Sivilja

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex

Sivilja (bl-Ispanjol: Sevilla) hija l-kapitali artistika, kulturali u finanzjarja tan-Nofsinhar ta' Spanja. Hi l-belt kapitali tal-komunità awtonoma tal-Andalusija u tal-provinċja ta' Sivilja. Tinsab fil-pjanura tax-xmara Guadalquivir, f'elevazzjoni medja ta' 7 metri 'l fuq mill-baħar. L-abitanti tal-belt jissejħu sevillanos (forma femminili: sevillanas) jew hispalenses mill-isem Ruman tal-belt, Hispalis. Fl-2009, il-popolazzjoni tal-belt kienet tammonta għal 703,206 ruħ, ir-raba' l-ikbar belt ta' Spanja. Il-popolazzjoni taż-żona metropolitana (iż-żona urbana bil-bliet satelliti magħha) kienet ta' 1,493,416 fl-2009.

Skont il-UNESCO, Sivilja hija Sit tal-Patrimonju Dinji.

Storja[editja]

Il-perjodi bikrija[editja]

Sivilja għandha aktar minn 2,000 sena. Il-mogħdija ta' bosta ċiviltajiet, fundamentali fit-tkabbir tagħha, ħallewha b'personalità distinta, u b'ċentru storiku kbir u kkonservat tajjeb. Għalkemm għandha wirt għani medjevali, rinaxximentali u barokk, l-influwenza qawwija tal-kultura Għarbija għadha tidher fil-belt.

Fiż-żminijiet Rumani l-belt kienet magħrufa bħala Hispalis. Il-belt Rumana ta' Italica fil-qrib, li dak iż-żmien kienet belt prinċipalment reżidenzjali, hi kkonservata tajjeb u tista' tagħti impressjoni ta' kif Hispalis x'aktarx kienet tidher tard fil-perjodu Ruman, speċjalment meta wieħed jieħu fil-kuntest ix-xiehda mill-iskavi fil-belt viċina ta' Carmona. Fost il-bini Ruman f'Sivilja li għadu jeżisti insibu l-fdalijiet ta' akwedott. Matul is-sekli 5 u 6, kien hemm konkwisti wara xulxin tal-provinċja Ruman ta' Hispania Baetica mill-Vandali u l-Viżigoti.

L-epoka Għarbija[editja]

Munita tal-Almoravidi, Sivilja, Spanja, 1116, British Museum

Sivilja ttieħdet mill-Misilmin fis-712 u ngħatat l-isem ġdid ta' Ixbilija (إشبيلية) li ġej minn Hispalis u li minnu ġie l-isem attwali ta' "Sevilla". Kienet il-belt kapitali tar-rejiet tal-Kalifat Umajjad, id-dinastija tal-Almoravidi, u d-dinastija tal-Almohad (mill-Għarbi الموحدون al-Muwaħħidun, jiġifieri, "l-monoteisti"), mis-seklu 8 sas-seklu 13. Fl-1248 il-forzi tar-re Ferdinandu III ħadu Sivilja, parti mir-Reconquista (rikonkwista) Kattolika tal-peniżola. Baqa' ħafna elementi Għarbin oriġinali, fosthom bini pubbliku, l-istruttura urbana fid-distrett storiku, u partijiet kbar tas-swar tal-belt. L-influwenzi estetiċi u urbani Għarbin għadhom jidhru sewwa f'Sivilja tallum.

Wara r-Reconquista[editja]

Sivilja fis seklu 16

Wara l-ispedizzjoni ta' Kristofru Kolombu tal-1492 lejn id-Dinja l-Ġdida, il-belt bdiet tipprofitta mit-territorji ġodda u l-kummerċ fil-Karibew billi kull ma kien jiġi importat mid-Dinja l-Ġdida kellu jgħaddi mid-dwana tal-Casa de Contratacion qabel ma jinfierex mal-bqija ta' Spanja. Għalhekk bdiet "Età mdehba ta' żvilupp" minħabba li dan il-port biss ingħata l-monopolju rjali għall-kummerċ u għana dejjem jikbru mill-kolonji Spanjoli fl-Ameriki. Peress li biss ix-xwieni li jitilqu minn u jirritornaw lejn Sivilja setgħu jieħdu sehem fil-kummerċ mal-Ameriki Spanjoli, in-negozjanti mill-Ewropa u minn ċentri oħra tal-kummerċ kellhom imorru Sivilja biex jiksbu prodotti mid-Dinja l-Ġdida. Il-popolazzjoni tal-belt kibret għal kważi miljun ruħ fl-ewwel mitt sena wara Kolombu. L-iżvilupp tal-belt kompla, prinċipalment minħabba l-pożizzjoni ekonomika tagħha fir-Renju ta' Kastilja, bil-kostruzzjoni ta' bini pubbliku fosthom knejjes, li ħafna minnhom huma fl-istil Mudéjar. Il-Palazz tal-Għarab b'xi żiedet li r-rejiet għamlu għall-bżonnijiet tagħhom, sar ir-residenza rjali Kastiljana, l-Alkażar ta' Sivilja. Is-sulari ta' fuq tal-Alkażar għadhom jintużaw mill-familja rjali bħala r-residenza uffiċjali f'Sivilja u huma amministrati mill-Patrimonio Nacional. Il-Katidral ta' Sivilja nbena fuq l-art tal-moskea l-kbira matul is-seklu 15. Il-kampnar tiegħu, il-Giralda, inbena mill-minarett tal-moskea[1].

Archivo de Indias

Tard fis-seklu 16, Sivilja tilfet il-monopolju u l-port ta' Cádiz ġie awtorizzat ukoll bħala port tal-kummerċ. Il-Pesta l-Kbira ta' Sivilja fl-1649 naqqset il-popolazzjoni bi kważi n-nofs, u din ma reġgħitx irkuprat sa kmieni fis-seklu 19[2]. Peress li l-Imperu Spanjol ġie unifikat taħt rejiet minn dinastiji Ewropej, ir-Renju ta' Kastilja tilef l-influwenza li kellu qabel. Mis-seklu 18 l-importanza internazzjonali tiegħu marret lura. Wara li l-port insadd bil-ħama mix-xmara Guadalquivir, il-vapuri ma baqgħux jitilgħu max-xmara u l-belt majnat ekonomikament. L-iżvilupp ta' Sivilja tard fis-seklu 19 u kmieni fis-seklu 20 kien ikkaratterizzat minn tkabbir fil-popolazzjoni u fl-industrijalizzazzjoni, b'kuntrast mal-bqija tal-Andalusija.

Franco[editja]

Sivilja waqgħet malajr ħafna fil-bidu tal-Gwerra Ċivili Spanjola fl-1936. Il-Ġeneral Queipo de Llano b'kolp ta' stat fil-belt, malajr ħa ċ-ċentru tagħha[3]. Radju Sivilja oppona l-kolp u sejjaħ lir-raħħala biex jiġu l-belt għall-armi, filwaqt li xi gruppi ta' ħaddiema waqqfu l-barrikati [3]. De Llano mbagħad ħa f'idejh Radju Sivilja, li uża biex ixxandar il-propaganda favur il-forzi ta' Franco[3]. Wara li ttieħdet il-belt, ir-reżistenza kompliet għal xi żmien fl-inħawi fejn kienu joqgħodu n-nies tal-klassi tax-xogħol, sakemm kien hemm sensiela ta' tpattijiet ħorox[4].

Il-postijiet ta' interess ewlenin[editja]

Il-binjiet prinċipali Għarab u Gotiċi fil-kwartier antik ta' Sivilja huma Sit tal-Patrimonju Dinji ta' UNESCO.

Bini prinċipali[editja]

Veduta tal-Katidral
  • Il- Katidral ta' Sivilja nbena mill-1401 sal-1519 wara r-Reconquista fuq is-sit fejn qabel kien hemm il-moskea tal-belt. Hu fost l-akbar mill-katidrali medjevali u Gotiċi, kemm fl-arja u kemm fil-volum. L-interjuri tiegħu hu l-itwal navata fi Spanja, u hu imżejjen b'rikkezza kbira u b'kwantità kbira ta' deheb. Fil-bini tal-Katidral intużaw mill-ġdid xi kolonni u elementi mill-moskea, u kif hu magħruf minn ħafna, il-Giralda , li kienet oriġinarjament minarett inbidllet f'kampnar. Fil-quċċata tal-kampnar hemm statwa, magħrufa lokalment bħala El Giraldillo, li tirrappreżenta il-Fidi. It-torri minn ġewwa nbena bir-rampi minflok taraġ biex il-mugħaddin (dawk li jgħidu t-talb) ikunu jistgħu jitilgħu biż-żiemel sal-quċċata.
  • L- Alkażar faċċata tal-katidral żviluppa mill-palazz Għarbi antik tal-belt; il-bini nbeda fl-1181 u tkompla għal aktar minn 500 sena,l-iżjed fl-istil Mudéjar , iżda wkoll fir-Rinaxximent. Il-ġonna tiegħu huma taħlita ta' tradizzjonijiet Għarbin, Andalusi, u Nsara.
  • It-Torre del Oro inbena mid-dinastija Almoħad bħala torri tal-għassa u ostakolu difensiv fuq ix-xmara. Kien hemm katina marbuta miegħu għal ġox-xmara biex ma jkunux jistgħu jitilgħu l-iġfna għal ġol-port.
  • Il-Muniċipju inbena fis-seklu 16 fi stil Plateresk għoli mill-arkitett Diego de Riaño. Il-faċċata tal-Plaza Nueva inbniet fis-seklu 19 fi stil neoklassiku.
  • L-Università ta' Sivilja tinsab fil-post fejn qabel kien hemm l-ewwel fabbrika tat-tabakk fl-Ewropa, La Antigua Fábrica de Tobaccos, bini enormi tas-seklu 18 fl-istil Barokk allegat li kien l-ispirazzjoni għall-opra Carmen.
  • Il-Plaza de España, fil-Park Maria Luisa (Parque de Maria Luisa), inbniet mill-arkitett González Anibal għall-Wirja Ibero-Amerikana tal-1929. Din hi wieħed mill-aħjar eżempji tal-Arkitettura tal-Qawmien Reġjonalista, taħlita stramba ta' stili storiċi differenti, bħall Art Deco u Neo-Mudéjar u imżejna b'rikkezza kbira bil-madum maħġuġ tipiku[5][6].

Fl-1929 Sivilja kienet ospiti għall-Wirja Spanjola-Amerikana u ttella' ħafna bini għall-wirja fil-famuż Park Maria Luisa" (Parque de Maria Luisa) iddisinjat minn Jean-Claude Nicolas Forestier[7]. Il-Plaza de España fi stil Għarbi, tfasslet minn Aníbal González [8]. Din inbniet f'tarf il-Park bħala vetrina tal-industrija u t-teknoloġija Spanjola..

Mużewijiet[editja]

Museo de Artes y Costumbres Populares (Mużew tas-Snajja u Drawwiet Tradizzjonali

Il-Mużew tal-Belle Arti ta' Sivilja twaqqaf fl-1835 fejn qabel kien hemm il-Kunvent ta' la Merced. Fih hemm murija ħafna kapulavuri ta' Murillo, Pacheco, Zurbarán, Valdés Leal, u pitturi kbar oħra tal-Iskola Siviljana, flimkien ma' xogħlijiet ta' pitturi Fjammingi tas-sekli 15 u 16.

F'Sivilja hemm ukoll dawn il-mużewijiet:

  • Il-Park María Luisa (Parque de Maria Luisa) li fih żewġ mużewijiet: il-Mużew arkeoloġiku, li fih kollezzjonijiet mill-perjodu Tartessjan u l-perjodu Ruman, u l- Mużew tas-Snajja u Drawwiet Tradizzjonali.
  • Iċ-Ċentru Andalus tal-Arti Kontemporanja;
  • Il-Mużew tal-Armata;
  • Il-Mużew Marittimu;
  • Il-Mużew tal-Karozzini;
  • Il-Mużew tal-Arti tal-Flamenco;
  • Il-Mużew tal-Korrida.
  • Il-Palazz tal-Kontessa ta' Lebrija fih ħafna mill-mużajċi tal-art skoperti fil-belt Rumana ta' Italica fil-qrib.
  • Hemm ukoll mużew fil-Casa de Pilatos u s-"Centro Velázquez" jinsab fl-Isptar Antik tal-Qassisin.

Parkijiet u ġonna[editja]


  • Il-Parque de María Luisa inbena għall-Wirja Dinjija tal-1929 li nżammet f'Sivilja, l- Exposición Ibero-Americana, u baqa' miżmum b'monumenti u mużewijiet attraenti.
  • Il-Ġonna tal-Alkażar tħawlu u ġew żviluppat matul is-sekli ma' ġenb l-Alkażar fil-kenn tal-ħitan tal-palazz, maqsumin f'terrazzi. Hemm insibu varjazzjonijiet ta' influwenzi, stili u pjanti f'kull qasam.
  • Il- Ġonna ta' Murillo u l-Ġonna ta' Catalina de Ribera jinstabu matul il-ħajt tal-Alkażar u jmissu mad-distrett ta' Santa Cruz.
  • L-Isla Mágica, il-Gżira ta' Cartuja, hu park ta' divertiment mibni fuq is-sit tal-Wirja Universali ta' Sivilja tal-1992.

Fost il-parkijiet u l-ġonna prominenti l-oħra hemm:

  • Parque de los Príncipes
  • Parque del Alamillo
  • Parque Amate
  • Parque Metropolitano de la Cartuja
  • Jardines de las Delicias
  • Jardín Americano
  • Jardín Este
  • Jardines de Cristina
  • Jardines Chapina
  • Jardines de la Buhaira
  • Jardines de San Telmo
  • Jardines del Guadalquivir
  • Jardines del Valle

Klima[editja]

Sivilja
Karta klimatika
J F M A M Ġ L A S O N D
 
 
65
 
16
5
 
 
54
 
18
7
 
 
38
 
21
8
 
 
57
 
23
10
 
 
34
 
26
13
 
 
13
 
31
17
 
 
2
 
35
19
 
 
6
 
35
20
 
 
26
 
32
18
 
 
62
 
26
14
 
 
84
 
20
9
 
 
95
 
17
7
temperaturi mass. u min. fi °C
preċipitazzjoni totali f'mm
sors: WMO

Sivilja għandha klima Mediterranja b'sajf sħun (CSA fil-Klassifikazzjoni tal-klima ta' Koppen)[9] influenzata minn klima semi-arida (BSH). It-temperatura medja annwali hija ta' 18.6oC.

  • Ix-xitwa mhijiex ħarxa: Jannar huwa l-iksaħ xahar, b'temperatura massima medja ta' 15.9o C u minima ta' 5.2 o C.
  • Is-sajf hu sħun ħafna: Lulju huwa l-isħan xahar, b'temperatura massima medja ta' 35.3o. Fl-għoli tat-temperatura medja sajfija Sivilja żgur tgħaddi 'l Ateni. It-temperatura minima medja ta' Lulju hi ta' 19.4oC u kull sena t-temperatura taqbeż l-40o C bosta drabi. It-temperatura l-iżjed baxxa u t-temperatura l-iżjed għolja rreġistrati fl-istazzjon tat-temp tal-Ajruport ta' Sivilja huma -5.5oC fi Frar 1956, u 46.6oC fit-23 ta' Lulju 1995. Hemm rekord mhux akkreditat mill-Istitut Nazzjonali tal-Meteoroloġija ta' 47.2oC fl-1 ta' Awwissu matul il-mewġa tas-sħana tal-2003 fl-Ewropa, skond l-istazzjon tat-temp 83,910 LEZL li jinsab fil-parti tan-nofsinhar tal-Ajruport ta' Sivilja, ħdejn iż-żona militari abbandunata. Kieku, din it-temperatura hi t-tieni l-ogħla qatt irreġistrata fi Spanja u l-Ewropa wara l-48.5oC rreġistrata f'Catenanuova madwar fl-10 ta' Awwissu 1999.
  • Il-Preċipitazzjoni tvarja bejn 600 u 800 mm fis-sena, ikkonċentrata fil-perjodu minn Ottubru sa April. Diċembru huwa x-xahar tal-iżjed xita, b'medja ta' 95mm. Fil-medja hemm 52 jum ta' xita, 120.75 jum ta' xemx u erbat ijiem ta' ġlata fis- sena.
  • In-numru medju ta' ġranet isħan minn 32oC huwa 88, in-numru medju ta' ġranet taħt iż-0oC huwa 6. L-umdità relattiva medja ta' filgħodu hi 84% waqt li ta' filgħaxija hi 46%.


Nuvola apps kweather.svg Medji tat-temperaturi għal Sivilja Weather-rain-thunderstorm.svg
Xahar Jan Fra Mar Apr Mej Ġun Lul Aww Set Ott Nov Diċ
Medja tal-ogħla temperatura °C (°F) 15.9
(61)
17.9
(64)
21.2
(70)
22.7
(73)
26.4
(80)
31.0
(88)
35.3
(96)
35.0
(95)
31.6
(89)
25.6
(78)
20.1
(68)
16.6
(62)
Temperatura medja ta' kuljum °C (°F) 10.55
(51)
12.3
(54)
14.7
(58)
16.4
(62)
19.75
(68)
23.85
(75)
27.35
(81)
27.25
(81)
24.55
(76)
19.55
(67)
14.7
(58)
11.75
(53)
Medja tal-inqas temperatura °C (°F) 5.2
(41)
6.7
(44)
8.2
(47)
10.1
(50)
13.1
(56)
16.7
(62)
19.4
(67)
19.5
(67)
17.5
(64)
13.5
(56)
9.3
(49)
6.9
(44)
Preċipitazzjoni mm (pulzier) 65
(2.56)
54
(2.13)
38
(1.5)
57
(2.24)
34
(1.34)
13
(0.51)
2
(0.08)
6
(0.24)
23
(0.91)
62
(2.44)
84
(3.31)
95
(3.74)
Sors #1: Organizzazzjoni Meteoroloġika Dinjija (ĠM)[10] Awwissu 2010

Kultura[editja]

Festi[editja]

Il-Ġimgħa Mqaddsa u l-Fiera ta' Sivilja, La Feria de Sevilla (imsejħa wkoll il-Feria de Abril, "Fiera ta' April") huma l-aktar ż-żewġ festi magħrufin ta' Sivilja. Sivilja hi magħrufa internazzjonalment għall-purċissjonijiet solenni u sbieħ li jsiru matul il-Ġimgħa Mqaddsa u l-fiera ferrieħa u storbjuża li ssir ġimgħatejn wara. Matul il-Feria, il-familji, in-negozji u l-organizzazzjonijiet iwaqqfu casetas jew tined, fejn jgħaddu l-ġimgħa jiżfnu, jixorbu u jpaċpċu. Tradizzjonalment, in-nisa jilbsu l-ilbies mimli tiżjin tal-Flamenco u l-irġiel jilbsu pulit kemm jistgħu. It-tined jittellgħu f'post permanenti apposta li fih kull triq hija msemmija għal xi torero famuż.

Gastronomija[editja]

Sivilja hi ċentru gastronomiku, bi kċina bbażata fuq il-prodotti tal-provinċji ta' madwar, inklużi frott tal-baħar minn Cádiz, żejt taż-żebbuġa minn Jaén, u sherry minn Jerez de la Frontera.

L-atmosfera tat-tapas hi waħda mill-attrazzjonijiet kulturali ewlenin tal-belt: in-nies imorru minn bar għall-ieħor, jieħdu pjaċir bl-ikliet fi platti żgħar imsejħin tapas (letteralment "għotjien" bl-Ispanjol x'aktarx għax oriġinalment kienu snacks servuti fi platti żgħar użati biex jgħattu t-tazzi tax-xorb).

Fost l-ispeċjalitajiet lokali insibu frott tal-baħar moqli u mixwi (inklużi klamari, siċċ, pixxispad u mazzola), laħmijiet mixwijin fiz-zlazi, spinaċi u ċiċri, perżut tal-Andalusija (Jamón ibérico), kliewi tal-ħaruf fiz-zalza tax-sherry, bebbux, u gazpacho.

Fost il-ħlewwiet tipiċi ta' din il-provinċja hemm il-polvorones u l-mantecados mill-belt ta' Estepa, tip ta' galettini magħmulin mill-lewż tal-għarusa, zokkor u xaħam, Pestiños, għaġina moqlija miksija bl-għasel, Torrijas, ħobż moqli bl-għasel; fritos Roscos, qagħaq moqlijin fiż-żejt miksijin biz-zokkor, magdalenas jew kejkijiet żgħar; yemas de SanLeandro, li jipprovdu l-kunventi tal-belt b'sors ta' dħul, u Tortas de aceite, kejkijiet irqaq magħmulin biż-żejt taż-żebbuġa u miksijin biz-zokkor. Ħlief il-polvorones u l-mantecados, li huma ikel tradizzjonali tal-Milied, l-oħrajn jittiklu matul is-sena kollha.

Il-larinġ ta' Sivilja li jinsab kullimkien mal-belt, hu morr wisq għall-gosti tallum u s-soltu jintuża biss għall-marmellata u l-lozjonijiet. Skont il-leġġenda, is-siġar ġew importati meta mbniet il-moskea sabiex jipprovdu d-dell għaliha u jgħattu r-riħa tal-belt medjevali.

Flamenco u Sevillanas[editja]

Il-fiera ta' Sivilja

Iż-żifna Sevillanas, li s-soltu hi meqjusa bħala Flamenco, mhijiex maħsuba li hi ta' oriġni Siviljana. Iżda l-kanzunetti tradizzjonali imsejħin Sevillanas huma Siviljani awtentiċi, kif ukoll hi ż-żifna f'erba' partijiet li takkumpanjaha.

Sivilja, u b'mod partikulari il-barrio ta' Triana li hu tradizzjonalment fejn joqgħodu ż-żingari kien ċentru important fl-iżvilupp tal-Flamenco.

Il-Motto[editja]

"Carruajes"

"NO8DO" huwa l-motto uffiċjali u wieħed mill-bosta leġġendi ta' Sivilja. Il-motto jdher kullimkien madwar il-belt.

Il-motto huwa rebus, li jikkombina s-sillabi Spanjoli (NO u DO) u disinn bejniethom - il-figura "8". Il-figura tirrappreżenta merilla ħajt, bl-Ispanjol, "madeja". Meta tinqara, "No madeja do" tinstama' "No me ha dejado", li tfisser "(Sivilja) Ma abbandunatnix".

L-istorja ta' kif NO8DO saret il-motto tal-belt bla dubju dejjem iżżejnet matul is-sekli, imma l-leġġenda tgħid li wara r-rikonkwista ta' Sivilja min taħt il-Misilmin fl-1248, ir-Re Ferdinandu III ta ' Kastilja u León mexxa l-qorti tiegħu għall-palazz li kien qabel tal-Misilmin, l-Alkażar ta' Sivilja. Wara l-mewt ta' Fernandu fl-Alkażar Irjali, laħaq fuq it-tron, ibnu Alfonsu X. Alfonsu X kien re studjuż, u għalhekk jissejjaħ l-Għaref. Kien poeta, astronomu, astrologu, mużiċista u lingwista. Bin Alfonsu, Sancho IV ta' Kastilja, ipprova jaħtaf it-tron f'idejh minn għand missieru, imma l-poplu ta' Sivilja baqa' leali lejn ir-re l-għaref u dan minn fejn hu ġej NO8DO, skont il-leġġenda, billi Alfonsu X ppremja l-fedeltà tas-Siviljani bil-kliem li issa jidhru fuq l-emblema uffiċjali tal-belt tagħhom.

Relazzjonijiet internazzjonali[editja]

Ġemellaġġi[editja]

Sħubiji[editja]

Ekonomija[editja]

El puente de Isabel II
El puente del Alamillo, mibni għal Expo '92 ta' Sivilja

L-attività ekonomika ta' Sivilja ma tistgħax tinfired mill-kuntest ġeografiku u urban tal-belt; il-belt kapital tal-Andalusija hi ċ-ċentru ta' żona metropolitana li qiegħda tikber. Apparti mill-nħawi tradizzjonali bħal Santa Cruz, Triana u Macarena, dawk aktar 'il bogħod miċ-ċentru, bħal Nervión, Sevilla Este, u El Porvenir reċentement kibru ekonomikament. Matul l-aħħar għoxrin sena, din iż-żona urbana kellha żieda sinifikanti fil-popolazzjoni u fl-iżvilupp ta' żoni industrijali u kummerċjali ġodda.

Minħabba d-daqs u l-post tagħha, Sivilja hi l-aktar b'saħħitha ekonomikament mill-ibliet tal-Andalusija. L-infrastruttura li għandha l-belt tikkontribwixxi għat-tkabbir fl-ekonomija li hi ddominata mis-settur tas-servizzi, iżda li fiha l-industrija għad għandha sehem konsiderevoli.

Infrastruttura[editja]

Fis-snin 1990 kien hemm tkabbir enormi fl-investiment fl-infrastruttura f'Sivilja, l-aktar minħabba li fl-1992 ospitat il-Wirja Universali ta' Sivilja. Dan l-investiment ġab żvilupp ekonomiku fil-belt u fiż-żona urbana tagħha. Il-belt għandha trasport tajjeb għall-bliet l-oħra Spanjoli, inklużi linja tal-ferrovija ta' veloċità għolja (AVE) għall Madrid, u ajruport internazzjonali ġdid.

Skyline bil-port fi 'l bogħod

Barra minn hekk:

  • Fil-peniżola Iberika, Sivilja għandha l-uniku port fuq ix-xmara: dan jinsab 80 km mill-bokka tax-Xmara Guadalquivir. Il-kumpless tal-port joffri aċċess għall-Atlantiku u l-Mediterran, u jippermetti l-kummerċ tal-merkanzija bejn in-nofsinhar ta' Spanja (Andalucia, Extremadura) u l-Ewropa, il-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq. Il-port ġie riorganizzat u tunnellaġġ annwali tela' għal 5.3 miljun tunnellata ta' merkanzija fl-2006.
  • Sivilja għandha faċilitajiet għal konferenzi, fosthom il-Palazz tal-Kungress.
  • Il-belt u l-provinċja ta' madwarha għandhom numru ta' żoni industrijali u ċentri tat-teknoloġija kbar: Dos Hermanos jakkomoda l-akbar żona industrijali fl-Andalusija, filwaqt li Alcalá de Guadaíra għandha l-akbar kumpless industrijali fl-Andalusija; il-Parque Científico Tecnológico SevillaTecnopolis, jiġbor fih kumpaniji, ċentri ta' riċerka u dipartimenti universitarji li għandhom bħala għan l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda; il-Parque Tecnológico y Aeronáutico Aerópolis jiffoka fuq l-industrija tal-ajruplani.
  • Barra Sivilja hemm torri ta' enerġija solari PS20 li jipprovdi l-parti l-kbira tal-belt ta' Sivilja b'enerġija nadifa u li tiġġedded. Dan juża mirja li jiffokaw ir-raġġi tax-xemx fuqu, isaħħnuh u joħolqu fwar super-imsaħħan. Dan il-fwar idawwar it-turbini li mbagħad joħolqu l-enerġija elettrika u jipprovdu l-elettriku binhar u billejl.

Karatteristiċi skond is-settur[editja]

Il-bini "Adriatica" (1914-1922) fuq l- Avenida de la Constitución ippjanat minn José Espiau y Muñoz

Il-belt ta' Sivilja u l-agglomerazzjoni tagħha, minħabba s-sitwazzjoni tagħhom fuq ix-xmara Guadalquivir, għad għandhom attività agrikola ħajja. Waqt li l-industrija agroalimentarja hi produttivia, ir-reġjun ilu hares il-quddiem u jinvesti bil-kbir fl-attivitajiet industrijali, mgħejunin mill-infrastruttura eżistenti. Is-settur tas-servizzi u teknoloġiji ġodda qiegħed dejjem isir iżjed importanti. Fl-2004, f'Sivilja kien hemm ikkonċentrati, 31% tal-kumpaniji kbar Andalusi u 128 mis-6000, l-akbar kumpaniji nazzjonali. Fl-2005, fiż-żona metropolitana in-numru ta' ħaddiema kien ta' 471,947 ruħ, li minnhom 329,471 (69.81%) kienu jaħdmu fiċ-ċentru tal-belt.

  • L-agrikoltura tħaddem inqas minn 1.3% tal-ħaddiema tal-belt. Iċ-ċereali, frott u tkabbir taż-żebbuġ jikkostitwixxu l-attivitajiet agrikoli prinċipali f'dan ir-reġjun tal-Andalusija.
  • L-industrija tikkontribwixxi sa 28% mill-produzzjoni ekonomika ta' Sivilja. Fl-2005 kienet timpjega 15.2% tal-ħaddiema fil-belt. Hija stabbilita sewwa fiż-żona metropolitana, stimolata minn bosta żoni industrijali, l-eżistenza ta' infrastruttura tajba u l-prossimità tal-kumplessi tal-Bajjiet ta' Cádiz, Algeciras, u Huelva.
  • Is-settur tas-servizzi jimpjega 83.5% tal-ħaddiema ta' Sivilja. Jirrappreżenta sehem sinifikanti tal-ekonomija lokali u hu kkonċentrata fuq it-turiżmu, kummerċ u servizzi finanzjarji.

Riċerka u żvilupp[editja]

Il-belt ta' Sivilja tagħmel kontribut sinifikanti għar-riċerka xjentifika, billi fiha hemm l-ewwel u l-akbar bank tal-ADN fi Spanja fi ħdan il-kumpannija lokali Neocodex. Neocodex iżżomm 20,000 kampjun tal-ADN u hi rikonoxxuta internazzjonalment. Barra minn hekk, Sivilja hi meqjusa wkoll bħala ċentru importanti għat-teknoloġija u riċerka fl-oqsma tal-enerġiji rinnovabbli u l-industrija aeronawtika.

Permezz taċ-ċentri ta' teknoloġija għolja u l-kumpaniji innovattivi li fiha, il-belt kapitali tal-Andalusija waslet biex saret fost il-bliet Spanjoli l-aktar importanti fil-qasam ta' żvilupp u riċerka. Barra minn hekk, irridu nżidu l-attività xjentifika u teknoloġika tat-tliet universitajiet ta' Sivilja, li l-laboratorji u ċ-ċentri ta' riċerka tagħhom jaħdmu id f'id mal-kurrent soċjo-ekonomiku lokali. Għaldaqstant, il-Parque Tecnológico Científico Cartuja 93 jiġbor fih xjenzati mis-settur privat u pubbliku f'bosta oqsma ta' riċerka.

Id-direzzjonijiet ewlenin fl-innovazzjoni u r-riċerka huma t-telekomunikazzjoni, it-teknoloġiji ġodda, il-bijoteknoloġiji (f'dak li jirrigwarda problemi speċifiċi fl-agrikoli lokali), l-ambjent u l-enerġija rinnovabbli.

Trasport[editja]

L-istazzjon tal-ferrovija Santa Justa f 'Sivilja
L-istazzjon tal-metrò San Bernardo

Il-servizz TUSSAM (Transportes Urbanos de Sevilla) jipprovdi xibka ta' rotot tal-karożżi tal-linja mal-firxa tal-belt kif ukoll maż-żoni ta' madwar Sivilja. El Metrocentro Tranvia hija linja tat-tram li tagħmel erba' waqfiet; tibda mill-istazzjon tax-xarabank el Prado, tgħaddi minn quddiem l-Università u l-Katidral, u tieqaf fil-Plaza Nueva fejn terġa' lura.

Fit-2 ta' April, 2009, infetħet l-ewwel linja tal-metrò fil-belt, [18] kważi 28 xahar aktar tard milli kien ippjanat oriġinarjament. Il-proġett esperjenza ħafna dewmien ikkawżat minn diversi raġunijiet, fosthom ir-rilokazzjoni ta' xi sejbiet arkeoloġiċi u l-ħtieġa li l-mina taħt ix-Xmara Guadalquivir tinżel iżjed fil-fond biex żgur li ma tibdiex tnexxi l-ilma.

L-istazzjon tal-ferrovija Santa Justa hu moqdi minn sistema ferrovjarja ta' veloċità għolja AVE u mmexxi mill-kumpanija Renfe li qabel kienet tal-Gvern Spanjol.

Il-programm komunitarju tar-roti Sevici qiegħed jintegra r-rota fix-xibka tat-trasport pubbliku. Madwar il-belt, hemm roti għall-kiri bi prezz baxx u wieħed jista' jsib passaġġi ħodor għar-roti fil-parti l-kbira tat-toroq ewlenin. Din ix-xibka ta' passaġġi (carriles) qiegħda dejjem tinfirex.

L-Ajruport ta' Sivilja huwa ajruport ta' daqs medju li jservi l-belt u r-reġjun ta' madwarha.

Edukazzjoni[editja]

Ir-rettorat tal-Università ta' Sivilja

Fi Spanja l-edukazzjoni hi obbligatorja minn 6 snin sa 16-il sena u l-edukazzjoni statali hi b'xejn. Is-sistema ta' edukazzjoni attwali tissejjaħ LOGSE (Ley de Ordenación General del Sistema Educativo).[19]

Edukazzjoni għola[editja]

F'Sivilja hemm bosta universitajiet. L-Università ta' Sivilja, l-Universidad de Pablo Olavide (UPO) u l-Universidad Internacional de Andalucía [20] huma istituzzjonijiet pubbliċi. Barra minn hekk, l-Università Internazzjonali Menéndez Pelayo, ibbażata f' Santander, għandha kampus fergħa f'Sivilja [21].

Nies famużi li twieldu Sivilja[editja]

Gallerija[editja]

Noti u referenzi[editja]

  1. ^ [1] Ruiz, Hernán. 'Blueprints of Seville's Cathedral and Giralda'
  2. ^ [2]
  3. ^ a b c THe Spanish Civil War, (Il-Gwerra Ċivili Spanjola), Hugh Thomas, Penguin, 1961, p221-3, ISBN 0-14-013593-6
  4. ^ books.google.com
  5. ^ [3] Sevilla-Plaza de España
  6. ^ [4] Maria Luisa Park, Seville
  7. ^ [5] Sevilla-Parque de Maria Luisa
  8. ^ [6] Plaza de España, Seville
  9. ^ M. Kottek, J. Grieser, C. Beck, B. Rudolf, u F. Rublu, World Map of the Köppen-Geiger climate classification updated ( Mappa Dinjija tal-klassifikazzjoni tal-klima Köppen-Geiger aġġornata), Meteorol. Z., vol. 15, paġni 259-263, 2006 [7]
  10. ^ (Ingliż) Weather Information for Seville
  11. ^ [8]
  12. ^ a b Hermanamientos con Latinoamérica (102,91 kB). [29-9-2008]
  13. ^ [9]
  14. ^ [10]
  15. ^ [11]
  16. ^ [12]
  17. ^ [13]
  18. ^ Sevilla metro inaugurated, Railway Gazette International 2009-04-06
  19. ^ [14][15]archivedate=2008-04-12
  20. ^ Universidad Internacional de Andalucía
  21. ^ [16]

Ħoloq esterni[editja]