Ludwig van Beethoven

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija ħielsa.

Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex
Ludwig van Beethoven jaħdem fuq il-Missa Solemnis, pittura ta' Joseph Karl Stieler, 1820.
Ludwig van Beethoven jaħdem fuq il-Missa Solemnis, pittura ta' Joseph Karl Stieler, 1820.

Ludwig van Beethoven (pron. bil-Ġermaniż : API: [ˈluːt-vɪç-fan-ˈbeːt-hoː-fn])(twieled Bonn fis-16 jew 17 ta’ Diċembru u miet Vjenna fis-26 ta’ Marzu 1827) kien kompożitur Ġermaniż li x-xogħol tiegħu jinfirex fiż-żmien mill-perijodu klassiku għall-bidu tar-romantiċiżmu.

Bħala l-aħħar rappreżentant tal-klassiċiżmu Vjenniż (wara Gluck, Haydn u Mozart), Beethoven ħejja t-triq għall-evoluzzjoni lejn ir-romantiċizmu fil-mużika u influwenza l-mużika tal-punent matul parti kbira tas-seklu XIX. Kien inkomparabbli ("Tagħtini l-impressjoni li inti bniedem b’ħafna mħuħ, ħafna qlub u ħafna rwieħ" [1] qallu Haydn lejn l-1793) u esprima l-arti tiegħu fil-forom kollha ta’ mużika. Minkejja li l-mużika sinfonika kienet il-kawża prinċipali tal-popularità universali tiegħu, kienet il-kitba pjanistika u l-musica da camera li għamlu l-ikbar impatt.

Bill-qawwa tar-rieda tiegħu rebaħ fuq it-tiġrib li ġabitlu t-traġedja tat-truxija u ċċelebra fil-mużika tiegħu it-trijonf ta’ l-eroiżmu u l-ferħ waqt li d-destin tah biss iżolament u miżerja. Għalhekk jistħoqqlu t-tifħir ta’ Romain Rolland meta qal: "Hu l-aqwa fost l-aqwa mużiċisti. Hu l-forza l-iżjed erojka fl-arti moderna"[2]. Ix-xogħlijiet ta’ Beethoven, li għalih il-kreazzjoni mużikali kienet att ta’ bniedem ħieles u independenti, u espressjoni ta’ ottimiżmu u ta’ fiduċja soda fil-bniedem, jagħmluh wieħed mill-figuri l-iżjed importanti fl-istorja tal-mużika.

Werrej

[editja] Bijografija

[editja] 1770-1792 : l-emerġenza tal-ġenju

[editja] Oriġni u tfulija

Johann van Beethoven u Maria-Magdalena Keverich, il-ġenituri ta’ Beethoven.
Johann van Beethoven u Maria-Magdalena Keverich, il-ġenituri ta’ Beethoven.

Ludwig van Beethoven twieled Bonn fis-16 ta’ Diċembru jew fis-17 ta’ Diċembru 1770 [3], minn familja umli li kellha tradizzjoni mużikali ta’ mill-inqas żewġ ġenerazzjonijiet. Nannuh minn-naħa ta’ missieru, Ludwig van Beethoven ix-xiħ (1712-1773), kien ġej minn familja ordinarja fjamminga minn Mechelen (il-partiċella "van" m’għandiex x’taqsam man-nobbiltà)[4]. Dan kien raġel rispettat u mużiċista tajjeb li mar jogħqod Bonn fl-1732 u sar Maestro di Cappella tal-Prinċep-Elettur ta’ Kolonja. Missieru, Johann van Beethoven (1740-1792), kien mużiċista u tenur fil-Qorti ta’ l-Elettur, bniedem medjokru, kiefer u xurban magħruf, li rabba l-uliedu fi ħruxija kbira. Ommu, Maria-Magdalena van Beethoven, imwielda Keverich (1746-1787), kienet bint kok ta’ l-Elettur ta’ Trier. Kienet mara qalba tajba imma depressiva, maħbuba minn uliedha imma dejjem tibqa’ lura. Ludwig kien iż-żgħir fost seba’ wlied li minnhom tlieta biss laħqu l-età ta’ adulti: hu stess, Kaspar-Karl (1774-1815) u Johann (1776-1848)[5].

Johann van Beethoven ma damx ma ntebaħ bid-don mużikali ta’ ibnu u induna kemm seta’ jaqla' minnu. Ftakar fiċ-ċkejken Mozart, muri f’kunċerti madwar l-Ewropa xi ħmistax-il sena qabel, u mill-1775 ħa l-edukazzjoni mużikali ta’ Ludwig f’idejh biex fl-1778 ħadu jdoqq il-pjanu quddiem udjenzi mar-Rheinland kollha, minn Bonn sa Kolonja. Imma kontra Léopold Mozart, minflok ma pprova juża l-pedagoġija ma ibnu, Johann van Beethoven kien kapaċi biss juża l-awtortità u l-ħruxija u din l-esperjenza sfat bla frott u ma ttenitx darba oħra, ħlief dawra waħda fil-Pajjiżi-Baxxi fl-1781[6]. Wara, iż-żagħżugħ Ludwig sar l-istudent ta’ Christian Gottlob Neefe (pjanu, orgni, kompożizzjoni), waqt li kien qiegħed jieħu edukazzjoni ġenerali bl-għajnuna tal-familja von Breuning li laqgħuh u ħadu ħsiebu, u tal-ħiberija tiegħu mat-tabib Franz-Gerhard Wegeler, li baqgħet għal ħajtu kollha. Bejn l-1782 u l-1783 ikkompona għall-pjanu, id-disa’ Varjazzjonijiet fuq marċ ta’ Dressler[7] u t-tliet Sonatini msejjħa lill-Elettur li mmarkaw simbolikament il-bidu tax-xogħol mużikali tiegħu.

[editja] Il-patrunġġ ta’ Waldstein u l-laqa’ ma’ Haydn

Ittra ta’ Waldstein lil Beethoven, Ottubru 1792 : "Irċievi minn idejn Haydn l-ispirtu ta’ Mozart"
Ittra ta’ Waldstein lil Beethoven, Ottubru 1792 : "Irċievi minn idejn Haydn l-ispirtu ta’ Mozart"

Fl-1784, Beethoven nħatar organista fil-Qorti ta’ l-Elettur il-ġdid Max-Franz li sar il-patrun tiegħu. Hemm innutah il-Konti Ferdinand von Waldstein li l-għajnuna tiegħu kienet kruċjali għall-mużiċista żagħżugħ. Ħa ‘l Beethoven Vjenna għall-ewwel darba f’April ta’ 1787, u fiż-żjara kellu laqa’ qasira ma’ Mozart[8]. Fl-Lulju ta’ 1792, von Waldstein ippreżenta ż-żagħżugħ Ludwig lil Joseph Haydn li kien għadu ġej minn dawra ma’ l-Ingilterra u waqaf Bonn. Haydn kien impressjonat ħafna meta qara l-mużika ta’ kantata komposta minn Beethoven (jew Nhar il-mewt ta’ Joseph II jew Nhar il-miġja ta' Leopold II) u stiednu jkompli jistudja Vjenna taħt id-direzzjoni tiegħu. Beethoven kien jaf li l-opportunità li jitgħallem taħt mużiċista tal-fama ta’ Haydn mhux ta’ min jitlifha, u fl-istess ħin kważi ma kienx baqagħlu rbit mal-familja (ommu kienet mietet bit-tuberkulożi fl-Lulju ta’ 1787, u missieru kien dejjem fis-sakra u ma kienx kapaċi jimmantieni l-familja). Għalhekk Beethoven aċċetta u fit-2 ta’ Novembru 1792 telaq ir-Renu biex qatt ma’ jerġa lura. Waldstein (Novembru 1792) kien qallu hekk:

"Għażiż Beethoven, ħa tmur Vjenna biex twettaq ix-xewqa ta’ żmien ilu: il-ġenju ta’ Mozart għadu bil-vistu u jibki l-mewt tad-dixxiplu tiegħu. Fl-ineżawribbli Haydn sab il-kenn, imma ma sabx daru; hu għadu jixtieq jingħaqad ma’ xi ħadd. Bil-ħidma bla waqfien, irċievi minn idejn Haydn l-ispirtu ta’ Mozart"[9].

[editja] 1792-1802 : Minn Vjenna għal Heiligenstadt

[editja] L-ewwel snin Vjenna

Joseph Haydn (1732-1809) kien l-għalliem ta’ mill-1792 sa l-1794. Minkejja li r-relazzjonijiet bejniethom kienu kultant teżi, it-tnejn urew stima kbira lil xulxin.
Joseph Haydn (1732-1809) kien l-għalliem ta’ mill-1792 sa l-1794. Minkejja li r-relazzjonijiet bejniethom kienu kultant teżi, it-tnejn urew stima kbira lil xulxin.
It-Theater an der Wien, post importanti tal-ħajja mużikali ta’ Vjenna fil-bidu tas-seklu XIX, li ra l-ħolqien ta’ bosta xogħlijiet maġġuri ta’ Beethoven fosthom Fidelio u l- Ħames sinfonija.
It-Theater an der Wien, post importanti tal-ħajja mużikali ta’ Vjenna fil-bidu tas-seklu XIX, li ra l-ħolqien ta’ bosta xogħlijiet maġġuri ta’ Beethoven fosthom Fidelio u l- Ħames sinfonija.

Fl-aħħar tas-seklu XVIII, Vjenna kienet il-kapitali tal-mużika tal-punent u kienet tirrapreżenta l-aħjar ċans li jirnexxi xi ħadd li ried jagħmel karriera fil-mużika. Meta wasal hemm fl-età ta’ 22, kien diġà kkompona ħafna, imma biex ngħidu hekk, xejn importanti u kien għadu lura milli jilħaq il-maturità artistika. Dan jiddistingwih fundamentalment minn Mozart. Fil-fatti kien bħala pjanista “virtuoso” li xtaq isir famuż, qabel ma jagħmel isem bħala kompożitur. Rigward it-tagħlim minn Haydn, minkejja li kien prestiġjuż mill-iżjed, kien ukoll diżappunt minn xi lati. Minn naħa waħda, Beethoven malajr daħħal f’rasu li l-għalliem tiegħu kien jgħir għalih; minn naħa l-oħra Haydn ma’ damx ma beda jiddejjaq bl-indixxiplina u l-awdaċja mużikali ta’ l-istudent tiegħu. Minkejja l-istima li kellhom għal xulxin, imfakkra bosta drabi, il-“missier tas-sinfonija” qatt ma kellu ma’ Beethoven il-ħbiberija profonda li kellu ma’ Mozart li welldet emulazzjoni li tat ħafna frott. Haydn, lejn l-1793 qallu:

"Int għandek ħafna talent u tikseb iżjed il-quddiem, ħafna iżjed. Għandek abbundanza ineżawribbli ta’ ispirazzjoni. Int se jkollok idejat li għad ħadd ma kellu, u qatt m’inti se tissagrifika l-idejat tiegħek għal xi regola tiranika, imma se tissagrifika r-regoli tiraniċi għall-fantasiji tiegħek; tagħtini l-impressjoni li inti bniedem b’ħafna mħuħ, ħafna qlub u ħafna rwieħ." [1]

Matul daż-żmien Haydn kellu influwenza profonda u durabbli fuq ix-xogħol ta’ Beethoven, u iżjed tard dan kien se jirrikonoxxi dak li kien jaf lill-għalliem tiegħu. Wara li Haydn reġa’ mar Londra (Jannar 1794), Beethoven kompla l-istudji tiegħu sporadikament sal-bidu ta’ l-1795 ma’ bosta għalliema oħra fosthom il-kompożitur Johann Schenk u tnejn oħra mill-epoka mozartina: Johann Georg Albrechtsberger u Antonio Salieri. Meta temm l-apprentistat tiegħu, Beethoven iddeċieda li jibqa’ Vjenna. It-talenti tiegħu bħala pjanista għamluh magħruf u apprezzat mid-dilettanti tal-mużika ta’ l-aristokrazija Vjenniża, fosthom l-ismijiet li baqgħu sallum marbutin mad-dedikazzjonijiet ta’ ħafna mill-kapulavuri tiegħu: il-baruni Nikolaus Zmeskall, il-prinċep Carl Lichnowsky, il-konti Andrei Razumovsky, il-prinċep Joseph Franz von Lobkowitz, u iżjed tard l-arċiduka Rudolf ta’ l-Awstrija, biex ma nsemmux oħrajn. Wara li ppublika l-ewwel tliet trii tiegħu għall-pjanu, vjolin et vjolinċell, taħt in-numru opus 1, imbagħad l-ewwel Sonati għall-pjanu tiegħu, Beethoven ta l-ewwel kunċert publiku fid-29 ta’ Marzu 1795, fejn daqq il-kreazzjoni tiegħu Kunċert għall-pjanu nu 2 (li fil-fatti kien ikkompona l-ewwel meta kien għadu Bonn).

[editja] L-aqwa virtuoso ta’ Vjenna

Beethoven lejn l-1800. It-talenti tiegħu ta’ improvizzatur u virtuoso fuq il-pjanu murija lill-publiku Vjenniż. Pittura ta’ C.T. Riedel, 1801
Beethoven lejn l-1800. It-talenti tiegħu ta’ improvizzatur u virtuoso fuq il-pjanu murija lill-publiku Vjenniż.
Pittura ta’ C.T. Riedel, 1801

Fl-1796 Beethoven mar fuq dawra jagħti l-kunċerti li ħaditu minn Vjenna sa Berlin u għadda minn Dresden, Leipzig, Nuremberg u Praga. Waqt li l-publiku faħhar il-virtuosità u l-ispirazzjoni tiegħu fuq il-pjanu, il-kritiċi l-iżjed konservaturi laqgħu l-entużjażmu tiegħu b'ċertu xetiċiżmu .[10].

Il-qari tal-klassiċi Griegi, ta’ Shakespeare u tal-mexxejja tal-muviment politiku u letterarju Sturm und Drang li kienu Goethe u Schiller xaqleb it-temperament tal-mużiċista b'mod permanenti lejn l-idealiżmu. Dan l-idealiżmu kien imsaħaħ wkoll mill-idejat demokratiċi tas-Seklu tad-Dwal u r-Rivoluzzjoni Franċiża li dak iż-żmien kienu nfirxu ma’ l-Ewropa. Fl-1798 Beethoven kien sikwit iżur l-ambaxxata ta’ Franza fi Vjenna fejn iltaqa’ ma’ Bernadotte u mal-vjolinista Rodolphe Kreutzer, li fl-1803 iddedikalu is-Sonata għall-vjolin nu 9 li ġġib ismu. Waqt li l-attività kreattiva tiegħu intensifikat (kompożizzjoni tas-Sonati għall-pjanu, Sonata għall-pjanu nu 5 sa Sonata għall-pjanu nu 7, l-ewwel Sonati għall-vjolin u pjanu), sa madwar l-1800, il-kompożitur kien għadu jieħu sehem fil-konkorsi mużikali li kienu popolari ħafna fis-soċjetà Vjenniża u li għamluh l-aqwa virtuoso ta’ Vjenna. Xi pjanisti magħrufa bħal Muzio Clementi, Johann Baptist Cramer, Josef Gelinek, Johann Hummel u Daniel Steibelt batew minn dan.

L-aħħar tas-snin 1790 kien ukoll l-epoka ta’ l-ewwel kapulavuri: l-Kunċert għall-pjanu nu 1 (1798), l-ewwel sitt kwartetti għall-kordi (1798-1800), is-Settett għall-kordi u nifsijiet (1799-1800) u fix-xogħlijiet li jaffirmaw bl-iżjed mod ċar il-karattru tal-mużiċista li kien qiegħed jissawwar: is-Sonata għall-pjanu nu 8 (msejħa Patetika) (1798-1799) u s-Sinfonija nu 1 (1800). Allavolja l-influwenza ta’ l-aħħar sinfoniji ta’ Haydn kienet għadha tidher fihom, din ta’ l-aħħar kienet diġà stampata bill-karattru beethovenjan (b’mod partikulari fl-ischerzo tat-tielet muvement) u diġà kien hemm fiha ż-żerriegħa tal-wegħda ta’ suċċessi ikbar. L-Ewwel Kunċert u l-Ewwel Sinfonija indaqqu b’suċċess kbir fit-2 ta’ April f’kunċert li Beethoven iddedika għax-xogħlijiet tiegħu. Bl-għajnuna tar-renti li kienu jtuh il-patruni tiegħu, Beethoven, li l-fama tiegħu kienet qegħda tikber u bdiet tinfirex barra mill-fruntieri ta’ l-Awstrija, kien jidher f’dak il-mument ta’ ħajtu, garantit ħajja bla bżonn fil-karriera ta’ kompożitur u interpretu glorjuż tal-mużika.

Czerny, lejn l-1840 qal:

"L-improvizazzjoni tiegħu ma setgħetx tkun iżjed brillanti u ta’ skantament; f’xi laqgħat li daqq għalihom, tant impressjona ‘l kull wieħed mis-semmiegħa li ħafna drabi għajnejhom kienu jimtlew bid-dmugħ, u xi wħud kienu jinfaqgħu jibku. Kellu fl-espressjoni tiegħu xi ħaġa meraviljuża, independentament mis-sbuħija u l-oriġinalità tal-idejat tiegħu u l-mod inġenjuż kif kien idoqqhom."[11]

[editja] Bejn is-Sekli

L-ewwel paġna tal-manuskritt tat-Testment ta’ Heiligenstadt, miktub minn Beethoven fis-6 ta’ Ottubru 1802. Fih jispjega d-disperazzjoni tiegħu meta beda jittarax u fl-istess ħin ir-rieda li jkompli l-ħidma tiegħu ta’ mużiċista.
L-ewwel paġna tal-manuskritt tat-Testment ta’ Heiligenstadt, miktub minn Beethoven fis-6 ta’ Ottubru 1802. Fih jispjega d-disperazzjoni tiegħu meta beda jittarax u fl-istess ħin ir-rieda li jkompli l-ħidma tiegħu ta’ mużiċista.

Is-sena 1802 kellha tkun ta’ bidla kbira fil-ħajja tal-kompożitur. Mingħajr ma qal lil ħadd, mill-1796 Beethoven beda jinduna bit-truxija tiegħu, li kienet se tibqa’ sejra għall-agħar mingħajr fejqan sakemm fl-1820 ittarrax għal kollox [12]. Għalhekk inqata’ minn nies kollha u nagħlaq fis-solitudni minħabba l-biża’ li jkollu jammetti fil-publiku li kien qiegħed ibati b’din il-marda terribbli. Allura Beethoven ħa l-fama ta’ misantropu u sofra din il-fama fis-silenzju sa mewtu.[13]. Billi kien jaf l-marda tiegħu kienet xi darba se twaqqfu milli jaħdem bħala pjanista u forsi anki milli jikkomponi, għal mument daħallu f'rasu li joqtol ruħu b’idejh, imma malajr iddispjaċieh, naħħa din l-ideja minn moħħu u esprima l-fiduċja fl-arti tiegħu f’ittra li baqgħet tissejjaħ it-Testment ta’ Heiligenstadt, li qatt ma ntbagħtet u nstabet biss wara mewtu.

Beethoven fis-6 ta’ Ottubru 1802 kiteb:

“Ja nies li taħsbu li jien odjuż, stinat, żorr, jew nippretendi li jien hekk, kemm inthom inġusti! Ma tafux ir-raġuni sigrieta li tarawni hekk. […] Kunu għafu li sitt snin ilu qabditni dil-marda terribbli, li t-tobba inkompetenti għamlu agħar. Sena wara sena bla tama ta’ fejqan, […] kelli ninqata’ mill-kumpannija, ngħix waħdi, 'l bogħod mid-dinja. […] Jekk xi darba taqraw dan, imbagħad tindunaw li ma kontux ġusti miegħi, u li l-imdejjaq jissabbar billi jsib xi ħadd ieħor bħalu li minkejja l-ostakli kollha tan-Natura sar fost l-aqwa artisti u nies kbar.”[14].

Fortunatament il-vitalità kreattiva tiegħu ma battietx. F’dal perijodu ta’ kriżi morali, wara l-kompożizzjoni tas-sonata ġentili, Sonata għall- vjolin nu 5, imsejħa Ir-rebbiegħa (Frühlings, 1800) u tas-Sonata għall- pjanu nu 14, msejħa Dawl ta’ Qamar (1801), ikkompona s-sinfonija mhux magħrufa wisq, mimlija ferħ, it-Tieni Sinfonija (1801-1802) u l-kunċert iżjed ta’ swied il-qalb, il-Kunċert għall-pjanu nu 3 (1800-1802) fejn feġġet b’mod ċar, permezz tal-kjavi ta’ do minuri, il-personalità karatteristika tal-kompożitur.

Fil-5 ta’ April 1803, dawn iż-żewġ xogħlijiet intlaqgħu tajjeb, imma għal Beethoven kienet ħa tinqaleb il-folja; minn dak iż-żmien il-karriera tiegħu kienet se tieħu direzzjoni oħra. Miċħud mill-possibbiltà li jesprimi t-talent tiegħu kollu u milli jaqla l-għixien bħala interpretu tal-mużika, kien sejjer jintefa’ b’ruħu u ġismu fuq il-kompożizzjoni b’kuraġġ u qawwa ta’ karattru li ħadd ma kien stennihom. Fit-tmiem tal-kriżi ta’ l-1802 feġġ l-eroiżmu trijonfanti tat-Tielet Sinfonija.

Beethoven fl-1802 qal hekk:

“Jien sodisfatt biex xogħol tiegħi sa issa. M’illum irrid niftaħ triq ġdida.”[15]

[editja] 1802-1812 : Il-perijodu msejjaħ Erojku

[editja] Mill-Erojka għal Fidelio

It-Tielet Sinfonija (l-Erojka), kienet pass importanti fix-xogħol ta’ Beethoven, mhux biss minħabba l-qawwa espressiva u t-tul tagħha li sa dak iż-żmien kien ħaġa ġdida għalih, imma wkoll għax inawgurat sensiela ta’ xogħlijiet brillanti, notevoli għat-tul u l-enerġija tagħhom karatteristiċi ta’ l-istil tal-perijodu tan-nofs ta’ Beethoven, imsejjaħ l-"stil erojku". Il-kompożitur għall-ewwel kellu l-ħsieb li jiddedika din is-sinfonija lill-ġeneral Napuljun Bonaparti li kien iqisu bħala s-salvatur tar-Rivoluzzjoni Franċiża[16]. Imma meta sema’ bil-proklamazzjoni ta’ l-Imperu Franċiż (Mejju 1804), tant irrabja li qatta’ d-dedikazzjoni.[17]. Fl-aħhar, il-kapulavur ingħata t-titlu ta’ Sinfonija Kbira Erojka b’ tifkira ta’ bniedem kbir. Il-kompożizzjoni tas-sinfonija ħadet mill-1802 sa l-1804 u meta nstemgħet fil-publiku fis-7 ta’ April 1805, qajmet reazzjoni kbira u l-biċċa kbira tan-nies ħasbuha twila wisq. Beethoven ma ħabbilx rasu u qal li din is-sinfonjia jarawha qasira meta jkun ikkompona oħra ta' iżjed minn siegħa[18], u sal-kompożizzjoni tad-Disa’ Sinfonija baqa’ jqis l-Erojka bħala l-aħjar sinfonija tiegħu[19]

Fil-kitba pjanistika, l-istil evolva wkoll: fl-1804 is-Sonata għall-pjanu nu 21 iddedikata lill-konti Waldstein u msemmija għalih, laqtet ‘l pjanisti li daqquha bil-virtuosità tagħha u b'kemm kienet teħtieġ mill-istrument. Is-sonata grandjuża Sonata għall- pjanu nu 23 msejħa Appassionata (1805), ħarġet mill-istess forma u ftit żmien warajha il-Kunċert Tripplu għall-pjanu, vjolin, vjolinċell u orkestra (1804). F’Lulju ta’ l-1805, il-kompożitur iltaqa’ ma’ Luigi Cherubini u ma ħebiex l-ammirazzjoni li kellu għalih.

Ta’ ħamsa u tletin sena, Beethoven beda jaħdem fil-forma mużikali li għaliha Mozart kien l-iżjed famuż, l-opra lirika. Fl-1801 għoġbu ħafna l-librett Léonore ou l’amour conjugal tal-Franċiż Jean-Nicolas Bouilly, u fl-1803 beda l-abbozz ta’ l-opra Fidelio, li fil-bidu kienet iġġib it-titlu ta’ l-eroina Léonore. Imma kellu xi diffikultajiet li ma stennihomx. Din fil-bidu ma ntgħoġbitx mill-publiku (kellha tliet rappreżentazzjonijiet biss fl-1805) u Beethoven beda jaħseb li kien hemm konfoffa kontra tiegħu. Fidelio kellha tgħaddi minn tliet verżjonijiet (1805, 1806 u 1814) u kien biss wara t-tielet waħda li fl-aħħar l-opra kellha r-rikoxximent li xerqilha. Beethoven kien ikkompona xogħol importanti tar-repertorju liriku imma din l-esperjenza ħallietu b’togħma qarsa u qatt ma reġa’ ħadem f’dil-forma ta’ mużika, allavolja ħaseb f’proġetti oħra, fosthom MacBeth ispirat mix-xogħol ta’ Shakespeare[20] u fuq kollox Faust fuq Goethe, fl-aħhar ta’ ħajtu.

[editja] L-indipendenza stabbilita

Beethoven lejn l-1804, fl-epoka tas-Sonata Appassionata u ta’ Fidelio. Riżolut li jiġġieled kontra d-destin, f’dal perijodu li jinfirex mill-1802 sa l-1812, ikkompona sensiela ta’ xogħlijiet brillanti mimlijin enerġija, karatteristiċi ta’ l-istil erojku tiegħu.
Beethoven lejn l-1804, fl-epoka tas-Sonata Appassionata u ta’ Fidelio. Riżolut li jiġġieled kontra d-destin, f’dal perijodu li jinfirex mill-1802 sa l-1812, ikkompona sensiela ta’ xogħlijiet brillanti mimlijin enerġija, karatteristiċi ta’ l-istil erojku tiegħu.

Wara l-1805, minkejja l-problemi ta’ Fidelio li tefgħuh lura, il-qagħda ta’ Beethoven reġgħet marret għall-aħjar. Reġgħet ġiet lura fih il-vitalità kreattiva, deher li kien aċċetta t-truxija tiegħu u reġa’ sab, għall-inqas għal xi żmien, ħajja soċjali soddisfaċenti. Minkejja diżappunt sentimentali ieħor għall-mużiċista fil-ksur ta’ relazzjoni intima ma’ Joséphine von Brunsvik, is-snin mill-1806 sa l-1808 kienu l-iżjed fertili ta’ ħajtu fil-kapulavuri: is-sena 1806 biss rat il-kompożizzjoni tal- Kunċert għall- pjanu nu 4, ta’ tliet kwartetti għall-kordi, nu 7, nu 8 u nu 9 iddedikat lill-konti Razumovsky, tar-Raba’ Sinfonija u tal-Kunċert għall-vjolin. Fil-ħarifa ta’ dik is-sena Beethoven mar joqġhod mal-patrun tiegħu il-prinċep Carl Lichnowsky fil-palazz tiegħu fis-Sleżja u kien waqt li kien qiegħed hemm li wera bl-iżjed qawwa kemm ried ikun indipendenti. Lichnowsky hedded li jarresta 'l Beethoven jekk dan iwebbes rasu u jirrifjuta li jdoqq il-pjanu quddiem xi uffiċjali Franċiżi li kienu stazzjonati fil-palazz tiegħu (Is-Sleżja kienet ilha okkupata mill-armati ta’ Napuljun mill-Battalja ta’ Austerlitz), il-kompożitur telaq il-prinċep wara ġlieda vjolenti u bagħatlu nota li m’għandhiex bżonn kummentarju (Ottubru 1806) :

"Prinċep, dak li int, hu b’aċċident tat-twelid. Dak li jien, hu bil-ħila tiegħi. Hemm ħafna prinċpijiet u jkun hemm eluf oħra. Beehoven m’hemmx ħlief wieħed."[21]

Minkejja l-gwaj li ġab fuqu bit-telfa tar-renti mill-patrun ewlieni tiegħu, Beethoven irnexxilu li jistabilixxi ruħu bħala artista independenti u jeħles simbolikament mill-patrunaġġ aristokratiku. Minn hemm l-istil erojku beda tiela lejn il-quċċata tal-perfezzjoni. Beethoven mexa max-xewqa tiegħu li "jaqbad id-destin minn għonqu" kif qal ‘l Wegeler f’ Novembru 1801[22] u beda jaħdem fuq il- Ħames Sinfonija. Permezz tal-famuż motiv ritmiku ta’ erba’ noti li jinstema’ fl-ewwel battuta u jinfirex max-xogħol kollu, il-mużiċista ried jesprimi t-taqbida tal-bniedem mad-destin u r-rebħa finali tiegħu. L-ouverture Korjolanu, li bħalha hi fuq il-kjavi ta’ do minuri, ġejja mill-istess epoka. Imma allavolja kienet komposta fl-istess żmien bħall-Ħames Sinfonija, is-Sinfonija Pastorali hi differenti għal kollox. Michel Lecompte iddeskriviha bħala "l-iżjed serena, l-iżjed mistrieħa, l-iżjed melodika mid-disa’ sinfoniji" u fl-istess ħin l-inqas tipika.[23] Hi tislima lin-natura minn kompożitur li kien iħobb ħafna l-kampanja, fejn minn dejjem sab il-kalma u l-ħemda favorabbli għall-ispirazzjoni. Din tħabbar verament ir-romantiċiżmu fil-mużika, il-Pastorali għandha bħala sottotitlu din il-frażi ta’ Beethoven: "Expressjoni ta’ sentiment iżjed minn pittura" u kull muviment fiha għandu indikazzjoni deskrittiva: kienet twieldet is-sinfonija programmatika.

Il-kunċert mogħti minn Beethoven fit-22 ta’ Diċembru 1808 kien bla dubju wieħed mill-ikbar fl-istorja (ma’ dak tas-7 ta’ Mejju 1824, ara taħt). Fih indaqqu għall-ewwel darba l-Ħames Sinfonija, is-Sinfonija pastorali, il-Kunċert għall- pjanu nu 4, il-Fantsija korali għall-pjanu u orkestra u żewġ innijiet mill-Quddiesa fuq do maġguri li kien ikkompona għall-prinċep Esterházy fl-1807. [24]. Wara l-mewt ta’ Haydn f’Mejju ta’ l-1809, allavolja kien baqa' avversarji determinati oħra, ma kien jinstab ħadd fid-dinja li seta' jikkontesta l-post ta' Beethoven fil-pantheon tal-mużiċisti.

[editja] Il-maturità artistika

Fl-1812 Beethoven kien jispera ħafna li jiltaqa’ ma’ Goethe, imma sab biss indifferenza maħsuba. Jikkumenta fuq Beethoven, il-poeta kiteb: “Għadni qatt ma rajt artista b’iżjed konċentrazzjoni qawwija, iżjed enerġetiku, iżjed interjuri (…) Sfortunatament għandu personalità bla kontroll xejn.”
Fl-1812 Beethoven kien jispera ħafna li jiltaqa’ ma’ Goethe, imma sab biss indifferenza maħsuba. Jikkumenta fuq Beethoven, il-poeta kiteb: “Għadni qatt ma rajt artista b’iżjed konċentrazzjoni qawwija, iżjed enerġetiku, iżjed interjuri (…) Sfortunatament għandu personalità bla kontroll xejn.”[25]

Fl-1808. Beethoven kellu offerta min għand Jérôme Bonaparte, li ħuh kien tah it-tron tal-Westfalja, biex isir maestro di cappella fil-Qorti tiegħu f’Kassel. Jidher li għal mument ġietu l-ħajra li jaċċetta dan l-impieg prestiġuż li, kieku kien lest li jwarrab l-indipendenza tiegħu li kienet qamitlu tant biex jiddefendiha, kin jiżguralu pożizzjoni komda ħafna. Imma fl-1809, kien hemm reazzjoni patrijotika mill-aristokrazija Vjenniża. Biex ma jħallux il-mużiċista nazzjonali tagħhom jitlaq, l-arċiduka Rudolf, il-prinċep Kinsky u l-prinċep Lobkowitz marru jiżguraw ‘l Beethoven, li jekk jibqa’ Vjenna, jkollu ħlas għal ħajtu ta’ 4000 florin fis-sena, somma konsiderevoli għal dik l-epoka.[26]. Beethoven aċċetta u qata’ xewqtu li żgur ma jerġgħax ikunx fil-bżonn. Imma fir-rebbiegħa ta’ l-1809 il-gwerra bejn Franza u l-Awstrija, li reġgħet bdiet, ħassret kollox. Il-familja imperjali kienet imġiegħla tħalli Vjenna li kienet okkupata. Il-kriżi gravi ekonomika li laqgħtet l-Awstrija wara l-Battalja ta’ Wagram u t-trattat ta’ Schönbrunn impost minn Napuljun Bonaparti, irvinat l-aristokrazija u l-kuntratt ma’ Beethoven safa fix-xejn. Sa mewtu s-sitwazzjoni baqgħet tant ħażina li kellu jgħix l-aħħar snin ta’ ħajtu kważi fil-faqar.

Ritratt ta' Antonia Brentano minn Joseph Karl Stieler
Ritratt ta' Antonia Brentano minn Joseph Karl Stieler

Madankollu, il-lista ta’ kompożizzjonijiet baqgħet titwal: is-snin 1809 u 1810 raw il-kompożizzjoni ta’ sensiela ġdida ta’ kapulavuri, mill-kunċert brillanti, Kunċert għall-pjanu nu 5, li ndaqq għall-ewwel darba minn Karl Czerny, il-Kwartett għall-kordi nu 10 msejjaħ l-Arpi, għall-‘’musica di scena’’ għal Egmont ta’ Goethe. Meta l-istudent u ħabib tiegħu, l-arċiduka Rudolf, l-iżgħar tifel tal-familja imperjali, kien imġiegħel jitlaq, Beethoven ikkompona s-Sonata “Saħħiet”. Bla dubju, is-snin 1811 u 1812 raw il-kompożitur jilħaq l-quċċata tal-ħajja kreattiva tiegħhu. It-Trio ta’ l-Arċiduka u s-Seba’ Sinfonija kienu ħa jkunu l-ogħla punt tal-perijodu erojku.

Fil-ħajja personali, Beethoven kien imweġġa profondament meta fl-1810 kien se jiżżewweġ lil Thérèse Malfatti, li lilha ddedika l-famuża Ittra lil Eliża, u tieġ tħassar. Il-bijografi kitbu ħafna fuq il-ħajja sentimentali ta’ Beethoven. Il-kompożitur innamra ma’ bosta nisa sbieħ, sikwit miżżewġin, imma qatt ma wasal għaż-żwieġ ħlief ma’ Malfatti. Ir-relazzjonijiet ma’ Giulietta Giucciardi (li spirat is-Sonata “Fid-dawl tal-qamar”), ma’ Thérèse von Brunsvik (li ddedikahla s- Sonata għall- pjanu nu 24), Maria von Erdödy (li kitbilha żewġ Sonati għall-vjolinċell opus 102) u ma’ Amalie Sebald ma damux wisq. Barra t-tħassir ta’ daż-żwieġ, il-ġrajja l-oħra importanti fil-imħabba tal-mużiċista kienet il-kitba fl-1812 ta’ l-ittra emotiva, Ittra lill-Maħbuba immortali li għadna ma nafux lil min kitibha, imma l-ismijiet ta’ Joséphine von Brunsvik u fuq kollox ta’ Antonia Brentano jispikkaw l-iżjed mill-istudju tal-koppja Massin[27] u ta’ Maynard Solomon[28].

[editja] 1813-1817 : Is-snin suwed

L-inċident ta’ Teplice (Lulju 1812) minn Carl Rohling, 1887. Beethoven, akkumpanjat minn Goethe (fuq ix-xellug, fil-fond), jirrifjuta li jsellem b’inkin lill-familja imperjali u jibqa’ għaddej.
L-inċident ta’ Teplice (Lulju 1812) minn Carl Rohling, 1887. Beethoven, akkumpanjat minn Goethe (fuq ix-xellug, fil-fond), jirrifjuta li jsellem b’inkin lill-familja imperjali u jibqa’ għaddej.

Ix-xhar ta’ Lulju 1812, li fuqu hemm kummentarji mill-bijografi kemm trid, ġab bidla oħra fil-ħajja ta’ Beethoven. Meta kien qiegħed jieħu l-kura termali fir-reġjun ta’ Teplice u ta’ Karlovy Vary, kiteb l-ittra enigmatika, "Ittra lill-Maħbuba immortali", li diġà semmejna, u kellu laqa’ li ma kienetx suċċess ma’ Goethe bil-medjazzjoni ta’ Bettina Brentano. Għal raġunijiet li ma’ nafux sew x’kienu, dan kien il-bidu ta’ perijodu twil ta’ sterilità fil-ħajja kreattiva tal-mużiċista. Nafu li s-snin ta’ wara l-1812 kienu mimlijin ġrajjiet drammatiċi fil-ħajja ta’ Beethoven, ġrajjiet li kellu jħabbat wiċċu magħhom waħdu billi ħbiebu kollha jew kważi kollha kienu telqu minn Vjenna minħabba l-gwerra ta’ l-1809, imma xejn ma jista’ jispjega għal kollox dan il-waqfien wara għaxar snin ta’ kreatività inkredibbli.

Minkejja li l-publiku għoġbitu ħafna s-Seba’ sinfonija u l-Vittorja ta’ Wellington (Diċembru 1813) u minkejja li r-rappreżentazzjoni ta’ l-aħħar verżjoni ta’ Fidelio kienet suċċess trijonfali (Mejju 1814), Beethoven ftit ftit tilef il-popolarità mal-Vjenniżi li kien għad għandhom nostalġija għal Mozart u bdiet togħġobhom il-mużika iżjed frivola ta’ Rossini. L-istorbju madwar il-Kungress ta’ Vjenna, fejn Beethoven ġie onorat bħala mużiċista nazzjonali [29], ma ħebiex għal żmien twil il-fatt li kien qiegħed jitwarrab. Min-naħa l-oħra d-dittatura ta’ Metternich baqgħet tiħrax u sab ruħu f’sitwazzjoni delikata billi l-puliżija Vjenniżi ma damux ma ntebħu bil-konvinzjonijiet demokratiċi u revoluzzjonarji li kellu l-kompożitur u li kien sar jaħbi inqas u inqas. Min-naħa personali, l-ikbar ġrajja kienet il-mewt ta’ ħuh Kaspar-Karl fl-1815. Beethoven kien wegħdu li jieħu ħsieb l-edukazzjoni ta’ ibnu Karl u kellu jħabbat wiċċu ma’ sensiela bla tarf ta’ kawżi kontra l-mara ta’ ħuh biex jikseb it-tutela esklussiva tiegħu li fl-aħħar rebaħ fl-1820[30]. Minkejja r-rieda tajba kollha u l-ħerqa tal-kompożitur, dan in-neputi kien se jkun għalih sa lejliet mewtu, kawża ta’ nkwiet bla heda. Minn dawn is-snin suwed, meta sar trux għal kollox, ħarġu biss xi kapulavuri rari: is-Sonati għall-vjolinċell nu 4 et 5 iddedikati lill-ħabiba tiegħu Maria von Erdödy (1815), is-Sonata għall-pjanu nu 28 (1816) u ċ-ċiklu kommoventi ta’ lieder Lill-maħbuba mbegħda (An die ferne Geliebte, 1815-1816), fuq il-poeżiji ta’Alois Jeitteles.

Bejn l-1816 u l-1817, waqt li s-sitwazzjoni finanzjarja kienet sejra għall-agħar, Beethoven marad gravi u deher li ried joqtol ruħu b’idejh. Imma l-forza morali tiegħu u r-rieds qawwija tiegħu reġgħu rebħu. Hu dar lejn l-introspezzjoni u l-ispiritwalità li urewh l-importanza ta’ dak li kien għad baqgħalu jikteb “fiż-żmienijiet li ġejjin”, sab il-qawwa biex jirbaħ fuq dan it-tiġrib biex jibda l-aħħar perijodu kreattiv tiegħu fejn x’aktarx kellu l-ikbar ispirazzjoni. Disa’ snin qabel il-ħolqien tad-Disa’ Sinfonija, Beethoven ġabar fi frażi waħda il-ħsieb li kien ħa jkun miegħu fix-xogħol kollu ta’ ħajtu (1815) :

"Aħna, esseri limitati bi spirtu illimitat, twelidna biss għall-ferħ u t-tbatija. U kważi nistgħu ngħidu li l-ikbar nies jiksbu l-ferħ permezz tat-tbatija."[31]

[editja] 1818-1827 L-aħħar xogħlijiet ta' Beethoven

[editja] Il-quddiesa fuq re u s-saħħiet lill-pjanu

Paġna mill-manuskritt tas- Sonata għall-pjanu nu 30 op. 109 (1820).
Paġna mill-manuskritt tas- Sonata għall-pjanu nu 30 op. 109 (1820).

Beethoven reġa’ ġie f’tiegħu fl-aħħar ta’ l-1817, meta kiteb sonata ġdida biex tindaqq fuq il-pjanu-forte l-iżjed modern (Hammerklavier bil-Ġermaniż). Ried li din tkun l-iżjed vasta minn dawk kollha li kien ikkompona sa dak iż-żmien. Fiha uża sat-tarf nett il-kapaċità kollha ta’ l-istrument, għal kważi ħamsin minuta. Imma din is sonata, is- Sonata Kbira għall-Hammerklavier opus 106 intlaqgħet bl-indifferenza mill-pjanisti kontemporanji ma’ Beethoven għax dehrilhom li ma tistgħax tindaqq u li t-truxija tal-mużiċista għamlitu mhux kapaċi li jqis eżattament il-possibbilitajiet ta’ l-istrument. Barra mid-Disa’ Sinfonija, ġara l-istess għall-aħħar sensiela ta’ xogħlijiet tiegħu. Però hu stess kien jaf li kienu avvanzati wisq għal żmienhom. Madankollu ma tantx kien jagħti każ tat-tgergir tal-pjanisti u fl-1819 lill-editur tiegħu qallu: “Din sonata li se tħabbat il-pjanisti meta jdoqquha ħamsin sena oħra”[32]. Min daż-żmien, billi kien ittarrax għal kollox, kellu jikkomunika man-nies ta’ madwaru permezz tal- "pitazzi tal-konversazzjoni" li allavolja l-parti kbira minhom intilfu jew inqerdu, illum ituna xhieda inprezzabbli ta’ l-aħħar perijodu ta’ ħajtu.

Beethoven minn dejjem kien jemmen, mingħajr ma kien prattikant ħerqan, imma imma l-ħerqa tiegħu għall-kristjaneżmu żdiedet sewwa fis-snin diffiċli kif jixhdu bosta noti reliġjużi li kkopja fil-pitazzi tiegħu mill-1817 ‘l hemm.[33]. Madankollu, kellu xi rabtiet mal-mażunerija li setgħu jġibulu Skomunika. [34]

Fir-rebbiegħa ta’ l-1818 Beethoven ġietu l-idea li jikteb xogħol reliġjuż importanti u għall-ewwel kellu f’moħħu quddiesa għall-inkoronazzjoni ta’ l-arċiduka Rudolf li xi ftit xhur wara kien se jsir arċisqof ta’ Olmütz. Imma l-quddiesa kolossali, Missa Solemnis fuq re maġġuri ħaddietlu erba’ snin ta’ xogħol stinat (1818-1822) u l-quddiesa damet ma kienet ġiet ippreżentata lil Rudolf sa l-1823. Waqt li kien qiegħed jikkomponi il-Missa Solemnis, li qal bosta drabi li kienet “l-aħjar u l-ikbar xogħol tiegħu”, studja fit-tul il-quddies ta’ Bach u L-Messija ta’ Haendel. Fl-istess ħin li kien qiegħed jaħdem fuq il-quddiesa ikkompona l-aħħar tliet Sonati għall-pjanu (nu 30, nu 31 u nu 32). Din ta’ l-aħħar, l-opus 111, bl-ispiritwalità għolja li laħqet setgħet kienet l-aħħar testment tiegħu għall-pjanu. Imma kien baqagħlu jikkomponi kapulavur pjanistiku ieħor: l-editur Anton Diabelli fl-1822 stieden il-kompożituri ta’ żmienu biex jiktbu varjazzjoni fuq valzer sempliċi ħafna li kien ikkompona hu. Għall-ewwel Beethoven ma ħadux bis-serjetà[35], imma wara għamel ħafna iżjed milli kienet talbet il-proposta u ħareġ ġabra ta’ 33 Varjazzjoni li Diabelli stess qabbel mal-famużi Varjazzjonijiet Goldberg ta’ Bach, komposti tmenin sena qabel.

[editja] Id-Disa' Sinfonija u l-aħħar kwartetti

Beethoven fl-1823, fl-epoka tal-kompożizzjoni tal-Varjazzjonijiet Diabelli u tad-Disa’sin fonija. Billi kien ittarax għal kollox, kien  jikkomnunika biss ma’ ta’ madwaru bil-"pitazzi tal-konversazzjoni". Ritratt ta' F.G. Waldmüller
Beethoven fl-1823, fl-epoka tal-kompożizzjoni tal-Varjazzjonijiet Diabelli u tad-Disa’sin fonija. Billi kien ittarax għal kollox, kien jikkomnunika biss ma’ ta’ madwaru bil-"pitazzi tal-konversazzjoni". Ritratt ta' F.G. Waldmüller

Il-kompożizzjoni tad-Disa’ Sinfonija inbdiet l-għada li kienet lesta il-Missa Solemnis, imma dan ix-xogħol kellu bidu extremament kompless li biex nifhmuh ikollna mmoru lura għaż-żogħżija ta’ Beethoven, li minn qabel telaq minn Bonn kellu l-ħsieb li jikteb il-mużika għall-'Għanja lill-ferħ ta’ Schiller[36]. Permezz tal-finale li min jisimgħu qatt ma jinsiegħ, fejn introduċa l-kor, l-innovazzjoni fil-kitba sinfonika tad- Disa’ sinfonija dehret, fuq l-istess linji tal-Ħames, bħala evokazzjoni mużikali tat-trijonf tal-ferħ u l-fraternità fuq id-disperazzjoni, u ħadet id-dimensjoni ta’ messaġġ umanista u universali. Is-sinfonija ndaqqet għall-ewwel darba fl-7 ta’ Mejju 1824 quddiem publiku entużjasta u Beethoven reġa’ sab is-suċċess. Is-sinfonija kellha l-ikbar suċċess fil-Prussja u l-Ingilterra, fejn il-fama tal-mużiċista kienet ilha kif xeraqlu l-ġenju tiegħu. Kien mistieden bosta drabi biex imur Londra bħal Joseph Haydn u Beethoven lejn l-aħħar ta’ ħajtu kien tħajjar imur l-Ingilterra li kien pajjiż li kien jammira minħabba l-ħajja kulturali u d-demokrazija tiegħu imqabbel mal-frivolità tal-ħajja Vjenniża[37], imma qatt ma żar il-pajjiż fejn kien joqgħod Haendel li kien l-idolu ta’ Beethoven. L-influwenza ta’ Haendel tidher l-iżjed fil-perijodu ta’ l-aħħar ta’ Beethoven, li bejn l-1822 u l-1823 kkompona l-ouverture Il-konsagrazzjoni tad-dar fl-istil tiegħu.

L-aħħar ħames Kwartetti għall-kordi (nu 12, nu 13, nu 14, nu 15, nu 16) itemmu għal kollox il-ħidma mużikali ta’ Beethoven. Bil-karattru viżżjonarju tagħhom magħqud ma’ forom antiki (fil- Kwartett nu 15 Beethoven uża l-mod mużikali lidju), dawn juru r-riżultati ta’ l-isperimentazzjoni ta’ Beethoven fil-qasam tal-“musica da camera”. Il-muvimenti kbar bil-mod u drammatiċi (il-Cavatina tal-Kwartett nu 13, u l-Heiliger Dankgesang, "l-għanja qaddisa ta’ ħajr", tal-Kwartett nu 15) iħabbru l-wasla tar-romantiċiżmu. Ma dawn il-ħames kwartetti, komposti fil-perijodu 1824-1826, irridu nżidu wkoll il-Fuga Kbira fuq si bemoll maġġuri, opus 133, li kienet fil-bidu l-muviment ta’ l-għeluq tal-Kwartett nu 13 imma Beethoven firidha minnu fuq it-talba ta’ l-editur tiegħu. Fl-aħħar tas-sajf ta’ l-1826, kif lesta il-Kwartett nu 16, Beethoven beda jaħseb f’għad ta’ xogħlijiet oħra[38] : L-Għaxar Sinfonija, li xi abbozzi minnha għadhom jeżistu; “ouverture” bl-isem ta’ Bach ; Faust ispirata mid-dramm ta’ Goethe; oratorju fuq it-tema ta’ Sawl u David, u ieħor fuq it-tema ta’ l-Elementi u quddiesa Requiem. Imma fit-30 ta’ Lulju 1826, neputih Karl ipprova joqtol ruħu b’idejh. Dan qajjem skandlu u Beethoven inkwietat mar joqgħod ma ħuh Johann f’Gneixendorf fir-reġjun ta’ Krems an der Donau, fejn neputih kien qiegħed jistrieħ. Kien hemm li kkompona l-aħħar xogħol tiegħu, muviment allegro biex jieħu post il-Fuga Kbira bħala "finale" tal-Kwartett nu 13.

[editja] It-tmiem

Il-funeral ta’ Beethoven fid-29 ta’ Marzu 1827, fejn inġabru eluf ta’ nies. Kwadru ta’ F. Stober, 1827
Il-funeral ta’ Beethoven fid-29 ta’ Marzu 1827, fejn inġabru eluf ta’ nies. Kwadru ta’ F. Stober, 1827

Meta Beethoven mar lura Vjenna f’Diċembru ta’ l-1826, qabditu pulmonite doppja li ma setgħax ifiq minnha: l-aħħar erba’ xhur ta’ ħajtu kienu l-ħin kollu bl-uġieh u kien hemm deterjorazzjoni fiżika terribbli. Skond l-aħħar tabib tiegħu, Andras Wawruch, il-kawża diretta tal-mewt tal-mużiċista tidher li kienet dekompensazzjoni ta’ ċirrożi epatika[39]. Imma l-ispjegazzjoni l-iżjed riċenti, ibbażata fuq l-analisi ta’ xagħru u frammenti ta’ għadmu, hi li kien marid ħajtu kollha, barra mit-truxija, b’saturniżmu kroniku [40] ikkombinat ma defiċjenza ġenetika li żżomm 'ill-ġismu milli jeħles miċ-ċomb li jkun assorba (u għalhekk kien jilminta regularment b’uġieh addominali u problemi f'għajnejh).

Sa l-aħħar il-kompożitur kien imdawwar bil-ħbieb tal-qalb, l-iżjed Karl Holz, Anton Schindler u Stephan von Breuning. Xi ġimgħat qabel mewtu kellu żjara minn Franz Schubert[41], li ma kienx jafu u li ddispjaċieh li sar jaf bih hekk tard. L-aħhar ittra tal-kompożitur kienet lil Ignaz Moscheles, promotur tal-mużika tiegħu Londra, fejn reġa’ wiegħed lill-Ingliżi li jikkomponilhom sinfonija ġdida biex jirringrazzjahom għall-appoġġ tagħom[42]. Imma kien tard wisq. Fis-26 ta’ Marzu 1827 Ludwig van Beethoven miet, fl-età ta' sitta u ħamsin sena. Minkejja li n-nies ta’ Vjenna ma tawx każ ta’ mewtu għal xi xhur, fil-funeral li sar fid-29 ta’ Marzu 1827, inġabret purċissjoni impressjonanti ta’ iżjed minn għoxrin elf ruħ. Beethoven indifen fiċ-ċimiterju ta’ Vjenna.

Schubert fl-1827 qal:

"Kien jaf kollox, imma għadna ma nistgħux nifhmu kollox, u għad jgħaddi ħafna ilma taħt il-pontijiet tad-Danubu qabel dak kollu li ħalaq dal-bniedem jiftiehem mid-dinja."[43]

[editja] Referenzi

  1. 1.0 1.1 Estratt minn taħdita bejn Haydn u Beethoven irrapurtata mill-flawtista Louis Drouet, f’: Massin J u B, Ludwig van Beethoven, Fayard, 1967, p. 45
  2. Rolland R, Vie de Beethoven, Pariġi, 1903
  3. Nota : id-data tal-magħmudija tal-mużiċista biss, is-17 ta’ Diċembru 1770, hi magħrufa biċ-ċertezza
  4. Sors : lvbeethoven.com – Ġenealoġija tal-mużiċista
  5. Sors : Massin J ut B, Ludwig van Beethoven, Fayard, 1967, pp. 6-8
  6. Sors: radiofrance.fr – Repères biographiques
  7. Mużika : lvbeethoven.com – Isma’ l-Varjazzjonijiet Dressler
  8. Nota : Kuntrarjament għal idea mifruxa, Beethoven qatt ma ħa lezzjonijiet minn għand Mozart. Jgħidu li meta sema’ ‘l Beethoven idoqq il-pjanu, Mozart instema jgħid : "Għatu kasu ‘l dan, ħa jsemmuh mad-dinja kollha" – Académie de Dijon
  9. Sors : Nota ta’ Waldstein fuq l-album ta’ Beethoven, Novembru 1792, reprodotta f’: Massin J ut B, Ludwig van Beethoven, Fayard, 1967, p. 39
  10. "Laqgħat widnejna, imma mhux qlubna; għalhekk qatt ma jkun għalina Mozart ieħor." – kritika fil-Ġurnal patrijotiku ta’ l-iStati imperjali u rjali, Ottubru 1796, reprodotta f’: Massin J u B, Ludwig van Beethoven, Fayard, 1967, p. 64
  11. Sors: Karl Czerny kien l-aħjar student ta’ Beethoven.
  12. Nota: Il-kawża tat-truxija ta’ Beethoven baqgħet mhux magħrufa. Kienu suġġeriti bosta kawżi bħall-labirintite kronika, l-ostjoxelerożi, jew il-marda ta’ Paget ta’ l-għadam, però m’hemm l-ebda prova għal dawn.
  13. Nota: Waqt li hu veru li l-mużiċista kien minn natura impulsif u emotiv, li x-xewqa li jkun indipendenti għamlitu jidher żorr u antipatku fil-publiku, nistgħu ngħidu wkoll li kien ġeneruż, lejali u ħanin, kif jixhdu l-korrispondenza tiegħu u dawk li kienu jafuh.
  14. Sors: Estratt mit-Testment ta’ Heiligenstadt ta’ Beethoven, f’: Lecompte M, Guide illustré de la musique symphonique de Beethoven, Fayard, 1995, p. 319
  15. Sors : Kliem ta’ Beethoven lil ħabibu Krumpholz, 1802, F’: ramifications.be
  16. "Beethoven għamel 'il Bonaparti, li f’din l-epoka kien għadu l-ewwel konslu, is-suġgett ta’ din is-sinfonija. Sa dak iż–żmien, għal Beethoven, Napuljun kien bniedem straordinarju u kien iqisu daqs l-ikbar konsli rumani." – Kitba ta’ Ferdinand Ries fuq il-bidu tat-Tielet Sinfonija, riprodotta f’: [1]
  17. "Dan mhux ħlief bniedem bħal ħaddieħor! Issa ħa jgħaffeġ taħt saqajh id-drittijiet umani kollha, u jaqdi biss l-ambizzjoni tiegħu; irid jilħaq fuq kulħadd, isir tirann!" — Reazzjoni ta’ Beethoven meta sema’ li Napuljun ipproklama ruħu imperatur, rappurtata minn Ferdinand Ries, f’: Massin J et B, Ludwig van Beethoven, Fayard, 1967, p. 128
  18. Sors : Massin J et B, Ludwig van Beethoven, Fayard, 1967, p. 639
  19. Lil poeta Christophe Kuffner li saqsieh liema mis-sinfoniji tiegħu kienet togħġbu l-iżjed, Beethoven wieġeb: "L-Erojka! — Jien naħseb id-do minuri — Le, le! L-Erojka!" f’: [2]
  20. Nota: Beethoven kiteb abbozz ta’ ouverture għal din l-opra li qatt ma twetqet. Willem Holsbergen ipprova jagħmel rikostruzzjoni tagħha u ppublikaha bin-numru 454 fil-katalogu Biamonti
  21. Sors : Nota mibgħuta minn Beethoven lil Lichnowsky, Ottubru 1806, riprodotta fi: www.cndp.fr
  22. Sors : Ittra ta’ Beethoven lil Franz-Gerhard Wegeler, 16 ta’ Nov. 1801, f’: beethoven-haus-bonn.de
  23. Sors : Lecompte M, Guide illustré de la musique symphonique de Beethoven, Fayard, 1995, p. 131
  24. Nota : Minkejja l-programm dal-kunċert jidher li kien diżastru artistiku, l-orkestra ma kellhiex ħin biżżejjed biex tippratika u Beethoven insulta bl-addoċċ il-mużiċisti
  25. Sors: Rolland R, Vie de Beethoven, Pariġi, 1903 – musicologie.org
  26. Sors : beethoven-haus-bonn.de – Beethoven u l-flus
  27. Sors : Massin J u B, Ludwig van Beethoven, Fayard, 1967, pp. 232-44
  28. Sors: Solomon M, Beethoven, Lattès, 1985, p. 185-216
  29. Sors: uquebec.ca – Università ta' Québec
  30. Sors: Rolland R, Vie de Beethoven, Pariġi, 1903 – musicologie.org
  31. Sors : Ittra ta’ Beethoven lil Maria von Erdödy, riprodotta f’: Massin J u B, Ludwig van Beethoven, Fayard, 1967, p. 284
  32. Sors: altamusica.com
  33. Din in-nota Beethoven ikkupjaha minn Christian Sturm (1818) : "Irid naċċetta bil-paċenzja t-tiġrib kollu u nafda ruħi fit-tjubija immutabbli Tiegħek. Tiegħek u dejjem Tiegħek għandha tifraħ li tkun ruħi. Kun il-blata tiegħi, ja Mulej, kun id-dawl tiegħi, kun għal dejjem is-sigurezza tiegħi!" F’: Massin J u B, Ludwig van Beethoven, Fayard, 1967, p. 339
  34. [3]
  35. Sors : beethoven-haus-bonn.de
  36. Nota : Għall-istorja tad-Disa’ Sinfonija, nirreferu għall-analisi kompluta ħafna tal-koppja Massin, f’: Massin J et B, Ludwig van Beethoven, Fayard, 1967, pp. 699-712
  37. Beethoven kiteb lil Johann Stumpff: "L-Ingilterra għandha ċiviltà għolja. Londra kulħadd jaf xi ħaġa u jafa sewwa,imma l-Vjenniżi jafu jitjellmu biss fuq l-ikel u x-xorb; ikantaw u jċekċku xi mużika insinjifikanti, jew jagħmluha huma stess." F’: Massin J u B, Ludwig van Beethoven, Fayard, 1967, p. 428
  38. Sors: Massin J u B, Ludwig van Beethoven, Fayard, 1967, pp. 449-50
  39. Sors : musicologie.org – Beethoven kellu epatomegalija, itterizja, axxite (jgħidulha issa “idropsja addominali”) fil-membri inferjuri, elementi ta’ sindrome ċirrotika bl-ipertensjoni.
  40. Sors: Health Research institute : konferenza stampa ta’ Dr William J. Walsh, 17 ta’ Ottubru 2000 – Din kienet il-proposta fl-2000 ta’ Dr William J. Walsh, direttur tal-proġett ta’ riċerka fuq Beethoven (Beethoven Research Project), ibbażata fuq l-analisi ta’ xi xagħar ta’ Beethoven li kien ikkonservat wara mewtu. Beethoven, kien iħobb l-imbid tal-wied tar-Renu u kien imdorri jixorbu f’tazza tal-kristal tac-ċomb u b’zokkor li kien fih melħ taċ-ċomb. L-analisi fl-2000 ta’ xagħru uriet kwantitajiet sinjifikattiv ta’ċomb, li kienu ikkonfirmati wara mill-Argonne National Laboratory (Chicago) f’għadmu, bl-analisi ta’ għadam mill-kranju li kienu identifikati bl-AND. Fil-bniedem 80% taċ-ċomb assorbit jinħażen fl-għadam. Dawn juru li Beethoven kien espost għaċ-ċomb għal żmien twil (cf Science et Vie, nu 1061, p. 20, Frar 2006), li jispjega l-uġieh fl-istonku perpetwu li kien ikollu, il-burdati u forsi anki t-truxija (però m’hemm l-ebda konnessjoni pprovata bejn it-truxija ta’ Beethoven u l-avvelenament biċ-ċomb), kif ukoll l-istat ta’ fwiedu.
  41. Nota: Din l-ipoteżi, mifruxa ħafna, hi miċħuda min xi bijografi fosthom Maynard Solomon
  42. Sors: beethoven-haus-bonn.de – L-aħħar ittra ta’ Beethoven
  43. Sors : Frażi attribwita lil Schubert, F’: 100musique.free.fr

[editja] Lista tax-xogħlijiet ta' Beethoven

[editja] Sinfoniji

  • Op. 21: Sinfonija n. 1 fuq Do maġġuri (1800)
  • Op. 36: Sinfonija n. 2 fuq Re maġġuri (1803)
  • Op. 55: Sinfonija n. 3 fuq Mi bemoll maġġuri "Erojka" (1805)
  • Op. 60: Sinfonija n. 4 fuq Si bemoll maġġuri (1807)
  • Op. 67: Sinfonija n. 5 fuq Do minuri (1808)
  • Op. 68: Sinfonija n. 6 fuq Fa maġġuri "Pastorali" (1808)
  • Op. 92: Sinfonija n. 7 fuq La maġġuri (1813)
  • Op. 93: Sinfonija n. 8 fuq Fa maġġuri(1814)
  • Op. 125: Sinfonija n. 9 fuq Re minuri "Korali" (1824)

[editja] Kunċerti

  • Op. 15: Kunċert għall-pjanuforti u orkestra n. 1 fuq Do maġġuri(1796-1797)
  • Op. 19: Kunċert għall-pjanuforti u orkestra n. 2 fuq Si bemoll maġġuri (1798)
  • Op. 37: Kunċert għall-pjanuforti u orkestra n. 3 fuq Do minuri (1803)
  • Op. 40: Romanza għall-vjolin u orkestra n. 1 fuq Sol maġġuri (1802)
  • Op. 50: Romanza għall-vjolin u orkestra n. 2 fuq Fa maġġuri (1802)
  • Op. 56: Kunċert tripplu għall-pjanuforti, vjolin, vjolinċell u orkestra fuq Do maġġuri (1805)
  • Op. 58: Kunċert għall-pjanuforti u orkestra n. 4 fuq Sol maġġuri (1807)
  • Op. 61: Kunċert għall-vjolin u orkestra fuq Re maġġuri (1808)
  • Op. 73: Kunċert għall-pjanuforti u orkestra n. 5 fuq Mi bemoll maġġuri "Imperatur" (1809)

[editja] Ouvertures

  • Op. 43: Ouverture u ballett "Il-kreaturi ta’ Prometew" (Die Geschöpfe des Prometheus) (1801)
  • Op. 72a: Leonore "n. 2" (1805)
  • Op. 72b: Leonore "n. 3" (1806)
  • Op. 138: Leonore "n. 1" (1807)
  • Op. 62: Korjolanu (1807)
  • Op. 84: Egmont (ouverture u ‘musica di scena’ fuq test ta’ Goethe) (1810)
  • Op. 91: Il-battalja ta’ Wellington (1813)
  • Op. 72: Fidelio (1814)
  • Op. 113: Ouverture u tmien biċċiet għall-orkestra, "L-irvini ta’ Ateni" (1811)
  • Op. 117: Ouverture u disgħa biċċiet għall-orkestra, "Ir-re Stiefnu" (1811)
  • Op. 115: Ouverture "Zur Namensfeier" (1815)
  • Op. 124: Ouverture "Il-konsagrazzjoni tad-dar" (Weihe die Hauses)) (1822)

[editja] Kwartetti għall-kordi

  • Op. 18: Sitt kwartetti għall-kordi
    • n. 1: Kwartett għall-kordi n. 1 fuq Fa maġġuri (1799)
    • n. 2: Kwartett għall-kordi n. 2 fuq Sol maġġuri (1800)
    • n. 3: Kwartett għall-kordi n. 3 fuq Re maġġuri (1798)
    • n. 4: Kwartett għall-kordi n. 4 fuq Do minuri (1801)
    • n. 5: Kwartett għall-kordi n. 5 fuq La maġġuri (1801)
    • n. 6: Kwartett għall-kordi n. 6 fuq Si bemoll maġġuri (1801)
  • Op. 59: Tlett kwartetti għall-kordi, "Rasumovsky" (1806)
    • n. 1: Kwartett għall-kordi n. 7 fuq Fa maġġuri
    • n. 2: Kwartett għall-kordi n. 8 fuq Mi minuri
    • n. 3: Kwartett għall-kordi n. 9 fuq Do maġġuri
  • Op. 74: Kwartett għall-kordi n. 10 fuq Mi bemoll maġġuri "ta’ l-Arpi" (1809)
  • Op. 95: Kwartett għall-kordi n. 11 fuq Fa minuri "Serju" (1810)
  • Op. 127: Kwartett għall-kordi n. 12 fuq Mi bemoll maġġuri (1825)
  • Op. 130: Kwartett għall-kordi n. 13 fuq Si bemoll maġġuri (1825)
  • Op. 131: Kwartett għall-kordi n. 14 fuq Do diesis minuri (1826)
  • Op. 132: Kwartett għall-kordi n. 15 fuq La minuri (1825)
  • Op. 133: Große Fuge fuq Si bemoll maġġuri għall-Kwartett tal-kordi (1824 u 1825)
  • Op. 135: Kwartett għall-kordi n. 16 fuq Fa maġġuri (1826)

[editja] Kwintetti għall-kordi

  • Op. 4: Kwintett għall-kordi fuq Mi bemoll maġġuri (1795)
  • Op. 29: Kwintett għall-kordi fuq Do maġġuri (1801)
  • Op. 104: Kwintett għall-kordi fuq Do minuri (1817)
  • Op. 137: Fuga fuq Re maġġuri għall-Kwintett għall-kordi (1817)

[editja] Kwintett għall-pjanu u strumenti tan-nifs

  • Op. 16: Kwintett għall-oboe, klarinett, kornu, fagott u pjanuforti fuq Mib maġġuri

[editja] Trii

  • Op. 1: Tlett trii għall-vjolin, vjolinċell u pjanuforti (1795)
    • n. 1 Trio n. 1
    • n. 2 Trio n. 2
    • n. 3 Trio n. 3
  • Op. 11: Trio n. 4 fuq Si bemoll maġġuri (1798)
  • Op. 70: Żewġ trii għall-vjolin, vjolinċell u pjanuforti (1808)
    • n. 1 Trio n. 5 fuq Re maġġuri "Il-fantażma"
    • n. 2 Trio n. 6 fuq Mi bemoll maġġuri
  • Op. 97: Trio n. 7 fuq Si bemoll maġġuri "Arċiduka" (1811)

[editja] Sonati għall-vjolin

  • Op. 12: Tlett sonati għall-vjolin u pjanuforti (1798)
    • n. 1: Sonata għall-vjolin n. 1 fuq Re maġġuri
    • n. 2: Sonata għall-vjolin n. 2 fuq La maġġuri
    • n. 3: Sonata għall-vjolin n. 3 fuq Mi bemoll maġġuri
  • Op. 23: Sonata għall-vjolin n. 4 fuq La minuri (1801)
  • Op. 24: Sonata għall-vjolin n. 5 fuq Fa maġġuri "Ir-Rebbiegħa" (1801)
  • Op. 30: Tlett sonati għall-vjolin u pjanuforti (1803)
    • n. 1: Sonata għall-vjolin n. 6 fuq La maġġuri
    • n. 2: Sonata għall-vjolin n. 7 fuq Do minuri
    • n. 3: Sonata għall-vjolin n. 8 fuq Sol maġġuri
  • Op. 47: Sonata għall-vjolin n. 9 fuq La maġġuri "Kreutzer" (1803)
  • Op. 96: Sonata għall-vjolin n. 10 fuq Sol maġġuri (1812)

[editja] Sonati għall-vjolinċell

  • Op. 5: Żewġ sonati għall-vjolinċell u pjanuforti (1796)
    • n. 1: Sonata għall-vjolinċell n. 1
    • n. 2: Sonata għall-vjolinċell n. 2
  • Op. 69: Sonata għall-vjolinċell n. 3 fuq La maġġuri (1808)
  • Op. 102: Żewġ sonati għall-vjolinċell u pjanuforti (1815)
    • n. 1: Sonata għall-vjolinċell n. 4
    • n. 2: Sonata għall-vjolinċell n. 5

[editja] Pjanuforti solo

[editja] Sonati

  • Op. 2: Tlett sonati għall-pjanuforti (1796)
    • n. 1: Sonata għall-pjanuforti n. 1 fuq Fa minuri
    • n. 2: Sonata għall-pjanuforti n. 2 fuq La maġġuri
    • n. 3: Sonata għall-pjanuforti n. 3 fuq Do maġġuri
  • Op. 7: Sonata għall-pjanuforti n. 4 fuq Mi bemoll maġġuri (1797)
  • Op. 10: Tlett sonati għall-pjanuforti (1798)
    • n. 1: Sonata għall-pjanuforti n. 5 fuq Do minuri
    • n. 2: Sonata għall-pjanuforti n. 6 fuq Fa maġġuri
    • n. 3: Sonata għall-pjanuforti n. 7 fuq Re maġġuri
  • Op. 13: Sonata għall-pjanuforti n. 8 fuq Do minuri, "Patetika" (1798)
  • Op. 14: Żewġ sonati għall-pjanuforti (1799)
    • n. 1: Sonata għall-pjanuforti n. 9 fuq Mi maġġuri
    • n. 2: Sonata għall-pjanuforti n. 10 fuq Sol maġġuri
  • Op. 22: Sonata għall-pjanuforti n. 11 fuq Si bemoll maġġuri (1800)
  • Op. 26: Sonata għall-pjanuforti n. 12 fuq La bemoll maġġuri "Marċ funebri" (1801)
  • Op. 27: Żewġ sonati għall-pjanuforti (1801)
    • n. 1: Sonata għall-pjanuforti n. 13 fuq Mi bemoll maġġuri "Kważi Fantasija
    • n. 2: Sonata għall-pjanuforti n. 14 fuq Do diesis minuri "Dawl tal-Qamar"
  • Op. 28: Sonata għall-pjanuforti n. 15 fuq Re maġġuri "Pastorali" (1801)
  • Op. 31: Tlett sonati għall-pjanuforti (1802)
    • n. 1: Sonata għall-pjanuforti n. 16 fuq Sol maġġuri
    • n. 2: Sonata għall-pjanuforti n. 17 fuq Re minuri "It-tempesta"
    • n. 3: Sonata għall-pjanuforti n. 18 fuq Mi bemoll maġġuri "Il-kaċċa"
  • Op. 49: Żewġ sonati għall-pjanuforti (1792)
    • n. 1: Sonata għall-pjanuforti n. 19 fuq Sol minuri
    • n. 2: Sonata għall-pjanuforti n. 20 fuq Sol maġġuri
  • Op. 53: Sonata għall-pjanuforti n. 21 fuq Do maġġuri "Waldstein" (1803)
    • WoO 57: Andante Favori - Muviment ċentrali li ġej mis-sonata (1804)
  • Op. 54: Sonata għall-pjanuforti n. 22 fuq Fa maġġuri (1804)
  • Op. 57: Sonata għall-pjanuforti n. 23 fuq Fa minuri "Appassionata" (1805)
  • Op. 78: Sonata għall-pjanuforti n. 24 fuq Fa diesis maġġuri "lil Therese" (1809)
  • Op. 79: Sonata għall-pjanuforti n. 25 fuq Sol maġġuri (1809)
  • Op. 81a: Sonata għall-pjanuforti n. 26 fuq Mi bemoll maġġuri "is-Saħħiet" (1810)
  • Op. 90: Sonata għall-pjanuforti n. 27 fuq Mi minuri(1814)
  • Op. 101: Sonata għall-pjanuforti n. 28 fuq La maġġuri(1816)
  • Op. 106: Sonata għall-pjanuforti n. 29 fuq Si bemoll maġġuri "Hammerklavier" (1819)
  • Op. 109: Sonata għall-pjanuforti n. 30 fuq Mi maġġuri (1820)
  • Op. 110: Sonata għall-pjanuforti n. 31 fuq La bemoll maġġuri (1821)
  • Op. 111: Sonata għall-pjanuforti n. 32 fuq Do minuri (1822)

[editja] Varjazzjonijiet

  • Op. 34: Sitt varjazzjonijiet fuq tema oriġinali
  • Op. 35: Ħmistax il-varjazzjoni u fuga fuq Mi bemoll maġġuri
  • Op. 44: Varjazzjonijiet fuq Mi bemoll maġġuri (1804)
  • Op. 120: Varjazzjonijiet Diabelli fuq Do maġġuri (1823)
  • K.WoO 63: Varjazzjonijiet fuq marċ ta’ E. Chr. Dressler
  • K.WoO 64: Varjazzjonijiet fuq Kanzunetta svizzera
  • K.WoO 80: Tnejn u tletin varjazzjoni fuq tema oriġinali

[editja] Bagatelli

  • Op. 33: Sebgħa bagatelli għall-pjanuforti (1802)
  • WoO 59: Bagatell fuq La minuri għall-pjanuforti "lil Eliża" (1808)
  • Op. 119: Ħdax il-bagatell għall-pjanuforti (1822)
  • Op. 126: Sitt bagatelli għall-pjanuforti (1824)

[editja] Mużika oħra għall-pjanuforti

  • Op. 134: Große Fuge rranġata għall-żewġ pjanuforti (1826)

[editja] Mużika vokali

[editja] Opri

  • Op. 72: Fidelio (1814)

[editja] Mużika oħra vokali

  • Op. 46: "Adelaide" (1794-1795)
  • Op. 85: "Kristu fuq l-għolja taż-żebbuġ" għas-solisti, kor u orkestra (1803)
  • Op. 86: Quddiesa fuq Do maġġuri (1807)
  • Op. 108: Ħamsa u għoxrin kanzunetta skoċċiża
  • Op. 123: Quddiesa fuq Re maġġuri (Missa Solemnis) (1822)
  • Op. 136: Der glorreiche Augenblick
  • WoO 152: Ħamsa u għoxrin kanzunetta irlandiża
  • WoO 153: Għoxrin kanzunetta irlandiża
  • WoO 154: Tnax il-kanzunetta irlandiża
  • WoO 155: Sitta u għoxrin kanzunetta galliża
  • WoO 157: Tnax il-kanzunetta ta’ nazzjonalitajiet varji

[editja] Bibljografija

  • Georg Kinsky - Hans Halm, Tematisch-Bibliographisches Verzeichnis aller vollendeten Werke Ludwig van Beethoven, G. Henle Verlag, Monaco, 1955
  • James F. Green and Willy Hess, The new catalogue of Beethoven's works, Vance Brook Publications, 2003, ISBN-10:0964057034, ISBN-13: 9780964057036