Forti Sant’Anġlu

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex
Forti Sant’Anġlu

Il-Forti Sant’Anġlu hija fortifikazzjoni ddedikata lil Sant’Anġlu ta’ Sqallija fil-Birgu, fiċ-ċentru tal-Port il-Kbir.

Storja[editja]

Żmien Medjevali[editja]

Id-data meta l-forti bdiet tinbena mhux magħrufa. Madankollu, hemm kitbiet tar-Rumani dwar tempju ddedikat għall Juno jew Astarte li kien fil-viċinanza ta' fejn illum insibu l-forti. Minflok dan it-tempju, bdiet tinbena fortizza wara li waslu l-Għarab f'Malta madwar 870 WK. Wara li Malta saret parti mir-Renju ta' Sqallija, fis-seklu XII beda jinbena torri, u llum għad fadal xi fdalijiet tiegħu ġewwa l-fortizza. Fis-seklu tlettax, waqt il-ħakma tal-Anġevini, hemm dokumenti li jsemmu Castrum Maris (Kastell tal-Baħar) fil-ponta tal-Birgu li kellu 150 suldat u ftit armi. Il-kastell kien f'idejn l-Anġevini waqt il-Battalja ta' Malta tal-1283. Wara li l-Anġevini tilfu, il-kastell spiċċa tal-Aragoniżi.

Żmien il-Kavallieri[editja]

Meta l-Kavallieri ta' San Ġwann waslu Malta fl-1530, huma għażlu li jistabbilixxu ruħhom fil-Birgu u mhux fl-Imdina, u l-forti saret is-sede tal-Gran Mastru. Sal-1536 il-Kavallieri irranġaw u saħħew il-Castrum Maris billi bnew foss u aktar swar madwar il-forti. Meta t-Torok attakkaw fl-1551, raw li l-Forti Sant’Anġlu kienet b'saħħitha wisq u ddeċidew li ma jattakkawhiex. Waqt l-Assedju l-Kbir, il-forti rreżistiet it-Torok għal darb'oħra, u wara li l-Kavallieri rebħu bdiet tinbena l-Belt Valletta n-naħa l-oħra tal-Port il-Kbir. B'hekk il-Birgu u Forti Sant’Anġlu tilfu ftit mill-importanza li kellhom. It-tqassim tal-fortizza kif inhi llum hi attribwita lil Carlos de Grunenburgh, li ddisinja diversi partijiet mill-fortizza meta din kienet qed tiġi rrestawrata lejn it-tmiem tas-seklu sbatax. Wara dan ir-restawr il-fortifikazzjoni kellha xi 80 kanun, li 48 minnhom kienu jħarsu lejn l-entratura tal-port.

Mal-wasla tal-Franċiżi fl-1798 il-forti serviet bħala kwartieri ġenerali tal-Armata Franċiża.

Żmien l-Ingliżi[editja]

Mal-wasla tal-Ingliżi fl-1800, Forti Sant’Anġlu saret il-bażi ta' żewġ battaljuni mit-35th Regiment. Fl-1912, il-forti ttieħed mir-Royal Navy u ġiet imniżżla bħala HMS Egremont, u saret il-bażi għall-flotta Ingliża fil-Mediterran. Fl-1933 isimha nbidel għal HMS Saint Angelo. L-Ingliżi ma biddlux id-dehra tal-fortizza, ħlief li bnew batterija speċjali għal tip ta' kanuni kbar. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, il-forti kien għal darb'oħra f'assedju u b'kollox sofra 69 balla diretta bejn l-1940 u l-1943. Meta l-forzi Ingliżi telqu minn Malta fl-1979 il-forti ngħatat lill-gvern Malti u minn dakinhar waqgħet fi stat ħażin. Hemm pjanijiet li l-forti tiġi rrestawrata fil-futur.

Il-forti llum[editja]

Fl-1998 il-forti ngħatat lura lill-Ordni Militari Sovran ta' Malta. Bħalissa l-forti hija magħluqa għall-pubbliku minħabba restawr li jista jsir fil-futur. Fil-5 ta' Marzu 2012, ġie kkonfermat li l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali allokat €13.4 miljun għar-restawr u konservazzjoni tas-sit, u wara dan il-forti se tkun miftuħa bħala attrazzjoni turistika ewlenija f'Malta, sabiex tenfasizza l-istorja tagħha u l-irwoli li kellha matul iż-żminijiet.

Gallerija[editja]

Koordinati: 35°53′31″N 14°31′6″E / 35.89194°N 14.51833°E / 35.89194; 14.51833