Premier League Malti
| Staġun jew kompetizzjoni attwali: Premier League Malti 2012–13 |
|
![]() Premier League Malti |
|
| Sport | Futbol |
|---|---|
| Fundazzjoni | 1909 |
| Nru. ta' timijiet | 12 |
| Reġjun | Malta |
| Ċampjin attwali | Birkirkara (2012–13) |
| L-aktar rebħiet | Sliema Wanderers (26 titlu) |
| Sit elettroniku | MFA.com.mt |
| Relegazzjoni għal | L-Ewwel Diviżjoni |
Il-Premier League Malti, magħruf aħjar bħala l-BOV Premier League għal raġunijiet ta' sponsorizzazzjoni, huwa l-ogħla livell tal-futbol Malti. Dan huwa organizzat mill-Malta Football Association u ilu jintlagħab mill-1909. Fis-sistema tal-futbol Malti, relegazzjoni minn dan il-kampjonat twassal għall-Ewwel Diviżjoni.
Qabel l-1980, dan il-livell tal-futbol Malti kien magħruf bħala L-Ewwel Diviżjoni. Madanakollu, dan ġie msemmi mill-ġdid għal Premier League fejn għadu hekk sal-lum, sabiex it-titlu tal-Ewwel Diviżjoni ttieħed mil-livell subordinat (preċedentament magħruf bħala It-Tieni Diviżjoni). Skont il-koeffiċjenti tal-UEFA, dan il-kampjonat huwa kklassifikat bħala l-44 l-iktar kompetittiv fost il-membri ta' din il-konfederazzjoni.[1]
Werrej |
Storja [editja]
L-istorja tal-futbol f'Malta tmur lura lejn in-nofs tas-seklu 19 grazzi għall-Ingliżi, minħabba li Malta kienet kolonja tagħhom. Madanakollu, il-logħob kien biss logħob ta' ħbiberija. L-ewwel kampjonat Malti ntlagħab fl-1909–10 u kien jikkonsisti bejn ħames timijiet, bir-rebbieħ tal-ewwel edizzjoni jkun it-tim ta' Floriana. Is-sena ta' wara ma nżamm l-ebda kampjonat, biex b'hekk it-tieni edizzjoni saret fl-istaġun 1911–12. Għal darb'oħra kien it-tim Furjaniż li kiseb it-titlu nazzjonali, tragward li reġa' rrepeta s-sena ta' wara, fejn fiż-żewġ okkażjonijiet ħalla dejjem lil warajh lit-tim tal-Ħamrun.
Kien fil-fatt it-tim Ħamruniż li temm is-sekwenza ta' tliet titli konsekuttivi tat-tim tal-Floriana meta kiseb it-titlu fl-1914. Wara serje ta' kampjonati qabel u matul l-Ewwel Gwerra Dinjija li ma rat l-ebda dominju minn xi tim partikulari, fl-istaġun 1919–20 wasal l-ewwel titlu nazzjonali għal Sliema Wanderers. Flimkien mal-Floriana, is-Sliema ffurmaw dwett imbattibbli fil-kampjonat fejn sal-1940, is-Slimiżi ħadu 11-il titlu waqt li l-Furjaniżi ġabu 9 titli.
Fi tmiem il-gwerra ħareġ avversarju ġdid fit-tiġrja għat-titlu, Valletta, li rnexxielu jwaqqaf il-predominanza taż-żewġ timijiet "kbar" ta' dak iż-żmien, fejn f'erba' snin rebaħ tliet titli. Mill-1948 reġa' ħareġ għad-dawl id-dwett ta' Sliema-Furjana b'10 titli bejniethom (4 għas-Sliema u 6 għall-Floriana).
Fis-snin sittin ra realtà ġdida fil-kamp tal-futbol Malti hekk kif it-tim minn Raħal Ġdid, Hibernians, f'dak id-deċennju kiseb tliet titli. Bejn l-1978 u l-1988, għal ħdax-il staġun, Sliema Wanderers u Floriana naqsu li jżidu trofej oħra mal-vetrina tal-unuri. Fil-fatt kienu Valletta (3 darbiet), Hibernians (3 darbiet), Ħamrun Spartans (3 darbiet), u Rabat Ajax (darbtejn) li kisbu t-titlu nazzjonali.
Fl-istaġun 2005–06 ra lil Sliema Wanderers jitilgħu fl-ewwel post għan-numru ta' tliet nazzjonali mirbuħa, wara r-rebħ tal-kampjonat. Dan poġġiehom b'titlu vantaġġ fuq il-Floriana. Il-millenju l-ġdid wassal ukoll għall-ewwel rebħiet tal-kampjonat nazzjonali lil Birkirkara u lil Marsaxlokk.
Format [editja]
Dan il-kampjonat jikkonsisti minn sett ta' tnax-il tim, skont it-tibdliet li ġew introdotti fil-bidu tas-sena 2011,[2] u jinqasam f'żewġ fażijiet. L-istaġun, li jibda minn Awwissu u jintemm fix-xahar ta' Mejju, jingħata l-bidu tiegħu permezz tal-ewwel rawnd fejn kull tim jilgħab kontra t-timijiet l-oħra għal darbtejn. Meta kull tim ikun lagħab 18-il logħba d-diviżjoni tinqasam fi tnejn u l-punti jinqasmu bin-nofs. Dawk li jkunu spiċċaw fl-ewwel sitt postijiet fl-ewwel rawnd jidħlu fiċ-Championship Pool u l-aħħar erbgħa jilgħabu fir-Relegation Pool.
L-ewwel tliet postijiet fil-kampjonat jaffettwaw il-post li jingħata fil-kompetizzjoni tal-UEFA. Ir-rebbieħa tal-kampjonat jidħlu fl-ewwel rawnd ta' kwalifika tal-UEFA Champions League, waqt li dawk li jikklassifikaw fit-tieni u fit-tielet post jieħdu sehem fl-ewwel rawnd ta' kwalifika tal-UEFA Europa League. L-aħħar żewġ timijiet mir-Relegation Pool jiġu relegati għall-Ewwel Diviżjoni. Barra minn hekk, klabb ieħor jikkwalifika awtomatikament għat-tieni rawnd ta' kwalifikazzjoni għall-Europa League bir-rebħ tal-U*BET FA Trophy.
Klabbs [editja]
Il-lista segwenti ta' tnax-il tim huma dawk li se jikkompetu fl-istaġun 2012–13.
| Klabb | Pożizzjoni fl-2011–12 |
L-ewwel staġun fl-ogħla diviżjoni |
L-aħħar staġun fl-ogħla diviżjoni |
Numru ta' staġuni fl-ogħla diviżjoni |
Titli tal- ogħla diviżjoni |
L-aħħar titlu tal- ogħla diviżjoni |
|---|---|---|---|---|---|---|
| Balzan Youths | 6 | 2003–04 | 2011–12 | 2 | — | — |
| Birkirkara | 3 | 1949–50 | 2011–12 | 48 | 3 | 2009–10 |
| Floriana | 4 | 1909–10 | 2011–12 | 86 | 25 | 1992–93 |
| Ħamrun Spartans | 10 | 1911–12 | 2011–12 | 75 | 7 | 1990–91 |
| Hibernians | 2 | 1932–33 | 2011–12 | 72 | 10 | 2008–09 |
| Melita | 1 (L-Ewwel Diviżjoni) | 1938–39 | 1963–64 | 8 | — | — |
| Mosta | 8 | 1974–75 | 2011–12 | 5 | — | — |
| Qormi | 7 | 1934–35 | 2011–12 | 11 | — | — |
| Rabat Ajax | 2 (L-Ewwel Diviżjoni) | 1951–52 | 2000–01 | 26 | 2 | 1985–86 |
| Sliema Wanderers | 5 | 1909–10 | 2011–12 | 92 | 26 | 2004–05 |
| Tarxien Rainbows | 9 | 1986–87 | 2011–12 | 7 | — | — |
| Valletta | 1 | 1911–12 | 2011–12 | 90 | 21 | 2011–12 |
Rebbieħa [editja]
Prestazzjonijiet skont il-klabb [editja]
2012-13 Birkirkara
| Titli | Klabb |
|---|---|
| 26 | Sliema Wanderers |
| 25 | Floriana |
| 21 | Valletta |
| 10 | Hibernians |
| 7 | Ħamrun Spartans |
| 3 | Birkirkara |
| 2 | Rabat Ajax |
| 1 | King's Own Malta Regiment† |
| 1 | Marsaxlokk |
| 1 | St. Georges |
† M'għadux jeżisti
Referenzi [editja]
- ^ (Ingliż) Country coefficients 2012/13. UEFA.com, 23-11-2012. Aċċess tal-URL: 25-11-2012.
- ^ (Ingliż) Changes to National League, FA Trophy format approved:. MaltaFootball.com, 13-01-2011. Aċċess tal-URL: 14-01-2011.
Ħoloq esterni [editja]
- Il-kampjonat domestiku fuq UEFA.com
|
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
|
||||||||
