Aqbeż għall-kontentut

Invażjoni ta' Għawdex (1551)

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
(Rindirizzat minn Invażjoni ta' Għawdex)
Invażjoni ta' Għawdex

Iċ-Ċittadella llum
Data Lulju 1551
Post Malta u Għawdex
Riżultat Rebħa tal-Imperu Ottoman
Belliġeranti
Imperu Ottoman Kavallieri ta' San Ġwann
Maltin
Kmandanti
Sinan Pasha
Sala Reis
Dragut Reis
Juan d'Homedes
Nicolas Durand de Villegaignon
Gelatian de Sessa
Saħħa
10,000 mhux magħruf
Korruti
mhux magħruf 5000 sa 6000 skjav

L-Invażjoni ta' Għawdex kienet meta l-gżira ta' Għawdex ġiet attakkata mill-Imperu Ottoman f'Lulju 1551. Wara l-attakk fuq Għawdex, it-Torok attakkaw Tripli u ħaduha mill-Kavallieri ta' San Ġwann fl-Assedju ta' Tripli.

L-Attakk fuq Malta

[immodifika | immodifika s-sors]

Nhar it-18 ta' Lulju, 1551, għaxart elef suldat Tork kmandati minn Sinan Paxa waslu fil-port ta' Marsamxett, fejn kienu pjanaw li jattakkaw lill-Kavallieri fil-Birgu u l-Forti Sant'Anġlu. Madankollu dawn raw li l-forti kienet b'saħħitha wisq biex jirbħuha fi ftit jiem. B'hekk it-Torok telqu lejn l-Imdina biex jieħdu dik il-belt. Sadanittant, il-Kavallieri fl-Imdina, li kienu kmandati mill-Franċiz Nicolas Durand de Villegaignon, qalu lin-nies li kienu jgħixu fl-inħawi biex jistkennu fil-belt. Malli waslu t-Torok, raw ħafna nies fl-Imdina u ħasbu li hemm ħafna suldati jiddefendu l-belt. Madankollu, il-vapuri tat-Torok f'Marsamxett kienu ġew attakkati mill-Kavallieri. Minħabba dan, iddeċidew li jattakkaw Għawdex.

L-Attakk fuq Għawdex

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-forzi Torok attakkaw Għawdex ftit jiem wara li kienu ġew Malta. Huma bbumbardjaw iċ-Ċittadella, u wara ftit jiem, il-Gvernatur Gelatian de Sessa prova jinnegozja ma' Sinan Paxa, iżda dan m'aċċettax. Ftit wara t-Torok daħlu ċ-Ċittadella u ħadu n-nies kollha skjavi, ħlief erbgħin xiħ u xiħa, patri u xi 300 Għawdxi li rnexxielhom jaħarbu billi jixxabtu mas-swar tal-belt.

Wara l-invażjoni, kien għad fadal ftit familji f'Għawdex, u minħabba dan il-Kavallieri ħeġġew lil xi Maltin biex imorru jgħixu Għawdex. Madankollu kellhom jgħaddu 150 sena sakemm il-popolazzjoni reġgħet ġiet għan-normal.

Il-Kavallieri għamlu wkoll kummissjoni magħmula mill-inġiniera Leone Strozzi u Pietro Pardo biex jeżaminaw il-fortifikazzjonijiet ta' Malta. Dawn qalulhom li kien hemm il-bżonn ta' aktar fortifikazzjonijiet b'saħħithom. Fil-fatt, ftit wara bdew jinbnew Forti San Mikiel fl-Isla u Forti Sant'Iermu fl-għolja Xebb ir-Ras, fejn illum tinsab il-Belt Valletta.

Il-fatt li t-Torok ma rebħux il-Gżejjer Maltin kollha f'dan l-attakk kien ukoll wieħed mill-kawżi tal-Assedju l-Kbir fl-1565.

Fl-2013 nbena mafkar għal dan l-Assedju fil-ġnien ta' Villa Rundle fir-Rabat (Għawdex).