William Shakespeare

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex
William Shakespeare fir-ritratt ta' Chandos, il-pittur u l-awtentiċità mhux konfermati. National Portrait Gallery, Londra

William Shakespeare (Stratford-upon-Avon, 26 ta' April 1564 - Stratford-upon-Avon, 23 ta' April 1616) kien poeta u drammaturgu Ingliż, meqjus bħala l-aqwa kittieb fl-ilsien Ingliż u l-aqwa drammaturgu tad-dinja. Ħafna jsejħulu ukoll il-poeta nazzjonali tal-Ingilterra u l-"Bard of Avon". Ix-xogħlijiet li wasslulna tiegħu jinkludu 38 dramm, 154 sunett, żewġ poeżiji narrattivi twal, u ħafna poeżiji. Id-drammi tiegħu nqalbu fl-ilsna ewlenin kollha tad-dinja u jsiru rappreżentazzjonijiet tagħhom iktar minn ta' kull drammaturgu ieħor fid-dinja.

Ta' 18-il sena, iżżewweġ lil Anne Hathaway, li minnha kellu tliet ulied: Susanna, u t-tewmin Hamnet u Judith. Bejn l-1585 u l-1592, beda karriera mimlija suċċessi f'Londra bħala attur, kittieb u propjetarju bi sħab ta' kumpanija drammatika bl-isem The Lord Chamberlain's Men, iktar tard imsejħa the King's Men. Irtira fi Stratford xi tliet snin qabel ma miet. Billi ftit li xejn jeżisti tagħrif storiku fuq il-ħajja privata tiegħu, tul iż-żmien ħafna spekulaw fuq id-dehra fiżika tiegħu, is-sesswalità tiegħu, it-twemmin reliġjuż tiegħu, u jekk hux tassew il-kitbiet tiegħu kitibhomx hu jew oħrajn.

Shakespeare kiteb ħafna mix-xogħlijiet tiegħu bejn l-1589 u l-1613. Id-drammi tiegħu tal-bidu kienu kummiedji u drammi storiċi, ġeneri li hu għolla għal livell artistiku għoli lejn l-aħħar tas-seklu sittax. Imbagħad sal-1608 kiteb l-aktar traġedji, fosthom Hamlet, King Lear, Othello, u Macbeth, meqjusin fost l-aqwa xogħlijiet fil-letteratura Ingliża. Fl-aħħar fażi tiegħu, kiteb l-aktar traġikummiedji, magħrufin l-aktar bħala romanzi, u ħadem ma' drammaturgi oħra.

Ħafna mid-drammi tiegħu ġew ippubblikati f'ħajtu. Fl-1623, tnejn milli kienu jaħdmu miegħu ippubblikaw il-First Folio, antoloġija tad-drammi kollha tiegħu ħlief tnejn.

Shakespeare kien poeta u drammaturgu stmat f'ħajtu, imma l-fama kbira li għandu llum ma bediex igawdiha qabel is-seklu 19. Ir-Romantiċi faħħru l-ġenjalità tiegħu u l-Vittorjani tant kienu jadurawh li George Bernard Shaw sejħilha bardolatry. Fis-seklu 20, xogħlijiet ġew riskoperti minn movimenti ġodda. Id-drammi tiegħu għadhom popolari ħafna fi żmienna u kontinwament jiġu studjati, esegwiti, u ri-interpretati f'kuntesti kulturali u politiċi diversi madwar id-dinja.

Drammi ta' Shakespeare[editja]

Kummiedji[editja]

  • Kollox tajjeb li jispiċċa tajjeb (All's Well That Ends Well)
  • Hekk Kif Jogħġbok (As You Like It)
  • Il-Kummiedja tal-Iżbalji (The Comedy of Errors)
  • Mitlufa l-Piena tal-Imħabba (Love's Labour's Lost)
  • Qies għal Qies (Measure for Measure)
  • Il-Merkant ta’ Venezja (The Merchant of Venice)
  • In-Nisa Ferħanin ta' Windsor (The Merry Wives of Windsor)
  • Ħolma ta’ Lejla Sajfija (A Midsummer Night's Dream)
  • Ħafna Storbju fuq Xejn (Much Ado About Nothing)
  • Perikle, Prinċep ta' Tiru
  • L-Imqarba Immansata (The Taming of the Shrew)
  • It-Tempesta (The Tempest)
  • It-Tnax-il Lejl (Twelfth Night)
  • Iż-Żewġ Ġentilwomi ta' Verona (The Two Gentlemen of Verona)
  • Iż-Żewġ Qraba Nobbli (The Two Noble Kinsmen)
  • Ħrafa tax-Xitwa (The Winter's Tale)

Drammi Storiċi[editja]

  • Ir-Re Ġwanni
  • Rikardu II
  • Enriku IV, Parti 1
  • Enriku IV, Parti 2
  • Enriku V
  • Enriku VI, Parti 1
  • Enriku VI, Parti 2
  • Enriku VI, Parti 3
  • Rikardu III
  • Enriku VIII

Traġedji[editja]

  • Romeo u Ġuljetta (Romeo and Juliet)
  • Korjolanu (Coriolanus)
  • Titu Androniku (Titus Andronicus)
  • Timon ta' Ateni (Timon of Athens)
  • Ġulju Ċesri (Julius Caesar)
  • Macbeth
  • Hamlet
  • Trojlu u Kressida (Troilus and Cressida)
  • Ir-Re Lear (King Lear)
  • Otello (Othello)
  • Antonju u Kleopatra (Antony and Cleopatra)
  • Ċimbelinu (Cymbeline)

Traduzzjonijiet għall-Malti[editja]

Alfred Palma qaleb għall-Malti ħafna drammi ta' Shakespeare: 1994: Romeo u Ġuljetta; 1995: Il-Merkant ta’ Venezja; 1996: L-Imqarba Immansata; 1996: Ħolma ta’ Lejla Sajfija; 1996: It-Tempesta; 1996: Il-Kummiedja ta’ l-Iżbalji; 1996: It-Tnax-il Lejl; 1996: Macbeth; 1997: Hekk Kif Jogħġbok; 1997: Hamlet; 1997: Ġulju Ċesri.