Aqbeż għall-kontentut

John O'Shea

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
John O'Shea
Informazzjoni personali
Isem sħiħJohn Francis O'Shea
Twelid30 ta' April 1981 (1981-04-30) (43 sena)
WaterfordIrlanda
Tul1.91 m
RwolDifensur
Mixtliet
1989–1995Ferrybank AFC
1995–1998Waterford Bohemians
1998–1999Manchester United
Karriera professjonali
SninKlabb
1999–2011Manchester United
2000Bournemouth (self)
2001Royal Antwerp (self)
2011–2018Sunderland
2018–2019Reading
Tim nazzjonali
2001–2018Irlanda

John Francis O'Shea (Waterford, 30 ta' April 1981) huwa eks-plejer tal-futbol li attwalment qiegħed iservi bħala kowċ tal-ewwel tim ta' Reading.

Manchester United

[immodifika | immodifika s-sors]

Wara li kompla l-iskola f'Waterfod u tejjeb it-teknika tiegħu fil-futbol mal-klabbs lokali ta' Ferrybank AFC u Bohemians, O'Shea ingħaqad ma' Manchester United. Hu ffirma l-ewwel kuntratt professjonali tiegħu fl-età ta' 17-il sena, u d-debutt professjonali wasal fl-1999 kontra Aston Villa f'Villa Park. Wara perjodi ta' self mat-timijiet ta' Bournemouth u Royal Antwerp, hu rritorna Manchester biex jibda' jkun plejer mal-ewwel tim għall-istaġun 2002–03, fejn wera il-versatilità ta' logħob fosthom fin-naħa leminija, xellugija u dik ċentrali tad-difiża u anki fil-pożizzjoni ċentrali ta' nofs il-grawnd matul l-istaġun tas-suċċess fil-kampanja tal-Premiership 2002–03.

Fl-istaġun 2004–05 wera logħob deludenti u kien hemm għajdut li l-Irlandiż seta' jitlaq minn Manchester, b'Newcastle United u Liverpool kienu fost l-interessati. Waħda minn fost il-ftit okkażjonijiet denji ta' nota għal dak l-istaġun kemmxejn diżappuntanti ta' United kienet ir-rebħa barra minn darhom ta' 4–2 fuq Arsenal, fejn O'Shea skorja r-raba' gowl meta qabbeż fuq il-gowlkiper ta' Arsenal Manuel Almunia minn tarf il-kaxxa.

Iż-żmien barra mil-logħob ta' Gary Neville, taw lil O'Shea aktar opportunitajiet mal-ewwel tim fl-istaġun 2005–06. Hu kien ikkritikat għall-prestazzjonijiet negattivi, u kien hemm xniegħat li seta' kien wieħed mill-plejers li kienu ġew ikkritikati mill-veteran ta' United, Roy Keane, f'intervista kontroversjali fuq l-istazzjon televiż tal-klabb MUTV.

Fl-4 ta' Frar 2007, waqt il-logħba tal-kampjonat kontra Tottenham Hotspur, O'Shea ħa post Edwin van der Sar bejn il-lasti hekk kif van der Sar kellu joħroġ barra mill-grawnd minħabba li kien kiser imnieħru u Manchester United kienu diġà wżaw it-tliet sostituzzjonijiet kollha. Matul dan il-ħin hu rnexxielu jopponi lill-kompatrijott fit-tim oppost, Robbie Keane, milli jiskorja b'salvataġġ bi ftit minuti mit-tmiem. Wara dan l-inċident, il-partitarji ta' United kantaw fuq it-tribuni tal-istadju "Ireland's number one" ("In-numru wieħed tal-Irlanda") ad unur ta' O'Shea.

Xahar wara hu rebaħ bil-kbir fuq il-partitarji ta' United wara li skorja gowl fil-ħin miżjud kontra r-rivali eterni Liverpool f'Anfield f'partita mill-kampjonat, wara li kien daħal bħala sostitut għal Wayne Rooney. Dan il-gowl kien importanti għal United fi triqithom biex jiksbu t-trofew tal-Premiership għall-istaġun 2006–07. Hu wkoll salva lit-tim kontra Everton fl-aħħar partita tal-istaġun meta l-gowlkiper ta' Everton Iain Turner ma kkontrollax il-ballun minn corner ta' Ryan Giggs, u hu tefa' l-ballun fix-xibka. United ħarġu rebbieħa 4–2. Dan kien gowl aktar deċiżiv, hekk kif Bolton kienu qegħdin pari ma' Chelsea fl-istess ħin u telfa kien jerġa' jitfa' lil Chelsea fit-tellieqa għar-rebħ tat-titlu.[1]

Matul l-istaġun 2007–08, Manchester United użaw lil O'Shea bħala attakkant ta' emerġenza minħabba problemi ta' plejers barra minħabba li kienu mweġġa. L-użu tiegħu bħala attakkant tatu d-distinzjoni li lagħab f'kull pożizzjoni għal Manchester United.

Fit-23 ta' Novembru 2007, John O'Shea estenda l-kuntratt ma' Manchester United, li b'hekk se jżommu mal-klabb sal-2012. O'Shea ingħata l-faxxa ta' kaptan għall-ewwel darba fit-telfa li Manchester United sofrew kontra Coventry City fir-raba' rawnd tal-League Cup bl-iskor ta' 2–0 biż-żewġ gowls jaslu mill-internazzjonali Malti Michael Mifsud.

Matul l-istaġun 2008–09, O'Shea sar regulari fi ħdan it-tim, fejn kien is-sostitut ideali għal Wes Brown u Gary Neville, li t-tnejn kienu mweġġgħin b'mod regulari. O'Shea beda l-finali tal-League Cup 2009, qabel ma' Nemanja Vidić ħadlu post fis-76 minuta, b'United joħorġu rebbieħa 4–1 bil-penalties. Fid-29 ta' April 2009, O'Shea skorja l-ewwel gowl tal-partita mill-ewwel leg tas-semifinali tal-UEFA Champions League kontra Arsenal, li ħejja t-triq għall-progress għall-finali, wara skor aggregat ta' 4–1 wara t-tieni leg. Fil-finali tal-istess kompetizzjoni, O'Shea lagħab id-disgħin minuta fil-konfront kontra Barcelona, li rriżultat f'telfa ta' 2–0 għat-tim Ingliż.[2]

O'Shea libes il-faxxa ta' kaptan għat-tieni darba fl-ewwel partita tal-istaġun 2009–10 kontra Birmingham City, waqt li ċċelebra t-350 logħba tiegħu bil-flokk tal-United kontra Stoke City fid-29 ta' Settembru 2009, bl-ewwel gowl tiegħu f'iktar minn sentejn.[3]

Fis-7 ta' Lulju 2011, O'Shea ingħaqad ma' Sunderland fejn iffirma kuntratt ta' erba' snin.[4]

Internazzjonali

[immodifika | immodifika s-sors]

John O'Shea deher għall-ewwel darba mat-tim nazzjonali Irlandiż fil-15 ta' Awissu 2001 meta daħal bħala sostitut fl-84 minuta kontra l-Kroazja. Id-debutt kien wieħed diżappuntanti minħabba li rregala penalty fil-ħin miżjud, li rriżulta bl-Irlanda titlef il-vantaġġ u l-partita tispiċċa 2–2. Fid-19 ta' Awwissu, O'Shea skorja l-ewwel gowl internazzjonali meta skorja l-ewwel gowl fir-rebħa tal-Irlanda kontra l-Awstralja.

Manchester United
  1. ^ Hughes, Ian (2007-04-28). "Everton 2-4 Manchester United" (bl-Ingliż). BBC Sport.
  2. ^ Ornstein, David (2009-05-21). "O'Shea eager to secure Euro glory" (bl-Ingliż). BBC Sport.
  3. ^ Cheese, Caroline (2009-09-26). "Saturday football as it happened" (bl-Ingliż). BBC Sport. Miġbur 2009-09-26.
  4. ^ "Man Utd's John O'Shea signs four-year Sunderland deal" (bl-Ingliż). BBC Sport. 2011-07-07. Miġbur 2011-07-07.

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]