Storja tat-tim nazzjonali tal-futbol ta' Malta

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa

Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex

1leftarrow.pngArtiklu prinċipali: Tim nazzjonali tal-futbol ta' Malta.

Din hi l-istorja tat-tim nazzjonali tal-futbol ta' Malta mniżżla kronoloġikament matul is-snin.

Werrej

[editja] Is-snin tal-bidu

L-infiltrazzjoni tal-logħba tal-futbol ġewwa l-Gżejjer Maltin taf il-bidu tagħha matul iż-żmien meta Malta kienet kolonja Brittanika. Jidher li l-ewwel partita ntlagħbet fl-4 ta' Marzu 1882 bejn is-suldati tal-gwarniġjon u l-inġiniera rjali. Aktar ma bdew jintlagħbu logħbiet, flimkien mal-fundazzjoni ta' klabbs ġodda bħall-Floriana u St. George's, dan kollu għen biex il-futbol ikompli jikseb ċerta popolarità. Wara li l-federazzjoni Maltija tal-futbol ġiet stabbilita biex tkun tista' tikkontrolla l-attivitajiet sporitvi li jikkonċernaw il-futbol, din il-federazzjoni tat il-ħajja lit-tazza nazzjonali. Iż-żmien ta' qabel it-Tieni Gwerra Dinjija, jibqa' mfakkar għan-numru ta' klabbs prominenti li żaru l-gżejjer matul iż-żmien tal-Milied għat-turnej li ġew ospitati f'Malta.[1]

Is-snin ħamsin raw id-debutt tat-tim nazzjonali Malti fix-xena internazzjonali, meta Malta lagħbet l-ewwel partita internazzjonali kontra l-Awstrija, nhar il-Ħadd 24 ta' Frar 1957. Minkejja li tilfet 3–2 kontra tim li f'dik l-era kien fost l-aqwa, dan ir-riżultat jibqa' fil-kotba tal-istejjer tal-futbol, mhux biss għar-riżultat u l-prestazzjoni, iżda wkoll għall-attendenza uffiċjali ta' 17,421 persuna[2] li attendew l-Empire Stadium tal-Gżira.[3] Wara serje ta' partiti ta' ħbiberija li fost oħrajn kienu jinkludu l-pari prestiġjużi ta' 0–0 u 1–1 mat-tim nazzjonali Tuneżin u dak Norveġiż rispettivament, flimkien mar-rebħa ta' 1–0 kontra l-istess Tuneżija, il-federazzjoni Maltija ssieħbet mal-assoċjazzjoni internazzjonali tal-FIFA (1959) u mal-UEFA (1960). Dawn is-sħubiji taw stampa ġdida lill-futbol Malti.

[editja] Kampjonati Ewropej 1964

Malta applikat biex tieħu sehem fil-Kampjonati Ewropej u d-debutt f'kompetizzjoni internazzjonali wasal il-Ħamis 28 ta' Ġunju 1962 meta lagħbet kontra d-Danimarka. Bis-sistema wżata dakinhar kienet dik ta' żewġ partiti (barra u ġewwa darek) bir-rebbieħ jgħaddi għar-rawnd suċċessiv, Malta sofriet f'Kopenħagen, telfa ta' 6–1, waqt li ġewwa l-Gżira, Malta tilfet bl-iskor minimu ta' 3–1. Id-Danimarka għaddiet għar-rawnd tal-aħħar sittax bi skor aggregat ta' 9–2.

[editja] Kampjonati Ewropej 1972

It-tim nazzjonali Malti kellu jistenna tmien snin oħra biex jidher għal darb'oħra fix-xena internazzjonali. Dan wasal dejjem fil-fażi ta' kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej 1972. Din kienet l-ewwel darba li Malta ħadet sehem f'fażi tal-gruppi, li kienet ġiet adottata mill-UEFA għall-ewwel darba fil-kwalifiki għall-edizzjoni tal-1968. Malta spiċċat fi grupp tqil li kien jinvolvi lill-qawwa tal-Ingilterra, li kienet għadha kemm ġejja minn eliminazzjoni fil-kwarti tal-finali fit-Tazza tad-Dinja 1970, il-Greċja, li bħal Malta kienet qatt ma dehret f'ebda fażi finali, u l-Iżvizzera, li minkejja li fil-kwalifiki tat-Tazza tad-Dinja kienet dejjem tkun fost dawk kwalifikati, f'dik Ewropea dejjem ħassitha diffiċli. L-ewwel sett ta' tliet partiti taw riżultati prestiġjużi, fejn minkejja li kisbet biss punt wieħed, laqtet biss erba' gowls u skorjat tnejn. Però l-folja nbidlet mal-bidu tat-tieni rawnd, hekk kif Malta sofriet tliet telfiet u laqtet tnax-il gowl mingħajr ma tagħti ebda risposta. Malta spiċċat l-aħħar b'punt wieħed biss miksub fl-ewwel partita kontra l-Griegi.

Poż. Tim Pti L R P T GF GK
1 Flag of England.svg Ingilterra 11 6 5 1 0 15 3
2 Flag of Switzerland.svg Żvizzera 9 6 4 1 1 12 5
3 Flag of Greece (1828-1978).svg Greċja 3 6 1 1 4 3 8
4 Flag of Malta.svg Malta 1 6 0 1 5 2 16

[editja] Tazza tad-Dinja 1974

Din kienet l-ewwel parteċipazzjoni ta' Malta f'fażi ta' kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja, bil-fażi finali kienet se tiġi ospitata fil-Ġermanja. Malta ittellgħet fi Grupp A flimkien mal-Awstrija, l-Iżvezja u l-Ungerija. Din il-kampanja ma tantx kienet ta' suċċess hekk kif Malta ma ġabet ebda punt u skurjat gowl wieħed fl-aħħar logħba.

Poż. Tim Pti L R P T GF GK DG
1= Flag of Austria.svg Awstrija 8 6 3 2 1 14 7 7
1= Flag of Sweden.svg Żvezja[4] 8 6 3 2 1 15 8 7
3 Flag of Hungary (1957-1989).png Ungerija 8 6 2 4 0 12 7 5
4 Flag of Malta.svg Malta 0 6 0 0 6 1 20 −19

[editja] Kampjonati Ewropej 1976

It-tielet parteċipazzjoni ta' Malta fil-fażi preliminarja tal-Kampjonati Ewropej waslet għall-edizzjoni tal-1976. Il-Grupp 8 ta' Malta kien jinvolvi lill-Ġermanja tal-Punent, li kienet għadha kemm ġejja mit-trijonf fit-Tazza tad-Dinja tal-1974 u aktar qabel ir-rebħ tal-Kampjonati Ewropej tal-1972, u kif ukoll għat-tieni darba konsekuttiva f'din il-kompetizzjoni mal-Greċja u l-Bulgarija. Din il-fażi tibqa' memorabbli għal Malta fejn minbarra prestazzjonijiet tajbin ġewwa darhom, huma rnexxielhom jiksbu l-ewwel rebħa kompettiva fl-istorja, u din waslet nhar it-23 ta' Frar 1975 kontra l-Griegi. Kienet f'din il-fażi wkoll li Malta sofriet telfa umiljanti kontra l-Ġermanja tal-Punent, li sa dakinhar kienet l-ikbar telfa sofferta.

Poż. Tim Pti L R P T GF GK
1 Flag of Germany.svg Ġermanja tal-Punent 9 6 3 3 0 14 4
2 Flag of Greece.svg Greċja 7 6 2 3 1 12 9
3 Flag of Bulgaria (1971-1990).svg Bulgarija 6 6 2 2 2 12 7
4 Flag of Malta.svg Malta 2 6 1 0 5 2 20

[editja] Tazza tad-Dinja 1978

Minkejja serje ta' telfiet f'dawn il-fażijiet preliminarji, Malta ġewwa darha wriet li kienet taf iżżomm l-avversarju tagħha. Għal darb'oħra fil-grupp ta' kwalifika għat-Tazza tad-Dinja 1978 Malta spiċċat fil-grupp flimkien mal-Awstrija, u anki mal-Ġermanja tal-Lvant u t-Turkija. It-tim nazzjonali Malti ma rnexxielux itejjeb ir-rekord deludenti li kellu f'din il-kompetizzjoni, fejn baqa' jsofri u ma jirrispondix lura – jispikkaw l-iktar iż-żewġ telfiet indentiċi ta' 9–0 sofferti kontra l-Ġermanja tal-Lvant u l-Awstrija.

Poż. Tim Pti L R P T GF GK DG
1 Flag of Austria.svg Awstrija 10 6 4 2 0 14 2 12
2 Flag of East Germany.svg Ġermanja tal-Lvant 9 6 3 3 0 15 4 11
3 Flag of Turkey.svg Turkija 5 6 2 1 3 9 5 4
4 Flag of Malta.svg Malta 0 6 0 0 6 0 27 −27

[editja] Kampjonati Ewropej 1980

Malta spiċċat fi Grupp 7 tal-fażi ta' kwalifika fejn għat-tieni darba konsekuttiva kellhom jaffaċċjaw lill-Ġermanja tal-Punent u lit-Turkija, u għall-ewwel darba mal-Galles. Ġewwa darhom, il-Maltin irnexxielhom iżommu riżultati rispettabbli però sofrew bil-kbir barra minn darhom. Fost dawkn kien hemm it-telfiet deludenti ta' 7–0 fl-ewwel partita kontra l-Galles, u telfa oħra kbira kontra l-Ġermanja tal-Punent din id-darba 8–0, wara li fil-Gżira, Malta kienet irnexxielha tikseb pari prestiġjuż kontra dan tal-aħħar.

Poż. Tim Pti L R P T GF GK
1 Flag of Germany.svg Ġermanja tal-Punent 10 6 4 2 0 17 1
2 Flag of Turkey.svg Turkija 7 6 3 1 2 5 5
3 Flag of Wales 2.svg Galles 6 6 3 0 3 11 8
4 Flag of Malta.svg Malta 2 6 0 1 5 2 21

[editja] Tazza tad-Dinja 1982

Fi grupp magħmul minn tliet timijiet, Malta reġgħet impressjonat ġewwa darha, imma sofriet barra minn darha. Fl-ewwel partita li ntlagħbet fil-Belt Valletta kontra l-Polonja, din kellha tiġi abbandunata wara problemi ta' ġlied fil-grawnd, u dan il-konfront ġie abbandunat bil-Polonja 2−0 fil-vantaġġ. Il-forma barra minn darhom dehret fiż-żewġ konfronti li kellha kontra l-Ġermanja tal-Lvant u l-Polonja, Malta sofriet ħdax-il gowl u skurjat biss gowl wieħed.

Poż. Tim Pti L R P T GF GK DG
1 Flag of Poland.svg Polonja 8 4 4 0 0 12 2 10
2 Flag of East Germany.svg Ġermanja tal-Lvant 4 4 2 0 2 9 6 3
3 Flag of Malta.svg Malta 0 4 0 0 4 2 15 −13

[editja] Kampjonati Ewropej 1984

Għat-tieni darba in fila Malta spiċċat fi Grupp 7 tal-fażi ta' kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej tal-1984 li kienu se jsiru fi Franza. Barra Malta, kien hemm Spanja, friska mill-ospitazzjoni tal-aħħar edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja 1982, l-Olanda, li minkejja li kienet naqset li tikkwalifika għat-Tazza tad-Dinja li saret fi Spanja, kienet għadha bit-togħma tal-finali mitlufa tat-Tazza tad-Dinja 1978 u tat-tielet post fil-Kampjonati Ewropej 1976. L-Irlanda u l-Iżlanda, iż-żewġ timijiet l-oħra li kienu jkomplu l-grupp, kienu għadhom ma wasslu sal-fażi finali ta' ebda kompetizzjoni internazzjonali.

Malta bdiet din il-kampanja bl-aqwa tal-modi, b'rebħa ta' 2–1 fuq l-Iżlanda, partita li ntlagħbet ġewwa Messina, b'din ir-rebħa tkun it-tieni waħda kompetittiva fl-istorja. Fil-partita ta' wara, sitt xhur wara din ir-rebħa storika, Malta ingħatat lezzjoni mit-tim Olandiż li ġewwa Aachen (fil-Ġermanja), ħareġ rebbieħ 6–0. Il-prestazzjonijiet tat-tim nazzjonali Malti ġewwa daru bdew kull ma jmorru jitjiebu, u kellu jkun gowl fid-89 minuta ta' Francis Stapleton li xellef il-konfront f'favur l-Irlandiżi, ġewwa Ta' Qali. Wirja oħra ta' kuraġġ intweriet ġewwa Ta' Qali, fejn il-viżitaturi Spanja ħarġu trijunfanti b'rebħa ta' 3–2, fejn sas-60 minuta Malta kienet qed tiggwida l-partita 2–1 b'doppjetta tal-leġġendarju Carmel Busuttil. Però, wara l-pari, gowl fl-84 minuta ta' Rafael Gordillo ta t-tliet punti u r-raba' rebħa minn erba' partiti lit-tim Spanjol. Il-partita ta' ritorn kontra l-Iżlanda, rat lill-Iżlandiżi jieħdu t-tielet punt[6] f'din il-fażi b'rebħa ta' 1–0. L-aħħar tliet partiti raw waqgħa fil-forma tat-tim Malti, fejn barra minn daru safa' iddominat u umiljat. Wara t-telfa ta' 8–0 kontra l-Irlandiżi ġewwa Dublin, ġewwa Rotterdam Malta sofriet telfa oħra ta' 5–0 kontra l-Olanda. Però, nhar il-21 ta' Diċembru 1983, it-tim nazzjonali Malti kellu jsofri l-ikbar telfa ta' kull żmien. Spanja kellha bżonn li tirbaħ bi ħdax-il gowl biex jegħlbu d-differenza tal-gowls u l-medja tal-gowls tal-Olanda biex jassiguraw kwalifikazzjoni. Ġewwa Sevilla, wara l-ftuħ tal-iskor minn Santillana u l-gowl tal-pari tal-Maltin minn Michael Degiorgio, Spanja rat il-ħolma li jilħqu t-Tazza tad-Dinja issir aktar reali, b'Santillana u Hipólito Rincón jiskorjaw erba' gowls kull wieħed, bil-partita tintemm f'telfa ta' 12–1.

Poż. Tim Pti L R P T GF GK
1 Flag of Spain.svg Spanja 13 8 6 1 1 24 8
2 Flag of the Netherlands.svg Olanda 13 8 6 1 1 22 6
3 St Patrick's saltire3.svg Irlanda 9 8 4 1 3 20 10
4 Flag of Iceland.svg Iżlanda 3 8 1 1 6 3 13
5 Flag of Malta.svg Malta 2 8 1 0 7 5 37


[editja] Referenzi

  1. ^ Storja tal-Malta Football Association
  2. ^ Iċ-ċifra uffiċjali hi dik ta' 17,421 ruħ, però ċertament ġiet segwita minn aktar nies li segwewha minn kull rokna possibbli tal-istadju.
  3. ^ Tifkira tal-ewwel partita internazzjonali ta' Malta (vidjo)
  4. ^ Wara li kienu spiċċaw l-istess kemm fil-punti u anki fid-differenza tal-gowls, fil-partita ta' spareġġ kienu l-Iżvediżi li ħarġu rebbieħa 2–1 fuq l-Awstrijaċi.
  5. ^ Partita abbandunata b'dan ir-riżultat.
  6. ^ Sa dak iż-żmien kienet għadha ma ġietx adottata s-sistema ta' punti moderna (jiġifieri, 3 punti għal rebħa, punt għal pari, u xejn għal telfa), imma s-sistema kienet ta' 2 punti għal rebħa, punt għal pari u xejn għal telfa).

[editja] Ħoloq esterni