Partit Nazzjonalista (Malta)

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex
Partit Nazzjonalista
Partit Nazzjonalista (Malta) (Arma).jpg
Mexxej Simon Busuttil
Fundat 1880 riorganizzat 1926
Kwartieri ġenerali Dar Ċentrali
Triq Herbert Ganado
Ħamrun
Ideoloġija Politika Demokrazija Kristjana
Affiljazzjoni Internazzjonali Unjoni Demokratika Internazzjonali
Demokrazija Kristjana Internazzjonali
Affiljazzjoni Ewropea Partit Popolari Ewropew
Grupp Parlamentari Ewropew PPE-DE
Kuluri Blu
Sit elettroniku www.pn.org.mt
Ara wkoll Politika ta' Malta

Partiti politiċi
Elezzjonijiet

Il-Partit Nazzjonalista huwa partit politiku Malti, wieħed miż-żewġ partiti ewlenin f'Malta (l-ieħor il-Partit Laburista (Malta)) u bħalissa jinsab fl-Oppożizzjoni. Huwa jiddeskrivi ruħu bħala partit demokratiku nisrani (fil-fatt huwa affiljat mad-Demokrazija Kristjana Internazzjonali, mal-Partit Popolari Ewropew u l-Unjoni Demokratika Internazzjonali.

L-Ewwel Snin[editja]

Il-Partit Nazzjonalista twaqqaf fl-1880 minn Fortunato Mizzi, avukat Għawdxi, bħala l-Partit Anti-Riformista bil-għan li jeħodha kontra d-dħul ta' miżuri fiskali mill-Gvern Kolonjali u l-angliċizzazzjoni tas-sistema ġuridika u edukattiva ta' Malta. Fuq kollox, il-Partit ried sistema rappreżentattiva ta' Gvern li kienet tirrispetta x-xewqat tal-Maltin. Il-preżenza ta' rifuġjati Taljani mir-Riżorġiment Taljan ta' xejra ta' kostituzzjonaliżmu liberali lill-partit fl-ewwel snin tiegħu (li wasslet għall-inkwiet bejn Mizzi u l-Knisja) kif ukoll marka pro-Taljana sal-Ewwel Gwerra Dinija.

Sal-Ewwel Gwerra Dinija il-Partit kien maqsum bejn Astensjonisti u Anti-Astensjonisti. Tal-ewwel kienu lesti li jikkontestaw l-elezzjonijiet u jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Kunsill tal-Gvern; l-oħrajn kienu jikkontestaw l-elezzjonijiet u jirriżenjaw malli jiġu eletti bħala protesta għan-nuqqas ta' rappreżentanti Maltin fil-Kunsill.

It-Tieni Gwerra Dinija u wara[editja]

Is-simpatija lejn l-Italja swiet bil-kbir lill-Partit Nazzjonalista matul it-Tieni Gwerra Dinija. Nerik Mizzi kien internat, l-ewwel f'Malta mbagħad fl-Uganda, u Ugo Pasquale Mifsud miet wara ħass ħażin li tah fil-Kunsill tal-Gvern waqt diskors imqanqal jiddefendi d-dritt tal-internati. Il-Partit lanqas biss ikkontesta l-elezzjonijiet tal-1945 li għall-ewwel darba raw lill-Partit Laburista mmexxi minn Pawlu Boffa jsir Partit ta' gvern minflok it-tielet partit.

Imma l-Partit Nazzjonalista ma mietx u fl-elezzjonijiet tal-1947, l-ewwel ta' wara l-gwerra li eleġġew Gvern Responsabbli, ħareġ bħala l-akbar partit wara l-Partit Laburista, fuq quddiem ta' numru ta' partiti oħra li ppruvaw joħdulu postu bħala partit ewlieni. Din il-pożizzjoni ssaħħet ftit snin wara meta qasma fil-Partit Laburista fl-1949, meta Dom Mintoff laħaq mexxej, rat lill-Partit Nazzjonalista joħroġ bħala l-akbar Partit fl-elezzjonijiet tas-sena ta' wara b'Nerik Mizzi bħala Prim Ministru. Għalkemm mingħajr maġġoranza Parlamentari u l-mewt ta' Mizzi u l-waqgħa tal-Gvern ftit xhur biss wara, l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista bħala kontendent għall-Gvern issa kienet mingħajr dubju.

Kien hemm żewġ elezzjonijiet fl-1951 u fl-1953 li fihom il-Partit Nazzjonalista fforma koalizzjonijiet li ma tantx damu mal-Malta Workers' Party ta' Pawlu Boffa, l-isplinter li ħareġ mill-Partit Laburista. Tul iż-żewġ leġislaturi l-Prim Ministru kien George Borg Olivier, li laħaq Kap tal-Partit wara l-mewt ta' Mizzi.

Il-Partit imbagħad tilef l-elezzjonijiet tal-1955. Bil-Malta Labour Party fil-Gvern il-kwistjoni ewlenija kienet dik tal-Integration mar-Renju Unit. Il-Partit Nazzjonalista oppona din il-proposta. L-Integration falliet fil-biċċa l-kbira minħabba li r-Renju Unit tilef l-intess fil-kwistjoni l-aktar wara l-fjask ta' Suez fl-1956 u s-sensji li kienu bdew jingħataw it-Tarzna li waslu għal numru ta' inċidenti. Il-Prim Ministru Laburista Mintoff irreżenja u Borg Olivier irrifjuta l-istedina li jipprova jifforma Gvern. Minħabba f'hekk il-Gvern Kolonjali ssospenda l-Kostituzzjoni fl-1958.

Is-snin sittin u l-Indipendenza[editja]

Bejn is-sospensjoni tal-Kostituzzjoni fl-1958 u l-għoti ta' waħda ġdida fl-1961 seħħew avvenimenti importanti fix-xenarju politiku Malti. Il-Partit Laburista, li wara l-falliment tal-Integration kien sar favur l-Indipendenza (politika li anke ħaddan il-Partit Nazzjonalista) kien beda jieħu pożizzjoni antagonistika fil-konfront tal-Knisja, l-aktar minħabba li ra fiha l-kawża għall-falliment tal-Integration. Il-Partit Laburista kien ukoll beda jindieħes ma' movimenti indipendentisti tat-Tielet Dinja li Knisja rathom bħala fronti għall-Komuniżmu. Dan wassal biex il-Knisja imponiet id-dnub il-mejjet fuq l-Eżekuttiv tal-Partit kif ukoll fuq il-votanti tiegħu. Dan wassal għal qasma fil-Partit Laburista bit-tluq ta' grupp li fforma l-Christian Workers Party taħt Toni Pellegrini.

Il-Partit Nazzjonalista wkoll sofra qasma meta grupp ta' nies li ma kinux jaqblu mal-istil ta' tmexxija ta' Borg Olivier u li ma kinux tant favorevoli għall-Indipendenza, inqatgħu u ffurmaw il-Partit Demokratiku Nazzjonalista taħt it-tmexxija ta' Herbert Ganado.

Il-Partit Nazzjonalista ħareġ bħala l-akbar Partit fl-elezzjonijiet tal-1962, li fihom il-Knisja Kattolika imponiet id-dnub il-mejjet fuq min jivvota lill-Partit Laburista, u qasma tal-Kamra assiguratlu maġġoranza parlamentari. Il-Partit mexxa n-negozjati ta' l-Indipendenza li kienet akkwistata fl-1964. Il-Partit reġa' rebaħ l-elezzjonijiet tal-1966 , bil-Kwistjoni bejn il-Knisja u l-Partit Laburista għadha miftuħa, elezzjonijiet li fissru wkoll it-tmiem tal-Partit Demokratiku Nazzjonalista.

Is-snin sebgħin u tmenin[editja]

Il-Partit Nazzjonalista tilef l-elezzjonijiet tal-1971 u reġa' tilef dawk tal-1976 b'marġini akbar, bil-Partit Laburista mmexxi minn Mintoff fil-gvern. Fl-1977 saret elezzjoni għal Kap Suċċessur li fiha ġie elett Eddie Fenech Adami li qabel kien serva bħala Segretarju Ġenerali. Fenech Adami ħa t-tmexxija tal-Partit fl-1978. Borg Olivier miet ftit snin wara, fl-1980. Sadattant is-sitwazzjoni fil-pajjiż kienet qed taggrava, b'tensjoni dejjem tikber u vjolenza, terrur politiku u vandaliżmu dejjem jiżdiedu. Fl-1979 ġiet issakkeġġata d-dar ta' Fenech Adami u nħarqet il-Progress Press.

Il-Partit akkwista maġġoranza assoluta ta' voti fl-elezzjonijiet tal-1981 (għall-ewwel darba mill-1933) imma mhux maġġoranza parlamentari. Din wasslet għal sitwazzjoni ta' kriżi wara li d-deputati eletti f'isem il-Partit irrifjutaw li jieħdu posthom fil-Parlament. Is-sitwazzjoni żblukkat ruħha ftit ta' snin wara imma tensjoni u vjolenza komplew matul dawn is-snin. Kien hemm attakki vjolenti fuq il-każini kollha tal-Partit Nazzjonalista, inkluz l-istamperija f'tal-Pietà; ġiet attakkata il-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana; ġiet attakkata wkoll il-Qorti fil-Belt Valletta. Kien hemm skontri vjolenti kull darba li l-PN kien jorganizza 'mass meetings', bejn partitarji Nazzjonalisti u membri tal-Korp tal-Pulizija flimkien ma' partitarji Laburisti, bil-'mass meeting' f'tal-Barrani, limiti ta' Santa Luċija fost l-iktar li jibqgħu jissemmew. Il-borma faret f'daqqa bil-qtil kiesaħ u biered ta' Raymond Caruana li nqatel f'Diċembru tal-1986, meta xi hadd f'karozza għaddejja spara arma tan-nar fuq il-każin Nazzjonalista fil-Gudja, waqt li kien għaddej fih riċeviment. Ftit qabel l-elezzjoni tal-1987 iż-żewġ naħat tal-Kamra qablu li l-Kostituzzjoni tiġi emendata biex tassigura maġġoranza Parlamentari lill-Partit li jkollu maġġoranza ta' voti. Dan wassal biex il-Partit Nazzjonalista jifforma Gvern wara 16-il sena fl-Oppożizzjoni.

Mis-snin disgħin sal-2012[editja]

Il-Gvern Nazzjonalista applika biex Malta tidħol fis-Suq Komuni Ewropew fl-1990. Sadattant, b'ekonomija sejra tajba grazzi għall-liberalizzazzjoni u investimenti pubbliċi sostanzjali, il-Partit reġa' rebaħ l-elezzjonijiet tal-1992 b'mod konvinċenti. Il-Partit, iżda, tilef il-konfront tal-1996 mal-Partit Laburista taħt il-mexxej Alfred Sant.

Il-perjodu fl-Oppożizzjoni ma kellux idum għax wara biss 22 xahar b'maġġoranza Parlamentari li ma kinitx għadha fi żgur, il-Gvern Laburista sejjaħ elezzjoni bikrija fl-1998 u tilef. Il-Partit Nazzjonalista reġa' fforma gvern u immedjatament irriattiva l-applikazzjoni ta' Malta għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea wara li din l-applikazzjoni kienet ġiet iffriżata mill-Gvern Laburista.

Din il-leġislatura kienet ikkaratterizzata minn negozjati ta' sħubija fl-Unjoni Ewropea, sħubija li kienet opposta mill-Partit Laburista. Dawn in-negozjati ngħalqu fl-2002 u l-Partit Nazzjonalista ħeġġeġ għal vot "iva" f'Marzu tas-sena ta' wara. Il-vot pożittiv f'dan ir-referendum kien segwit minn elezzjoni ġenerali ftit ġimgħat wara li l-Partit Nazzjonalista reġa' rebaħ.

Fl-2004 Fenech Adami rriżenja minn Prim Ministru u Kap tal-Partit u ġie elett minfloku Lawrence Gonzi. Wara Fenech Adami sar il-President tar-Repubblika ta' Malta.

Il-Partit Nazzjonalista kkontesta l-elezzjoni ġenerali tat-8 ta' Marzu 2008 għall-ewwel darba b'dan il-mexxej il-ġdid, Lawrence Gonzi, u mill-ġdid rebaħ.

Nhar l-10 ta' Diċembru 2012, id-deputat Nazzjonalista Franco Debono flimkien mal-Oppożizzjoni Laburista vvutaw fil-Parlament kontra l- Baġit imressaq ġimagħtejn qabel u allura dan m’għaddiex b’35 vot kontra l-34 favur, u l-Gvern waqa’. Dan ġiegħel lill-Priministru Gonzi jmur l-għada għand il-President tar-Repubblika Dr George Abela fil-Palazz il-Belt biex jissuġġerilu li l-Parlament jiġi xolt u tissejjaħ elezzjoni ġenerali bil-Parlament ixolji fis-7 ta’ Jannar, 2013, waqt li l-elezzjoni ġenerali ssir fl-istess jum mal-elezzjoni tal- kunsilli lokali, jiġifieri s-Sibt 9 ta’ Marzu 2013.

L-Elezzjoni tal-2013[editja]

Fid-9 ta' Marzu 2013, il-Partit Laburista għamel waħda mill-akbar rebħiet elettorali fl-istorja politika ta' Malta, meta rebaħ l-Elezzjonijiet Ġenerali 2013 b'maġġoranza ta' 167,533 vot, 35,107 aktar mill-Partit Nazzjonalista li ġarrab waħda mill-ikbar telfiet tiegħu meta kiseb 132,426 vot. Hekk il-PL ġab kważi 55% u l-PN 43%, kif kien ħabbar kull stħarriġ li sar qabel l-elezzjoni. Il-PL se jkollu vantaġġ ta' disa' siġġijiet fil-Parlament. Il-Kap tal-Partit Lawrence ħabbar li kien se jirreżenja u ma kienx se jikkontesta għall-elezzjoni ta' Kap ġdid fil-bidu ta' Mejju 2013.

Fl-istess jum, il-Partit Nazzjonalista tilef ukoll l-Elezzjonijiet Lokali li saru fi 33 lokalità. Il-Partit Laburista żied il-voti fuq l-elezzjonijiet ta’ erba' snin qabel fl-istess lokalitajiet bi 2.2% biex issa ġab kważi 57%. Min-naħa tiegħu, il-Partit Nazzjonalista naq­qas il-voti bi kważi 2% u ġab 42%. F’dawn l-elezzjonijiet, il-Partit Laburista rebaħ għall-ewwel darba il-kunsill lokali ta’ Birkirkara u kien hemm ħames lokalitajiet oħra li fihom il-Partit Nazzjonalista tilef il-maġġoranza: l-Imtarfa, Tal-Pietà, il-Mellieħa, l-Imqabba u Santa Venera. Hekk fl-2013, il-Partit Laburista għandu kważi żewġ terzi, 65%, tal-lokalitajiet kollha f'idejh, 44 lokalità minn 68. Il-Partit Nazzjonalista għandu biss maġġoranza f'24 lokalità.

Simon Busuttil maħtur Kap[editja]

Nhar it-8 ta' Mejju Simon Busuttil inħatar Kap tal-Partit.

Rappreżentanza[editja]

Wara l-Elezzjonijiet 2013, il-Partit Nazzjonalista għandu 30 Deputat minn 69 fil-Kamra tad-Deputati u 2 Membri mis-sitta li għandha Malta fil-Parlament Ewropew.

Mexxejja tal-Partit Nazzjonalista mill-1926[editja]

Isem Minn Sa
Sir Ugo P. Mifsud u Nerik Mizzi 1926 1940
Nerik Mizzi 1940 1950
Ġorġ Borg Olivier 1950 1977
Eddie Fenech Adami 1977 2004
Lawrence Gonzi 2004 2013
Simon Busuttil 2013 attwali