André Schembri

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
André Schembri
Informazzjoni personali
Twelid27 ta' Mejju 1986 (1986-05-27) (37 sena)
Furjana, Malta
Tul1.78 m
RwolMidfilder offensiv
Mixtliet
Floriana
Hibernians
Karriera professjonali
SninKlabb
2002–2005Hibernians
2005–2009Marsaxlokk
2007–2008Eintracht Braunschweig (self)
2008–2009Carl Zeiss Jena (self)
2008–2010SK Austria Kärnten
2010–2011Ferencvárosi
2011Olympiakos Volou
2011–2012Panionios
2012–2014Omonia
2014FSV Frankfurt
2014–2016AC Omonia
2016–2017Boavista
2017–2019Apollon Limassol
2019–2020Chennaiyin
Tim nazzjonali
2004–2006Malta U-21
2006–2018Malta

André Schembri (twieled fis-27 ta' Mejju 1986) huwa kowċ u eks-plejer tal-futbol Malti li kien jilgħab bħala midfilder offensiv.

Karriera[immodifika | immodifika s-sors]

Hibernians[immodifika | immodifika s-sors]

André Schembri beda l-karriera tiegħu mat-tim ta' Hibernians qabel ma ddebutta għall-klabb matul l-istaġun 2002–03, fejn kiseb seba' preżenzi waqt li għen lill-Hibs għar-raba' post finali.

L-istaġun segwenti tal-2003–04, ra lil Schembri jistabilixxi lilu nnifsu bħala plejer regulari għat-tim fejn deher 26 darba u sab ix-xibka għal ħames darbiet, b'Hibernians itemmu l-istaġun fit-tielet post. Schembri beda l-istaġun 2004–05 fejn kien ħalla fl-istaġun preċedenti. Il-prestazzjoni tajbin tiegħu rawh jiġi akkwistat matul is-suq tat-trasferimenti ta' Jannar 2005 mill-klabb ta' Marsaxlokk, bi Schembri jkun għamel ħdax-il dehra u ħames gowls matul l-ewwel nofs tal-istaġun.

Matul iż-żmien tiegħu mat-tim Pawlist, Schembri għamel 44 apparenza u skorja għaxar gowls.

Marsaxlokk[immodifika | immodifika s-sors]

Marsaxlokk kisbu l-firma ta' Schembri f'Jannar tal-2005, flimkien mal-firma ta' plejer ieħor promettenti, Cleavon Frendo, akkwistat minn Pietà Hotspurs. Schembri għamel tmien dehriet fl-aħħar parti tal-istaġun għat-tim Xlukkajr, fejn skorja darbtejn hekk kif it-tim spiċċa fil-ħames post. Fl-ewwel staġun sħiħ tiegħu ma' Marsaxlokk (2005–06), Schembri lagħab 24 logħba bil-klabb jispiċċa fir-raba' post fil-kampjonat Malti.

L-aqwa staġun ta' André kien dak tal-2006–07, meta Marsaxlokk kisbu l-ewwel titlu tagħhom fl-istorja, fejn irnexxielu jakkumula dsatax-il preżenza u jiskorja ħdax-il gowl hekk kif kiseb l-ewwel unur tiegħu fil-futbol Malti.

Eintracht Braunschweig[immodifika | immodifika s-sors]

Wara staġun fuq nota pożittiva ma' Marsaxlokk, André beda jattira interess qawwi minn klabbs Ewropej, speċjalment wara li ta' età tenera ta' 20 sena kien għadu kif ħalla ismu fir-rebħa storika tat-tim nazzjonali Malti fuq l-Ungerija. Wara interess kemm mill-klabb OFI Crete ta' Ċipru u Eintracht Braunschweig tal-Ġermanja, hu ddeċieda li jingħaqad għal staġun ta' self ma' klabb li jilgħab fir-Regionalliga Nord Ġermaniża.[1]

Matul l-istaġun tiegħu ma' Eintracht Braunschweig, hu lagħab 29 partita u skorja 9 gowls, u temm dan l-ewwel staġun tiegħu barra minn art twelidu bħala t-tielet l-aqwa skorer tal-klabb hekk kif il-klabb kiseb il-promozzjoni għat-3. Liga.

Carl Zeiss Jena[immodifika | immodifika s-sors]

Nhar it-30 ta' Ġunju, 2008, ġie mħabbar li André Schembri kien se jingħaqad ma' Carl Zeiss Jena, tim li jimmilta fir-Regionalliga Nord, għal sena oħra ta' self minn Marsaxlokk. Id-debutt tiegħu wasal bħala sostitut fl-84 minuta fil-partita kontra Jahn Regensburg, bil-partita tintemm 2–2.

L-ewwel gowl tiegħu mal-klabb wasal fit-13 ta' Diċembru 2008, kontra SV Sandhausen, fir-rebħa ta' 2–0. L-istaġun intemm bi Schembri jilgħab 32 partita u jiskorja 4 gowls, minkejja li Carl Zeiss Jena spiċċaw b'mod diżappuntanti fis-16-il post f'xifer ir-relegazzjoni. L-aqwa mument f'dan l-istaġun għal Schembri kien iż-żewġ li skorja fid-DFB-Pokal kontra t-tim ta' Kaiserslautern u t-tim mill-Bundesliga Schalke.

SK Austria Kärnten[immodifika | immodifika s-sors]

Fid-19 ta' Ġunju, 2009, hu ffirma kuntratt ta' sentejn mal-klabb tal-Bundesliga Awstrijaka SK Austria Kärnten,[2] bil-kowċ Frank Schinkels iqabbel lil Schembri ma' Diego Ribas da Cunha. L-ewwel gowl tiegħu mal-klabb wasal fis-26 ta' Lulju, 2009, fit-telfa ta' 3–2 kontra Kapfenberger.

Ferencvárosi[immodifika | immodifika s-sors]

André Schembri bil-flokk ta' Ferencváros

Nhar il-15 ta' Frar, 2010, il-klabb Ungeriż ta' Ferencvárosi TC ħabbru l-akkwist ta' André, b'dan tal-aħħar ikun it-tieni Malti li jingħaqad mal-klabb wara l-gowlkiper Justin Haber.[3] Wara li fl-ewwel nofs staġun tiegħu fl-Ungerja ftit li xejn kellu ċans jimpressjona, il-wasla tal-kowċ il-ġdid bidlet radikalment il-pożizzjoni tal-plejer mal-Fradi. Fil-bidu tal-istaġun 2010–11, Schembri sar figura regulari mal-ewwel ħdax fejn skorja l-ewwel gowl tiegħu mal-klabb fir-rebħa ta' 3–0 fuq Győri ETO.[4] Nhar is-26 ta' Settembru, 2010, fil-logħba kontra r-rivali Vasas Schembri skorja tripletta deċiżiva fil-21, fit-30 u fit-53 minuta biex issiġilla r-rebħa ta' 3–1.[5] B'hekk tella' lit-tim punt distakk mill-ewwel post, u poġġa lilu nnifsu fit-tieni post tal-aqwa skorers tal-kampjonat b'5 gowls fl-istess numru ta' dehriet. Nhar l-20 ta' Novembru, 2010, Schembri reġa' rritorna għall-gowls bi tripletta oħra, din id-darba kontra Lombard-Pápa li għenet lit-tim jirbaħ bl-iskor ta' 5–0.[6] Mal-bidu tas-sena l-ġdida, il-vena tal-gowls baqgħet sejra li għenet mhux ftit lill-klabb ta' Ferencvárosi jissiġilla t-tielet post fil-kampjonat, u b'hekk post fil-UEFA Europa League.[7] Schembri temm l-istaġun bħala l-aqwa skorer tal-klabb (u t-tieni fil-kampjonat Ungeriż) fejn skorja 16-il gowl u assista 5 gowls.

Olympiakos Volou[immodifika | immodifika s-sors]

Wara li l-kuntratt tiegħu ma' Ferencvárosi skada fi tmiem l-istaġun, fis-7 ta' Lulju, 2011, ġie imħabbar li ngħaqad mal-klabb Grieg ta' Olympiakos Volou fejn iffirma kuntratt ta' sentejn.[8] L-ewwel gowl tiegħu wasal fit-28 ta' Lulju 2011, fil-UEFA Europa League meta fetaħ l-iskor fir-rebħa ta' 3–0 barra minn darhom kontra Differdange.[9] Minħabba li l-klabb kien għaddej minn każ ta' korruzzjoni u tixħim ta' partiti mill-2009 u l-2010, il-UEFA eskludiet lill-klabb milli jipparteċipa fl-Europa League u sospensjoni oħra ta' tliet snin minn kwalunkwe kompetizzjoni Ewropea.[10] Aktar tard, nhar it-23 ta' Awwissu 2011, kummissjoni tal-gvern Grieg iddeċidiet li ma tagħtix liċenzja lill-klabb biex awtomatikament ġew relegati għar-raba' diviżjoni.[11] Eventwalment, Schembri flimkien mal-plejers l-oħra tal-klabb ġew meħlusa mill-kuntratt tagħhom.

Panionios[immodifika | immodifika s-sors]

Nhar it-30 ta' Settembru 2011, Schembri iffirma kuntratt ta' tliet snin ma' Panionios,[12] u għażel il-flokk numru 40. Ma' Panionios lagħab total ta' 24 logħba fejn sab ix-xibka ħames darbiet.

Omonia[immodifika | immodifika s-sors]

Wara l-istaġun fil-Greċja, André Schembri issieħeb ma' Omonia ta' Ċipru, f'kuntratt ta' sentejn. It-trasferiment ġie kkonfermat fl-20 ta' Awwissu 2012 f'konferenza stampa mal-istampa Ċiprijotta.[13] L-ewwel gowl mal-klabb wasal fir-rebħa ta' 2–0 kontra Enosis tas-27 ta' Ottubru 2012. Fl-istaġun sussegwenti, hu spiċċa bħala l-aqwa skorer tal-klabb bi 17-il gowl hekk kif Omonia spiċċaw il-ħames fil-kampjonat.

Fit-28 ta' Mejju 2014, Schembri iddeċieda li jħalli 'l Omonia biex jingħaqad ma' FSV Frankfurt, fit-tieni diviżjoni Ġermaniża.[14] L-ewwel (u l-uniku) gowl tiegħu wasal fid-29 ta' Ottubru 2014, meta skorja fit-telfa ta' 5–1 kontra Hoffenheim fid-DFB Pokal.[15]

Wara li ftit li xejn sab spazju mat-tim Ġermaniż, Schembri reġa' ssieħeb ma' Omonia fil-5 ta' Diċembru 2014. L-istaġun ta' wara, hekk kif hu reġa' sab ruħu figura regolari mat-tim, hu spiċċa bi 15-il gowl b'Omonia jikkwalifikaw għall-ewwel rawnd ta' kwalifika tal-UEFA Europa League.

Boavista[immodifika | immodifika s-sors]

Wara staġun li rah jispiċċa fost l-aqwa ħames skorers fil-kampjonat Ċiprijott, André Schembri ingħaqad ma' Boavista fil-Primeira Liga fejn iffirma kuntratt ta' sentejn.[16] Wara bidu sodisfaċenti fejn rah jissiġilla postu mal-ewwel ħdax tal-klabb Portugiż, mal-wasla tal-attakkant il-ġdid Ivan Bulos f'Jannar, l-opportunitajiet tiegħu naqsu.[17] L-aħħar żewġ gowls tiegħu waslu f'żewġ dros ta' 3–3 u 2–2 kontra Benfica li ntlagħbu f'Jannar u Mejju 2017 rispettivament.[17][18]

Apollon Limassol[immodifika | immodifika s-sors]

Fit-12 ta' Ġunju 2017, Schembri xolja l-kuntratt tiegħu ma' Boavista minħabba raġunijiet personali u ffirma kuntratt ta' sentejn mat-tim Ċiprijott ta' Apollon Limassol.[19][20] L-ewwel gowl tiegħu wasal fit-13 ta' Lulju 2017, fir-rebħa ta' 3–0 kontra Zaria Bălți fit-tieni rawnd ta' kwalifika tal-UEFA Europa League. Il-gowls fl-Europa League komplew ġejjin fejn spiċċa r-rawnd ta' kwalifikazzjoni b'4 gowls f'sitt logħbiet, fosthom gowls kontra Midtjylland u Aberdeen, hekk kif Apollon ikkonfermaw posthom fil-fażi tal-gruppi.[21][22] B'dan ir-riżultat, hu sar it-tieni Malti li lagħab f'din il-fażi tal-kompetizzjoni wara Luke Dimech.[22] Schembri kiseb l-ewwel titlu barra minn pajjiżu meta nhar id-9 ta' Awwissu 2017 Apollon rebħu s-Super Cup Ċiprijotta kontra APOEL, fejn skorja wkoll il-gowl tar-rebħa fis-87 minuta.[23] Nhar id-19 ta' Ottubru 2017, Schembri skorja l-gowl tad-dro momentarju kontra Atalanta fit-telfa eventwali ta' 3–1, biex sar l-ewwel Malti li skorja f'fażi proprja ta' kompetizzjoni tal-UEFA.[24]

Internazzjonali[immodifika | immodifika s-sors]

Schembri iddebutta mat-tim nazzjonali Malti fl-4 ta' Ġunju 2006, fit-telfa ta' 1–0 kontra l-Ġappun. L-ewwel gowls tiegħu waslu fir-rebħa storika ta' 2–1 kontra l-Ungerija tal-11 ta' Ottubru 2006, valida mir-rawnd ta' kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej 2008. Din kienet l-ewwel rebħa kompetittiva ta' Malta fi 13-il sena. Fl-istess rawnd, skorja t-tielet gowl tiegħu meta kien ta vantaġġ temporanju ta' 2–1 kontra t-Turkija; il-partita finalment intemmet 2–2.

Statistika[immodifika | immodifika s-sors]

Internazzjonali[immodifika | immodifika s-sors]

Unuri[immodifika | immodifika s-sors]

Klabb[immodifika | immodifika s-sors]

Marsaxlokk
Apollon Limassol

Individwali[immodifika | immodifika s-sors]

  • Sportiv Malti tas-Sena: 2009–10

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ "Andre Schembri: „Ich möchte in Deutschland bleiben"" (bil-Ġermaniż). Transfermarkt.de. 2009-02-10. Miġbur 2010-06-30.
  2. ^ "André Schembri zu Kärnten" (bil-Ġermaniż). Transfermarkt.de. 2009-06-20.
  3. ^ Antoine Busuttil (2010-02-15). "Ferencváros sign Andre Schembri" (bl-Ingliż). MaltaFootball.com.
  4. ^ Antoine Busuttil (2010-09-02). "Maltese players abroad: Schembri, Barbara on target" (bl-Ingliż). MaltaFootball.com.
  5. ^ Jesmond Moore. "Andrè Schembri - l-ewwel plejer Malti li skorja hat-trick f'kampjonat barrani tal-ogħla livell". L-Orizzont.
  6. ^ Antoine Busuttil (2010-11-21). "Andre Schembri hat-trick hero for Ferencváros" (bl-Ingliż). MaltaFootball.com.
  7. ^ Antoine Busuttil (2011-05-22). "Schembri, Barbara on target once again" (bl-Ingliż). MaltaFootball.com.
  8. ^ "Andre' Schembri joins Greek club" (bl-Ingliż). Times of Malta. 2011-07-07. Miġbur 2011-07-09.
  9. ^ "Andre Schembri scores his first goal for Olympiakos Volou" (bl-Ingliż). MaltaFootball.com. 2011-07-29. Miġbur 2011-07-29.
  10. ^ "Olympiacos Volou excluded from Europa League" (bl-Ingliż). uefa.com. 2011-09-11. Miġbur 2011-09-25.
  11. ^ "Klabbs oħra fil-Greċja diġa' qed juru interess f'Schembri". replayonline.tv. 2011-09-24. Miġbur 2011-09-22.
  12. ^ "Andre Schembri joins Panionios in the Greek Super League" (bl-Ingliż). MaltaFootball.com. 2011-09-30. Miġbur 2011-11-01.
  13. ^ "Andre Schembri signs two-year deal with AC Omonia" (bl-Ingliż). Times of Malta. 2012-08-20. Miġbur 2012-08-29.
  14. ^ "Andre Schembri to join FSV Frankfurt" (bl-Ingliż). MaltaFootball.com. 2014-05-18. Miġbur 2017-12-08.
  15. ^ "TSG 1899 Hoffenheim - FSV Frankfurt, Oct 29, 2014" (bl-Ingliż). Transfermarkt. 2017-10-29. Miġbur 2017-12-08.
  16. ^ "André Schembri vem reforçar o Boavista" (bil-Portugiż). Boavista FC. 2016-06-16. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2018-11-30. Miġbur 2017-12-08.
  17. ^ a b "Schembri vows to regain coach's faith at Boavista" (bl-Ingliż). Times of Malta. 2017-03-14. Miġbur 2017-12-08.
  18. ^ "Watch: Andre Schembri goal for Boavista not enough as Benfica rally to 3-3 score" (bl-Ingliż). The Malta Independent. 2017-01-15. Miġbur 2017-12-08.
  19. ^ Valhmor Camilleri (2017-06-12). "Andre Schembri leaves Boavista" (bl-Ingliż). Times of Malta. Miġbur 2017-12-08.
  20. ^ Valhmor Camilleri (2017-06-25). "Schembri says Apollon decision was the right one" (bl-Ingliż). Times of Malta. Miġbur 2017-12-08.
  21. ^ "Schembri upbeat as Apollon draw Midtylland" (bl-Ingliż). Times of Malta. 2017-08-05. Miġbur 2017-12-08.
  22. ^ a b "Watch: Andre Schembri's goal for Apollon against Aberdeen" (bl-Ingliż). Times of Malta. 2017-08-03. Miġbur 2017-12-08.
  23. ^ "Watch: Andre Schembri scores late winner for Apollon Limassol" (bl-Ingliż). Times of Malta. 2017-08-09. Miġbur 2017-12-08.
  24. ^ "Watch: Malta captain mutes goal celebration after journalist slain" (bl-Ingliż). The Malta Independent. 2017-10-20. Miġbur 2017-12-08.

Ħoloq esterni[immodifika | immodifika s-sors]