Luke Dimech

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex
Luke Dimech
Dimech, Luke1.jpg
Informazzjoni personali
Isem sħiħ Luke Dimech
Twelid 11 ta' Jannar 1977 (1977-01-11) (37 sena)
Furjana
Pajjiż Bandiera ta' Malta Malta
Tul 1.80 m
Rwol Difensur
Informazzjoni fuq il-klabb
Klabb kurrenti Valletta
Numru 13
Klabbs ġovanili
Lincoln City
Klabbs professjonali*
Snin Klabb Preż Gwls
1995–2001 Sliema Wanderers 133 (3)
2002 Shamrock Rovers 16 (0)
2003 Birkirkara 10 (0)
2003–2005 Mansfield 45 (1)
2005–2006 Chester City 30 (0)
2006–2007 Marsaxlokk 26 (0)
2007–2008 Macclesfield Town 26 (0)
2008–2010 Valletta 47 (2)
2010–2012 AEK Larnaca 43 (0)
2012–2013 Mosta 17 (0)
2013– Valletta 27 (1)
Tim nazzjonali
1999– Malta 67 (1)
* Il-preżenzi u l-gowls fil-karriera professjonali huma validi biss għall-kampjonat domestiku.
Aġġornament: 11:02, 3 ta' Ottubru 2013

Luke Dimech (Valletta, 11 ta' Jannar 1977), huwa plejer tal-futbol Malti li jilgħab mat-tim ta' Valletta FC, bħala difensur.

Karriera[editja]

1995–2003[editja]

Dimech beda l-karriera tiegħu ma' Sliema Wanderers. L-ewwel staġun ta' Luke kien wieħed sodisfaċenti hekk kif spiċċa rebbieħ tal-Premier League Malti. Luke qatta' seba' staġuni mal-klabb u rnexxielu jistabilixxi lilu nnifsu mat-tim nazzjonali fl-1999. Dimech għamel total ta' 133 dehra u skorja tliet darbiet għall-klabb.

Wara prestazzjonijiet tajba, Luke Dimech ittrasferixxa l-Irlanda sabiex jilgħab mat-tim ta' Shamrock Rovers għal staġun, fejn għamel sittax-il dehra, imma wara li tilef postu mat-tim, huwa ħalla lill-klabb.

Lura Malta, Dimech lagħab mat-tim ta' Birkirkara fl-2003 fejn għamel 10 dehriet.

2003–2008[editja]

Staġun tajjeb fil-kampjonat Malti, tat lil Luke trasferiment ieħor, din id-darba mat-tim Ingliż ta' Mansfield Town f'Awwissu tal-2003. Għall-ewwel Luke iffirma kuntratt ta' sena, imma lejn tmiem l-istaġun 2003–04, grazzi għall-prestazzjonijiet tiegħu, Dimech estenda għal sena oħra l-kuntratt tiegħu minkejja li Mansfield Town kien tilfu l-play-off finali għall-promozzjoni għal League One wara l-għoti tal-penalties kontra Huddersfield Town.

It-tieni staġuni ta' Dimech mat-tim Ingliż kompla fuq l-istess linja li biha spiċċa l-istaġun ta' qabel u kien pedina fundamentali fil-qalba tad-difiża u ssiġilla postu mal-ewwel tim. Però fit-tieni nofs tal-istaġun sofra minn forma fqira u ma baqax aktar l-ewwel għażla tal-kowċ Carlton Palmer, u l-kuntratt ta' Dimech ġie mħassar fi tmiem l-istaġun 2004–05. F'żewġ staġuni ma' Mansfield Town, Luke lagħab 45 loggħba u skorja gowl wieħed.

Minħabba li kien bla kuntratt, f'Lulju tal-2005 ingħaqad ma' Chester City f'kuntratt ta' sena. Dimech reġa' ngħaqad mill-ġdid mal-kowċ preċedenti li kellu f'Mansfield, Keith Curle, u fl-iskwadra sab ukoll lil David Artell, li kien ukoll ma' Dimech fit-tim ta' Mansfield. Luke kien plejer regulari fit-tim ta' Chester City, u dehra 30 darba matul l-istaġun 2005–06.

Wara l-esperjenza ma' żewġ klabbs Ingliżi, Dimech reġa' lura Malta fl-2006 u ssieħeb ma' Marsaxlokk. Fl-assenza ta' Carlo Mamo, hu ngħata l-faxxa ta' kaptan għal dak l-istaġun. Ma' Marsaxlokk rebaħ il-kampjonat, l-ewwel wieħed fl-istorja tal-klabb. Hu ddeċieda li ma' jerġax iġedded il-kuntratt tiegħu u b'hekk fittex klabb fl-Ewropa, u dan sabu fl-Ingilterra.

Fid-19 ta' Lulju 2007, Luke iffirma kuntratt ta' sena mat-tim tal-League Two, Macclesfield Town, fejn reġa' ngħaqad mal-plejer Carl Regan li kien jilgħab ma' Dimech fit-tim ta' Chester City.

Dimech iddebutta ma' Macclesfield Town fil-partita tal-ftuħ ta' League Two barra minn darhom kontra Bradford City fil-11 ta' Awwissu 2007, fejn il-logħba spiċċat pari ta' 1–1. Tliet ijiem wara Luke lagħab l-ewwel loggħba tiegħu ġewwa darhom f'partita valida mill-ewwel rawnd tal-Football League Cup kontra Leeds United, fejn Leeds United ħarġu rebbieħa grazzi għall-gowl fit-78 minuta ta' Ian Westlake.

Fil-31 ta' Jannar 2008, il-koppja difensiva ta' Dimech u Carl Regan intemmet hekk kif dan tal-aħħar ingħaqad ma' Milton Keynes Dons. Postu ħadu Sean Hessey li ngħaqad mal-klabb taħt self minn Chester City. Fit-18 ta' Mejju 2008, ġie mħabbar li Dimech flimkien ma' erba plejers oħra ta' Macclesfield Town ma ġewx offruti kuntratti ġodda.[1]

2008–preżent[editja]

Mingħajr kuntratt, fis-sajf tal-2008 Dimech ingħaqad mat-tim Malti rebbieħ tal-aħħar kampjonat, Valletta FC.[2] Nhar l-24 ta' Mejju 2010, wara inċident li nqala' fil-konfront kontra Sliema Wanderers, il-kuntratt tiegħu ġie mħassar. Matul din il-partita, fi tmiem l-ewwel taqsima, Dimech ġie mkeċċi wara li deher jinża' l-flokk u jitfgħu mal-art, qalb ibbujar mill-partitarji.[3] Qabel ma suċċessivament tħassarlu l-kuntratt, Dimech ġie sospiż mill-klabb.[4] Aktar tard, ippubblika apoloġija fuq is-sit uffiċjali tal-klabb fejn skuża ruħu tal-aġir tiegħu.[5]

F'Awwissu tal-2010, iffirma mal-klabb Ċiprijott ta' AEK Larnaca fejn ingħaqad mill-ġdid mal-kowċ Tom Caanen li kien kowċ tat-tim Belti fl-istaġun preċedenti.[6]

Internazzjonali[editja]

Luke huwa plejer regulari tat-tim nazzjonali Malti fejn għamel madwar ħamsin apparenza u skorja gowl kontra Ċipru fit-30 ta' April 2003. Id-debutt tiegħu kien fit-28 ta' April 1999, meta lagħab kontra l-Iżlanda. Mal-ħatra ta' John Buttigieg bħala l-kowċ tat-tim, Dimech sab ruħu barra mill-għażla fejn ma ġie selezzjonat għal-logħba ta' ħbiberija kontra l-Ġeorġja minħabba li rrifjuta li jbiddel il-kulur tax-xagħar tiegħu.[7]

Unuri[editja]

Klabb[editja]

Malta Sliema Wanderers

Malta Marsaxlokk

Referenzi[editja]

  1. ^ (Ingliż) Five depart Moss Rose. SkySports, 16-05-2008. Aċċess tal-URL: 07-08-2010.
  2. ^ (Ingliż) Valletta FC present new players and sponsors for season 2008-2009. 29-08-2008. Aċċess tal-URL: 08-09-2008.
  3. ^ (Ingliż) Day 26: Valletta 2 Sliema W. 0. Valletta FC, 24-04-2010. Aċċess tal-URL: 07-08-2010.
  4. ^ (Ingliż) Luke Dimech: Suspension. Valletta FC
  5. ^ (Ingliż) Apology: from Luke Dimech. Valletta FC, 26-04-2010. Aċċess tal-URL: 07-08-2010.
  6. ^ (Ingliż) Dimech, Priso sign for AEK Larnaca. Sportinmalta.com, 05-08-2010. Aċċess tal-URL: 07-08-2010.
  7. ^ Kevin Azzopardi. (Ingliż) Dimech sees red over hair colour as Buttigieg names 18-man squad. Times Of Malta, 11-08-2010. Aċċess tal-URL: 07-08-2010.

Ħoloq esterni[editja]