Aqbeż għall-kontentut

Edwin van der Sar

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
(Rindirizzat minn Edwin van der Saar)
Edwin van der Sar
Informazzjoni personali
Twelid29 ta' Ottubru 1970 (1970-10-29) (55 sena)
Voorhout, Netherlands
Tul1.97 m
RwolGowlkiper
Mixtliet
1980–1985Foreholte
1985–1990VV Noordwijk
Karriera professjonali
SninKlabb
1990–1999Ajax
1999–2001Juventus
2001–2005Fulham
2005–2011Manchester United
Tim nazzjonali
1994–2008Olanda

Edwin van der Sar (twieled fid-29 ta' Ottubru 1970) huwa eżekuttiv tal-futbol Netherlandiż u eks-plejer li attwalment ikopri l-irwol ta' kap eżekuttiv ta' AFC Ajax, li magħhom beda l-karriera professjonali tiegħu fil-bidu tas-snin disgħin.

Van der Sar hu l-aktar plejer li għamel preżenzi bil-flokk tat-tim nazzjonali Olandiż, u hu wkoll wieħed mill-ftit plejers li rebħu ċ-Champions League ma' żewġ timijiet differenti, wara li rebaħha fl-1995 mat-tim ta' Ajax tan-Netherlands u ma' Manchester United tal-Ingilterra fl-2008.

Edwin van der Sar beda l-karriera fil-klabb tal-lokalità tiegħu Foreholte u wara VV Noordwijk, fejn laqat l-għajn tat-tim ta' Ajax Amsterdam. Wara li beda fil-mixtla tal-istess Ajax, hu gawda snin twal ta' suċċess mat-tim tal-kbar fejn rebaħ it-Tazza UEFA 1991–92 u l-UEFA Champions League 1994–95, flimkien mal-unur tal-Aqwa Gowlkiper Ewropew fl-1995. Hu tilef il-finali tal-UEFA Champions League 1995–96 wara l-għoti tal-penalties kontra il-Juventus. Hu għamel total ta' 226 dehra ma' Ajax u skorja gowl minn penalty fir-rebħa ta' 8–1 li Ajax għamlu kontra De Graafschap fl-istaġun 1997–98.

Il-ġigant Netherlandiż iddebutta mat-tim tal-Juventus fl-istaġun 1999–00, fejn l-ewwel staġun kien wieħed impekkabbli wara r-rebħa tat-Tazza Intertoto. Minkejja li t-tim tilef il-kampjonat tas-Serie A fl-aħħar ġurnata, fuq nota personali, għal Van der Sar dan kien staġun mill-aqwa fejn f'39 dehra laqqat biss 19-il gowl.

L-istaġun segwenti kien l-aktar wieħed diffiċli fil-karriera tiegħu, fejn kellu problemi fil-vista u dawk personali li nfluwenzaw ir-rendiment tal-istaġun. Ħass ukoll in-nuqqas tal-kuraġġ li kienu jagħtuh il-partitarji tiegħu, minħabba d-diversi żbalji li wettaq fl-ewwel parti tal-istaġun. Fost l-aktar kritikat kien dak kontra SS Lazio, fejn minn xutt debboli minn barra l-kaxxa ta' Marcelo Salas, u minn free kick ta' Paulo Sousa fiċ-Champions League kontra l-Panathinaikos. Minkejja dawn l-iżbalji, reġa' kiseb fiduċja fih innifsu u għen biex it-tim jirritorna lura fil-ġirja għat-titlu flimkien mal-Lazio, detentur tat-titlu, u mar-Roma ta' Fabio Capello. Kien deċisiv fid-dro ta' 0–0 miksub kontra l-giallorossi fi Stadju Olimpiku ta' Ruma fejn irnexxielu jsalva l-ewwel fuq Batistuta u wara fuq Totti. Kien deċisiv ukoll fil-partiti kontra Perugia u kontra Reggina. Imma fil-partita kontra r-Roma, kien proprju l-iżball tiegħu li wassal għad-dro ta' 2–2, wara li Juventus kienu bnew vantaġġ ta' 2–0. Fi tmiem l-istaġun temm l-esperjenza tiegħu fl-Italja u għażel li jingħaqad mat-tim tal-Premier League Ingliż, Fulham.

Van der Sar ma' Fulham

Minkejja interess kbir minn klabbs Ingliżi bħal Arsenal, Manchester United u Liverpool, hu għażel li jmur ma' tim inqas kwotat, u dan kien it-tim tal-miljunarju Eġizzjan Mohamed Al-Fayed, Fulham. Edwin mal-ewwel ambjenta ruħu mal-klabb u mal-istil tal-logħob, fejn fl-istaġun 2001-02 irnexxielu jwassal lit-tim sas-semi-finali tal-FA Cup u anki sal-kwalifikazzjoni għat-Tazza Intertoto.

Fl-istaġun suċċessiv kiseb it-Tazza Intertoto, u reġa' wettaq prestazzjoni ta' livell għoli. Imma f'nofs il-kampjonat sofra minn uġigħ gravi li telfitu l-partiti kollha li kien għad baqa' dak l-istaġun. Fl-istaġun 2003-04 reġa' rritorna għal-logħob u għal darb'oħra għamel staġun eċċezzjonali, aktar mit-tnejn preċedenti, fejn kellu prestazzjonijiet tajba matul l-istaġun kollu speċjalment kontra Manchester United, Arsenal u Chelsea. Fl-aħħar tal-istaġun irċieva offerta min-naħa tal-PSV Eindhoven, imma n-Netherlandiż irrifjuta u ddeċieda li jkompli l-avventura tiegħu fir-Renju Unit.

Manchester United

[immodifika | immodifika s-sors]

Van der Sar ingħaqad ma' Manchester United fis-sajf tal-2005, fejn iddebutta kontra l-Ungeriżi ta' Debreceni VSC, li kienet partita mit-tielet rawnd ta' kwalifikazzjoni għaċ-Champions League. Fil-kampjonat għamel l-eżordju tiegħu fl-20 ta' Awwissu f'Goodison Park kontra Everton fejn grazzi għas-salvataġġi tiegħu għen biex United jirbħu 2–0. Fl-ewwel sitt partiti tal-istaġun ma laqqat l-ebda gowl, fejn dan wasal biss fil-pari ta' 1–1 fid-derby kontra l-Manchester City. Fis-26 ta' Frar, Edwin kiseb l-ewwel trofew ma' Manchester United bir-rebħa ta' 4–0 kontra Wigan Athletic fil-finali tal-Carling Cup, fil-Millenium Stadium. L-istaġun ta' wara spiċċaw fit-tieni post bi 83 punt. Van der Sar, fost l-oħrajn, għalaq l-istaġun fuq nota pożittiva permezz ta' prestazzjoni tajba kontra Celtic, li kienet partita organizzata bħala rikonoxximent għal wieħed mill-akbar leġġendi fl-istorja ta' Manchester United, Roy Keane, fejn din spiċċat 2–0 favur ir-Red Devils.

Van der Sar jilgħab ma' Manchester United

Fil-bidu tal-istaġun ta' wara kien ċedut sieħbu tat-tim nazzjonali, Ruud van Nistelrooy, u Manchester United ma akkwistawx sostitut għalih, fejn ħafna ddubitaw dwar il-qawwa offensiva tal-iskwadra. Id-diriġenti tal-klabb ħasbu aktar biex jgħinu nofs il-grawnd, permezz tal-akkwist ta' Michael Carrick. L-istaġun beda bir-rebħa fit-Turnew ta' Amsterdam, fejn għelbu 1-0 lil Ajax fil-partita deċisiva, grazzi għal gowl ta' Ryan Giggs, anki jekk il-plejer tal-partita kien Van der Sar, li minbarra n-numru ta' interventi li għamel, salva wkoll penalty ta' Klaas Jan Huntelaar. Fil-kampjonat bdew ukoll tajjeb fejn kienu fl-ewwel post wara biss żewġ partiti. Fl-4 ta' Frar 2007, fil-partita f'White Hart Lane kontra t-Tottenham Hotspur (li kienet mirbuħa 4–0 mit-tim ta' Alex Ferguson), wara parata minn xutt ta' Robbie Keane, hu kien milqut involuntarjament f'wiċċu mill-istess attakkant Irlandiż, fejn tilef is-sensi għal xi minuti u kien qed jissogra serjament il-karriera tiegħu. Minħabba li Manchester United kienu wżaw it-tliet sostituzzjonijiet, id-difensur John O'Shea kellu jieħu post Van der Sar bejn il-lasti. Wara għoxrin ġurnata biss, hu reġa' rritorna bejn il-lasti għall-partita kontra Fulham, b'rebħa għar-Red devils fl-aħħar minuta b'gowl ta' Cristiano Ronaldo. Il-gowlkiper Netherlandiż wettaq prestazzjoni oħra tajba kontra Liverpool fejn ipprevjena għal ħafna drabi li United imorru minn taħt. Fl-aħħar mumenti tal-logħba John O'Shea skorja l-gowl tar-rebħa, li ta lil Manchester United ir-rebħa, fejn din kienet rebħa importanti fl-aktar partita importanti tal-istaġun u tefa' b'manjiera kważi definittiva lit-tim ta' Ferguson għall-konkwista tat-titlu.

Xahar wara, United affrontaw lil Roma fil-kwarti tal-finali taċ-Champions League, wara li eliminaw fil-fażi tal-aħħar sittax lil Lille. Minkejja li tilfu 2–1 fi Stadju Olimpiku ta' Ruma, huma ttrijunfaw 7–1 f'Old Trafford. F'dik l-istess partita Van der Sar salva żewġ free kicks perikolużi ta' Totti. Fil-kampjonat, Chelsea kienu rkupraw xi ftit fuq United u avviċinawhom aktar fil-klassifika. Edwin flimkien ma' sħabu tat-tim ikkwalifikaw għall-finali tal-FA Cup, fejn rebħu 4–1 lil Watford. Fiċ-Champions League wara li rebħu 3–2 lil Milan ġewwa darhom, il-fortuna ma kinitx magħhom fil-partita ta' ritorn hekk kif tilfu 3–0. Ir-Red devils xorta baqgħu fit-tiġrija għall-konkwista tat-tilu nazzjonali. Fl-aħħar partita tal-istaġun huma affrontaw barra minn darhom lil Everton, waqt li Chelsea kellhom partita aktar faċli kontra Bolton. Fi tmiem l-ewwel taqsima il-Blues kienu 2–1 fil-vantaġġ, waqt li United kienu saħansitra 2–0 minn taħt. Però kien hemm żvolta fit-tieni taqsima taż-żewġ partiti. Bolton irnexxielhom jakkwistaw il-pari waqt li United għamlu rimonta mirakoluża ta' 4–2 fejn marru 5 punti vantaġġ fuq Chelsea bi 3 partiti mit-tmiem. Nhar il-5 ta' Mejju, fid-derby ta' Mancester f'City of Manchester Stadium, Manchester United marru fil-vantaġġ b'gowl ta' Cristiano Ronaldo, imma 10 minuti mit-tmiem Edwin irnexxielu jsalva penalty mogħti mill-ispeċjalist Darius Vassell, u b'hekk ta għall-ewwel darba wara erba' staġuni t-trofew lil Manchester United. Fil-finali tal-FA Cup li ntlgħabet kontra Chelsea fid-19 ta' Mejju, United sofrew telfa b'gowl fl-aħħar minuti tal-ħin supplementari.

L-istaġun segwenti, lagħab fost l-aqwa staġuni fil-karriera tiegħu. Fil-5 ta' Awissu 2007, fil-finali tal-Community Shield, Manchester United sfidaw għal darb'oħra liċ-Chelsea ta' José Mourinho fil-leġġendarju Wembley Stadium. Wara l-ħin supplementari, ir-riżultat kien dak ta' 1-1 u l-partita marret għall-għoti tal-penalties fejn din kienet deċiża permezz ta' tliet parati ta' Van der Sar fuq l-ewwel tliet penalties ta' Chelsea. B'hekk United kisbu l-ewwel trofew tal-istaġun. Fost l-aqwa prestazzjonijiet matul dan l-istaġun kienu jinkludu l-ewwel partita fil-fażi tal-gruppi taċ-Champions League kontra Sporting CP, u anki l-partita f'Anfield kontra r-rivali Liverpool, fejn irnexxielu ma jkunx megħlub għat-tielet sena konsekuttiva. Wara li tilef diversi partiti minħabba li kien weġġa' waqt it-taħriġ, irritorna bil-prestazzjonijiet il-Red devils. Hu kompla bil-forma tajba tiegħu fejn kien deċiżiv fil-partiti kontra Newcastle United, Fulham, Arsenal u Liverpool, fejn f'din il-partita tal-aħħar baqa imbattut u għalhekk għamel rekord ta' tliet staġuni konsekuttivi ta' imbattibilità kontra l-Liverpool. Fiċ-Champions League wera wkoll il-forma tajba tiegħu fil-partiti kontra r-Roma u Barcelona. United akkwistaw it-tieni titlu konsekuttiv b'rebħa fl-aħħar partita fuq Wigan Athletic u rebħa oħra fil-finali taċ-Champions League, fejn kien hu l-eroj tas-serata, meta salva l-penalty ta' Nicolas Anelka, biex b'hekk kiseb it-tieni titlu Ewropew fil-karriera tiegħu u sar ukoll wieħed mill-ikbar leġġendi fl-istorja tal-klabb u tal-futbol, fejn laħaq kwota ta' 30 trofew li ntrebħu matul il-karriera tiegħu.

Fit-12 ta' Diċembru 2008, Van der Sar iffirma estenzjoni ta' sena fil-kuntratt kurrenti tiegħu ma' Manchester United, fejn b'hekk se jżommu mal-klabb tal-anqas sal-istaġun 2009–10.[1]

Fis-27 ta' Jannar 2009, Van der Sar għen lil Manchester United iwaqqfu rekord ġdid kemm tal-klabb kif ukoll tal-Premier League għall-ikbar numru ta' partiti mingħajr ma jlaqqtu gowl – ir-rebħa bl-iskor ta' 5–0 fuq West Bromwich Albion kienet tfisser li United kienu ilhom 11-il logħba (1,032 minuta) mingħajr ma jlaqqtu gowl, fejn b'hekk għelbu r-rekord preċedenti ta' 10 logħbiet (1,025 minuta) magħmul minn Petr Čech fl-istaġun 2004–05.

Erbat ijiem wara, hu għamel rekord ieħor ta' 1,121 minuta fil-futbol Ingliż mingħajr ma jsofri gowl, wara r-rebħa ta' 1–0 kontra Everton.[2] F'dan l-istadju b'hekk għadda r-rekord li kien f'idejn Steve Death ta' Reading, li kien żamm 1,103 minuti fl-1979. Nhar it-8 ta' Frar 2009, hu estenda r-rekord għal 1,212-il minuta wara r-rebħa kontra West Ham United bl-iskor ta' 1–0, fejn b'hekk għeleb ir-rekord Brittaniku li qabel kien f'idejn Bobby Clark, ta' 1,155 minuta fl-1971.[3]

Fit-18 ta' Frar 2009, van der Sar kompla jtawwal ir-rekord għal 1,302 minuti, wara t-telfa ta' Fulham bl-iskor ta' 3-0. Il-wasla tiegħu sa dan l-istadju tfisser li hu għeleb ir-rekord mondjali ta' staġun wieħed li kien f'idejn Jose Maria Buljubasich, ta' 1,289 minuta, li wettqu fil-Clausura Ċilena 2005.[4] Dan ir-rekord intemm fl-4 ta' Marzu, meta minn żball tiegħu Peter Løvenkrands ta' Newcastle United skorja wara 9 minuti.[5] B'kollox, Van der Sar għamel 1,311-il minuta mingħajr ma jlaqqat gowl fil-kampjonat.[6]

Internazzjonali

[immodifika | immodifika s-sors]

Van der Sar kien magħżul mat-tim Olandiż għat-Tazza tad-Dinja 1994, imma ma lagħab lanqas minuta f'dik l-edizzjoni. Iddebutta fis-7 ta' Ġunju 1995 kontra l-Belarus. Anki mat-tim nazzjonali kiseb il-post mal-ewwel ħdax, fejn iddebutta f'manifestazzjoni ta' kalibru fil-Kampjonati Ewropej 1996, fejn hu u l-Olanda waslu sal-kwarti tal-finali, fejn kienu eliminati wara l-għoti tal-penalties minn Franza.

Sentejn wara ħa sehem fl-ewwel Tazza tad-Dinja tal-karreira tiegħu, dawk tal-1998. Din id-darba l-Oranje kisbu r-raba' post, wara li tilfu bl-għoti tal-penalties konta ċ-ċampjins renjanti tal-Brażil. Edwin madanakollu għamel prestazzjoni tajba fejn wera l-ħila tiegħu flimkien ma' Fabien Barthez u Gianluca Pagliuca. Fis-sena 2000, l-Olanda flimkien mal-Belġju ospitaw il-Kampjonati Ewropej 2000, fejn għal darb'oħra l-progress fil-kompetizzjoni għall-Olandiżi kien sas-semi-finali.

Van der Sar jitħarreġ mat-tim nazzjonali Olandiż qabel l-Euro 2008

Wara perjodu iswed għat-tim Olandiż fejn naqqsu li jikkwalfiikaw għat-Tazza tad-Dinja 2002, l-Oranje għamlu ribalta u kisbu l-kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej tal-Futbol 2004. Fil-kwarti tal-finali, fil-partita kontra l-Iżvezja spiċċaw bil-lotterija tal-penalties fejn din id-darba l-fortuna kienet taħt l-Olanda. Imma wara sofrew eliminazzjoni mill-ospitu, il-Portugall, b'gowls ta' Maniche u Cristiano Ronaldo.

Wara l-Euro 2004, bħala kowċ wasal Marco Van Basten, fejn għamel rivoluzzjoni kbira, fejn eskluda l-elementi ta' kalibru ta' Edgar Davids u Clarence Seedorf, u daħħal minflok lil żgħażagħ promettenti bħal Wesley Sneijder, Robin van Persie u Rafael van der Vaart. L-uniku veteran magħżul kien Ruud van Nistelrooy li flimkien ma' Van der Sar kien magħżul bħala s-simbolu tal-iskwadra. Waqt il-fażi ta' kwalifikazzjoni u fil-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja 2006, Edwin irnexxielu jistabilixxi rekord ta' imbattibilità ta' kull żmien dwar il-partiti uffiċċjali ta' timijiet nazzjonali, fejn irnexxielu jkun imbattut għal 1,013-il minuta. Wara l-eliminazzjoni għal darb'oħra kontra l-Portugall, kien ippjana biex jirtira mill-impenji nazzjonali, imma Marco van Basten irnexxielu jikkonvinċih biex jerġa' lura fl-iskwadra.

Wara li reġa' ħa postu fit-tim nazzjonali, ikkwalfika għall-Euro 2008 fejn ħa sehem bħala plejer titulari u kaptan fil-partiti kontra l-Italja u Franza. Minkejja li l-Olanda ddominaw Grupp Ċ huma sfaw eliminati mir-Russja, fejn din kienet tfisser l-aħħar partita għal Van der Sar. Din kienet is-sittax-il apparenza tiegħu fil-fażi finali tal-Kampjonati Ewropej, fejn ugwalja r-rekord li wettaq Lilian Thuram xi ġranet qabel. Wara l-Kampjonati Ewropej 2008, Van der Sar sar il-plejer li lagħab l-aktar minuti fil-Kampjonati Ewropej.[7]

Minkejja li qabel l-Euro 2008 van der Sar kien wara din il-kompetizzjoni kien se jirtira mit-tim nazzjonali, fit-3 ta' Ottubru, van der Sar ħabbar li kien lest li jerġa' jipposponi l-irtirar tiegħu biex jilgħab għall-Olanda fil-fażi ta' kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-Futbol 2010 kontra l-Iżlanda u n-Norveġja wara li t-tim nazzjonali sofra kriżi tal-gowlkipers.[8] B'Maarten Stekelenburg u Henk Timmer, il-kowċ tal-Olanda Bert van Marwijk ikkonferma li van der Sar kien se jibda ż-żewġ partiti. Van der Sar irnexxielu jibqa' imbattibli fiż-żewġ partiti, bl-Olandiżi jirbħu 2–0 u 1–0 rispettivament. B'hekk van der Sar għalaq is-separju fuq it-tim nazzjonali b'rekord ta' 130 dehra.

Statistika tal-karriera

[immodifika | immodifika s-sors]

Korretti sad-28 ta' Mejju 2011[9]

klabbs Staġun Kampjonat Tazza League Cup Ewropa Oħrajn[10] Total
PreżGowlsPreżGowlsPreżGowlsPreżGowlsPreżGowlsPreżGowls
Ajax 1990–91 9000
1991–92 0000
1992–93 19030
1993–94 32060
1994–95 330110
1995–96 330110
1996–97 330100
1997–98 33180
1998–99 34060
Total 2261550
Juventus 1999–2000 32040
2000–01 34060
Total 660100
Fulham 2001–02 37040000000410
2002–03 190000011000300
2003–04 37060000000430
2004–05 34050100000400
Total 127015010110001540
Manchester United 2005–06 38020308000510
2006–07 320300012000470
2007–08 290400010010440
2008–09 330200010040490
2009–10 21000206000290
2010–11 330200010010460
Total 186013050560602660
Total 60515606013901408201
Ajax
Juventus
Fulham
Manchester United
  • Nominat darbtejn bħala l-aqwa gowlkiper taċ-Champions League: 1994–95, 1995–96
  • Nominat darba bħala l-aqwa gowlkiper tal-Ewropa: 1995
  • Nominat darba bħala l-aqwa gowlkiper tal-istaġun tal-FA Premier League: 2006–07
  • Nominat erba' darbiet bħala l-aqwa gowlkiper tal-Olanda: 1995, 1996, 1997, 1998
  • Nominat darba bħala l-plejer Olandiż tas-sena: 1998
  • Nominat darba bħala l-aqwa plejer tal-istaġun ta' Fulham: 2003–04
  • Unur ta' Mertu tal-Barclays Premier League: 2008–09
  1. "Van der Sar extends Man Utd deal" (bl-Ingliż). BBC Sport. 2008-12-12. Miġbur 2008-12-21.
  2. "Man Utd 1-0 Everton" (bl-Ingliż). BBC Sport. 2009-01-31. Miġbur 2009-02-20.
  3. "West Ham 0-1 Man Utd" (bl-Ingliż). BBC Sport. 2009-02-08. Miġbur 2009-02-20.
  4. Statisika tal-IFFHS
  5. "United battle for points at Newcastle" (bl-Ingliż). EuroSport. 2009-03-04. Miġbur 2009-03-04.
  6. "We can handle pressure - Ferguson" (bl-Ingliż). BBC Sport. 2009-03-04. Miġbur 2009-03-05.
  7. "Edwin van der Sar most minutes played at European Championship". TopFootball.net (bl-Ingliż). 2008-06-21. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2009-02-01. Miġbur 2008-10-31.
  8. "Van der Sar makes Dutch comeback for World Cup qualifiers" (bl-Ingliż). Reuters. 2008-10-03. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-12-08. Miġbur 2008-10-31.
  9. "Edwin van der Sar". StretfordEnd.co.uk (bl-Ingliż). Miġbur 2009-04-06.
  10. Tinkludi kompetizzjonijiet kompetittivi oħrajn, fejn tinkludi l-FA Community Shield, is-Supertazza Ewropea, it-Tazza Interkontinentali, Tazza tad-Dinja tal-Futbol tal-Klabbs

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]