Barack Obama
Dan l-artiklu dwar persuna huwa nebbieta. Jekk trid, tista' tikkontribwixxi issa biex ittejjeb dan l-artiklu, dejjem skont il-konvenzjonijiet tal-Wikipedija. |
Dan l-artiklu dwar il-politika huwa nebbieta. Jekk trid, tista' tikkontribwixxi issa biex ittejjeb dan l-artiklu, dejjem skont il-konvenzjonijiet tal-Wikipedija. |
Barack Hussein Obama II (Ħonolulu, 4 ta' Awwissu 1961) kien President tal-Istati Uniti f'isem il-Partit Demokratiku. Nhar l-20 ta' Jannar 2009 ħa l-ġurament tal-ħatra bħala l-erbgħa u erbgħin President tal-Amerika, fejn b'hekk sar l-ewwel Afro-Amerikan li nħatar f'din il-pożizzjoni għolja fl-Istati Uniti. Hu kien elett għal terminu ieħor fl-2013 u l-Presidenza tiegħu ntemmet nhar l-20 ta' Jannar 2017.
Tfulija
[immodifika | immodifika s-sors]Fis-sena 1960 missieru, Kenjan, wasal fil-gżira ta’ Honolulu biex jistudja l-ekonomija fl-università tal-Hawaii. Kien jismu Barack Obama Sr., membru tat-tribù Lou minn raħal fil-Kenja tal-Punent qrib Kisumu. Kien għadu f’nofs l-għoxrinijiet tiegħu, imma diġà kellu mara u tfal f’pajjiżu fl-Afrika.
Fil-kampus ta’ l-università ta’ Honolulu, Barack Sr iltaqa’ ma’ tfajla bajda, Ann, li l-ġenituri tagħha kienu għadhom kemm ġew joqogħdu fil-gżira wara li missierha, Stanley, kien sab xogħol hemmhekk. Il-koppja oriġinarjament kienu minn Kansas imma kienu daru l-Amerika kollha biex isibu x-xogħol u post fejn joqogħdu.
Ann kellha biss 18 meta Barack Jr twieled fl-4 ta’Awwissu 1961. Iżżewġu wara li saru jafu li kien se jkollhom tarbija. Iżda Barack Sr, telaq mill-Hawaii inqas minn sena wara, lejn Cambridge, wara li kien ta intervista lil gazzetta lokali biex jiċċelebra l-isem tiegħu fl-istorja tal-Hawaii bħala l-ewwel gradwat Afrikan ta’ l-università: “l-istudent ta’ 26 sena mill-Kenja, student b’A, fi triqtu lejn Harvard biex jieħu l-PhD fl-ekonomija.” Fil-ktieb tiegħu “Dreams from My Father”, Obama jgħid li l-ġenituri tiegħu kienu żżewġu biż-żwieġ ċivili, imma hu qatt ma kellu l-ħila jsib iċ-ċertifikat taż-żwieġ ta’ missieru jew iċ-ċertifikat tad-divorzju ta’ missieru, u huwa għandu d-dubju jekk fil-fatt missieru u ommu qattx iżżewġu! Fil-fatt, missier Obama kien telaq mill-Hawaii u ma reġax lura ħlief darba (fl-1971), l-unika darba li Barack ra lil missieru, meta kellu għaxar snin. U għaxar snin wara, fl-1982, Barack Sr. miet f’inċident tat-traffiku fil-Kenja fl-eta ta’ 46 sena.
Ommu Ann kienet iltaqgħet ma’ student barrani ieħor mill-Indoneżja u marret tgħix miegħu f’Ġakarta, fejn bdiet tgħallem lil Obama d-dar għax ma kinitx tista’ tħallas għall-iskola internazzjonali tal-lokal. Obama għamel sentejn fi skola Iżlamika f’Ġakarta għax is-sieħeb t’ommu kien Musulman. Wara li ommu kellha tarbija tifla mir-raġel il-ġdid tagħha, Obama ta’ għaxar snin, xtaq imur skola l-Amerka. Ommu kontra qalbha aċċettat u Obama mar Honolulu jgħix man-nanniet Amerikani tiegħu li tawh skola mill-aqwa sakemm laħaq avukat f’Harvard fl-1991. Fl-iskola privata fejn kien, kienu biss tlett itfal suwed u għall-ewwel darba fehem x’jiġifieri tkun iswed u x’jiġifieri razziżmu. Fiż-żmien li kien fil-High School Obama taha għall-vizzjijiet tal-alkoħol u tad-droga, li fi kliemu kien l-akbar falliment morali tiegħu. Ommu Ann sadattant saret antropologa iżda mietet fl-1995 bil-kanċer, fl-eta ta’ 52 sena.
Senatur
[immodifika | immodifika s-sors]Meta għamel id-diskors famuż tiegħu f’Boston kien għadu kemm rebaħ nominazzjoni preliminari biex ikun jista’ jikkontesta għas-senat Amerikan. Infatti, f’Novembru ta’ dik is-sena, Obama rebaħ siġġu fis-Senat b’maġġoranza ta’ 70% tal-voti.
Fid-diskors tiegħu f’Lulju ta’ l-2004, Obama mess nerv psikoloġiku li nebbaħ f’ħafna nies l-isbaħ ħolm li dejjem kellha l-Amerika: Ħolm ta’ għaqda, ugwaljanza, ġid u tama. “M’hemmx Amerika liberali u Amerika konservattiva,” kien qal dakinhar, “hemm biss l-Istati Uniti tal-Amerika. M’hemmx Amerika sewda u Amerika bajda, Amerika Latina u Amerika Ażjatika; hemm biss l-Istati Uniti tal-Amerika.”
Dan il-diskors għolla l-profil politiku ta’ Obama m’għola s-smewwiet u wasslu biex, fi Frar 2008, iħabbar il-kandidatura tiegħu għal President. Imbagħad, fil-bidu ta’ Ġunju, wara taqtigħa ħarxa ma’ Hillary Clinton, huwa rebaħ in-nominazzjoni tal-Partit Demokratiku u beda t-tiġrija aħħarija tiegħu għal President kontra l-kandidat Repubblikan, John McCain.
L-ewwel President Afro-Amerikan
[immodifika | immodifika s-sors]Nhar l-4 ta’ Novembru 2008, Obama kiseb il-Presidenza. Nhar l-20 ta' Jannar 2009 ħa l-ġurament tal-ħatra bħala l-erbgħa u erbgħin President tal-Amerika, fejn b'hekk sar l-ewwel Afro-Amerikan li nħatar f'din il-pożizzjoni għolja fl-Istati Uniti.
Bħala president, Obama iffirma leġislazzjoni biex tistimula l-ekonomija bl-American Recovery and Reinvestment Act fi Frar 2009, u t-Tax Relief, Unemployment Insurance Reauthorization, and Job Creation Act tal-2010 kontra r-riċessjoni li ġarrbet l-Istati Uniti bejn l-2007 u l-2009. Inizjattivi oħra ta' politika domestika jinkludu l-Patient Protection and Affordable Care Act, leġislazzjoni ta' riforma fil-kura tas-saħħa li ffirmah bħala liġi f'Marzu 2010, u d-Dodd-Frank Wall Street Reform and Consumer Protection Act, li ffirmahom f'Lulju 2010, Don't Ask, Don't Tell Repeal Act u l-Budget Control Act tal-2011.
Fil-politika barranija, Obama ġab fi tmiemu l-involviment militari Amerikan fil-gwerra tal-Iraq, żied it-truppi fl-Afganistan, u ffirma trattat ta' kontroll tal-armamenti mar-Russja, ordna involviment militari Amerikan fil-Libja, u ordna l-operazzjoni militari li wasslet għall-qtil ta' Osama bin Laden. F'Mejju 2012, sar l-ewwel president Amerikan li appoġġja pubblikament il-legalizzazzjoni taż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess.
Nhar it-8 ta' Ottubru 2009, tħabbar li Obama kien se jingħata l-Premju Nobel għall-Paċi 2009.
Ir-Riforma fil-Kura tas-Saħħa
[immodifika | immodifika s-sors]Nhar it-23 ta' Marzu 2010, Obama ffirma liġi li kienet riforma storika fil-kura tas-saħħa fl-Istati Uniti u wegħda elettorali ewlenija tiegħu. Il-firma ta' Obama ġabet fi tmiem disa' xhur ta' konfront politiku fuq ir-riforma bejn ir-Repubblikani u d-Demokratiċi. Ir-Riforma għaddiet mis-Senat jumejn qabel, b'differenza ta' 7 voti biss, 219 kontra 212. Ir-Riforma ta' Obama wasslet għall-akbar bidla fil-kura tas-saħħa Amerikana – li tiswa 2.5 triljun dollaru – minn mindu fl-1965 inħoloq il-programm tal-kura tas-saħħa mmexxi mill-Gvern – magħruf bħala Medicare – għall-anzjani u nies b'diżabilità. B'din ir-riforma, 95% tal-Amerikani għandhom aċċess għall-kura tas-saħħa b'xejn u l-kumpaniji ma jistgħux jirrifjutaw li jassiguraw lil dawk il-persuni li jkunu jbatu minn xi kundizzjoni medika jew oħra. Bir-riforma ħafna Amerikani għandhom l-assigurazzjoni tas-saħħa, ingħataw is-sussidji lil xi wħud biex iħallsu ħalli jkunu koperti, u nħolqu skemi biex dawk mingħajr assigurazzjoni jistgħu jqabblu u jfittxu l-aħjar pjan ta' assigurazzjoni għalihom. Ir-Repubblikani sostnew li din ir-riforma hi indħil kbir tal-Gvern fis-settur tal-kura tas-saħħa u minħabba fiha se jiżdiedu l-ispejjeż u l-prezzijiet, u jitnaqqsu l-għażliet tal-pazjenti.
It-Tieni Mandat tal-Presidenza Obama (2013-2017 )
[immodifika | immodifika s-sors]Nhar l-4 t'April, 2011, Obama ħabbar il-kampanja għar-ri-elezzjoni tiegħu tal-2012. Sa sena wara kellu l-2778 delegat tal-konvenzjoni li kellu bżonn biex jirbaħ in-nominazzjoni tal-Partit Demokratiku. Fil-Konvenzjoni tal-Partit li tlaqqgħet f'Charlotte, North Carolina, l-eks President Bill Clinton innomina lilu u lil Joe Biden bħala kandidati tal-Partit għal president u viċi-president fl-elezzjoni ġenerali, li fiha l-oppożituri tagħhom kienu r-Repubblikani Mitt Romney, l-eks gvernatur tal-Massachusetts, u Paul Ryan tal-Wisconsin.
Nhar is-6 ta' Novembru, 2012, Obama rebaħ 332 delegat tal-kulleġġ elettorali, u hekk qabeż il-270 delegat meħtieġa biex ikun elett għat-tieni mandat tiegħu ta' president. Hekk Obama sar l-ewwel President Democratiku sa minn żmien Franklin D. Roosevelt li rebaħ il-maġġoranza tal-vot popolari darbtejn. Il-President Obama indirizza lill-partitarji tiegħu f'Chicago's McCormick Place wara r-ri-elezzjoni u qalilhom "Dal-lejl ivvutajtu għall-azzjoni, mhux għall-politika tas-soltu. Intom eleġġejtuna biex niffukaw fuq l-impjiegi tagħkom, mhux tagħna. U fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin, qed inħares 'il quddiem biex naħdem mal-mexxejja taż-żewġ partiti."