Hector Berlioz

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex

Louis Hector Berlioz (11 ta' Diċembru, 1803 – 8 ta' Marzu, 1869) kien kompożitur Romantiku Franċiż, magħruf l-iżjed għaż-żewġ kompożizzjonijiet, Symphonie Fantastique (li ndaqqet għall-ewwel darba fl-1830) u l-Grande Messe des Morts (Requiem). Ta kontribut mill-ikbar fl-iżvilupp tal-orkestra moderna bix-xogħol tiegħu Trattat fuq l-Istrumentazzjoni u bl-użu ta' orkestri enormi, li xi minn daqqiet kien ikun fihom aktar minn 1000 mużiċista. Mill-banda l-oħra, ikkompona xi 50 kanzunetta għall-vuċi u l-pjanu.

Ritratt pittura ta' Honoré Daumier

Bijografija[editja]

Berlioz twieled Franza, La Côte-Saint-André fid-"département" ta' Isère, bejn Lyon u Grenoble. Berlioz ma bediex jistudja l-mużika sa meta kellu tnax-il sena, meta beda jikteb kompożizjonijiet u arranġamenti żgħar. B'kuntrast mal-kompożituri l-oħra ta' żmienu, ma kienx xi tifel prodiġju u qatt ma kien tgħallem idoqq il-pjanu, għalkemm bħala tifel kien idoqq il-flawt u l-kitarra. Missieru kien tabib u studjuż. Meta kellu tmintax, bagħtuh Pariġi biex jistudja l-mediċina imma ma kellu l-ebda interess fiha. Minkejja d-diżapprovazzjoni ta' missieru, telaq l-istudji mediċi biex isegwi karriera fil-mużika. Fl-1826 beda jattendi il-Conservatoire de Paris biex jistudja l-kompożizzjoni taħt Jean-François Lesueur. Wara erba' snin biss, fl-1830, Berlioz rebaħ il-"Prix de Rome".

Id-dar fejn twieled Berlioz

Berlioz jgħidu li kien romantiku minn natura u li kien iħoss emozzjoniet qawwija tant li kien jinfaqa' jibki meta jisma' ċerti passaġġi minn Virġilju, Shakespeare, u Beethoven. Din il-karatteristika tidher ukoll fir-rumanzi li kellu u l-iżjed l-imħabba għall-attriċi Shakespearjana Irlandiża Harriet Constance Smithson. Din l-attriċi kienet l-ispirazzjoni għas-Symphonie fantastique (Sinfonija fantastika) li kkompona fl-1830, tliet snin biss wara l-mewt ta' Beethoven. Din is-sinfonija mill-ewwel kienet meqjusa mill-udjenzi Pariġini bħala oriġinali mill-iżjed, sorprendenti ħafna u mimlija ħajja waqt li n-natura awtobijografika tagħha dak iż-żmien kienet ikkunsidrata sensazzjonali. Smithson dehrilha li l-ittri ta' Berlioz biex jintroduċi ruħu kienu appassjonati wisq u fil-bidu minħabba fihom irrefjutat l-imħabba tiegħu. Fl-aħħar, meta mar lura Pariġi wara sentejn studju Ruma, iltaqa' ma' Smithson wara li attendit kunċert tas-Symphonie Fantastique. Minn-noti tal-kompożitur hi ndunat li s-sinfonija kienet deskrizzjoni tal-iżvilupp ta' mħabbtu lejha u wara, fl-1833, iżżewġitu. Fit-tieġ Franz Liszt kien xhud u Heinrich Heine kien wieħed mill-mistednin. Kellhom tifel wieħed jismu Louis Berlioz, li twieled fl-1834. Berlioz u martu nfirdu fl-1844 imma Berlioz baqa' jtiha l-manteniment u jżurha sa mewtha fl-1854. Wara l-mewt ta' martu Berlioz iżżewweġ 'l Marie Recio, kantanta li kienet ivvjaġġjat u għexet miegħu għal tlettax-il sena qabel. Hu kien jammetti li żżewwiġha iżjed bħala dmir milli għall-imħabba.

F'ħajtu, barra li kien famuż bħala kompożitur, Berlioz kien magħruf ukoll bħala surmast tal-orkestra. Għamel vjaġġi lejn il-Ġermanja, l-Ingilterra u r-Russja, fejn mexxa opri u mużika sinfonika, tiegħu u ta' haddieħor. Niccolò Paganini, il-'virtuoso' tal-vjolin u kompożitur, ta kommisjoni 'l Berlioz biex jikkomponi kunċert għall-vjola, li hu xtaq li jkun l-ewwel wieħed li jdoqqu bħala soloista. Ir-riżultat kien is-sinfonija għall-vjola u orkestra, Harold en Italie.

Il-qabar ta' Berlioz

Meta Paganini ra l-ewwel abbozzi ta' dan ix-xogħol, biddel il-ħsieb u qal li xtaq idoqq il-ħin kollu matul is-sinfonija. Għalkemm Paganini ma ħax parti fil-premiere ta' dan ix-xogħol, fil-memoirs ta' Berlioz insibu li meta Paganini sema' s-sinfonija, intefa' għar-rkubtejh quddiem Berlioz, quddiem l-orkestra kollha u ddikjarah ġenju. L-għada tah rigal ta' 20,000 frank. B'din is-somma flus Berlioz seta' jħallas id-dejn ta' Harriet u tiegħu u jieqaf mix-xogħol ta' kritika biex jikkonċentra fuq il-kompożizzjoni tas-sinfonija drammatika, Roméo et Juliette għall-vuċijiet, kor u orkestra. Iżjed tard f'ħajtu Berlioz kien jgħid li fost il-kompożizzjoniet tiegħu Roméo et Juliette kienet waħda mill-favoriti. Imma kien jikkonsidra r-Requiem bħala l-aħjar opra tiegħu. Din kienet suċċess kbir Franza u barra, mhux bħax-xogħol importanti vokali tiegħu ta' iżjed tard pereżempju La Damnation de Faust u Les Troyens, li kienu fjaski kommerċjali.

Berlioz immantena ż-żewġ familji li kellu bil-kitba ta' kritika mużikali f'publikazzjonijiet Pariġini, l-iżjed f'Le Journal des Debats, għal fuq minn tletin sena. Ħareġ erba' kotba f'ħajtu u l-"Memoirs" tiegħu dehru wara mewtu.

Berlioz kien parti importanti mill-moviment Romantiku Franċiż. Fost ħbiebu kien hemm kittieba bħal Alexandre Dumas, père, Victor Hugo, u Honoré de Balzac. Wara, Théophile Gautier kiteb, "Jidhirli li Hector Berlioz ma' Hugo u Delacroix, jifforma it-Trinità tal-Arti Romantika."

Hector Berlioz hu midfun fis-Cimetiere de Montmartre maż-żewġ nisa tiegħu, Harriet (mietet 1854) u Marie (mietet 1862).

Il-Legat[editja]

Ritratt pittura ta' Émile Signol 1832

Għalkemm Franza il-mużika ta' Berlioz ma kinetx stmata matul parti kbira tas-seklu dsatax, hi meqjusa bħala influwenzja qawwija fl-iżvilupp tal-forma sinfonika, strumentazzjoni u d-deskrizzjoni bil-mużika ta' ideat programmatiċi, il-karatteristiċi ċentrali tar-romantiċiżmu mużikali. Fi żmienu kien meqjus modern ħafna u huwa, Wagner u Liszt huma meqjusa bħala t-trinità prinċipali tar-romantiċiżmu progressiv tas-seklu dsatax. Richard Pohl, il-kritiku Germaniż fin-Neue Zeitschrift für Musik sejjaħ 'l Berlioz "pijunir tassew", Liszt kien jappoġġjah u jdoqq il-mużika tiegħu b'ħafna entużjażmu, u Wagner stess, wara li għall-ewwel kien esprima riżervazzjonijiet serji fuq Berlioz, kiteb 'l Liszt jgħidlu: "aħna, Liszt, Berlioz u Wagner, aħna tlieta ndaqs, imma rridu noqogħdu attenti li ma ngħidulux hekk." Kif jindika Wagner, Berlioz stess ma kinetx tinteressah l-idea ta' dik li kienu jsejħulha "La Musique du Passé", u jidher ċar li kien influwenza lil Liszt u 'l Wagner (u 'l-kompożituri li kienu jħarsu 'l quddiem) għalkemm qatt wera' ammirazzjoni għax-xogħol tagħhom. Ir-rimarka ta' Wagner tissuġġerixxi wkoll li kien hemm nazzjonaliżmu qawwi fost il-Kompożituri Ewropej ta' dak iż-żmien fuq iż-żewġ naħat tax-xmara Renu.

Influenzi[editja]

Berlioz kellu mħabba kbira għall-letteratura, u ħafna mill-aħjar kompożizzjonijiet tiegħu kienu ispirati minn xogħolijiet letterarji. Fis-Symphonie Fantastique, Berlioz kien parzjalment ispirat mill-“Confessions of an English Opium-Eater” ta' Thomas de Quincey. Għal La damnation de Faust, Berlioz ħa idejat mill-Faust ta' Goethe; għal Harold in Italy, ħa idejat minn Childe Harold ta' Byron; għal Benvenuto Cellini, uża l-awtobijografija ta' Cellini stess. Għal Roméo et Juliette, Berlioz naturalment uża Romeo u Ġuljetta ta' Shakespeare. Il-"magnum opus" tiegħu, l-opra monumentali Les Troyens, Berlioz ibbażha fuq il-poema epiku ta' Virġilju, Enejdi (Aeneis). Fl-aħħar opra, l-opra buffa Béatrice et Bénédict, Berlioz kiteb librett ibbażat ftit jew wisq fuq Much Ado About Nothing ta' Shakespeare. Fil-kompożizzjoni Tristia għall-orkestra u l-kor, ħa l-inspirazzjoni minn Hamlet ta' Shakespeare.

Fil-mużika l-ikbar influwenza fuq Berlioz kien Beethoven li dak iż-żmien ma kienx magħruf ħafna Franza u r-rappreżentazzjoni tas-sinfonija Eroica Pariġi tidher li kienet punt kritiku fil-kompożizzjoni tiegħu. Wara Beethoven, Berlioz kellu rispett profond għax-xogħol ta' Gluck, Mozart, Étienne Méhul, Carl Maria von Weber u Gaspare Spontini, kif ukoll għal dak ta' Rossini, Meyerbeer u Verdi. Jidher stramb li l-avventuri tal-kontemporanji prominenti Frederic Chopin u Richard Wagner fil-kromatiżmu kellhom ftit effett fuq l-istil ta' Berlioz.

Xogħlijiet mużikali u letterarji[editja]

Il-dar ta'Berlioz f'Pariġi

Xogħlijiet mużikali[editja]

Is-Symphonie Fantastique famuża għall-innovazzjoni tas-'sinfonija deskrittiva' hi meqjusa bħala l-kapolavur tiegħu. Din tikkonsisti f'ħames movimenti u bejn wieħed u ieħor tiddeskrivi l-istorja ta' Berlioz stess: "Mużiċista żagħżugħ malinkoniku u b'immaġinazzjoni qawwija, iddisprat bl-imħabba jieħu l-loppju biex jivvelena ruħu. Id-droga ma taħdimx imma titfgħu f'raqqda fil-fond fejn ikollu viżjonijiet strambi. Il-maħbuba tinbidel f'melodija rikorrenti jew 'leitmotiv' li tittormentah kull fejn imur".

Barra mis-Symphonie Fantastique insemmu xi xogħolijiet oħra li daż-żmien jifformaw parti regulari mir-repertoire orkestrali: Il-"légende dramatique" La damnation de Faust u s-"symphonie dramatique" Roméo et Juliette (sinfonija) (it-tnejn xogħlijiet fuq skala kbira għall-vuċijiet u l-orkestra mħalltin), iċ-ċiklu ta' kanzunetti Les nuits d'été (oriġinalment għall-vuċi u l-pjanu, u iżjed tard b'akkumpanjament orkestrali), is-sinfonija concertante (għall-vjola u l-orkestra) Harold in Italy, it-Te Deum kważi-liturġiku u l-oratorju L'Enfance du Christ.

L-udjenzi stabiliti tal-opri u l-kunċerti ma kinetx togħġobhom il-mużika nonkonformista ta' Berlioz u għalhekk kellu jtella' l-mużika tiegħu stess u jħallas hu. Dan kien piż tqil għalih finanzjarjament u emozjonalment. Kellu qalba ta' xi 1200 persuna li kienu jattendu l-mużika tiegħu fidilment, imma billi xogħlu xi minn daqqiet kien jinvolvi mijiet ta' mużiċisti, kien diffiċli li qatt jagħmel suċċess finanzjarju. Kellu juża l-abbiltà ġurnalistika tiegħu biex jaqla' x'jiekol. Bħala kritiku spirituż kien jisħaq fuq id-drammatiċità u l-espressjoniżmu fil-mużika.

Xogħlijiet letterarji[editja]

Il-firma ta' Berlioz

Waqt li Berlioz kien magħruf l-iżjed bħala kompożitur, kien ukoll kittieb prolifiku u għex għal ħafna snin bil-kitba tal-kritika mużikali. Kellu stil awdaċi, vigoruż u xi mindaqqiet sarkastiku u awtoritarju. Leljiet ma' l-Orkestra (1852) hija satira severa tal-ħajja mużikali fil-provinċji ta' Franza fis-seklu 19. Fil-Memoirs (1870), Berlioz ipinġi ritratt awtorevoli tal-età Romantika mill-punto di vista ta' wieħed mill-protagonisti prinċipali tagħha.

Ix-xogħol pedagoġiku ta' Berlioz, Grand traité d'instrumentation et d'orchestration moderne, stabbilixxa l-fama tiegħu bħala mgħallem tal-orkestrazzjoni. Gustav Mahler u Richard Strauss studjaw dax-xogħol bir-reqqa u Nikolai Rimski-Korsakov, li meta kien student tal-mużika kien attenda l-kunċerti mmexxijin minn Berlioz f'Moska u f'San Pietruburgu, użah bħala bażi għall-ktieb tiegħu għall-istudenti tal-mużika. Berlioz kien magħruf bħala l-bniedem li kkompona għal elf mużiċista għax kien l-ewwel li uża orkestri ta' forza ġganteska, għalkemm qatt ma pprova juża din il-qawwa għal effetti frivoli jew volum u kien l-ewwel li beda jittratta l-orkestra idjomatikament u sistematikament, għalkemm hu stess ma kien jaf idoqq l-ebda strument sewwa biżżejjed. Fil-ktieb The Great Conductors (1967) Harold Schonberg jgħid: "L-ebda kompożitur qabel (Berlioz), u x'aktarx ħadd wara, lanqas Mahler stess, ma kellu daqshekk viżjoni tal-ħoss pur u kif joħorġu mill-orkestra. Kien jitpaxxa bil-kombinazzjonijiet tonali ġodda, bil-potenzjalità ta' kull strument, b'tip ta' super-mużika mdaqqa minn super-orkestra."

Ix-xogħol tiegħu bħala surmast kien ta' influwenza qawwija u bla dubju, iċ-ċarezza u l-preċiżjoni tiegħu għadhom s'issa jinfluwenzaw l-iSkola Franċiża għat-tmexxija tal-orkestra.

Kompożizzjonijiet[editja]

Ritratt disinn ta' Alphonse Legros

Mużika sinfonika[editja]

  • Waverley op. 1 (1826)
  • Francs-Juges op. 3 (1826)
  • Symphonie fantastique op. 14 (1830)
  • Le Roi Lear (1831)
  • Rob Roy (1832)
  • Harold en Italie op. 16 (1834)
  • Réverie et caprice op. 8 (1839)
  • Roméo et Juliette (1839)
  • Grande symphonie funèbre et triomphale op. 15 (1840)
  • Carnaval romain op. 9 (1843)
  • Le Corsaire op. 21 (1845)

Opri teatrali[editja]

Paġna titulari ta' edizzjoni antika ta' La prise de Troye
  • Les francs-juges (komposta bejn l-1826 u l-1833, mhux kompluta)
  • Lélio, ou le retour à la vie, melologu (1832)
  • Benvenuto Cellini (1838 – l-aħħar verżjoni 1856)
  • Les Troyens (1858) maqsuma f'żewġ partijiet li jkomplu:
    • La prise de Troye
    • Les Troyens à Carthage
  • Béatrice et Bénédict (1862 - ibbażata fuq Ħafna Storbju għal Xejn ta' Shakespeare)

Mużika vokali sagra[editja]

  • Grande messe des morts (requiem)
  • L'enfance du Christ
  • Resurrexit
  • Tantum ergo
  • Te Deum
  • Veni Creator

Mużika vokali profana[editja]

Hector Berlioz 1.jpg
  • Scène Héroique sur la révolution Grecque
  • La mort d'Orphée
  • Huit scènes de Faust
  • Meditation religieuse
  • Le cinq mai
  • Sara la baigneuse
  • Hymne à la France
  • Chants des chemins de Fer
  • L'impériale (Le dix décembre)
  • Herminie
  • La mort de Cléopatre
  • Le ballet des Ombres
  • Chant guerrier
  • Chanson à boire
  • Le chant des Bretons
  • la menace des Francs
  • Prière du matin
  • Hymne pour la consecration su noveau tavernacle
  • Le temple universel
  • Le dépit de la bergère
  • Le maure jaloux
  • Pleure pauvre Colette
  • Toi qui l'aimas verse des pleurs
  • Amitié, reprends ton empìre
  • Le montagnard exilé
  • Canon libre à la quinte, à deux voix
  • Hélène
  • Chant sacrée
  • La belle voyageuse
  • Le coucher du Soleil
  • L'origine de la Harpe
  • Adieu Bessy
  • Elégie en prose
  • La captive
  • Je crois en vous
  • Les champs
  • Nuits d'été
  • Premiers transports
  • La belle Isabeau
  • Zaide
  • Le chasseur danois
  • La mort d'Ophélie
  • Petit oiseau
  • Le trébuchet

Oħrajn[editja]

Hector Berlioz 2.jpg
  • Irlanda (ġabra ta' melodiji għal vuċi waħda u żewġ vuċijiet)
  • Fleurs des Landes
  • Tristia
  • Trois morceaux pour l'orgue
  • Feulliets d'album
  • Vox Populi
  • La fuite en Égypte
  • L'invitation à la valse ta' Weber strumentata minn Berlioz
  • La marseillaise ta' Rouget de l'isle strumentata minn Berlioz
  • La marche marocaine ta' Leopold de Mayer strumentata minn Berlioz