal-belt.[42]
Kultura popolari
[immodifika | immodifika s-sors]- Lorenzo de' Medici jidher bħala adolexxenti f’Leonardo tas-CBBC, ħadem fir-rwol tiegħu l-attur Colin Ryan.[43]
- Lorenzo de' Medici jidher bħala karattru ta’ appoġġ għall-protagonista, Ezio Auditore da Firenze, wara li jħarbtu l-pjanijiet ta’ dawk li riedu jwettqu l-konfoffa tal-familja Pazzi f’Assassin's Creed II.[44]
- Lorenzo de' Medici huwa maħdum minn Elliot Cowan fis-sensiela televiżiva tal-2013 Da Vinci's Demons.[45]
- Lorenzo de' Medici huwa maħdum minn Daniel Sharman fis-sensiela televiżiva Medici: The Magnificent.[46]
- Lorenzo de' Medici jissemma f’referenza fl-episodju tal-2001 ta’ The Simpsons, "A Hunka Hunka Burns in Love". Is-Sur Burns ikellem lil Homer fuq it-telefon u jinformah li se jordna pizza u jistaqsih x’ingredjenti jrid fuqha. Meta Homer jistaqsih għal iktar ġobon, is-Sur Burns jgħidlu “Min qed taħsibni, Lorenzo de Medici?”.[47]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ "MEDICI, Lorenzo de', detto il Magnifico in "Enciclopedia Italiana"". www.treccani.it (bit-Taljan). Miġbur 2021-05-04.
- ^ Parks, Tim (2008). "Medici Money: Banking, Metaphysics, and Art in Fifteenth-Century Florence". The Art Book. New York: W.W. Norton & Co. 12 (4): 288. ISBN 9781847656872.
- ^ "100 Leaders". web.archive.org. 2014-09-27. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2014-09-27. Miġbur 2021-05-04.
- ^ Kent, F. W. (28 December 2006). Lorenzo De' Medici and the Art of Magnificence. Renaissance and Reformation / Renaissance et Réforme. 27. USA: JHU Press. pp. 110-112. ISBN 0-8018-8627-9.
- ^ Brucker, Gene (21 March 2005). Living on the Edge in Leonardo's Florence. Berkeley: University of California Press. pp. 14-15. ISBN 9780520930995.
- ^ a b Hugh Ross Williamson, Lorenzo the Magnificent, Michael Joseph, (1974), ISBN 07181 12040.
- ^ Milligan, Gerry (26 August 2011). "Lucrezia Tornabuoni". Renaissance and Reformation. Oxford Bibliographies. Oxford University Press. ISBN 9780195399301.
- ^ Hugh Ross Williamson, p. 67.
- ^ Durant, Will (1953). The Renaissance. The Story of Civilization. 5. New York: Simon and Schuster. p. 110.
- ^ Davie, Mark (1989). "Luigi Pulci's Stanze per la Giostra: Verse and Prose Accounts of a Florentine Joust of 1469". Italian Studies. 44 (1): 41–58.
- ^ Machiavelli, Niccolò (1906). The Florentine History. 2. London: Archibald Constable and Co. Limited. p. 169.
- ^ Poliziano, Angelo (1993). The Stanze of Angelo Poliziano. University Park, Pa.: Pennsylvania State University Press. p. 10. ISBN 0271009373.
- ^ Christopher Hibbert, il-kapitlu 9
- ^ Niccolò Machiavelli, History of Florence, il-Ktieb VIII, Kap. 7.
- ^ Hugh Ross Williamson, p. 70.
- ^ Janet Ross. "Florentine Palaces & Their Stories" (2016). p. 250.
- ^ Walter, Ingeborg (2013). "Lorenzo der Prächtige: Mäzen, Schöngeist und Tyrann" [Lorenzo the Magnificent: Patron, Aesthete and Tyrant]. Damals (in German). Vol. 45 no. 3. p. 32.
- ^ a b Reinhardt, Volker (2013). "Die langsame Aushöhlung der Republik" [The Slow and Steady Erosion of the Republic]. Damals (in German). Vol. 45 no. 3. pp. 16–23.
- ^ Guicciardini, Francesco (1964). History of Italy and History of Florence. New York: Twayne Publishers. p. 8.
- ^ a b ċ Thompson, Bard (1996). Humanists and Reformers: A History of the Renaissance and Reformation. William B. Eerdmans Publishing Company. pp. 189 ff. ISBN 0-8028-6348-5.
- ^ Jensen, De Lamar (1992). Renaissance Europe: Age of Recovery and Reconciliation. Lexington, Mass: D.C. Heath and Company. p. 80.
- ^ Durant, Will (1953). The Renaissance. The Story of Civilization. 5. New York: Simon and Schuster. p. 125.
- ^ Hancock, Lee (2005). Lorenzo de' Medici: Florence's Great Leader and Patron of the Arts. The Rosen Publishing Group, Inc. p. 57. ISBN 1-4042-0315-X.
- ^ Martines, Lauro (2003). April Blood: Florence and the Plot Against the Medici. Oxford University Press.
- ^ Inalcik, Halil (2000). The Ottoman Empire: The Classical Age 1300–1600. London: Orion Publishing Group. p. 135. ISBN 978-1-84212-442-0.
- ^ de Roover, Raymond (1963). The Rise and Decline of the Medici Bank, 1397–1494. Harvard University Press. pp. 152–154.
- ^ Machiavelli, Niccolò (1906). The Florentine History. 2. London: Archibald Constable and Co. Limited. pp. 197–198.
- ^ Durant, Will (1953). The Renaissance. The Story of Civilization. 5. New York: Simon and Schuster. p. 112.
- ^ "La Poesia di Lorenzo di Medici | The Poetry of Lorenzo di Medici- Lydia Ugolini; Lecture (1985)".
- ^ a b Schmidt, Eike D. (2013). "Mäzene auf den Spuren der Antike" [Patrons in the footsteps of Antiquity]. Damals (in German). 45 (3): 36–43.
- ^ Brucker, G., ed. (1971). The Society of Renaissance Florence: A Documentary Study. New York: Harper & Row. p. 27.
- ^ a b ċ d e Tomas, Natalie R. (2003). The Medici Women: Gender and Power in Renaissance Florence. Aldershot: Ashgate. pp. 7, 21, 25. ISBN 0754607771.
- ^ J.N.D. Kelly, The Oxford Dictionary of Popes (Oxford 1986), p. 256.
- ^ "CATHOLIC ENCYCLOPEDIA: Pope Clement VII". www.newadvent.org. Miġbur 2021-05-04.
- ^ Donald Weinstein, Savonarola: The Rise and Fall of a Renaissance Prophet (New Haven, 2011) Kap. 5: The Magnificent Lorenzo.
- ^ Cuvier, Georges (24 October 2019). Cuvier's History of the Natural Sciences: Nineteen lessons from the Sixteenth and Seventeenth Centuries. Publications scientifiques du Muséum. p. 474. ISBN 9782856538739.
- ^ Drees, Clayton J. (2001). The Late Medieval Age of Crisis and Renewal, 1300-1500: A Biographical Dictionary. Greenwood Publishing Group. p. 347. ISBN 9780313305887.
- ^ Hugh Ross Williamson, p. 268.
- ^ Williamson, pp. 268-269.
- ^ Hugh Ross Williamson, p. 270-280.
- ^ "HISTORY OF THE MEDICI". www.historyworld.net. Miġbur 2021-05-04.
- ^ Wirth, Nikolaus (2007-12-09). "Alessandro de' Medici (1510-1537) •" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-04.
- ^ "BBC - Press Office - Leonardo: Colin Ryan". www.bbc.co.uk. Miġbur 2021-05-04.
- ^ Kelly, Andy (2017-03-09). "Revisiting the renaissance with Assassin's Creed 2" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-04.
- ^ Truitt, Brian. "Who's who in 'Da Vinci's Demons' Season 2". USA TODAY (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-04.
- ^ Clarke, Stewart; Clarke, Stewart (2017-08-10). "Daniel Sharman and Bradley James Join Netflix's 'Medici' (EXCLUSIVE)" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-04.
- ^ "Quotes from "The Simpsons: A Hunka Hunka Burns in Love"". IMDb. Miġbur 2021-05-04.