Assedju ta' Malta (1565)
Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
| Dan l-artiklu għandu bżonn jiġi wikifikat biex jaqbel mal-istandard tal-Wikipedija. Jekk jogħġbok għin biex ittejjeb dan l-artiklu skont il-konvenzjonijiet tal-Wikipedija. |
| Assedju ta' Malta | |
| Data | 18 ta' Mejju 1565 - 11 ta' Settembru 1565 |
| Post | Gżira ta' Malta |
| Riżultat | Rebħa tal-Kavallieri ta' San Ġwann |
| Kumbattenti | L-Imperu Ottoman kontra l-Kavallieri ta' San Ġwann u l-Imperu Spanjol |
L-Assedju ta' Malta tal-1565 magħruf ukoll bħala l-Assedju l-Kbir ta' Malta, kien wieħed mill-akbar assedji fl-istorja tad-dinja, meta l-qawwa Ottomana assedjat lill-Kavallieri ta' San Ġwann li kienu jiggvernaw il-gżejjer Maltin.
[editja] L-Assedju
Kien fit-18 ta' Mejju, 1565 meta fuq ix-xefaq dehret il-flotta Ottomana mmexxija minn Pijali Paxà bħala Ammirall tal-flotta u Mustafà Paxà bħala ġeneral tat-truppi. L-Ottomani niżlu l-art b'40,000 suldat u għamlu l-kampijiet taghhom fil-kampanja l-ikbar wieħed kien fil-wita tal-Marsa.
L-Ordni tal-Kavallieri ta' San Ġwann kien immexxi mill-Gran Mastru Jean Parisot de la Valette. La Valette kellu madwar 9,000 raġel taħt l-armi li minnhom 592 kienu kavallieri. Il-biċċa l-kbira minnhom irgiel Maltin. Mil-bidu kien hemm diżgwit bejn il-Ġenerali Ottomani. Mustafà ried li jieħu lil Għawdex taħt idejh billi jirbaħ iċ-Ċittadella u jokkupa l-Imdina b'hekk jifdal il-Forti Sant'Iermu, l-Birgu u l-Isla. Pijali ma qabilx mal-pjan għax ried li l-ewwel jikseb port tajjeb u kenni għall-flotta. Għalhekk Pijali ried li l-ewwel jiġi attakkat il-forti Sant'Iermu u wara li jintrebaħ il-forti u l-flotta tkun sigura fil-port ta' Marsamxett isiru l-attakki biex tintrebaħ il-gżira. Meta tniżżlu t-truppi u twaqqfu l-kampijiet bdew l-attakki mill-ewwel fuq il-forti Sant'Iermu. Wara ġimagħtejn wasal Dragut bil-flotta tiegħu. U żdiedu l-attakki fuq il-forti li kien meqjus bħala l-iktar wieħed inferjuri mit-tlieta.
Il-Kavallieri u l-Maltin li kienu fil-forti għamlu reżistenza kbira u meta bdew jaqtghu qalbhom għax kienu waslu fl-aħħar u talbu lil La Valette biex iħallihom iċedu, La Valette bagħat risposta li jekk iċedu jmur hu nnifsu b'nies oħra. Fl-aħħar wara iżjed minn xahar ġlied il-forti Sant'Iermu mfarrak għal kollox waqa' f'idejn l-Ottomani fit-23 ta' Ġunju, 1565. Meta l-Ottomani daħlu f'Sant'Iermu qabdu l-katavri tal-Kavallieri u l-Maltin, fetħulhom sidirhom forma ta’ salib u wara li rabtuhom mal-injam u tefgħuhom fil-port lejn in-naha tal-Birgu u l-Isla. La Valette b'risposta qata' ras il-priġunieri kollha u ordna li rjushom jiġu sparati lejn Sant'Iermu (li kien f'idejn l-Ottomani).
L-Ottomani tilfu mat-8,000 raġel u lil Dragut innifsu, li miet b’daqqa ta' ġebla, kumparat mal-ammont żghir ta' nies li tilfu l-Kavallieri.
La Valette talab l-għajnuna lil Viċirè ta' Sqallija għal ħafna drabi. Wara xi żmien waslu 1,200 suldat taħt it-tmexxija ta' Don Garcia. La Valette ipprotesta ħafna u qal li ammonti żgħar ta’ suldati mhux sa jagħmlu differenza. La Valette, biex ibeżża' lill-Ottomani, kabbar kemm felaħ din l-għajnuna.
Wara li waqa' Sant'Iermu, Mustafà u Pijali dawru ħsiebhom lejn il-Birgu u l-Isla fejn għamlu diversi attakki fuq iż-żewġ postijiet. Attakk kbir li sar kien fuq l-Isla meta ġiet attakkata minn mijiet ta' suldati minn fuq dgħajjes fil-baħar u mill-art. Attakk kbir iehor kien sar fuq il-Birgu u ġie rtirat meta niżlet il-kavallerija tal-Ordni mill-Imdina u għamlet ħerba mill-kamp tal-Ottomani.
Fl-aħħar waslet għajnuna minn Sqallija ta' 7,850 raġel fis-7 ta' Settembru. Il-ġenerali Ottomani ħasbu li x-xniegħa li kien hemm, dik li ġejja għajnuna kbira minn Sqallija kienet seħħet u peress li kien hemm bidu ta' imxija fost it-truppi Ottomani minħabba li l-bjar tal-ilma viċin il kampijiet kienu ġew imħassra mill-Maltin (jingħad li ntefgħu xi katavri ta' annimali mejta fihom), u li ukoll kien qegħed jasal fi tmiemu l-istaġun tat-tbaħħir iddeċidew li jirtiraw it-truppi tagħhom minn Malta. Għalhekk dakinhar ingħatat l-irtirata ġenerali u sal-għada 8 ta' Settembru, 1565 it-truppi Ottomani ħallew ix-xtut tal-gżejjer Maltin.
Għadhom jissemmew ħafna xi nies Maltin li b'kuraġġ issieltu fl-Assedju, fosthom Toni Bajjada li kien jaqsam mill-Birgu sal-Belt bil-għawm u wara jibqa' tiela' minn qalb it-Torok bil-messaġġi ta' La Valette lejn l-Imdina. Jissemmew ukoll persuni ta’ ħila li kienu jbaħħru bejn Malta u Sqallija jwasslu l-aħbarijiet tal-gwerra.
[editja] Wara
It-8 ta' Settembru għada titfakkar kull sena b'festa nazzjonali f’Malta, u magħha żdiedet it-tifkira ta’ meta ntemm it-tieni assedju ta’ Malta meta fit-8 ta' Settembru 1943 ċediet l-Italja. Din il-ġurnata hi magħrufa bħala Jum il-Vitorja.
[editja] Ara wkoll
- Assedju ta' Malta (1940)
- Il-Għanja tar-Rebħa - poeżija ta' Dun Karm Psaila
| Storja | Portal ta' l-Istorja | Kategorija:Storja |
| Storja antika | Storja medjevali | Storja moderna | Storja kontemporanja |