Mużika

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa

Kif bdiet il-Mużika[immodifika | immodifika s-sors]

Żgur li kull wieħed u waħda minna, matul il-ġurnata jisma’ biċċa mużika. Il-mużika hija ħaġa li l-bniedem ma jistax jgħix mingħajrha. F’kull ġurnata, minn fuq il-mezzi tax-xandir tisma’ l-mużika ta’ għamla differenti, dik klassika, dik romantika, dik moderna u ta’ tipi oħra. Madwar id-dinja kollha, eluf ta’ nies jattendu għal kunċerti minn gruppi, orkestri, baned u għal spettakli kbar mużikali, bħal opri, operetti u balletti, imtellgħa min nies professjonali. Kull ġens u kull razza ħalqu l-mużika tagħhom, il-mużika folkloristika.

Kull ġens u razza għandha l-melodiji marbuta magħha. Il-mużika li hi rifless sħiħ ta’ l-emozzjoni tal-bniedem hi mezz ta’ komunikazzjoni ta’ ħsibijiet u idejat. Biss, dan il-fenomenu, li sar hekk integrali mal-ħajja tagħna l-bnedmin, minn fejn kellu l-bidu?

L-ewwel mużika li ġiet ispirata f’moħħ il-bniedem, żgur li waslet permezz ta’ l-elementi tan-natura: ir-riħ, ir-ragħad, it-tfaqqiegħa tas-sajjetta, it-tħaxwix tal-weraq u l-għana tal-għasafar. Dawn il-ħsejjes saħħru lill-bniedem u l-bniedem ried li jaħkimhom. B’hekk insibu li l-ibgħad missirijietna bdew jirriproduċu l-ħsejjes li kienu jixbħu dak li jisimgħu fil-wileġ fuq l-għoljiet u fil-widien, meta d-dinja kienet għadha kif ħalaqha Alla. Naraw bl-infieħ tagħhom fi zkuk vojta, f’bebbux u fi qrun ta’ annimali, infetħet it-triq għall-istrumenti tan-nifs. Naraw li mill-qaws, l-ibgħat missirijiet fetħu t-triq għall-istrumenti tal-korda u li mill-ġlud ta’ l-animali, mill-ġebel u mill-metall ħalqu l-istrumenti tal-perkussjoni.

Minn zokk vojt[immodifika | immodifika s-sors]

Bħal f’kull ħaġa oħra, meta l-bniedem ikollu ħaġa f’idu, malajr jibda jesploraha, sakemm minn dik ix-xi ħaġa jirnexxielu joħloq ħaġa ġdida. B’hekk il-bniedem ma damx ma ntebah li zokk vojt li kien jonfoh fih, seta’ jbiddel il-ħoss tiegħu kemm il-darba jkollu toqob fil-ġnub tiegħu u li meta dawn jiġu mgħottija jipproduċu ħsejjes differenti u b’hekk insibu l-ewwel għamliet ta’ flawti.

Sa żmien l-imperi taċ-Ċina u l-Eġittu kienu jeżistu ħafna varjetajiet ta’ dawn l-istrumenti u b’hekk il-bniedem beda jipproduċi l-mużika u jgħaqqadha ma’ l-attivitajiet tiegħu bħall-gwerra, l-adorazzjoni u l-imħabba. Eżempju ċar ta’ dan narawh fit-Testment il-Qadim tal-Bibbja, fejn niltaqgħu mal-parti li kellha l-mużika fil-maġija, fl-adorazzjoni u f’affarijiet oħra. Biss, mill-Bibbja nintebħu li mal-mużika ngħaqdu żewġ affarijiet oħhra li bħall-mużika huma espressjoni tas-sentimenti umani; iż-żfin u l-kant. Fil-fatt niltaqgħu mas-Salm ta’ David li għadhom sallum użati fis-servizzi reliġjużi tal-Lhud u tal-Kattoliċi.

Għalkemm il-Griegi ħallewlna wirt kbir, tista’ tgħid fl-oqsma kollha ta’ l-arti, ftit għad baqgħalna tifkiriet tal-mużika tagħhom; biss din kienet parti ntegrali mill-ħajja tagħhom. Fil-fatt nafu li fl-Olimpijadi miżmuma fil-Greċja l-antika kienu jsiru konkorsi ta’ daqq u ta’ kant. Barra minn hekk, f’bosta drammi Griegi niltaqgħu mall-Kor li kellu jkanta siltiet mid-dramm. Fi żmien l-Imperu Ruman, il-mużika bdiet tiġi wżata wkoll għad-divertiment u b’hekk naraw li bosta kantanti u daqqaqa kienu jagħtu wirjiet fl-arena u f’villel privati.

L-ewwel mużika miktuba[immodifika | immodifika s-sors]

B’hekk insibu li fi żmien il-Papa Girgor il-Kbir twaqqaf il-kant Gregorjan u bdiet tinkiteb l-ewwel mużika. Is-sistema wżata kienet li marki żgħar imsejjħa ‘neumes’ ġew imqegħdin fuq il-kliem li kellu jiġi kantat biex ifissru lill-kantat in-noti tal-melodiji. Aktar il-quddiem fil-kitba tal-mużika ngħata aktar spazju sabiex jiġu murija n-noti baxxi u noti għoljin. Għal bosta snin, il-mużika nkitbet fuq erba’ linji, b’sinjali ta’ tipa sewda li kellhom l-għamla ta’ kwadri, imqaret u tawwalin.

Sadanittant il-mużika kompliet tiġi żviluppata u naraw li madwar l-Ewropa tfaċċaw it-Trubadori li kienu jivvjaġġaw ma’ l-ibliet, ikantaw u jdoqqu. Tfaċċaw ukoll l-ewwel kompożituri u kompliet ġiet żviluppata s-sistema kif tinkiteb il-mużika. Żvilupp importanti fil-kitba tal-mużika kien li għal xi żmien din inkitbet fuq għaxar linji, li mbagħad tnaqqsu għal ħamsa u ħarġet is-sistema taż-żewġ staffi, dik ta’ ‘chiave di basso’ u l-oħra ta’ ‘chiave di violino’. Ma' dan l-iżvilupp inħolqot is-sistema tat-Talja (Liger Lines) li tgħin biex mużikant jagħraf il-post tan-nota.

Matul l-erbatax u l-ħmistax –il seklu, il-palazzi fl-Italja, fi' Franza, fil-Ġermanja u fl-Ingilterra, kienu ċentri għall-attivitajiet mużikali. Ħafna min-nobbli kienu mużiċisti ta’ ħila u kienu jimpjegaw ukoll nies sabiex idoqqu u jkantaw waqt ikliet u festi mogħtija fil-palazzi tagħhom. F’dan iż-żmien kompliet tiġi wżata u żviluppata l-mużika popolari fil-festi pubbliċi għall-foqra u għar-raħħala.

Fl-1501, wieħed Taljan, bl-isem ta’ Petrucci, stampa l-ewwel mużika u din l-invenzjoni ħolqot rivoluzzjoni għaliex kullħadd seta’ jgawdi l-mużika li qabel kienet magħluqha fil-monasteri u fil-palazzi. Waqt dan l-iżvilupp fil-kitba tal-mużika, kompla sar żvilupp kbir fl-istrumenti u naraw varjeta’ sħiħa u strumentali tal-korda, varjeta’ oħra ta’ strumenti tan-nifs u l-istess nistgħu ngħidu għat-taqsim tal-perkussjoni. Barra minn dan, fi żmien ir-Renju ta’ Eliżabetta I ġewwa l-Ingilterra tfaċċa l-istrument magħruf bħala ‘Virginal’ li kien qisu pjanu fiċ-ċokon. Il-kant sar aktar raffinat u tfaċċaw ukoll kompożituri li komplew għenu fl-iżvilupp tal-mużika.

L-Opri jiftħu t-triq għall-Orkestri[immodifika | immodifika s-sors]

Fis-seklu sbatax ġewwa Franza tfaċċaw l-ewwel opri fejn stejjer sħaħ bdew jiġu mużikati, kantanti u akkumpanjati miż-żfin. F’dan iż-żmien ukoll ġewwa l-Italja tfaċċa strument li seraq il-qlub ta’ kulħadd, il-vjolin. Mall-bidu ta’ l-opri, bdiet it-triq ukoll għall-orkestri, għaliex kien f’dawn l-opri li l-ewwel vjolini, flawti, obori u fagotti instemgħu. Barra minn hekk, l-ouvertures ta’ dawn l-opri taw il-bidu għall-mużika orkestrali li nisimgħu llum fil-kunċerti.

Bħalma l-opra kompliet tikber biex saret il-punt fejn oqsma diversi tal-arti tal-pittura (xenarji), fl-arti tal-kitba (libretti), fl-arti tal-poeżija (arji u romanzi), fl-arti tal-mużika (daqq u kant) jiltaqgħu, hekk kompla l-iżvilupp ta’ l-orkestra fejn strumenti li oriġinaw minn familji diversi ltaqgħu biex jistgħu joffru melodiji mill-isbaħ.

Kien f’dawn iż-żminijiet ta’ żvilupp li bdew jitfaċċaw il-kompożituri l-kbar bħal Bach, Handel, Haydn, Mozart, Beethoven, Mendelssohn, Debussy, Berlioz, Verdi, Wagner, Rossini u tant u tant oħrajn li kollha ħallewlna xogħlijiet mill-akbar.

Biss, parti minn dan l-iżvilupp li donnu jidher li ħa xejra kbira f’dawn l-aħħar mitejn sena, kien l-iżvilupp ta’ l-istrumenti li permezz tiegħu nħolqu l-kompożituri u l-mużikanti l-kbar, il-pjanu. Il-pjanu ġie żviluppat fl-Italja fl-1709 minn wieħed Cristofori; biss dan ma ġiex milqugħ. Iżda għall-ħabta tal-1800 meta l-mużika kienet waslet fi stat fejn f’biċċa mużikali trid noti baxxi, ferm u oħrajn għoljin ferm il-pjanu kiseb popolarita’ kbira.

L-iżvilupp kompla wkoll mhux fil-kitba u l-kant biss, iżda wkoll fiż-żfin. B’hekk insibu li ġew żviluppati bosta tipi ta’ żfin, għal ma' tip partikulari ta’ mużika bħall-valzer, minwetti, eċċ. Ġie żviluppat ukoll il-ballet, storja mwassla permezz ta’ żfin u tal-mużika li takkumpanja. Nistgħu ngħidu li l-ballet sab l-iżvilupp sħiħ tiegħu fir-Russja fejn meta wieħed isemmi lil Čajkovskij bil-balletti kbar bħal “Is-Sbejħa Rieqda”, “Il-Lag taċ-Ċinji” u “Il-Kissiera tal-Lewż” u lil Stravinsky bil-balletti “Petruxka” u “L-Għasfur tan-Nar”, naraw kemm dan hu minnu.

Insibu wkoll il-mużika, li tappella aktar għall-poplu kollu u li ħadet il-ħajja fi tmiem is-seklu l-ieħor u f’dan is-seklu, bħall-operetti, eżempju: “L-Armla Ferrieħa” ta’ Franz Lehár; il-kummiedji mużikali, eżempju “il-Prinċep Student” ta’ Romberg u dawk li huma magħrufa bħala musicals, bħal ‘Oklahoma’ u ‘Sound of Music’, ‘South Pacific’ ta’ Rogers u Hammerstein, ‘Rose Marie’ ta’ O.Harbach u Hammerstein, u l-‘Firefly’ ta’ Friml.

Il-mużika kompliet l-iżvilupp tagħha u mit-Tieni Gwerra Dinjija, dan l-iżvilupp kompla għaddej bħal qatt qabel meta ġew żviluppati tipi ta’ mużika bħall-Jazz, li kien diġa’ beda jinstema’ qabel il-gwerra, Rock ‘n’ Roll u tant oħrajn. Dawn ukoll ġabu magħhom ismijiet kbar bħal Louis Armstrong, The Beatles, Elvis Presley u Rolling Stones.

Illum il-mużika wkoll għadha tgħix magħna u aħna ninsabu xxurtjati li permezz tad-diski kompatti u l-'cassettes' nistgħu nisimgħu kull tip ta’ mużika li nixtiequ, mill-aħjar gruppi, baned, orkestri u kantanti li hawn fid-dinja.

Minn dak li rajna, il-mużika għexet u qed tgħix mal-bniedem u żgur li se tibqa’ tgħix miegħu. L-iżvilupp tagħha, fejn se jwassalha? X’mużika se tinstema’ u kif se tkun, dik ta’ mitt sena oħra u ta’ mitejn sena oħra? Tkun kif tkun, żgur li bħal tal-imgħoddi u bħal tal-lum, se tirrifletti l-karattru u l-emozzjoni tal-bniedem, ta’ kull razza u ta’ kull ġens.