Premju Nobel

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex

Il-Premju Nobel (bl-Iżvediż: Nobelpriset) huwa unur internazzjonali li jingħata ta' kull sena mill-gvern Żvediż. Il-premju jingħata lil persuni li jkunu ddistingwew ruħhom fid-diversi oqsma ta' għarfien, "li ġabu benefiċċji sostanzjali lill-umanità" bir-riċerki, skoperti u invenzjonijiet, bix-xogħol letterarju tagħhom, jew bl-impenn li urew lejn il-paċi fid-dinja.

Dan il-premju ġie stabbilit fl-1901 skont l-aħħar xewqat ta' Alfred Nobel (1833–1896), inventur tad-dinamita. Iċ-ċerimonja ssir fl-10 ta' Diċembru, fil-ġurnata tal-mewt tal-fundatur Żvediż.

It-testment ta' Alfred Nobel[editja]

It-testment ta' Alfred Nobel

Mal-mewt tiegħu, Alfred Nobel ħalla wirt ta' 31 miljun krona, 94% tal-assi kollha tiegħu. It-testment tiegħu, miktub fl-1895, ma jipprovdi l-ebda eredi dirett għall-wirt tiegħu, imma Alfred Nobel sejjaħ għal istituzzjoni li tippremja kull sena nies li taw l-impenn kbir tagħhom lejn l-umanità, li tejjbu jew għamlu progress konsiderevoli fil-qasam tal-għarfien u l-kultura f'ħames dixxiplini differenti: il-paċi jew diplomazija, il-letteratura, il-kimika, il-fiżjoloġija jew il-mediċina, u l-fiżika. Barra minn hekk, it-testment jgħid li n-nazzjonalità tal-persuna li jieħu l-premju m'għandha tilgħab l-ebda parti fl-għoti ta' dan l-istess premju.

Il-Fondazzjoni Nobel twieldet fid-29 ta' Ġunju, 1900. Din tara li timxi mal-aħħar xewqat tat-testatur, u tara li kollox jimxi skont ir-regoli fid-deżinjazzjoni tar-rebbieħa u tiċċekkja l-progress tan-nomina tagħhom. Il-Fondazzjoni innifisha mhijiex involuta fl-għażla tan-nominati għall-premju. Din l-istituzzjoni privata hi eżenti minn kull taxxa fl-Iżvezja (mill-1946) u mit-taxxi tal-investiment fl-Istati Uniti (mill-1956). Mis-snin tmenin, l-investimenti tal-Fondazzjoni ġabu aktar profitt fejn sa Diċembru tal-2007, l-assi kkontrollati mill-Fondazzjoni Nobel ammontaw għal 3.628 biljun krona (madwar 560 miljun dollaru Amerikan).

L-ewwel ċerimonja saret fl-1901 qrib l-akkademja rjali qadima tal-mużika ta' Stokkolma (iċ-ċerimonja tal-għoti tal-Premju Nobel għall-Paċi sar ġewwa Oslo). Mill-1902, il-premjijiet bdew jiġu mogħtija b'mod formali mir-Re tal-Iżvezja. Dawn il-premjijiet jingħataw waqt ċerimonja li ssir kull sena fl-10 ta' Diċembru. Madanakollu, l-ismijiet tar-rebbieħa jkunu diġà ġew imħabbra f'Ottubru mill-kumitati u l-istituzzjonijiet li jservu ta' ġurija. L-għotja tal-Premju Nobel twassal ukoll għar-rebħ ta' somma flus, li attwalment iddur mal-10 miljun krona Żvediża (ftit iktar minn miljun ewro). Il-premju ta' flus kien intiż fil-bidu sabiex jistimola għall-gradwati sabiex ikomplu jistgħanu fil-qasam tagħhom u jibqgħu jaħdmu jew jagħmlu r-riċerki mingħajr il-pressjoni tal-ġbir tal-fondi.

Il-premjijiet[editja]

Il-premjijiet bdew jingħataw mill-1901 taħt il-kategoriji segwenti:

Mill-1968, bi qbil mal-Fondazzjoni Nobel, il-Bank tal-Iżvezja (Sveriges Riksbank) beda jagħti wkoll il-Premju Nobel għall-Ekonomija. Minħabba li dan il-premju m'għandu l-ebda għeruq mix-xewqat ta' Nobel u ma jiġix iffinanzjat mill-fondi tal-familja Nobel, teknikament ma jistax jiġi kkunsidrat bħala premju Nobel (il-membri attwali tal-familja ma jaċċettawx bħala wieħed). Mill-1968 ġie deċiż li ma jiġux miżjuda iktar kategoriji ma' dawk preżenti.

Kritika[editja]

Meta Kissinger ġie ppremjat il-Premju Nobel għall-Paċi żewġ membri tal-Kumitat Nobel Norveġiż irriżenjaw bi protesta.

Il-Premju Nobel matul l-istorja ma kienx nieqes mill-kritika, partikularment fl-istorja riċenti tiegħu. L-iktar kritika li tingħata hi fuq kif l-għotja tal-premju ma ssirx minħabba l-merti tar-rebbieħ imma għall-"kumdita" politika ta' dan tal-aħħar, sakemm twassal sabiex il-Premju Nobel isir wieħed politiku.

Wieħed mill-aktar premjijiet kontroversjali kien dak tal-Premju Nobel għall-Paċi tal-2009 li ngħata lil Barack Obama. In-nominazzjonijiet kienu għalqu ħdax-il ġurnata wara li Obama kien beda uffiċjalment il-kariga ġdida tiegħu ta' President tal-Amerika. Obama stess stqarr li hu ma ħassx li kien jixraqlu dan l-unur. Dan il-premju lil Obama, flimkien ma' dawk li ngħataw preċedentament lil Jimmy Carter u Al Gore, wasslu għal akkużi ta' preferenzi xellugija.

Fost l-aktar Premju Nobel għall-Paċi kkritikat kien dak ta' Henry Kissinger u Lê Ðức Thọ, li aktar tard irrifjutaw dan il-premju. Dan wassal sabiex il-membri tal-Kumitat Nobel Norveġiż irriżenjaw. Ir-raġuni wara l-għotja tal-premju lil Kissinger u Thọ kien li kienu qabblu li jwaqqfu l-ġlied bejn il-Vjetnam ta' Fuq u l-Istati Uniti f'Jannar tal-1973. Madanakollu, meta dan il-premju ġie mħabbar l-ostilità bejn dawn iż-żewġ naħat kienet għadha hemmhekk. Ħafna kritiċi kienu tal-opinjoni li Kissinger kien aktar responsabbli li kabbar il-gwerra milli li prova jagħmel paċi.

Yasser Arafat, Shimon Peres, u Yitzhak Rabin irċevew il-Premju tal-Paċi fl-1994 għall-isforzi tagħhom sabiex tinkiseb il-paċi bejn l-Iżrael u l-Palestina. Skont il-ġurnalista Caroline Frost numru ta' kwistjonijiet, fosthom il-kundizzjoni gravi tar-refuġjati Palestinjani, ma ġewx indirizzati u ma ġiet stabbilita ebda paċi permanenti bejn l-Iżrael u l-Palestina. Immedjatament wara li l-unur ġie mħabbar ħames membri tal-Kumitat Nobel Norveġiż ikkundannaw lil Arafat bħala terrorista u rriżenjaw.

L-unur tal-2004 tal-Premju Nobel għal-Letteratura lil Elfriede Jelinek wasslet għal protesta min Knut Ahnlund, membru tal-Akkademja Żvediża. Dan tal-aħħar irriżenja fejn stqarr li l-għażla ta' Jelinek ikkawżat "ħsara irreparabbli lejn il-forzi progressivi kollha" u "kkonfondiet il-ħarsa ġenerali tal-letteratura bħala arti". Il-Premju għal-Letteratura tal-2009 għal Herta Müller ġab miegħu wkoll kritika, fejn skont il-Washington Post ħafna kritiċi u professuri letterarji Amerikani qatt ma kienu segħmu biha qabel. Din ħassbet lil ħafna fuq li l-premjijiet huma influwenzati mill-perspettiva Ewropea.

Ħoloq esterni[editja]