Ugo Pasquale Mifsud

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex
Ugo Mifsud pittura ta' Anton Inglott
Monument ta' Ugo Mifsud fil-Mall tal-Furjana.

Sir Ugo Mifsud (Valletta,12 ta' Settembru 1889 - 11 ta' Frar, 1942) kien Prim Ministru ta' Malta darbtejn, mill-1924 sal-1927 u mill-1932 sal-1933.

Qabel il-politika[editja]

Kien iben l-imħallef Gio Batta Mifsud u Philomena Marianna Muscat.

Studja l-Liċeo u wara l-Università ta' Malta u fl-1910 kiseb il-lawrja ta' Avukat. Hu beda l-karriera professjonali tiegħu u għamel isem speċjalment fi żmien il-Gwerra l-Kbira meta kellu ħafna xogħol fil-Qorti tal-Kummerċ. Sir Ugo kiteb ħafna fuq id-Dritt Internazzjonali f'rivisti ta' natura ġuridika bħall-International Law Notes.

Kien elett membru tal-International Law Asociation u ħa sehem f'bosta konferenzi ta' din l-assoċjazzjoni. Kien ukoll membru tal-Kumitat Eżekuttiv u anki Viċi President ta' din l-Assoċjazzjoni. Fl-1928 fil-Konferenza li saret f'Varsavja, Sir Ugo ġie elett President tal-Aerial and Radio Law Committee.

Inħatar Viċi President fl-Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni fil-Konferenza Internazzjonali li kienet saret f'Oxford fl-1932 u fl-1934 intgħażel ukoll President għall-Konferenza li kienet saret f'Budapest. Fl-1928, Sir Ugo rrappreżenta lil Malta fil-laqgħat tal-Empire Parliamentary Association li saret fil-Kanada.

Politika[editja]

Sir Ugo kien ġie elett Segretarju ta' xi Seduti tal-Assemblea Nazzjonali li ġiet imlaqqgħa fl-1919 fuq proposta ta’ Sir Filippo Sciberras. Kien ta sehem kbir fit-tħejjija tal-Kostituzzjoni li ressqet l-Assemblea Nazzjonali quddiem il-Gvern Ingliż. Fl-1926 flimkien ma' Nerik Mizzi kien il-mexxej tal-Partit Nazzjonalista u baqa' sakemm miet fl-1942. Fl-1921 ikkontesta l-elezzjoni taħt il-Kostituzzjoni 'Amery-Milner' u ġie elett membru tal-Assemblea Leġislativa.

Ingħata l-ħatra ta' Ministru tal-Industrija u Kummerċ. Fl-elezzjoni tal-1924, wara r-riżenja ta' Dott. Francesco Buhagiar minn Prim Ministru, Sir Ugo sar it-tielet Prim Ministru fl-età ta' 35 sena, l-iżgħar Prim Ministru tal-Imperu Brittanniku f’dak iż-żmien. Bejn l-1927 u l-1930 kien Kap tal-Oppożizzjoni u reġa' nħatar Prim Ministru bejn Ġunju, 1932 u Novembru, 1933, meta l-Kostituzzjoni tal-1921 ġiet irtirata.

Meta, fl-1932, kien qiegħed imexxi delegazzjoni Maltija f'Londra, ippreżenta memorandum lis-Segretarju tal-Istat tal-Kolonji li fih saret talba formali biex Malta tingħata Kostituzzjoni li tpoġġiha fid-Dominion Office fost il-membri indipendenti tal-Commonwealth. Fl-1939 Sir Ugo ġie elett membru tal-Kunsill tal-Gvern. Fid-9 ta' Frar, 1942, waqt laqgħa tal-Kunsill, meta kienet qiegħda tiġi diskussa d-deportazzjoni ta’ personalitajiet Maltin, fosthom dik tal-Avukat Nerik Mizzi, Sir Ugo Mifsud ħassu ħażin. Hu kien qiegħed jiddefendi b'argumenti sodi d-dritt ta' dawn il-Maltin li ma jiġux deportati minn pajjiżna. Jumejn wara, fil-11 ta' Frar, 1942, Sir Ugo Mifsud miet.

Referenza[editja]

  • Calleja, J. (1997) Ugo. P. Mifsud 1889-1942: Prim Ministru u patrijott, Pietà: Pubblikazzjoniet Indipendenza.
  • Sir Ugo Mifsud (1889-1942): profil u diskorsi kommemorativi (1963), Malta: Dipartiment tal-Informazzjoni.
Predeċessur
Fundatur
Kap tal-Partit Nazzjonalista
1926-1942

Suċċessur
Enrico Mizzi

Predeċessur
Francesco Buhagiar
Prim Ministru
1924-1927

Suċċessur
Gerald Strickland

Predeċessur
Gerald Strickland
Prim Ministru
1932-1933

Suċċessur
Enrico Mizzi