Aqbeż għall-kontentut

Villa d'Este

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Funtana ta' Nettunu

Il-Villa d'Este jew il-Villa tal-familja d'Este hija villa tas-seklu 16 f'Tivoli, ħdejn Ruma, famuża għall-ġnien Rinaxximentali Taljan tagħha f'għolja mtarrġa u speċjalment għall-bosta funtani tagħha. Illum il-ġurnata hija mużew statali Taljan u tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]

Il-Kardinal Ippolito II d'Este, il-ħallieq tal-Villa d'Este u tal-ġonna tagħha

Il-villa ġiet ikkummissjonata mill-Kardinal Ippolito II d'Este (1509-1572), it-tieni iben ta' Alfonso I d'Este, id-Duka ta' Ferrara u n-neputi tal-Papa Alessandru VI min-naħa ta' ommu Lucrezia Borgia. Il-familja d'Este kienu s-sinjuri ta' Ferrara mill-1393, u kienu famużi bħala patruni tal-arti u tal-istudjużi umanisti tar-Rinaxximent. Bħala t-tieni iben, Ippolito kien destinat għal karriera fil-knisja; sar l-Arċisqof ta' Milan meta kellu għaxar snin biss. Meta għalaq 27 sena, huwa ntbagħat fil-qorti Franċiża, fejn sar il-konsulent tar-Re Franċiż, Francis I, u fl-1540 sar membru tal-Kunsill Privat tar-Re. Meta għalaq tletin sena, fuq talba tar-re, il-Papa Pawlu III għamlu kardinal. Bis-saħħa tal-konnessjonijiet ekkleżjastiċi u rjali, huwa sar l-iktar kardinal għani ta' żmienu, b'introjtu annwali ta' madwar 120,000 scudo. Huwa kien patrun kbir tal-arti, u appoġġa fost l-oħrajn lill-iskultur Benvenuto Cellini, lill-mużiċist Pierluigi da Palestrina u lill-poeta Torquato Tasso. Minkejja li l-introjtu tiegħu kien enormi, huwa dejjem kien imdejjen. Ir-Re Franċiż il-ġdid, Enriku II, bagħtu bħala mibgħut f'Ruma, fejn kellu rwol ewlieni fil-ħajja soċjali u politika tal-belt. Huwa kien jidher destinat li jsir Papa u uża l-flus u l-influwenza kollha tiegħu għal dak l-għan, iżda fi żmien ir-Riformazzjoni u l-Kunsill ta' Trento, l-istil ta' ħajja stravaganti tiegħu swiet kontrih. Fl-1549, l-ewwel kandidatura tiegħu għall-pożizzjoni ta' Papa, bl-appoġġ tar-Re Franċiż, ġiet imblukkata mill-Imperatur tal-Asburgi. D'Este minnufih irtira l-kandidatura tiegħu stess, approva l-kandidat tal-Asburgi, u fit-3 ta' Diċembru 1549 il-Kulleġġ tal-Kardinali tah kariga għall-għomor bħala l-Gvernatur ta' Tivoli. Dan it-titlu ġdid kien jixraqlu, peress li kien diġà kollezzjonist akkanit tal-antikitajiet, u tah il-ġurisdizzjoni fuq is-sit tal-Villa ta' Adrijanu u siti oħra li kienu bdew jiġu skavati. Huwa ma qatax qalbu li jsir Papa u kien kandidat għal Papa ħames darbiet, għalkemm qatt ma ntgħażel.

Pirro Ligorio, l-artist u l-istudjuż klassiku li ppjana t-temi u s-simboliżmu tal-villa u tal-ġonna

Tivoli kienet residenza popolari tas-sajf minn żmien ir-Rumani minħabba l-altitudni tagħha, temperaturi iktar bierda u l-prossimità tagħha mal-Villa ta' Adrijanu, ir-residenza tas-sajf tal-Imperatur Adrijanu I. Il-kariga ta' Gvernatur ta' Tivoli ġabet magħha residenza uffiċjali li kienet tinsab f'eks kunvent tal-Ordni Benedittini, li kien inbena fis-seklu 9 fis-sit ta' villa Rumana antika. Fl-1256 ġie mogħti b'donazzjoni lill-Ordni tal-Franġiskani. Ir-residenza ma kinitx kbira biżżejjed għall-unità domestika enormi ta' Kardinal daqshekk prominenti bħal d'Este, iżda kellha veduta spettakolari tal-kampanja, inkluż il-Villa ta' Adrijanu, u provvista tal-ilma naturali abbundanti għall-funtani u għall-ġonna. D'Este kkummissjona lil studjuż klassiku prominenti, Pirro Ligorio, li kien studja l-Villa ta' Adrijanu u siti Rumani oħra fil-qrib, biex jiddisinja villa u ġnien ġodda li kienu jisbqu kwalunkwe struttura li qatt bnew ir-Rumani. Huwa kiseb provvista abbundanti ta' irħam u statwi mill-fdalijiet tal-Villa ta' Adrijanu.

L-art ġiet akkwistata u l-kostruzzjoni ġiet ippjanat li tibda fl-aħħar tal-1550, iżda l-Kardinal kien distratt minn diversi missjonijiet diplomatiċi; ġie stazzjonat fit-Tramuntana tal-Italja biex isib soluzzjoni għall-gwerra f'Parma, imbagħad intbagħat minn Enriku II f'missjoni lejn Siena. Huwa ma reġax lura f'Tivoli qabel is-sajf tal-1555. Madankollu, f'Settembru 1555, ġie akkużat b'simonija (il-bejgħ u x-xiri ta' oġġetti spiritwali) mill-Papa Pawlu IV u ġie eżiljat. Il-Papa miet fl-1559, u l-Papa l-ġdid, Papa Piju IV, irriabilita lil d'Este u reġa' tah it-titlu ta' Gvernatur ta' Tivoli. Il-kostruzzjoni bdiet meta reġa' lura f'Lulju 1560. Sal-1569 kien hemm bżonn iktar art u din ġiet akkwistata. Is-sit enormi tal-kostruzzjoni kien jeħtieġ it-twaqqigħ ta' djar, binjiet pubbliċi u toroq. Fl-1568, ir-residenti lokali ressqu 12-il kawża differenti kontra l-Kardinal, iżda xorta waħda baqa' għaddej bil-proġett tiegħu. Bejn l-1563 u l-1565, ammont kbir ta' ħamrija ġiet skavata u ntużat għall-kostruzzjoni tal-art imtarrġa; flimkien ma' arkati, grotti, niċeċ u nymphaeums. Ix-xmara Aniene fil-qrib ġiet devjata sabiex tforni l-ilma għas-sistema kumplessa ta' vaski, ġettijiet tal-ilma, kanali, funtani, kaskati u logħob bl-ilma. Ix-xaqliba wieqfa tal-ġnien, ta' iktar minn 45 metru (148 pied) minn fuq għal isfel, kienet tirrappreżenta diversi sfidi. Tħaffru l-kanali u 200 metru ta' pajpijiet taħt l-art biex iwasslu l-ilma mill-muntanja artifiċjali taħt il-funtana ovali għall-bqija tal-ġnien. Skont il-prinċipji estetiċi tar-Rinaxximent, il-ġnien tqassam bir-reqqa f'unitajiet jew f'kompartimenti regolari, b'wisa' ta' 30 metru, distribwiti tul assi medjana lonġitudinali, b'ħames assi laterali.

Il-villa u l-ġonna fl-1560-1575

Il-pjanijiet għall-villa stess twettqu taħt id-direzzjoni tal-arkitett u inġinier minn Ferrara Alberto Galvani, l-arkitett tal-qorti tal-familja d'Este. Il-pittur ewlieni tat-tiżjin intern ambizzjuż kien Livio Agresti minn Forlì. Fl-1565 u fl-1566, inbeda x-xogħol fuq it-tiżjin fuq ġewwa tal-villa. It-tiżjin twettaq minn tim ta' pitturi taħt Girolamo Muziano u Federico Zuccari. Fl-1566, il-Kardinal għamel il-ħames sforz tiegħu biex jiġi elett bħala Papa, iżda għal darb'oħra ma rnexxielux, u ġie eskluż mill-Papa l-ġdid, il-Papa Piju V, minn iktar ħatriet uffiċjali. B'hekk kompla jiffoka dejjem iktar fuq it-tiżjin tal-villa. Timijiet ġodda ta' pitturi u ta' ħaddiema bl-istukko ħadmu fuq it-tiżjin bejn l-1567 u l-1572, taħt id-direzzjoni ta' Girolamo Muziano, Livio Agresti, Cesare Nebbia, Durante Alberti, Matteo Neroni u Federico Zuccari. Flimkien mal-pitturi kien hemm ukoll l-iskulturi Giovan Battista della Porta, Pirrino del Gagliardo, Gillis van den Vliete, Giovanni Malanca u Pierre de la Motte. Flimkien magħhom kien hemm ukoll ħaddiema biċ-ċeramika, artisti tal-mużajk, kif ukoll inġiniera tal-funtani, immexxija minn Pirro Ligorio, id-disinjatur oriġinali tal-proġett, li reġa' lura biex itemm ix-xogħlijiet fl-1567-1568.

Ix-xogħol diżorganizzat tal-proġett beda jmajna fl-1569, x'aktarx minħabba d-diffikultajiet finanzjarji tal-Kardinal, li ma kellux iktar tama li jiġi elett Papa u li kien tilef il-karigi Franċiżi tiegħu li kienu jqallgħuh ħafna flus. Huwa qatta' dejjem iktar ħin fil-villa, jaqra u jiltaqa' mal-poeti, mal-artisti u mal-filosfi ewlenin tar-Rinaxximent. Fis-sajf tal-1572, huwa ospita l-aħħar mistieden importanti tiegħu, il-Papa Gregorju XIII. Sabiex iħejji għaż-żjara tiegħu, il-Kardinal żejjen mill-ġdid is-sulari ta' fuq tal-villa u għaġġel it-tlestija tal-funtana tad-draguni. Sabiex jilqa' lill-Papa, il-preparamenti swewh iktar minn 5,000 scudo, u b'hekk kellu jħalli l-oġġetti tal-fidda u oġġetti prezzjużi oħra tiegħu b'rahan. Ftit wara ż-żjara tal-Papa, fit-2 ta' Diċembru 1572, il-Kardinal miet f'Ruma, u ndifen f'qabar sempliċi fil-knisja maġenb il-villa.

Fis-snin ta' wara

[immodifika | immodifika s-sors]
Ġnien tal-Villa d'Este, Carl Blechen, 1830. Il-ġnien mitluq appella għall-immaġinazzjoni Romantika; illum il-ġurnata din l-istess veduta għadha teżisti iżda b'attenzjoni sħiħa għaż-żamma tal-ġnien.

Mal-mewt ta' Ippolito fl-1572, il-villa u l-ġonna għaddew għand in-neputi tiegħu, il-Kardinal Luigi (1538-1586), li kompla x-xogħol fuq uħud mill-funtani u mill-ġonna li kienu għadhom ma tlestewx, iżda sabha diffiċli biex ilaħħaq mal-ispejjeż għoljin tal-manutenzjoni. Wara mewtu fl-1586, il-villa għaddiet għand il-Kardinali Djakni tal-Kulleġġ Sagru, li ma tantx għamlu wisq biex jieħdu ħsieb il-villa. Fl-1599 il-villa reġgħet lura f'idejn il-familja d'Este bin-nomina tal-Kardinal Alessandro d'Este (1538-1624). Alessandro kellu l-enerġija u l-ambizzjoni tal-antenat tiegħu u wettaq rinnovazzjoni kbira tal-ġonna u tas-sistemi tal-ilma. Barra minn hekk, bena wkoll sistema ġdida ta' funtani fil-ġnien t'isfel. Huwa pperswada wkoll lill-Papa Gregorju XV biex formalment jagħti s-sjieda tal-villa lill-familja d'Este. Is-suċċessuri tiegħu, id-Duki ta' Modena, żiedu iktar affarijiet fil-ġonna. Francesco I (1629-1641) irrestawra ħafna mill-istrutturi li kienu qed jikkrollaw u beda jħawwel is-siġar fil-ġonna li qabel ma kellhomx dell. Il-Kardinal Rinaldo I kkummissjona żewġ funtani ġodda magħmula minn Gian Lorenzo Bernini fl-1660-1661. Madankollu, wara l-1695, il-familja d'Este ma setgħetx tiflaħ iktar għall-ispejjeż kbar ta' manutenzjoni tal-villa, li qajla użaw u li ma pproduċiet l-ebda introjtu. B'hekk il-villa għaddiet minn perjodu twil ta' deklin. Wara l-1751, l-għamara tal-villa ntbagħtet lejn Modena, u l-iskulturi antiki gradwalmet tneħħew mill-ġonna u nbigħu lill-kollezzjonisti. Fl-1796, il-familja tal-Asburgi ħadet il-villa f'idejha, wara li Ercole III d'Este ħalliha b'wirt lil bintu Maria Beatrice, li żżewġet lil Gran Duka Ferdinandu tal-Asburgi. Il-villa ġiet pjuttost ittraskurata u ġiet okkupata darbtejn mis-suldati Franċiżi, li ħadu magħhom il-biċċa l-kbira tat-tiżjin li kien għad fadal.

Bejn l-1850 u l-1896, il-villa għaddiet għand il-Kardinal Gustav von Hohenlohe, li rrestawra l-villa mill-ġdid flimkien mal-ġonna rvinati u mimlijin ħaxix ħażin, li dak iż-żmien reġgħu bdew jappellaw għas-sentimenti Romantiċi. Għal darb'oħra l-villa bdiet tattira artisti, mużiċisti u kittieba. Il-kompożitur Franz Liszt għamel diversi żjarat bejn l-1865 u l-1885, u kiteb tliet xogħlijiet mużikali għall-pjanu, żewġ "trenodiji" mużikali bit-titlu "Aux cyprès de la Villa d’Este" u x-xogħol mużikali karatteristiku "Les jeux d'eau à la Villa d'Este," b'ispirazzjoni mill-villa. Dawn tqiegħdu fit-"tielet sena" tal-Années de pèlerinage tiegħu. Din tal-aħħar tinkludi wħud mill-iżjed evokazzjonijiet influwenti tal-logħob bl-ilma li qatt inkitbu għall-pjanu.

Wara l-Ewwel Gwerra Dinjija, il-villa ġiet akkwistata mill-Istat Taljan, li beda restawr kbir fl-1922. Il-villa reġgħet ġiet imżejna bil-pitturi mill-imħażen tal-Gallerija Nazzjonali ta' Ruma. Fl-1944 ġarrbet ħsarat mill-bombi matul it-Tieni Gwerra Dinjija, u bosta mill-ħitan tagħha ġew affettwati fis-snin ta' wara l-gwerra mit-tniġġis ambjentali, iżda permezz ta' kampanji ta' restawr u ta' protezzjoni, il-karatteristiċi famużi tal-villa u tal-ġonna ġew ippreservati. Il-volum ta' poeżiji ta' Jean Garrigue A Water Walk by Villa d'Este (1959) ġie ispirat mill-ġonna tal-villa. Kenneth Anger ġibed il-film Eaux d'Artifice qalb il-karatteristiċi bl-ilma tal-ġonna tal-villa. L-orgni tal-ilma, li ma kienx iffunzjona għal bosta snin, ġie rrestawrat u issa jdoqq mill-ġdid kuljum għall-viżitaturi.

L-entrata attwali tal-Villa d'Este

Illum il-ġurnata wieħed jaċċessa l-villa minn entrata f'Piazza Trento, ħdejn id-daħla tal-Knisja ta' Santa Marija Maġġuri. Fi żmien Ippolito d'Este, din l-entrata qajla kienet tintuża; il-viżitaturi kienu jaslu fin-naħa t'isfel tal-ġonna, u kienu jitilgħu, pass wara pass, lejn il-villa, filwaqt li jitpaxxew bil-funtani u bl-istatwi. L-entrata attwali tmur lura għall-1521, għall-perjodu ta' qabel Ippolito. Fis-sala ta' lqugħ wara l-entrata hemm volta mpittra li fl-imgħoddi kienet miksija pitturi. Dawn fil-biċċa l-kbira tagħhom inqerdu mill-bumbardamenti tat-Tieni Gwerra Dinjija. Is-sala kienet imżejna b'xeni monokromatiċi mit-Testment l-Qadim, u wħud minnhom, inkluż Is-Sagrifiċċju ta' Iżakk, għadhom viżibbli. Dawn imorru lura għall-perjodu bejn l-1563 u l-1565, u x'aktarx li ġew iddisinjati minn Girolamo Muziano. Fis-sala ta' wara, is-Sala tal-Ġrajjiet ta' Salamun, hemm xeni mill-ħajja tar-Re Salamun, fi gwarniċi mpittra apposta taparsi tal-irħam. Dawn ukoll ġew attribwiti lil Muziano u lill-ħaddiema tas-sengħa tiegħu, ukoll għall-ħabta tal-1565. Hemmhekk hemm ras enormi tat-travertin, li sas-seklu 18 kienet tinsab fil-ġnien.

Il-bitħa tal-villa oriġinarjament kienet il-kjostru tal-kunvent

Il-bitħa tinsab fejn qabel kien hemm il-kjostru oriġinali tal-kunvent. Din inbniet fl-1566-1567, u hija mdawra b'gallerija. F'nofs il-bitħa hemm il-Funtana ta' Venere, l-unika funtana fil-villa li għad għandha d-dehra u t-tiżjin oriġinali. Il-funtana, iddisinjata minn Raffaelo Sangallo fl-1568-1569, għandha żewġ kolonni Doriċi fil-ġnub, u fiha bust tal-irħam tas-seklu 4 tal-Imperatur Kostantinu. L-element ċentrali tal-funtana hija statwa Rumana ta' Venere rieqda, magħmula fis-sekli 4 jew 5 W.K. Oriġinarjament l-ilma kien jiġi mferra' minn vażun maġenbha f'labrum Ruman tal-irħam abjad tas-seklu 2 W.K., imżejjen b'żewġt irjus tal-iljuni. Il-funtana hija mdawra fuq tliet naħat minn bitħa tas-seklu 16 mibnija fejn qabel kien hemm il-kjostru Benedittin. Il-funtana fuq ħajt laterali fiha grotta u figura li ssegwi prototip Ellenistiku familjari l-iktar fl-Arjadne Rieqda tal-Vatikan. Il-grotta, b'bosta stalaktiti għoljin, tidentifikaha bħala ninfea residenti, jew genius loci, għalkemm spiss hija magħrufa bħala Venere. Il-bażi tal-funtana hija mżejna b'riljiev bl-istukko li xi darba kien indurat, kif ukoll b'ajkli bojod tal-istemma tal-familja d'Este. Turi l-fluss tax-xmara minn Monte Sant'Angelo sal-villa. It-tiżjin bl-iskulturi madwar il-bitħa, b'mod partikolari r-rappreżentazzjoni ta' siġar tal-isfarġel, juri l-11-il sfida ta' Erkole; is-serqa tat-tuffieħ tad-deheb mill-Ġnien tal-Esperidi, li kienu ssalvagwardjati mid-dragun Ladone. Erkole kien rinomat bħala protettur tar-reġjun Tiburtin fejn tinsab il-villa, u ġie ddikjarat bħala antenat tal-familja d'Este.

Appartamenti tal-Kardinal

[immodifika | immodifika s-sors]
Veduta mill-appartamenti tal-Kardinal

Is-Sala Prinċipali fil-pjan terran hija l-ewwel kamra mill-appartamenti personali ta' Ippolito; kienet tintuża għar-riċevimenti, u għandha veduta spettakolari tal-ġnien ta' taħtha u tal-kampanja tal-madwar, inkluż tal-Villa ta' Adrijanu. Il-ħitan, li llum il-ġurnata mhumiex impittrin, fl-imgħoddi kienu miksija bil-ġilda mżejna b'disinni lewn id-deheb u ħodor, bl-ajkli tal-familja d'Este. Is-saqaf bil-volti tal-kamra għadu miksi bi freġju u b'affreski bit-tema tal-virtujiet, impitter b'għoxrin personifikazzjoni differenti. Dawn ġew iddisinjati minn Livio Agresti fl-1568, u nħolqu minn tim ta' artisti u ħaddiema bl-istukko. Temi oħra jinkludu pajsaġġi bi fdalijiet ta' tempji, li ġew ispirati mill-pajsaġġ Tiburtin.

Dettall tas-saqaf tal-injam b'għamla ta' kaxxi

Antikamra żgħira ħdejn is-sala prinċipali għandha freġju u volta mżejna b'iktar personifikazzjonijiet tal-virtujiet, u tagħti għall-Kamra tas-Sodda tal-Kardinal, li nbniet fl-1576. Il-ħitan tal-kamra tas-sodda oriġinarjament kienu miksija bil-ġilda mpittra bid-deheb u bil-fidda. Is-saqaf tal-injam b'għamla ta' kaxxi huwa l-iktar karatteristika notevoli tal-kamra, indurat u mpitter bl-istemma tal-familja d'Este, ajkla mdawra b'friegħi tal-isfarġel, mitra tal-isqof, u l-mottu tal-familja d'Este, ab insomni non custodita dracone, vers minn Ovidju li jirreferi għad-dragun li kien għassa mal-ġonna tal-Esperidi. Fl-irkejjen tal-kamra hemm figuri femminili li jirrappreżentaw aspetti differenti tal-virtujiet. L-appartament privat huwa mgħammar ukoll b'librerija u b'kappella żgħira, b'ħitan imżejna b'affreski b'taħlita ta' simboliżmu klassiku u Kristjan, Sibilli u profeti. Il-volta tas-saqaf tal-kappella fiha affresk tal-inkurunazzjoni tal-Madonna. L-appartament huwa kkollegat permezz ta' daħliet bil-bibien mal-Gran Loġġa klassika ta' Pirro Ligorio fil-faċċata tal-ġnien tal-villa, ibbażat fuq it-terrazza t'isfel u ddisinjat bl-għamla ta' arkata trijonfali kbira.

Sular t'isfel

[immodifika | immodifika s-sors]
Tiżjin tal-Ewwel Sala Tiburtina

Is-sular t'isfel, taħt l-appartamenti personali tal-Kardinal, fih sensiela ta' kmamar imżejnin, kull waħda mżejna b'tema speċifika, u kollha kkollegati man-natura, mal-mitoloġija u mal-ilma. Il-kmamar huma inqas formali minn dawk tal-appartamenti tas-sular ta' fuq; kienu jintużaw għal mumenti privati fil-ħajja tal-Kardinal; is-smigħ tal-mużika jew tal-poeżija; xi konversazzjoni, il-qari, u r-riflessjoni reliġjuża. Wieħed jasal għal dawn il-kmamar minn taraġ ċeremonjali kbir li jinżel mill-bitħa, u l-kmamar huma kkollegati ma' xulxin b'kuritur dejjaq u twil b'saqaf għoli bil-volti, li jirċievi d-dawl minn għadd ta' fetħiet li jagħtu għall-bitħa ta' fuq. Is-saqaf tal-kuritur huwa mżejjen b'mużajk tas-seklu 16, b'rappreżentazzjoni ta' pergola abitata minn għasafar ikkuluriti, tant li l-kuritur jidher qisu parti mill-ġnien. Il-kuritur fih ukoll tliet funtani rustiċi elaborati, bi grotti f'minjatura bil-kolonni u l-pedamenti.

Is-saqaf tas-Sala ta' Noè

Is-Sala ta' Noè, bħas-swali l-oħra tas-sular, għandha ħitan miksijin bl-affreski ddisinjati taparsi tapizzeriji, alternati b'xeni ta' pajsaġġi klassiċi, fdalijiet, djar rustiċi tal-villeġġjatura, u xeni oħra li jiksu s-saqaf u l-ħitan kollha minn fuq s'isfel. Din is-sala tmur lura għall-1571, jiġifieri lejn l-aħħar tat-tiżjin tal-villa, u hija attribwita lil Girolamo Muziano, li kien famuż għal xeni simili ta' pajsaġġi Venezjani. Ix-xeni ewlenin juru l-Erba' Staġuni, allegoriji tal-prudenza u tat-temperanza, u x-xena ċentrali turi lil Noè bl-arka ftit wara li waslet fuq il-Muntanja Ararat, wara patt ma' Alla. Ajkla bajda, is-simbolu tal-familja d'Este, tidher b'mod prominenti nieżla mill-arka.

Fis-sala ta' wara, is-Sala ta' Mosè, hemm affresk fin-nofs tas-saqaf li juri lil Mosè jsabbat il-ħatar tiegħu fuq blata biex jisqi l-poplu ta' Iżrael. Din kienet allużjoni għall-Kardinal, li kien wassal l-ilma għall-ġonna tal-villa permezz ta' kanali fil-blat. Panewijiet oħra juru xeni mill-ħajja ta' Mosè, idra b'sebat irjus, l-emblema tal-familja ta' Ercole I d'Este, antenat ta' Ippolito, u pajsaġġi fantastiċi.

Is-Sala tal-Glorja

Is-Sala ta' Venere oriġinarjament fin-nofs tagħha kellha funtana kbira, b'irdum u b'grotta artifiċjali bl-istukko. Il-funtana kellha vaska tal-ilma u statwa klassika ta' Venere rieqda, iżda fis-seklu 19 il-vaska tneħħiet u l-Venere, li kienet tneħħiet wara l-mewt tal-Kardinal, ġiet sostitwita b'żewġ statwi ġodda tal-Paċi u tar-Reliġjon, li jirrappreżentaw xena fil-grotta ta' Lourdes. L-art oriġinali tat-terrakotta għadha hemm, bl-ajkla bajda tal-familja d'Este. L-unika tiżjin ieħor fis-sala hija pittura tas-seklu 17 fis-saqaf ta' anġli joffru l-fjuri lil Venere.

L-Ewwel u t-Tieni Swali Tiburtini nħolqu fl-istess żmien minn tim ta' pitturi mmexxija minn Cesare Nebia qabel l-1569, u t-tnejn li huma għandhom konfigurazzjoni komuni. Il-ħitan huma miksija b'elementi arkitettoniċi mpittrin, inkluż kolonni u bibien, kif ukoll forom elaborati mpittrin u elementi bl-iskulturi. Disinni bil-fjuri jimlew l-ispazji bejn l-arkitettura mpittra, flimkien ma' medaljuni, maskri u elementi oħra. It-tiżjin taż-żewġ swali juri ġrajjiet mill-mitoloġija u mill-istorja tar-reġjun Tiburtin fejn tinsab il-villa.

It-Trijonf ta' Apollo fit-Tieni Sala Tiburtina

It-tema ewlenija tat-Tieni Sala Tiburtina hija l-ġrajja tas-Sibill Tiburtin: skont il-mitoloġija, ir-Reġina Ida ġiet ikkastigata minn Ġove talli rabbiet lil Baccus biex tevita l-ġenn tar-raġel tagħha, Atamante; Venere u Nettunu ttrasformawha f'veġġenti, Leucotea. Hija vvjaġġat lejn l-Italja fejn għexet fil-foresti Tiburtini, u għamlet profeziji u bassret it-twelid ta' Kristu. Leġġenda Tiburtina oħra murija fis-sala hija dik tar-Re Aniene, li fittex lil Merkurju, li ħataf lil bintu Cloris, u għereq fix-xmara Aniene, li ngħatat ismu, u li tipprovdi l-ilma għall-funtani tal-villa. Is-Sibill, ir-Re Aniene, u l-personifikazzjoni tax-xmara Aniene, kollha jidhru fl-affreski tas-sala, flimkien mat-Trijonf ta' Apollo.

L-Ewwel Sala Tiburtina turi l-ġrajja ta' tliet aħwa Griegi leġġendarji, Tiburtus, Coras, u Catillus, li rebħu kontra s-Siċeli, tribù Italika, u bnew belt ġdida, Tibur (issa Tivoli). Il-battalja tagħhom tidher fl-affresk ċentrali tas-saqaf, flimkien ma' avvenimenti oħra li stabbilew ir-reġjun. It-tiżjin tas-sala jinkludi wkoll l-għaxar sfida ta' Erkole, fejn jisraq merħla bhejjem ta' valur, u jiġi salvat minn Żeus, li jħaġġar lill-għedewwa tiegħu; kif ukoll pari ta' allat maskili u femminili f'niċeċ impittra: Vulkan u Venere, Ġove u Ġunone, Apollo ma' Diana, u Baccus ma' Ċirċe. F'ħajt minnhom hemm illustrazzjoni tal-funtana ovali li Ippolito kien qed jibni fl-istess żmien meta s-sala kienet qed tiġi mżejna.

L-affresk tas-Sinodu tal-Allat fuq is-saqaf tas-Sala tal-Funtana

Is-Sala tal-Funtana kienet tintuża mill-Kardinal Ippolito bħala sala tar-riċevimenti għall-mistednin li jkunu għadhom kemm waslu mill-ġnien taħt il-villa, u għal kunċerti u avvenimenti artistiċi oħra. Is-sala nbniet bejn l-1565 u l-1570, x'aktarx minn Girolamo Muziano u t-tim ta' artisti tiegħu. L-element ċentrali huwa funtana mal-ħajt, miksija b'ċeramika u bi skulturi kkuluriti, imżejna b'biċċiet tal-ħġieġ, qxur tal-frott tal-baħar u ħaġar prezzjuż, b'ajkla bajda tal-familja d'Este fuq nett. Il-funtana tlestiet fl-1568 minn Paolo Calandrino. Il-vaska tal-funtana sserraħ fuq żewġ dniefel tal-ġebel. Ir-riljievi fin-niċċa ċentrali juru l-funtana tal-akropoli Tiburtina u t-Tempju tas-Sibill. Fuq il-ħitan l-oħra hemm immaġnijiet tal-villa u tal-ġonna u tal-funtana li kienu għadhom ma tlestewx, kif ukoll illustrazzjoni żgħira fuq il-ħajt oppost mill-funtana tal-villa ta' Ippolito f'Ruma, fl-Għolja tal-Quirinale, li issa hija residenza tal-Papa. Il-pitturi fuq is-saqaf huma ddedikati lil xeni tal-mitoloġija; kull rokna fiha ritratt ta' alla maskili jew femminili differenti. Skont it-tradizzjoni, il-pittura ta' Merkurju hija awtoritratt ta' Muziano. L-affresk ċentrali fuq is-saqaf juri s-Sinodu tal-Allat, b'Ġove fin-nofs imdawwar bl-allat kollha ta' Olimpja. L-affresk huwa mmudellat fuq xogħol simili ta' Raffaello fil-Loġġa ta' Psike fil-Villa Farnesina. Is-sala tagħti għal-loġġa u minn hemm wieħed isib taraġ li jinżel sal-ġnien.

Is-Sala ta' Erkole tmur lura għall-1565-1566 u saret ukoll minn Muziano. Il-pitturi fuq is-saqaf juru tmien sfidi ta' Erkole, imdawrin b'xeni ta' pajsaġġi, arkitettura antika, u l-grazzji u l-virtujiet. Il-pittura ċentrali tas-saqaf turi lil Erkole milqugħ f'Olimpja mill-allat.

Is-Sala tan-Nobbiltà saret minn artist differenti, Federico Zuccari, u t-tim tiegħu ta' pitturi. L-affresk ċentrali fuq is-saqaf juri n-"Nobbiltà fuq it-tron bejn il-Liberalità u l-Ġenerożità". It-tiżjin mal-ħitan jinkludi pitturi ta' busti ta' Platun, Pitagora, Dijoġene, Sokrate u filosfi klassiċi oħra, il-Grazzji u l-Virtujiet, u Diana ta' Efesu, l-alla tal-Fertilità, li wkoll għandha funtana ddedikata għaliha fil-ġnien.

Is-Sala tal-Glorja tlestiet bejn l-1566 u l-1577 minn Federico Zuccari u tmien assistenti tiegħu. Hija kapulavur tal-pittura Manjerista Rumana, b'illużjonijiet impittra ta' bibien, twieqi, tapizzeriji, skulturi u oġġetti ta' kuljum li kien juża l-Kardinal. Il-pittura ċentrali tas-saqaf, l-Allegorija tal-Glorja, intilfet, iżda hemm illustrazzjonijiet allegoriċi tal-virtujiet, tal-Erba' Staġuni, tar-Reliġjon, tal-Manjanimità, tal-Fortuna u tal-Ħin.

Is-Sala tal-Kaċċa

Is-Sala tal-Kaċċa nħolqot iktar 'il quddiem mis-swali l-oħra, lejn l-aħħar tas-seklu 16 jew il-bidu tas-seklu 17, u għandha stil differenti; fiha xeni tal-kaċċa, pajsaġġi rurali, trofej tal-kaċċa, kif ukoll xeni ta' battalji navali, xi ħaġa pjuttost stramba. Taraġ tat-travertin, imsejjaħ it-"taraġ b'għamla ta' bebbuxu", jagħti għall-ġnien. Oriġinarjament inbena biex jagħti aċċess għal biċċa art għall-pallacorda, l-antenat tat-tennis, li Ippolito importa fl-Italja mill-Qorti Franċiża. Dan l-ispazju issa jospita l-kafetterija u l-ħanut tal-kotba.

Il-kostruzzjoni u t-tiżjin tal-appartamenti ta' Ippolito tlestew fl-1572 meta Ippolito kien wasal fuq is-sodda tal-mewt tiegħu.

Ġonna u funtani

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Funtana Ovali tinżel bħal kaskata mill-vaska ovali tagħha f'vaska oħra b'nymphaeum rustiku fl-isfond.

Il-fama u l-glorja tal-Villa d'Este ġiet stabbita fuq kollox permezz tas-sistema straordinarja ta' funtani tagħha; fiha 51 funtana u nymphaeums, 398 żennuna, 364 ġett tal-ilma, 64 kaskata, u 220 vaska, alimentati minn 875 metru ta' kanali, mogħdijiet tal-ilma u kaskati, li kollha kemm huma jaħdmu għalkollox bil-forza tal-gravità, mingħajr pompi.

Pirro Ligorio, li kien responsabbli għall-programmi ikonografiċi tal-affreski tal-villa, ġie kkummissjonat ukoll biex jiddisinja l-ġonna tal-villa, bl-assistenza ta' Tommaso Chiruchi minn Bologna, wieħed mill-iktar inġiniera idrawliċi kapaċi tas-seklu 16; Chiruchi kien ħadem fuq il-funtani ta' Villa Lante. F'Villa d'Este huwa kien megħjun fid-disinni tekniċi għall-funtani mill-Franċiż Claude Venard, li kien manifattur tal-orgnijiet idrawliċi. Ir-riżultat tax-xogħol tagħhom kien wieħed mill-ifjen ġonna tar-Rinaxximent, li jikkompetulu biss dawk tal-Villa Lante, tal-Villa Farnese f'Caprarola u tal-Vilel Aldobrandini u Torlonia fi Frascati. Il-ġnien u l-karatteristiċi bl-ilma ġew ammirati u imitati fiż-żewġ sekli ta' wara f'ġonna minn Portugall sa San Pietruburgu, ir-Russja.

Il-konfigurazzjoni tal-ġnien hija stabbilita fuq assi ċentrali b'kontroassi sussidjarji, imberrda permezz ta' ħames mitt ġett tal-ilma fil-funtani, fil-vaski u fil-mogħdijiet tal-ilma. L-ilma huwa fornut mix-xmara Aniene, li ġiet devjata parzjalment minn ġo nofs ir-raħal, għal distanza ta' kilometru, u, oriġinarjament, mill-fawwara Rivellese, li kienet tforni ġibjun taħt il-bitħa tal-villa (issa fornut ukoll mix-xmara Aniene). Il-ġnien issa huwa parti mill-Ġonna Kbar tal-Italja.

It-Terrazza (jew il-Vialone)

[immodifika | immodifika s-sors]
It-terrazza fil-parti ta' fuq tal-ġnien

Terrazza kbira, twila 200 metru, magħrufa wkoll bħala l-Vialone, tinsab bejn il-villa u l-ġonna, b'veduta panoramika tal-ġonna u tal-kampanja tal-madwar. Inbniet bejn l-1568 u l-1569. Il-Kardinali kienu jużaw dan l-ispazju għal-logħob bin-nar, għal-logħbiet, għall-ispettakli u għall-festi. Oriġinarjament kellha d-dell bis-saħħa ta' żewġ ringieli ta' ulmi, għajr għall-ispazju direttament quddiem il-villa, li tħalla vojt biex tiġi ppreservata l-veduta. It-terrazza hija kkonfinata min-naħa waħda bil-Funtana ta' Ewropa, u min-naħa l-oħra minn loġġa immensa u belveder b'għamla ta' arkata trijonfali magħruf bħala ċ-Ċenaklu. Din l-istruttura kienet tipprovdi d-dell tant prezzjuż fis-sajf, kif ukol veduti mill-isbaħ tax-xenarju tal-madwar. Oriġinarjment kien maħsub li jkun imżejjen fuq ġewwa bl-istukko, bl-indurar u bl-affreski, iżda qatt ma tlesta.

Fin-nofs tat-terrazza, mehmuża mal-faċċatta tal-villa, hemm il-loġġa doppja, magħmula fl-1566-1577 bit-travertin. Iż-żewġ turġien tagħha jagħtu aċċess għas-swali ċerimonjali tas-sular t'isfel, filwaqt li s-sular ta' fuq tagħha kienet toħloq terrazza għall-appartamenti tal-Kardinal. Dan is-sular fih ukoll nymphaeum, jew grotta, fejn tinsab il-Funtana ta' Leda. L-istatwi oriġinali tal-funtana, b'Ġove u Leda ttrasformati f'ċinju u erbat itfal, Elena, Clitemnestra, Castor u Pollux, inbigħu fis-seklu 19 u issa jinsabu fil-Gallerija tal-Borgeżija f'Ruma. L-istatwi ġew sostitwiti bi statwa bla ras ta' Minerva li nstabet fil-ġnien tal-Palazz ta' Manni f'Tivoli. Il-funtana oriġinali kellha espedjent idrawliku innovattiv; l-ilma kien ifur minn vażun ta' Leda u jolqot biċċa tonda tal-metall. Dan kien jikkawża riflessjonijiet tad-dawl fuq il-ħitan tal-grotta.

Il-loġġa doppja kienet tagħti aċċess għall-kmamar ċerimonjali u għal terrazza għall-appartamenti tal-Kardinal

Il-Funtana tat-Trepied tinsab f'nofs il-Vialone. Ilha hemm mill-1930 biss; il-funtana hi kopja ta' funtana Rumana antika, b'vaska tal-irħam mirfuda minn kolonna ċentrali u tliet pilastri. Il-funtana oriġinali issa tinsab fil-Louvre, f'Pariġi, Franza. Il-funtana oriġinali tas-sit, il-Funtana taż-Żwiemel il-Baħar, li ġiet ittrasferita minn Ippolito mill-Villa ta' Adrijanu għall-ġnien tal-villa tiegħu, issa tinsab fil-Mużewijiet tal-Vatikan.

Il-Funtana ta' Ewropa tinsab fil-Grigal tan-naħa ta' fuq tal-ġnien. Il-kostruzzjoni tagħha nbdiet minn Ippolito iżda ma tlestietx qabel l-1671. Id-disinn tagħha, arkata trijonfali b'żewġ ordnijiet ta' kolonni, Korinzja u Dorika, tikkopja dik tal-Gran Loġġa. In-niċċa l-kbira fin-nofs, issa vojta, fl-imgħoddi kellha skultura ta' Ewropa Tħaddan Barri li issa tinsab f'Villa Albani f'Ruma.

Il-ġnien ta' fuq

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Funtana tal-Kalċi ta' Bernini u l-Loġġa Żgħira tal-Kardinal

Żewġ rampi jwasslu għall-ġnien ta' fuq mill-Funtana tat-Trepied, u hemm żewġ turġien doppji simetriċi fuq kull naħa. Il-Mogħdija tal-Kardinal hija mogħdija fid-dell, qrib il-ħajt li jżomm it-terrazza, li twassal minn naħa għall-oħra tal-ġnien, u tgħaddi qrib diversi grotti mibnija fil-ħajt. Fin-naħa tax-Xlokk tal-mogħdija, eżatt taħt il-Funtana ta' Ewropa, hemm il-Grotta ta' Aigle u Asklepios. Il-grotta hija mżejna bil-laqx tat-tartru, bil-mużajk u b'frammenti kkuluriti tal-qxur tal-frott tal-baħar, kif ukoll b'parti żgħira tal-affresk oriġinali. Oriġinarjament kellha żewġ statwi; waħda ta' Asklepios, l-alla maskili tal-mediċina, li issa tinsab fil-Louvre, u oħra ta' Aigle, bint Asklepios, l-alla femminili tal-fejqan, li issa tinsab fil-Mużewijiet tal-Vatikan.

Il-Loġġa ta' Pandora tinsab f'nofs il-Mogħdija tal-Kardinal, eżatt taħt iċ-ċentru tal-villa. Din il-parti tal-mogħdija tal-mixi hija msaqqfa bl-arkati li jagħtu 'l barra lejn il-ġnien. Kien fiha nymphaeum mibnija fil-ħajt, u oriġinarjament kienet imżejna bil-mużajk, bi statwa ta' Pandora, u b'żewġ statwi ta' Minerva. L-istatwa ta' Pandora kienet tinkludi vażun bl-ilma, li huwa simbolu tal-ħażen fid-dinja. Il-vażun kien funtana moħbija u minnu kien ifur l-ilma. L-istatwi nbigħu fis-seklu 18; l-istatwa ta' Pandora u waħda mill-istatwi ta' Minerva issa jinsabu fil-Mużew Kapitolin. Fis-seklu 19, in-nymphaeum ġiet ikkonvertita f'kappella Kristjana; kienet il-post iffavurit tal-kompożitur Franz Liszt, li ddedika żewġ xogħlijiet mużikali lill-kappella.

L-ilma ħiereġ minn maskra fil-Grotta ta' Pomona

Il-Funtana tal-Kalċi (magħrufa bit-Taljan bħala Fontana del Bicchierone) hija waħda minn żewġ funtani li nħolqu għall-villa minn Gian Lorenzo Bernini. Il-funtana ġiet prodotta bejn l-1660 u l-1661 fuq kummissjoni mill-Kardinal Rinaldo I d'Este. Il-vaska tal-funtana għandha għamla ta' arzella kbira, li tlaħħaq sal-livell tat-terrazza. Fin-nofs tagħha kemm kalċi bil-pizzi li minnu joħroġ l-ilma 'l fuq. Bernini wettaq is-superviżjoni tal-kostruzzjoni tal-funtana, u wara li ġiet inawgurata f'Mejju 1661, huwa ordna li l-għoli tal-ilma li jispara 'l fuq jitnaqqas, biex jevita li jimblokka l-veduta mil-Loġġa ta' Pandora. Għalkemm ma kinitx parti mid-disinn oriġinali tal-ġnien, il-funtana saret punt ta' kollegament bejn l-arkitettura tal-palazz u l-ġnien.

Il-Loġġa ż-Żgħira tal-Kardinal hija terrazza żgħira bil-balavostri mdawra b'sisien tax-xitel għoljin tar-rand u bankijiet tal-ġebel, bejn il-Funtana tal-Kalċi u l-ġnien. Jingħad li din kienet l-iktar post iffavurit tal-Kardinal biex jaqra u jiddiskuti l-poeżija u l-arti, u biex jittawwal lejn il-kostruzzjoni tal-ġnien ta' madwaru. Ftit wara mewtu, tpoġġiet statwa kbira ta' Erkole hemmhekk, b'Akille f'dirgħajh, tħares lejn il-ġnien t'isfel. Kienet waħda minn tliet statwi ta' Erkole f'pożizzjonijiet ċentrali tul l-assi ċentrali. Meta wieħed kien iħares lejhom min-naħa t'isfel tal-ġnien, kollha kienu jkunu viżibbli, allinjati mal-Loġġa tal-villa fuq nett. L-istatwa issa tinsab fil-Louvre.

Il-Funtana ta' Pegasus

Il-Grotta ta' Diana tinsab fl-aħħar tal-Mogħdija tal-Kardinal, taħt il-Gran Loġġa. Hija kompartiment kbir taħt l-art bil-volti, u ġiet imżejna fl-1570-1572 minn Paolo Caladrino. Ġiet miksija kompletament bil-mużajk b'xeni mitoloġiċi, immaġnijiet ta' ħut, draguni, dniefel, pelikani u annimali oħra, kif ukoll l-ajkli u t-tuffieħ tal-familja d'Este. Il-karatteristika ċentrali tagħha kienet funtana rustika bi statwa tal-alla femminili Diana, f'niċċa kbira mżejna b'riljievi ta' pajsaġġi, tal-baħar u ta' vapur bl-istukko. L-istatwi kollha nbigħu fis-seklu 18 u issa jinsabu fil-Mużew Kapitolin f'Ruma. Uħud mill-madumiet oriġinali tal-majjolika mis-seklu 16 għadu viżibbli.

Taħt il-Loġġa ż-Żgħira tal-Kardinal hemm mogħdija trasversali tal-mixi li tgħaddi ħdejn tliet grotti. Fin-nofs hemm il-Grotta ta' Erkole, li hija mgħottija bil-Loġġa ż-Żgħira tal-Kardinal. Taħt din il-grotta kien hemm ġibjun u wħud mill-makkinarji idrawliċi għall-funtani. Fl-imgħoddi l-grotta kellha riljievi bl-istukko ta' annimali jew tal-isfidi ta' Erkole. L-istatwa ta' Erkole li fl-imgħoddi kienet fil-grotta issa tinsab fil-Mużewijiet tal-Vatikan. Il-Grotta ta' Pomona għandha disinn simili bħal dak tal-Grotta ta' Erkole. Ftit mit-tiżjin oriġinali bil-mużajk għadu viżibbli. L-ilma kien joħroġ minn ħalq ta' maskra bajda tal-irħam u kien ifur f'funtana. Din il-maskra tal-irħam instabet meta l-funtana ġiet irrestawrata fl-2002.

Il-Funtana Ovali (Fontana dell'Ovato)

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Funtana Ovali

Il-Funtana Ovali kienet waħda mill-ewwel funtani fil-ġnien, u fost l-iktar famużi wkoll. Ġiet iddisinjata minn Pirro Ligorio, l-arkitett tal-villa, bħala teatru tal-ilma, u kienet tbexxex l-ilma b'varjetà ta' forom. Bdiet tinbena fl-1565 u tlestiet fl-1570. Ġiet magħmula mill-inġiniera tal-funtani Tomaso de Como u Curzio Maccarono, u l-iskulturi nħadmu minn Raffaello Sangallo. Vaska kbira tal-ġebel ma' ħajt semiċirkolari fuq wara tnixxi l-ilma bħala kaskata fil-funtana, u titfa' l-ilma fl-arja, filwaqt li ġettijiet tal-ilma jintefgħu fil-vaska mill-vażuni f'idejn l-istatwi tan-Nerejdi. L-ilma jiġi sparat ukoll f'għamla ta' mrewħa mill-vażuni fin-niċeċ fil-ħajt semiċirkolari wara l-funtana. Muntanja artifiċjali titla' iktar 'il fuq mill-funtana u tirrappreżenta l-pajsaġġ Tiburtin; il-muntanja fiha tliet grotti fi ħdanha, bl-ilma jispara 'l barra minn kull waħda minnhom, u hija mżejna bi statwi li jirrappreżentaw lil Albunea, b'binha Melicerte, magħmula minn Gillis van den Vliete fl-1568, u statwi li jirrappreżentaw ix-xmajjar Ercolaneo u Aniene, magħmula minn Giovanni Malanca fl-1566. Dawn kollha jisparaw l-ilma fil-Funtana Ovali. Mogħdija tal-mixi fuq il-funtana twassal lil hinn mill-vaski u mill-kaskati. Il-funtana għandha wkoll il-grotta tagħha stess, il-Grotta ta' Venere, iddisinjata minn Pirro Ligorio, u mibnija fl-1565-1568. Din kienet isservi bħala post fejn il-mistednin kienu jinġabru u jiltaqgħu fil-jiem sħan tas-sajf. L-istatwi oriġinali tal-grotta; figura ta' Venere simili għall-Venere Kapitolina u ż-żewġ putti (statwi ta' anġli żgħar) ma għadhomx hemmhekk, iżda għad hemm traċċi tal-affreski monokromatiċi ta' figuri grotteski, tal-madum u tal-ħitan skolpiti tal-grotta.

Il-Mitt Funtani (Cento Fontane)

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Mitt Funtani

Il-Mitt Funtani kienu karatteristika tal-għaġeb famuża tal-ġonna fir-Rinaxximent. Dawn jinsabu bejn il-Funtana Ovali u l-Funtana ta' Rometta, u effettivament hemm kważi 300 żennuna alimentati minn tliet kanali paralleli, wieħed 'il fuq mill-ieħor. Tul it-tarf tal-kanal ta' fuq nett hemm żennuni b'għamla ta' ġilji, l-emblema ta' Franza, li jalternaw mal-ajkli tal-familja d'Este, dgħajjes u obeliski; kollha kemm huma jisparaw l-ilma f'għamla ta' mrewħa. L-ilma jinqabad f'kanal ieħor, li jalimenta ż-żennuni b'għamla ta' maskri, u l-ilma jinżel minnhom fil-kanal t'isfel nett.

Il-funtani nbnew bejn l-1566 u l-1577. Il-mogħdija oriġinali bil-funtani kellha iktar tiżjin, inkluż dgħajjes żgħar b'vażuni tat-terrakotta tul il-kanal ta' fuq nett, imħawla bis-siġar tal-frott; u l-ħajt kien imżejjen bi plakki skolpiti b'xeni mill-Metamorfosi ta' Ovidju. Dawn iddeterjoraw malajr u fil-biċċa l-kbira tneħħew jew ġew sostitwiti. Issa l-ħajt tant inkesa bil-veġetazzjoni li wieħed ma tantx jista' jara wisq tiżjin milli għad fadal. Il-funtani ġew irrestawrati fis-seklu 17, ġew abbandunati għal perjodu twil, u finalment reġgħu ġew irrestawrati fl-1930 għal kif inhuma llum il-ġurnata. Bħal kull karatteristika oħra tal-ġnien, il-kanali u l-mitt funtani kellhom ir-rwol tagħhom fid-disinn simboliku; kienu jirrappreżentaw l-akkwedotti li r-Rumani bnew biex ifornu l-ilma lil Ruma. Il-Mitt Funtani ġew iċċelebrati fl-arti u fil-letteratura Taljana, b'mod partikolari fl-Eleġiji Rumani ta' Gabriele d'Annunzio.

Ajkla tal-istemma tal-familja d'Este qalb il-Mitt Funtani

Biex wieħed jinżell sal-livell li jmiss, hemm taraġ fuq kull naħa – il-kumpless elaborat tal-Funtana ta' Rometta ("Ruma żgħira") jinsab l-iktar fix-xellug u minnha wieħed jista' jara t-tul kollu tal-Mitt Funtana fil-livell li jmiss; minn hawn ġettijiet tal-ilma jimlew mogħdija rustika twila bl-ilma. Il-Funtana Ovali ta' Pirro Ligorio ttemm il-veduta trasversali. Viżitatur jista' jimxi wara l-mogħdija tal-ilma minn ġo arkata taparsi rustika tan-nymphaeum konkava, b'ninfej tal-irħam magħmula minn Giambattista della Porta. Fuq in-nymphaeum, l-iskultura ta' Pegasus tfakkar lill-viżitatur bil-Funtana ta' Ippocrene fuq Parnassus, li kien inaffar il-Mużi.

Din it-terrazza hija magħquda ma' li jmiss permezz tal-Funtana tad-Draguni, li tiddomina l-perspettiva ċentrali tal-ġonna, li nbniet għal żjara fl-1572 tal-Papa Gregorju XIII, li fl-istemma tiegħu għandu dragun. Il-ħoss ta' din il-funtana kien joħloq kuntrast mal-Uccellario fil-qrib b'għasafar artifiċjali. Taraġ ċentrali jwassal għal niżla bis-siġar li tagħti għal tliet vaski rettangolari bil-ħut stabbiliti fuq l-assi trasversali fl-iktar punt baxx tal-ġonna. Fl-aħħar nett, fuq il-lemin, hemm l-orgni tal-ilma (li issa reġa' qed jaħdem) u l-Funtana ta' Nettunu (li hija parti mir-restawr li sar fis-seklu 20).

Il-Funtana ta' Rometta (Fontana di Rometta)

[immodifika | immodifika s-sors]
Id-dgħajsa b'obelisk bħala arblu, li tirrappreżenta l-gżira Tiburtina, u taħtha l-istatwa ta' Ruma Trijonfanti

Il-Funtana ta' Rometta tinsab fin-naħa opposta tal-Mitt Funtani mill-Funtana Ovali. Hija biċċa importanti tal-ġrajja simbolika rrakkontata mill-ġonna ta' fuq; l-ilmijiet tax-xmara Tiber ifeġġu fil-Muntanji Tiburtini, irrappreżentati mill-Funtana Ovali, igelglu tul il-wied (Il-Mitt Funtani) u jaslu fid-daħliet ta' Ruma; il-Funtana ta' Rometta hija Ruma Antika f'minjatura; fl-imgħoddi l-belt reali kienet viżibbli fil-bogħod wara l-Funtana. Il-funtana ġiet iddisinjata minn Pirro Ligorio u nbniet minn Curzio Maccarone bejn l-1567 u l-1570. Il-funtana u l-arkitettura tagħha nbnew fuq terrazza semiċikolari wiesgħa mirfuda minn pilastri kkollegati ma' arkati doppji. Il-parti ta' wara tal-funtana tirrappreżenta l-binjiet tal-monumenti ta' Ruma; fil-bidu tas-seklu 19 kienu ddeterjoraw sew, u l-biċċa l-kbira tkissret fl-1850, iżda parti minn din l-arkitettura għadha teżisti fuq in-naħa tax-xellug tal-funtana. Il-binjiet iż-żgħar kienu maqsuma f'seba' sezzjonijiet, li kienu jirrappreżentaw is-seba' għoljiet ta' Ruma u l-iktar monumenti famużi tagħhom. Il-belt iż-żgħira kienet tinkludi d-daħliet u l-arkati, u saħansitra statwi żgħar tal-irħam. Fin-nofs tal-belt f'minjatura hemm statwa kbira ta' Ruma Rebbieħa, magħmula fl-1568 mill-iskultur Fjamming Pierre de la Motte, faċċata tal-istatwa tas-Sibill Tiburtin fuq in-naħa l-oħra tar-ringiela tal-Mitt Funtani. Statwa oħra magħmula mill-istess artist, tal-Lupa Tredda lit-Tewmin, tpoġġiet fil-ġnien fl-1611. Il-fluss tal-ilma fil-vaska tal-funtana ħdejn il-belt jirrappreżenta x-xmara Tiber; id-dgħajsa fil-funtana, b'obelisk bħala arblu, tirrappreżenta l-gżira Tiburtina.

Statwi li jirrappreżentaw ix-xmara Aniene (xellug) u l-Appennini (lemin)

Karatteristika ġdida żdiedet fil-Funtana ta' Rometta fil-bidu tas-seklu 17; muntanja artifiċjali, u fi ħdanha grotti u għerien, lejn ix-xellug tal-binjiet tal-belt. Fil-quċċata tal-muntanja artifiċjali hemm statwa tal-alla tax-xmara Aniene, b'minjatura tat-Tempju tas-Sibill f'idejh. Statwa ta' figura li tirrappreżenta l-Appennini, b'muntanja f'dirgħajha, tinsab nofsha moħbija fi grotta.

Il-Funtana tad-Draguni (Fontana dei Draghi)

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Funtana tad-Draguni ġiet iddisinjata minn Pirro Ligorio biex tirrakkonta l-ġrajja ta' Erkole jagħmel waħda mill-biċċiet ta' xogħol tiegħu billi jisraq it-tuffieħ tad-deheb tal-Ġnien tal-Esperidi, li kienu mgħassa mid-dragun Ladon. L-istess ġrajja tintwera fl-affreski fit-tiżjin fuq ġewwa tal-villa.

Il-Funtana tad-Draguni minn fuq

Il-funtana tinsab fl-assi vertikali ċentrali tal-ġonna, allinjata mal-villa, u fin-nofs tal-ġnien oriġinali, eżatt taħt il-Mitt Funtani. Hija kkonfinata minn żewġ rampi semiċirkolari li jwasslu sal-livell ta' fuq. Il-ħitan tar-rampi madwarha huma miksija b'tartru ċagħqi u huma mżejna bi strixxi tal-mużajk u b'madum tal-majjolika, u fihom żewġ niċeċ kbar. Ligorio ppjana din il-funtana biex jirrakkonta t-tema tal-gwerra u tal-ġlieda kontra l-ħażen; kien biħsiebu li niċċa waħda tkun okkupata minn statwa ta' Erkole b'mazza f'idu, qabel ma qatel lid-dragun Ladon; u t-tieni waħda bi statwi ta' Marte, l-alla tal-gwerra, Perseus, u l-gladjaturi. Fin-nofs tal-funtana hemm sikka jew gżejra, b'erba' draguni skolpiti, li jisparaw ġettijiet tal-ilma minn ħalqhom fil-funtana, filwaqt li funtana ċentrali b'saħħitha tispara kolonna vertikali għolja tal-ilma fl-ajru, viżibbli minn kullimkien fil-ġnien kollu. Din l-idea ta' ġett vertikali tal-ilma bħala opra ċentrali tal-ġnien ġiet ikkupjata f'bosta ġonna Barokki fis-sekli 17 u 18.

Wieħed mid-dniefel tal-Funtana tad-Draguni

Minbarra d-draguni, żewġ dniefel skolpiti jisparaw l-ilma minn naħa għall-oħra tal-vaska. Iktar ilma jfur minn fuq u jgelgel f'kanali mehmuża mal-parapetti tar-rampi. L-ilma jfeġġ mill-isdra ta' żewġ sfinġi, nofshom nisa u nofshom żwiemel il-baħar; igelgel 'l isfel minn kanal, jidħol f'ħalq żring skolpit, u jerġa' joħroġ minn ħalq salamandra skolpita. Abbażi tat-tema tal-ġlieda kontra l-ħażen, fi żmien Ippolito, il-funtani kienu jipproduċu wkoll ħsejjes drammatiċi li kienu jinstemgħu mal-ġnien kollu; l-ilma kien jinżamm bi pressa kbira u f'daqqa waħda jiġi lliberat, u kien joħloq ħoss qisu tal-logħob tan-nar jew tal-kanuni. Biex ikun hemm iktar storbju, il-fluss tal-ilma minn fuq seta' jiġi rregolat minn sempliċi bexx ħafif għal dulluvju kbir.

Ippolito ordna li l-funtana tiġi mmodifikata għaż-żjara tal-Papa Gregorju fl-1572. Id-dragun b'mitt ras ġie sostitwit b'erba' draguni, l-emblema tal-familja tal-Papa. Ippolito miet tliet xhur wara, u l-funtana kienet għadha ma tlestietx. Tlestiet biss lejn l-aħħar tas-seklu 17 bi programm ta' skulturi differenti; minflok statwa ta' Erkole, fin-niċċa ċentrali tpoġġiet statwa tal-alla Ġove bis-sajjetti f'idejh. Il-ħsejjes qishom ta' kanun mill-funtana kienu jirrappreżentaw il-ħoss tar-ragħad u s-sajjetti.

Il-Funtana tal-Kokka (Fontana della Civetta)

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Funtana tal-Kokka

Il-Funtana tal-Kokka tinsab fin-naħa tal-Lbiċ tal-ġnien, taħt il-Funtana ta' Rometta u l-Funtana ta' Persefone. Dawn it-tliet funtani jiffurmaw unità unika ta' arkitettura. It-terrazzi tagħhom huma kkollegati bit-turġien, u taħt it-terrazzi hemm in-nymphaeums. Il-Funtana tal-Kokka nbniet bejn l-1565 u l-1569 minn Giovanni del Duca. Imqabbla ma' funtani oħra fil-ġnien, hija formali ħafna, impoġġija fuq terrazza mdawra b'ħitan bin-niċeċ, u inkurunata bis-simboli ta' ajkli bojod u ġilji tal-familja d'Este. Il-funtana stess hija struttura għaliha, miksija għalkollox b'madumiet polikromatiċi. Fuq nett, 'il fuq min-niċċa, hemm l-istemma tal-familja d'Este, miżmuma minn żewġ anġli. Maġenb in-niċċa hemm kolonni Joniċi. Oriġinarjament kien fiha l-istatwi ta' żewġ żgħażagħ b'biċċa ġilda tal-mogħoż f'idejhom, li minnha kien ifur l-ilma fil-vaska miżmuma minn tliet satiri. L-iskultura fin-niċċa, li kien maħsub li kienet intilfet, reġgħet ġiet skoperta matul rinnovazzjoni fl-2001-2002, u kienet moħbija taħt id-depożiti minerali u l-ħamrija. L-elementi arkitettoniċi kienu intatti, iżda l-figuri taż-żgħażagħ u s-satiri kienu neqsin jew inqerdu.

Tiżjin bil-mużajk fuq il-kolonni tal-Funtana tal-Kokka bit-tuffieħ tad-deheb tal-Esperidi

Din il-funtana kienet tipproduċi wkoll il-mużika, bis-saħħa ta' awtomatizzazzjoni inġenjuża magħmula mill-inġinier Franċiż tal-funtani Luc Leclerc, li ġiet installata fl-1566, qabel il-Funtana tal-Orgni fuq in-naħa l-oħra tal-ġnien. Kellha għoxrin għasfur impitter tal-bronż impoġġijin fin-niċċa, iserrħu fuq żewġ friegħi taż-żebbuġ tal-metall. Kull għasfur kien ikanta għana individwali, prodotta bl-ilma u bl-arja fil-pajpijiet. Kokka mekkanika kienet titfaċċa ħesrem, u l-għasafar kienu jieqfu jgħannu; imbagħad, fl-aħħar tal-ispettaklu, l-għasafar kollha kienu jgħannu flimkien. Din il-karatteristika mużikali kienet ammirata u kkupjata f'ġonna Ewropej oħra u kienet tiffunzjona sal-aħħar tas-seklu 17. Kienet teħtieġ tiswija kostanti minħabba l-azzjoni tal-ilma fuq il-mekkaniżmu delikat tagħha, u sas-seklu 19 dan ġie rvinat għalkollox. L-elementi dekorattivi tal-funtana ġew irrestawrati fis-snin 30 tas-seklu 20, u ġew irrestawrati mill-ġdid fl-2001-2002.

Matul ix-xogħol tar-restawr tal-2001-2002, il-ħaddiema sabu xi partijiet tal-mekkaniżmu oriġinali li kien jipproduċi l-għana tal-għasafar, inkluż il-kompartiment tar-riħ, it-tubi li kienu jċaqilqu l-arja u l-ilma, u l-makkinarju li kien iċaqlaq il-kokka. Bl-użu ta' materjali moderni, Leonardo Lombardi rnexxielu jagħmel verżjoni ġdida tal-makkinarju antik biex l-għasafar setgħu jgħannu u jiċċaqilqu mill-ġdid.

Il-Funtana ta' Persefone (Fontana di Proserpina)

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Funtana ta' Persefone

Il-Funtana ta' Persefone tinsab eżatt fuq il-Funtana tal-Kokka; taraġ jikkollega ż-żewġ funtani. Xi kultant kienet tissejjaħ il-Funtana tal-Imperaturi, għaliex oriġinarjament kienet maħsuba bl-istatwi ta' erba' Imperaturi Rumani li kellhom il-vilel fir-reġjun: Ġulju Ċesri, Awgustu Ċesri, Trajanu u Adrijanu. Ġiet iddisinjata u nbniet minn Alberto Galvani fl-1569-1570. Kienet ikkollegata mal-Funtana ta' Rometta tal-ġnien ta' fuq permezz ta' żewġ turġien (illum il-ġurnata baqa' taraġ wieħed) b'parapetti li kienu jirfdu kanali tal-ilma li kienu jnixxu l-ilma mill-arzelli u mill-maskri. It-turġien jagħlqu żewġ naħat tal-bitħa żgħira tal-funtana. Il-funtana tinsab ġo arkata trijonfali bejn it-turġien. Maġenb l-arkata hemm kolonni spirali, simili għal dawk fil-Bażilika ta' San Pietru fil-Vatikan. In-niċċa ċentrali kellha statwa tal-alla femminili tal-fertilità Persefone li nħatfet minn Plutone, li tpoġġiet hemmhekk għall-ħabta tal-1640. L-istatwa ta' Persefone għebet; dik ta' Plutone għadha hemm, u qiegħda fuq arzella mirfuda minn żewġ żwiemel il-baħar. Niċeċ fuq iż-żewġ naħat fihom statwi ta' Trituni rekbin dniefel u jonfħu fil-buccina tagħhom jew trumbetti magħmula mill-qxur tal-frott tal-baħar.

Il-Funtana tal-Orgni (Fontana dell’Organo)

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Funtana tal-Orgni

Il-Funtana tal-Orgni hija waħda mill-iżjed karatteristiċi famużi tal-ġnien; ġiet deskritta u imitata fl-Ewropa kollha. Ix-xogħol fuq l-istruttura tal-ġebel beda fl-1566. Il-funtana stess ġiet magħmula mill-inġinier tal-funtani Franċiż Luc Leclerc u min-neputi tiegħu Claude Venard. Wara l-mewt ta' Leclerc, Venard ivvinta l-mekkaniżmu inġenjuż tal-orgni tal-ilma, li ġie installat fl-1571.

Il-funtana kienet l-ewwel waħda b'dawk il-karatteristiċi u kull minn sema' l-mużika tagħha kien jibqa' impressjonat; meta l-Papa Gregorju XIII żar il-villa fl-1572, akkumpanjat mill-qorti tiegħu ta' kardinali u prinċpijiet, huwa insista li jispezzjona l-funtana minn ġewwa, biex ikun ċert li ma kienx hemm xi ħadd moħbi fuq ġewwa li kien qed jipproduċi l-mużika.

Wara l-funtana hemm arkata enormi tal-ġebel, il-"castellum aquae" jew kastell tal-ilma, li taħbi l-ġibjun tal-ilma u l-makkinarju idrawliku tal-funtana. Id-disinn oriġinali kellu grotta fin-niċċa tal-arkata, b'veduta tat-tnejn u għoxrin kanna tal-orgni. Statwa tan-"Natura Omm" jew ta' "Diana ta' Efesu" tpoġġiet quddiem l-arkata fl-1569; u issa għandha l-funtana tagħha stess fil-ġnien t'isfel.

L-ilma li kien joħloq il-mużika l-ewwel kien jasal fuq nett tal-"castellum aquae". L-ewwel kien jgħaddi minn sensiela ta' belligħat, li kienu jħalltu l-arja mal-ilma; imbagħad kien jinżel minn pajp ġol-"camera aeolia", jew il-kompartiment tar-riħ, fejn l-arja u l-ilma kienu jiġu sseparati; l-ilma kien idawwar rota, li kienet iddawwar ċilindru li kien jiftaħ il-valvoli tat-tnejn u għoxrin pajp, biex b'hekk l-arja setgħet tgħaddi minn ġol-pajpijiet u toħloq il-mużika.

L-ispettakli oriġinali tal-funtana bdew mal-ħoss ta' żewġ trumbetti, miżmuma mill-istatwa tal-Fama fuq il-gwarniċ tal-funtana. Imbagħad kienet tibda l-mużika, x'aktarx madrigali minn erba' jew ħames pajpijiet; imbagħad kien jasal il-mument ewlieni: l-"Għargħar", kaskata tal-ilma mill-parti ta' fuq tal-funtana, u ġettijiet tal-ilma jisparaw 'il fuq mill-funtana ta' taħt. Dan kollu kien ikun akkumpanjat mill-ħoss ta' tromba miżmuma minn "Tritun" fil-funtana; it-tromba kienet tindaqq bil-mod, imbagħad il-ħoss kien jogħla, u mbagħad jerġa' jbatti.

Statwa ta' Apollo fil-faċċata tal-Kastell tal-Ilma

Il-mekkaniżmu tal-funtana kien estremament delikat u kien jeħtieġ tindif u manutenzjoni kontinwi. Il-funtana ġiet irrestawrata fil-bidu tas-seklu 18 mill-Kardinal Alessandro d’Este, li żied l-ajkla bajda tal-familja d'Este fuq il-"castellum aquae", u żejjen il-faċċata bl-istatwi ta' Orfeo u ta' Apollo; Karjatidu u l-allat bil-ġwienaħ tar-rebħiet; u bassoriljievi ta' Orfeo jimmansa l-annimali, kif ukoll kompetizzjoni mużikali bejn Apollo u Marsja. L-orgni stess reġa' sar mill-ġdid. Ingħata tastiera b'firxa usa' ta' noti u tqiegħed f'kompartiment ottagonali msaqqaf b'koppla. L-orgni ġie rrestawrat diversi drabi oħra fis-seklu 17, iżda sal-aħħar tas-seklu 18, iddeterjora żżejjed u ma setax jissewwa iktar.

Fl-2003, wara restawr twil u delikat, l-orgni seta' jerġa' jindaqq. Il-kompartiment oriġinali tar-riħ u t-tank li kien joħloq il-belligħat ġew miżmuma, u l-bqija tal-mekkaniżmu ġie sostitwit b'makkinarju ġdid b'materjali ġodda skont il-prinċipji oriġinali. Issa l-orgni għandu 144 pajp, u jiġi kkontrollat b'ċilindru, imħaddem bl-ilma, li jista' jdoqq erba' xogħlijiet mużikali tal-aħħar tar-Rinaxximent għal total ta' erba' minuti.

Il-Funtana ta' Nettunu (Fontana di Nettuno) u l-vaski tal-ħut (Peschiere)

[immodifika | immodifika s-sors]
Veduta tal-Funtana ta' Nettunu mill-vaski tal-ħut

Eżatt taħt il-Funtana tal-Orgni, u alimentata bl-ilma mill-funtana ta' fuq, hemm il-Funtana ta' Nettunu, li nbniet fis-seklu 20 biex tissostitwixxi għeliem tal-ġnien li kien iddeterjora.

Oriġinarjament l-ispazju kien okkupat minn kaskata bil-blat, maħluqa fis-seklu 17 minn Gian Lorenzo Bernini. Ġiet ikkummissjonata mill-Kardinal Rinado I d'Este bħala sfond għall-assi laterali tal-ġnien, iżda qatt ma tlestiet mill-Kardinal Ippolito. Il-pjan ta' Bernini kien li jkun hemm kaskata mill-Funtana tal-Orgni li kienet tfur minn fuq il-grotti tas-Sibilli, imbagħad kienet tinżel man-niżla tal-blat sa ma tasal f'lag imżejjen bi qroll taparsi u bl-istatwi. Żewġ kaskati addizzjonali kienu jidħlu fil-lag mill-ġnub. Bernini ddisinja l-kaskata biex tipproduċi l-ħoss qawwi tal-ilma nieżel. Il-kaskata ta' Bernini ġiet riprodotta fil-pitturi u fl-inċiżjonijiet, u ġiet imitata f'ġonna oħra fl-Italja u saħansitra fl-Ingilterra. B'xorti ħażina, il-kaskata ġiet ittraskurata għalkollox għal żewġ sekli sħaħ, u tħalliet tinxef, taqa' biċċiet u mimlija ħaxix ħażin. Fis-snin 30 tas-seklu 20, l-arkitett Attilio Rossi ħoloq il-funtana attwali, billi uża dak li kien għad fadal mill-kaskata ta' Bernini. Mal-ħajt tal-Grotti tas-Sibilli, huwa bena vaski rettangolari b'ġettijiet b'saħħithom tal-ilma, bl-ogħla ġettijiet fin-nofs. Fiċ-ċentru kien hemm grotta taħt il-kaskata mill-Funtana tal-Orgni; il-grotta kien fiha statwa tas-seklu 16 ta' Nettunu, li oriġinarjament kienet maħsuba għal funtana tal-ibħra li qatt ma tlestiet. Hemm ukoll ġettijiet tal-ilma f'għamla ta' mrewħa li jisparaw mill-vaski fil-ġnub tal-funtana.

Veduta minn fuq il-Funtana ta' Nettunu

It-tliet vaski tal-ħut (Peschiere) jaqsmu minn naħa għall-oħra mill-Funtana ta' Nettunu. Oriġinarjament kienu jservu biex jipprovdu ħut frisk, papri u ċinji għall-ikel għall-Kardinal, iżda wkoll, skont il-pjan ta' Pirro Ligorio, kienu maħsuba biex jikkollegaw iż-żewġ funtani; il-Funtana tal-Orgni u l-kaskata mal-Funtana tal-Ibħra. Fin-nofs tal-vaski, Ligorio oriġinarjament kien ippjana li joħloq vaska ċentrali b'funtani monumentali. Madankollu, meta Ippolito miet fl-1572 żewġ vaski biss kien għadhom tlestew. Fl-aħħar tas-seklu 16, maġenb il-vaski kien hemm sittax-il pilastru twil bl-għamla ta' ermes li kienu jisparaw l-ilma f'għamla ta' mrewħa, u fil-bnazzi kienu joħolqu diversi qawsalli.

Fl-1632, id-Duka ta' Modena, inkarigat biex jieħu ħsieb il-villa, immudella l-vaski mill-ġdid. Il-pilastri tneħħew u ġew sostitwit bi tmien pedestalli bil-vażuni, bl-ilma ħiereġ minnhom, u b'erba' u għoxrin qasrija kbira b'varjetà ta' siġar taċ-ċitru. Il-vaski issa jservu primarjament bħala sfond pittoresk għall-kaskati u għall-funtani tal-Funtana ta' Nettunu.

Il-Ġnien t'Isfel - Ir-Rotunda taċ-Ċipressi u l-Funtana ta' Diana ta' Efesu

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Funtana ta' Diana ta' Efesu

Fis-seklu 16 il-ġnien t'isfel taħt il-vaski tal-ħut, fil-biċċa l-kbira tiegħu, kien ġnien bil-ħxejjex aromatiċi. Iċ-ċentru tal-ġnien t'isfel kien maqsum f'sittax-il kwadru kbir, b'pergola fin-nofs ta' kull sezzjoni, imdawwra bil-ħxejjex aromatiċi mediċinali u l-fjuri, kif ukoll qsari kbar bis-siġar tal-frott. Il-mogħdijiet prinċipali li kienu jaqsmu l-ġnien kienu qishom imsaqqfa bil-kannizzati, u fuqhom kienu jikbru d-dwieli, is-sisien tax-xitel u l-ġiżimin. Fin-nofs kien hemm paviljun kbir tal-injam, li kien fih erba' funtani b'għamla ta' fjuri, li kienu jisparaw ġettijiet tal-ilma. Il-pergoli u l-paviljun tneħħew fil-bidu tas-seklu 17, u ġew sostitwiti bir-Rotunda taċ-Ċipressi, sqaq ċirkolari li oriġinarjament kien fih sittax-il siġra taċ-ċipress, u kien joffri d-dell għall-viżitaturi li kienu jaslu fil-ġonna, kif ukoll veduta drammatika tal-kumplament tal-ġnien, tal-funtani u tal-villa fuq nett. Sas-seklu 19, is-siġar taċ-ċipress saru enormi, u kienu fost l-iktar karatteristiċi famużi tal-ġonna, impittra mill-artisti u kienu jispiraw il-mużika ta' Franz Liszt u l-poeżija ta' Gabriele d'Annunzio. Tnejn miċ-ċipressi oriġinali għadhom hemm; iċ-ċipressi l-oħra u s-sisien tax-xitel tar-rand tħawwlu fl-aħħar tas-seklu 20.

Il-Funtani bl-Ajkli tal-Familja d'Este huma grupp ta' funtani rustiċi żgħar, bl-ilma jispara 'l fuq minn skutelli tal-ġebel, b'varjetà ta' temi. Waħda fiha grupp ta' statwi ta' ajkli bojod, l-emblema tal-familja d'Este. Dawn il-funtani huma fdal tal-ġonna formali li kienu jokkupaw dik il-parti tal-ġnien qabel ma nbniet ir-Rotunda taċ-Ċipressi.

Waħda mill-funtani bl-ajkli bojod

Il-ġnien t'isfel fih ukoll żewġ funtani rustiċi kbar, imsejħin Mete, li jinsabu fir-rokna tal-Majjistral tal-ġnien biswit l-entrata. Dawn ġew iddisinjati biex ikunu qishom tal-blat naturali, bil-grotti u bin-niċeċ. Ġew maħluqa fl-1568-1569 minn Tommaso da Como, u oriġinarjament kien maħsub li jkollhom żewġ statwi kbar ta' ġganti, il-gwardjani tal-ġnien. Funtana rustika iżgħar, imsejħa l-Funtana Rustika tax-Xitwa, fiha statwa tas-seklu 16 tax-Xitwa li oriġinarjament kienet fil-Gran Loġġa.

L-iżjed funtana famuża fil-ġnien t'isfel hija l-Funtana ta' Diana ta' Efesu, magħrufa wkoll bħala l-Funtana tan-Natura Omm. Din l-istatwa oriġinarjament kienet tinsab ħdejn il-Funtana tal-Orgni; ġiet imċaqilqa lejn il-ġnien t'isfel minn Alessandro d'Este fis-seklu 16. Ġiet magħmula mill-iskultur Fjamming Gillis van den Vliete fl-1568, u ġiet immudellata fuq statwa Rumana klassika ta' Diana ta' Efesu mit-tieni seklu, li issa tinsab fil-Mużew Nazzjonali ta' Napli. Tinsab fi grotta magħmula bil-laqx tat-tartru; ġettijiet tal-ilma jisparaw mill-bosta isdra tal-alla femminili.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-plakka tal-UNESCO ta' Villa d'Este

Villa d'Este ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2001.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' ħames kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]

Villa d'Este fl-arti

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Ġonna ta' Villa d'Este ta' Giovanni Battista Piranesi (1761)

Ftit ġonna ġew impittra jew impinġija b'daqstant artisti notevoli bħall-Villa d'Este, b'mod partikolari matul ir-Rinaxximent u fis-seklu 19. B'riżultat ta' dan, il-karatteristiċi tal-ġnien influwenzaw ġonna oħra fl-Ewropa kollha mill-Ingilterra sar-Russja u ġew imitati fihom. Fir-Rinaxximent, il-ġnien kien jitqies bħala vetrina tal-arti klassika u tat-teknoloġiji ġodda, iżda sal-aħħar tas-seklu 18, meta l-ġnien ġie ttraskurat, beda jaqa' biċċiet u nħakem mill-ħaxix ħażin, għen biex tinħoloq l-immaġni tal-ġnien Romantiku pittoresk.

Aċċess għall-Villa

[immodifika | immodifika s-sors]

Wieħed jista' jasal Villa d'Este faċilment bil-modi li ġejjin:

  • Billi wieħed jaqbad il-karozza tal-linja reġjonali blu ta' COTRAL Roma Tivoli-Via Prenestina fil-venda tal-karozzi tal-linja eżatt kif wieħed joħroġ mill-istazzjon ta' Ponte Mammolo tal-linja B tal-metro; il-waqfa Largo Nazioni Unite tinsab madwar 100 metru mill-entrata tal-villa.
  • Billi wieħed jaqbad il-linja ferrovjarja urbana FL2 mill-istazzjon ta' Tiburtina sal-istazzjon ta' Tivoli, imbagħad, jaqbad il-karozza tal-linja lokali ta' CAT numru 1 jew 4 sal-waqfa ta' Piazza Garibaldi; il-waqfa tinsab fil-pjazza prinċipali ta' Tivoli quddiem il-villa.

Biblijografija

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Attlee, Helena (2006). Italian Gardens - A Cultural History (paperback). Londra: Frances Lincoln. p. 240. ISBN 978-0-7112-3392-8.
  • Barisi, Isabella (2004). Guide to Villa d'Este. Rome: De Luca Editori d'Arte. ISBN 978-88-8016-613-9.
  • Impelluso, Lucia. Jardins, potagers et labyrinthes, Editions Hazan, Pariġi, 2007
  • Allain, Yves-Marie and Christiany, Janine L'art des jardins en Europe, Citadelles and Mazenod, Pariġi, 2006
  • Cartocci, Sergio 1976. Tivoli: The Tiburtine area: its history and works of art : Villa d'Este, Villa Gregoriana, Villa Adriana
  • Coffin, David R. 1960. The Villa D'Este At Tivoli
  • Dal Maso, Leonardo B. 1978.The villa of Ippolito II d'Este at Tivoli (Italia artistica)
  • Dernie, David, and Alastair Carew-Cox 1996. The Villa D'Este at Tivoli
  • de Vita, Marcello. 1950 etc. Villa d'Este: Description of the villa
  • Durand, Jean 1992. Les jeux d'eau de la Villa d'Este
  • Mancini, Gioacchino, 1959. Hadrian's Villa and Villa d'Este (Guidebooks to the Museums and Monuments of Italy, no. 34)
  • Pemberton, Margaret. 1955. Villa d'Este
  • Podenzani, Nino, 1960. Villa d'Este
  • Raymond, (trans. Hall) 1920. Historical Notes on Villa d`Este
  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Villa d'Este, Tivoli". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-16.