Gowler

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
(Rindirizzat minn Gowlkiper)
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex
Il-gowler jilqa' l-ballun

F'diversi sport tat-timijiet, il-gowler hu plejer definit li għandu x-xogħol li jwaqqaf direttament lill-iskwadra avversarja biex tiskorja fil-lasta tiegħu. Din il-pożizzjoni teżisti fil-futbol, fil-futbol Galliku, fil-futbol tar-regoli internazzjonali, fil-handball, fil-ħokì, fin-netball, fil-water polo, fil-lacrosse, fil-floorball u fi sport oħra.

Ħarsa ġenerali[editja]

Komunament, regoli speċjali japplikaw għall-gowler li ma japplikawx għall-plejers l-oħra. Dawn ir-regoli huma ħafna drabi applikati biex jipproteġu lill-gowler, minħabba li hu ikun, f'diversi drabi, bersall f'azzjonijiet perikolużi jew anki vjolenti. F'ċerti sport, bħall-ħokì fuq is-silġ, il-gowlers ikollhom bżonn jilbsu fornimenti speċjali bħall-maskla fil-wiċċ biex jevitaw l-impatt tal-puck. Fil-futbol, il-gowlers fil-biċċa l-kbira jilbsu l-ingwanti biex jipproteġu l-idejn u jkunu jistgħu jikkontrollaw aktar il-ballun meta jkun f'idejhom.

Eżempji[editja]

Futbol[editja]

Tfajjel fil-pożizzjoni ta' gowler

Fil-futbol, kull gowler tat-tim jiddefendi l-lasta tat-tim tiegħu u għandu privileġġi speċjali matul il-logħba. Ix-xogħol prinċipali tal-gowler hu li jwaqqaf milli l-ballun jidħol fil-lasta.

Il-gowler hu l-uniku plejer li jista' juża' idejh biex imiss ballun (minkejja li dan ma jistax isir fil-kaxxa tal-penalty). Il-gowler irid jilbes flokk b'kulur differenti mill-plejers, referis u assistenti oħra biex ikun evitat il-konfużjoni. Gowlers ħafna drabi jilbsu l-ingwanti biex jgħinu biex jaqbad il-ballun.

Hekk kif il-gowler hu ħafna drabi l-uniku plejer tat-tim li jista' jara l-grawnd kollu, huma jkunu dawk jorganizzaw lit-tim meta jkun qed jiddefendi.

Futbol Galliku[editja]

Fil-futbol Galliku, ix-xogħol prinċipali tal-gowler hu li jevita li jiġi skurjat gowl kontra t-tim tiegħu billi direttament jiddefendi l-lasta. Il-gowl ikun meta l-ballun jidħol fil-lasta; it-tim li jkun qed jattakka jingħata 3 punti. Il-gowler hu l-uniku plejer li jista' jikkontrolla l-ballun ma' l-art u dan jista' jsir biss fir-rettanglu ż-żgħir.

Hurling[editja]

Fil-hurling, l-inkarigu tal-gowler hu li jevita li jkun skurjat xi gowl fil-lasta tiegħu. Gowl ikun mogħti jekk jidħol fil-lasta; it-tim attakkant jingħata 3 punti. Il-gowler m'għandux regoli speċjali li jħarsuh, ħlief li jilbes flokk ta' kulur differenti.

Ħokì fuq is-silġ[editja]

Il-"Goaltender" tal-ħokì fuq is-silġ

Il-gowler (bl-Ingliż imsejjaħ goaltender f'dan l-isport, imma wkoll goalie jew netminder) fil-ħokì fuq is-silġ hu l-plejer li jiddefendi l-lasta tat-tim tiegħu fejn iwaqqaf xuttijiet tal-puck li jkunu se jidħlu fix-xibka, u b'hekk jimpedixxi li l-iskwadra avversarja tiskorja. Il-gowler jilgħab ħafna drabi ġewwa jew qrib il-kaxxa ta' quddiem il-lasta li bl-Ingliż tissejjaħ goal crease (jew sempliċiment the crease). Minħabba s-saħħa tax-xuttijiet u l-frekwenza tagħhom, il-gowler jilbes ħwejjeġ speċjali biex jipproteġulu ġismu mill-impatt dirett. Wieħed biss jista' jagħmel il-gowler matul il-partita tal-ħokì u mhux aktar.

Privileġġi[editja]

Il-gowler hu tipikament pożizzjoni speċjalizzata fil-ħokì fuq is-silġ; fuq livell professjonstiku fil-partiti, l-ebda gowler ma jilgħab f'ebda pożizzjoni oħra u dan jgħodd ukoll għall-plejers l-oħra li dawn ukoll ma jistgħux jieħdu l-irwol ta' gowler. Tim tal-ħokì fuq is-silġ jista' jkollu 2 jew 3 gowlers fl-iskwadra. Il-gowler igawdi minn privileġġi partikulari li l-plejers l-oħra m'għandhomx: hu jilbes ħwejjeġ differenti mill-plejers l-oħra. Il-gowler jista' jżomm jew iwaqqaf legalment il-puck b'idejh fejn jipprovoka interuzzjoni fil-logħob. Jekk plejer tat-tim avversarju jolqtu mingħajr ma jagħmel sforz biex jevitah, dan il-plejer ikun penalizzat. F'ċerti kampjonati, jekk il-mazza tal-gowler tinkiser, hu jista' jkompli jilgħab bil-mazza miksura sakemm il-logħob ikun imwaqqaf, b'differenza tal-plejers l-oħra li jridu jwaqqgħu l-mazza jekk tinkiser.

Salvataġġi[editja]

Meta gowler jimblokka jew iwaqqaf xutt li jkun sejjer fix-xibka, dik l-azzjoni tieħu l-isem ta' salvataġġ. Il-gowlers ħafna drabi għandhom stil partikulari, imma ġeneralment jagħmlu salvataġġi bil-modi kollha possibli: jaqbdu l-puck bl-id li jkollha l-ingwanti, ixellfu x-xutt bil-mazza tagħhom, jimblokkaw permezz tal-protezzjoni fuq saqajhom jew fuq partijiet oħra ta' ġisimhom, jintefgħu f'pożizzjoni ta' farfett biex jimblokkaw xuttijiet fil-baxx li jkunu ġejjin, speċjalment f'dawk li jkunu ġejjin minn distanza qasira. Wara li jkunu għamlu s-salvataġġ, il-gowler ifittex li jikkontrolla l-azzjoni li ssegwi biex jevita li l-avversarju jiskorja meta l-gowler ikun barra l-pożizzjoni, jew sempliċiment ifittex li jħalli lit-tim tiegħu li jikseb il-kontroll tal-puck. Ħafna drabi l-gowler jista' jagħżel li jżomm il-puck (għal xi sekonda jew aktar, skond il-ġudizzju tar-referì) biex iwaqqaf il-logħob għal konfrontazzjoni. Jekk il-gowler iżomm il-puck għal ħafna mingħajr ma jkun hemm ebda pressjoni, hu jingħata penalizzazzjoni ta' żewġ minuti barra mil-logħob.

Futbol tar-regoli internazzjonali[editja]

Fil-futbol tar-regoli internazzjonali, logħob kompost bejn il-futbol Awstraljan (li m'għandux gowler) u futbol Galliku, ix-xogħol prinċipali tal-gowler hu li jevita li jiġi skurjat gowl. Ikun hemm gowl meta l-ballun, li jkun xuttjat minn kwalunkwe parti minn plejer li qed jattakka, jgħaddi fil-lasta; it-tim attakkant jingħata 6 punti.

Lacrosse[editja]

Fil-lacrosse maskili, kull darba li gowler jagħmel salvataġġ u jkollu l-kontroll tal-ballun fil-crosse (mazza) tiegħu, hu jista' jibqa' fil-pussess tal-ballun fil-kaxxa protettiva għal erba' sekonda (il-ħin li jdum bil-ballun jiddependi skond il-livell tal-logħob). Qabel jiskadu l-erba' sekondi l-gowler irid jew iqassam il-ballun jew imur barra l-kaxxa. Wara li jkun ħareġ barra, hu ma jistax jerġa' jidħol fil-kaxxa bil-ballun fil-pussess.

Meta jkun fil-kaxxa (disa' piedi ta' dijametru), il-plejers li jkunu qed jattakkaw ma jistgħux imissu l-gowler jew il-mazza tiegħu: jekk jagħmlu dan, tiġi ddikjarata "interferenza mal-gowler" u jkunu penalizzati bi free clear mil-linja ta' nofs il-grawnd. Hemm differenza sinjifikanti bejn ir-regoli ta' l-NCAA/MLL u r-regoli internazzjonali li jirrigwadraw passaġġ meta l-gowler ikun fil-kaxxa: skond ir-regoli ta' l-NCAA/MLL il-kuntatt mal-mazza tal-gowler waqt li jkun qed iqassam (anki meta il-ballun ikun diġà imqassam) hu projbit u kkunsidrat bħala interferenza. Taħt ir-regoli internazzjonali, il-protezzjoni tispiċċa meta l-possessjoni tispiċċa. Għalhekk, kuntatt mal-mazza tal-gowler wara li l-ballun ikun imqassam, hu legali. Aktar minn hekk, għall-gowler hu permess li jmiss il-ballun b'idejh, minkejja li ma jistax jikkontrollah jew jiġbru.

Fil-lacrosse femminili, meta gowler jagħmel salvataġġ u jkollu l-kontroll tal-ballun fil-crosse tiegħu, dan jista' jibqa' bil-pussess tal-ballun fil-kaxxa għal għaxar sekondi. Ir-regola ta' l-interferenza hi simili għal dik tal-lacrosse maskili, imma b'differenza għal-logħba maskili, il-gowler mara tista' tikkontrolla jew anki tiġbor il-ballun b'idejha.

Kemm fil-lacrosse maskili u anki f'dak femminili, il-gowlers iridu jilbsu elmu u kif ukoll forma ta' protezzjoni għall-geddum u l-gerżuma, ingwanti u protezzjoni għas-sider. L-użu ta' dajna protettiva hi, għal raġunijiet ovvji, neċessarhy fil-logħob maskili; protezzjoni fuq is-saqajn huma wkoll neċessarji għall-gowlers nisa mill-2007. Ħafna gowlers, jagħżlu li jilbsu aktar forma ta' protezzjoni bħal fil-minkeb, fuq l-ispallejn u fuq il-koxox u jilbsu wkoll qalziet twil.

Netball[editja]

Il-gowler tan-netball hu wieħed miż-żewġ plejers li joqogħdu ġewwa t-terz difensiv, u l-azzjoni tagħhom hi limitata fit-terz difensiv tal-grawnd.

Handball[editja]

Rwol[editja]

Il-gowler għandu rwol prinċipali f'dan l-isport, fejn barra li hu l-ewwel mid-difensuri, fejn irid jiddefendi l-lasta, hu wkoll l-ewwel ta' l-attakkanti, fejn irid jitfa' veloċement il-ballun lil sħabu kemm jekk ikunu laqqtu gowl jew le.

Teknika[editja]

Il-gowler tal-handball juża' diversi tipi ta' teknika minn dawk tal-gowler tal-futsal. Fil-fatt, waqt li dan ta' l-aħħar jaqa' ma' l-art biex isalva x-xutt, il-gowler tal-handball joqgħod bejn l-attakkant u l-lasta biex jagħlaq l-angolu tax-xutt ta' l-istess attakant. Għalhekk, hu ma jmurx lejn il-ballun imma jagħlaq il-lasta b'movimenti ràpidi ta' l-idejn u s-saqajn.

Teknika partikulari oħra hi dik fejn il-gowler jintefa' lejn l-attakk f'daqqa fejn jiftaħ għal kollox idejh u saqajh, biex jagħlaq il-lasta. Din it-teknika, però, hi wżata biss minn xuttijiet li jkunu fil-qrib ħafna.

Water polo[editja]

Għall-gowlers tal-water polo, dawn għandhom tliet privileġġi speċjali meta wieħed ikun fil-kaxxa tal-ħames metri:

  • Il-possibilità li jmiss il-ballun b'żewġ idejn.
  • Il-possibilità li jixxtuja l-ballun bil-ponn magħluq.
  • Il-possibilità li jmiss il-qiegħ tal-pixxina.

Min-naħa l-oħra, huma għandhom limitazzjoni li l-plejers l-oħra m'għandhomx: ma jistgħux jaqbżu l-linja ta' nofs il-pixxina.

Ħoloq esterni[editja]