Imperu Ruman

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex

L-Imperu Ruman hu t-terminu li jintuża għal għaqda ta' artijiet li kienu parti mir-Repubblika Rumana, wara li dan ġie riorganizzat taħt it-tmexxija ta' Ottavjanu, magħruf aħjar bħala Ċesri Awgustu. Anki jekk Ruma bħala repubblika rnexxiela tkabbar ammont ta' stati-tributarji, ikun żball jekk wieħed iħawwad dawn iż-żewġ entitajiet differenti.

Ir-riorganiżazzjoni ta' l-artijiet Rumani minn Awgustu, baqgħet għaddejja sħiħa mingħajr ħafna tibdil sal-wasla ta' l-Imperatur Dijoklezjanu. Dawn ir-riformi li saru fl-aħħar tat-tieni seklu WK, dawru l-Imperu f'tetrarkija. Anki jekk is-sistema ta' Dijoklezjanu ma tantx damet f'postha, din xorta qasmet l-Imperu fi tnejn. Dan il-fatt irnexxielu jsalva l-Imperu Ruman għal mitejn sena oħra, anki jekk maqsum fl-Imperu tal-Lvant u dak tal-Punent. It-tmiem ta' l-Imperu Ruman tal-Punent jinżamm tradizzjonalment fis-sena 476 WK, meta l-barbaru Odovakru neħħa l-aħħar imperatur, u bagħat l-insinja tal-Imperatur tal-Punent lil dak tal-Lvant. Wara elf sena oħra, fl-1453, waqgħet Kostantinopli, u magħha l-aħħar fdalijiet ta' l-Imperu Ruman.

Minħabba l-fatt li l-Imperu Ruman dam għal daqstant żmien, mill-31 QK sa l-1453, kien hemm ammont ta' ismijiet li ntużaw mill-istorjografi biex jiddistingwu bejniet iż-żminijiet; hemm l-Imperu Biżantin, hemm l-Imperu Ruman tal-Punent, u dak tal-Lvant;

L-influwenza ta' l-Imperu Ruman fuq il-gvern, il-liġi, il-militar, u l-arkitettura monumentali, kif ukoll influwenza fuq il-mod ta' għajxien ta' l-Ewropej ta' llum, hi kbira ħafna. Il-Griegi (Biżantini) bdew isejħu lilhom infusom bħala Rumani, ħaġa li għadek issibha f'ċerti nħawi tal-Greċja, probabbilment bħala riżultat ta' l-istatus elevat tagħhom stess fl-Imperu Ruman.

Titli Rumani bdew jittieħdu minn ħafna renjanti Ewropej, bħar-rejiet tar-renju tal-Franki, l-Imperu Ruman Qaddis, l-ewwel u t-tieni Imperi Bulgari, id-dinastiji Russi/ta' Kiev (czar hi korruzzjoni ta' Ċesri), u l-Imperu Ġermaniż (kaiser hi korruzzjoni ta' Ċesri wkoll).