Aqbeż għall-kontentut

Klassifika dinjija tal-FIFA

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
(Rindirizzat minn Rankings mondjali tal-FIFA)

Il-Klassifika dinjija tal-FIFA, magħrufha uffiċjalment bħala The FIFA/Coca-Cola World Ranking għal raġunijiet ta' sponsorizzazzjoni, hija sistema ta' klassifikazzjoni tat-timijiet nazzjonali tal-irġiel tal-futbol. It-timijiet li huma membri tal-FIFA, il-federazzjoni li tħares il-logħba tal-futbol madwar id-dinja, huma pożizzjonati skont ir-riżultati tal-logħob tagħhom, bit-timijiet bl-aktar suċċess ikunu fl-aktar postijiet għoljin. Introdotta f'Diċembru tal-1992, tmien timijiet waslu sal-quċċata (l-Arġentina, il-Belġju, il-Brażil, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, in-Netherlands u Spanja), fejn il-Brażil qatta' l-aktar żmien fl-ogħla pożizzjoni.

It-timijiet huma mogħtija punti skont ir-riżultati f'logħbiet internazzjonali li huma rikonoxxuti mill-FIFA. Is-sistema għaddiet minn diversi emendi, partikularment sabiex tindirizza kritika fuq il-kalkoli li kienu qegħdin jintużaw li ma kienux qegħdin jirriflettu s-saħħa relattiva tat-timijiet nazzjonali. Minn Awwissu tal-2018, il-verżjoni attwali tal-klassifika adottat is-sistema tal-Elo li tintuża fiċ-ċess.

L-Ewwel fil-Klassifika Mondjali tal-FIFA

F'Diċembru tal-1992, il-FIFA ppubblikat lista tal-membri tagħha skont il-pożizzjoni tagħhom biex tipprovdi bażi ta' paragun tas-saħħa relattiva ta' dawn it-timijiet. Minn Awwissu ta' wara, din il-lista bdiet tiġi aġġornata frekwentament, għal pubblikazzjoni mensili.[1] Bidliet importanti saru fl-1999 u fl-2006, wara kritika fuq is-sistema.[2] Il-membri tal-FIFA żdiedu minn 167 għal 208 minn meta beda l-użu tal-klassifiki.

Aġġornament tal-1999

[immodifika | immodifika s-sors]

Meta l-klassifika ġiet introdotta għall-ewwel darba, tim kien jirċievi punt għal pari u tliet punti għal rebħa f'partiti rikonoxxuti mill-FIFA - xebh kbir mas-sistema tradizzjonali ta' kampjonat. Din kienet sistema aktarx faċli, u l-FIFA mal-ewwel indunat illi kien hemm diversi fatturi li kienu qed jaffettwaw l-logħob internazzjonali. Biex tilħaq aktar l-objettivi ta' paragun korrett tas-saħħa tat-timijiet nazzjonali, is-sistema tbiddlet. It-tibdil li sar kienu dawn:

  • il-klassifika tal-punti kienet maqsuma minn fattur ta' għaxra
  • il-metodu ta' kalkolu tbiddel biex jiġbor ukoll fatturi oħra li jinkludu:
    • in-numru ta' gowls li ġew skurjati jew li sofrew
    • jekk il-partita ntlgħabitx barra jew ġewwa darhom
    • l-importanza tal-partita jew kompetizzjoni
    • is-saħħa tar-reġjun
  • punti fissi ma baqgħux jingħataw aktar għal rebħa jew pari
  • it-tim li jitlef kellu ċans li jikseb xi punti

Żewġ unuri ġodda ġew introdotti bħala parti mis-sistema:

Il-bidliet li saru għal din is-sistema kienu kumplessi, imma għen biex jiżviluppaha u ssir aktar komprensiva.

Aġġornament tal-2006

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-FIFA ħabbret li s-sistema tal-klassifika kienet se tiġi aġġornata wara t-Tazza tad-Dinja 2006. Il-perjodu ta' evalwazzjoni kien imnaqqas minn tmienja għal erba' snin, u metodu aktar sempliċi ta' kalkolu kien implimentat. Il-gowls skurjati, u l-vantaġġ tal-partiti li jintlagħbu ġewwa jew barra minn darhom ma baqgħux aktar jingħataw importanza, u aspetti oħra tal-kalkolu, bħall-importanza tal-partita, ġew reviżati. Is-sett il-ġdid tal-klassifika reviżata u l-metodoloġija ta' kalkolu ġew imħabbra fit-12 ta' Lulju 2006.

Din il-bidla saret minħabba l-krìtika tas-sistema ta' qabel. Ħafna entużjasti tal-futbol ħassew li ma kinitx sewwa, speċjalment meta kienu paragunati ma' sistemi ta' klassifika oħra u ma kinitx tirrispondi għall-bidliet tal-prestazzjoni tat-timijiet nazzjonali. Timijiet mir-Repubblika Ċeka sal-Istati Uniti kienu s-sorpriża fil-postijiet l-aktar għoljin tal-klassifika, fejn ġabu krìtika akbar u affetwaw negativament fuq il-kredibilita tas-sistema. L-eliminazzjoni ta' dawn iż-żewġ timijiet kmieni fit-Tazza tad-Dinja 2006 ġabu aktar fidi fil-krìtika li kienu jsiru.

L-ewwel postijiet fil-klassifika

[immodifika | immodifika s-sors]

Meta s-sistema kienet introdotta, il-Ġermanja ddebutat bħala l-aqwa tim fil-klassifika wara żmien ta' dominanza fl-aħħar tliet edizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja fejn spiċċat dejjem fil-finali u rebħet darba. Il-Brażil ħadu l-ewwel post fil-fażi preliminarju għat-Tazza tad-Dinja 1994 fejn rebħu tmienja u tilfu waħda mid-disa' partiti ta' kwalifikazzjoni, u skurjaw għoxrin gowl u sofrew erba' biss. L-Italja ħadu l-ewwel post għal żmien qasir wara wkoll suċċess fil-fażi ta' kwalifikazzjoni, wara li l-ewwel post reġa' ġie miksub mill-Ġermanja.

Is-suċċess tal-Brażil fil-fażi ta' kwalifikazzjoni tahom perjodu qasir tal-ewwel post. Il-Ġermanja reġgħu ħadu l-ewwel post matul it-Tazza tad-Dinja 1994, sakemm il-Brażil rebħu l-edizzjoni biex b'hekk kisbu l-ewwel post u baqgħu hemm sa seba' snin. Franza ħadu l-ewwel post wara r-rebħ tat-Tazza tad-Dinja 1998 u tal-Kampjonati Ewropej 2000. Is-suċċess tal-Brażil fit-Tazza tad-Dinja 2002 reġgħet tefgħet lit-tim Sud-Amerikan fl-ewwel post, fejn baqgħu hemm sa Frar tal-2007, wara li l-Italja rritornat għall-ewwel darba fl-ewwel post mill-1993 wara r-rebħa fit-Tazza tad-Dinja 2006 fil-Ġermanja. Xahar wara l-Arġentina ħadu post l-Italja, fejn kisbu l-ewwel post għall-ewwel darba, imma l-Italja rritornaw fl-ewwel post f'April. Wara r-rebħ tal-Copa América 2007 f'Lulju, il-Brażil irritornaw fl-ewwel post, imma f'Ottubru posthom reġgħu kisbuh l-Arġentina. F'Lulju 2008, Spanja ħadu l-ewwel post għall-ewwel darba, wara li rebħu l-Kampjonati Ewropej 2008. Il-Brażil reġgħu ħadu l-ewwel post wara li rebħu t-Tazza tal-Konfederazzjonijiet 2009 u Spanja reġgħet ħadet it-titlu f'Novembru tal-2009 wara li rebħu l-partiti kollha fil-fażi ta' kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja 2010. F'April tal-2010, il-Brażil reġgħu telgħu l-ewwel.

L-użu tal-klassifika

[immodifika | immodifika s-sors]

Dawn il-klassifiki huma wżati mill-FIFA biex tara l-progress u l-abilità kurrenti tat-timijiet nazzjonali tal-futbol tan-nazzjonijiet membri, u kif ukoll biex tipparaguna t-timijiet nazzjonali.[1] Huma huma wkoll użati bħala parti tal-kalkolu li jsir biex jikklassifikaw lit-timijiet għal kompetizzjonijiet. Fil-fażi ta' kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja 2010, il-klassifiki ġew użati biex jirranġaw il-gruppi fil-kompetizzjonijiet li jinvolvu lill-membri tal-CONCACAF (bl-użu tal-klassifika ta' Mejju), tal-CAF (bil-klassifika ta' Lulju), u tal-UEFA, bl-użu tal-klassifika posposta ta' Novembru 2007.

Din il-klassifika tintuża' biex tiddetermina r-rebbieħa taż-żewġ unuri annwali għat-timijiet nazzjonali skont il-bażi tal-prestazzjoni tagħhom fil-klassifiki.

Kull sena l-FIFA tagħti żewġ unuri għan-nazzjonijiet membri, ibbażat skont il-prestazzjoni tagħhom fil-klassifiki ta' matul is-sena. Dawn huma:

It-Tim tas-Sena hu unur mogħti lit-tim nazzjonali li fl-aqwa sebgħa logħbiet tas-sena rċieva l-akbar ammont ta' punti. It-tabella t'hawn taħt turi l-aqwa tliet timijiet ta' kull sena.

Sena L-ewwel post It-tieni post It-tielet post
1993  Ġermanja  Italja  Brażil
1994  Brażil  Spanja  Żvezja
1995  Brażil  Ġermanja  Italja
1996  Brażil  Ġermanja  Franza
1997  Brażil  Ġermanja  Repubblika Ċeka
1998  Brażil  Franza  Ġermanja
1999  Brażil  Repubblika Ċeka  Franza
2000  Netherlands  Ħonduras  Italja
2001  Ħonduras  Kolombja  Kosta Rika
2002  Brażil  Franza  Spanja
2003  Brażil  Franza  Spanja
2004  Brażil  Franza  Arġentina
2005  Brażil  Repubblika Ċeka  Netherlands
2006  Brażil  Italja  Arġentina
2007  Arġentina  Brażil  Italja
2008  Spanja  Ġermanja  Netherlands
2009  Spanja  Netherlands  Ġermanja
2011  Spanja  Netherlands  Ġermanja
2012  Spanja  Ġermanja  Arġentina
2013  Spanja  Ġermanja  Arġentina
2014  Ġermanja  Arġentina  Kolombja
2015  Belġju  Arġentina  Spanja
2016  Arġentina  Brażil  Ġermanja

L-Aqwa Progress tas-Sena

[immodifika | immodifika s-sors]

L-Aqwa Progress tas-Sena huwa unur mogħti lit-tim li jkun għamel l-iktar progress matul dik is-sena fil-klassifika dinjija. Fil-klassifika tal-FIFA, dan mhuwiex sempliċi t-tim li tela' l-aktar postijiet, imma jsir kalkolu minħabba li aktar ma' tim ikun fl-aktar postijiet għolja, aktar ikun diffiċli biex jikseb aktar punti.[1] Il-kalkolu li jintuża' hu n-numru ta' punti fi tmiem is-sena (ż) immultiplikat man-numru ta' punti li kiseb matul dik is-sena (y). It-tim bl-ikbar total jirċievi dan l-unur. It-tabella t'hawn taħt turi l-aktar tliet timijiet li għamul progress ta' kull sena.[3]

Sena L-ewwel post It-tieni post It-tielet post
1993  Kolombja  Portugall  Marokk
1994  Kroazja  Brażil  Użbekistan
1995  Ġamajka  Trinidad u Tobago  Repubblika Ċeka
1996  Afrika t'Isfel  Paragwaj  Kanada
1997  Jugożlavja  Bosnja-Ħerzegovina  Iran
1998  Kroazja  Franza  Arġentina
1999  Slovenja  Kuba  Użbekistan
2000  Niġerja  Ħonduras  Kamerun
2001  Kosta Rika  Awstralja  Ħonduras
2002  Senegal  Wales  Brażil
2003  Baħrejn  Oman  Turkmenistan
2004  Ċina  Użbekistan  Kosta tal-Avorju
2005  Gana  Etjopja  Żvizzera
2006  Italja  Ġermanja  Franza

Waqt li ma sar l-ebda unur uffiċjali għall-movimenti li seħħew fl-2007, il-FIFA ħarġet lista tal-'Aqwa Progress' fil-klassifiki tal-2007.[4] Madanakollu, il-metodu ta' kalkoli tbiddel skont id-differenza fil-punti tal-klassifiki matul il-kors tas-sena (aktar milli l-metodu wżat fl-unur uffiċjali mill-1993 sal-2006). Ir-riżultati għas-snin riċenti huma bbażati skont metodu simili.

Sena L-aqwa progressur It-tieni l-aqwa It-tielet l-aqwa
2007  Możambik  Norveġja  Kaledonja l-Ġdida
2008  Spanja  Montenegro  Russja
2009  Brażil  Alġerija  Slovenja
2010  Netherlands  Montenegro  Botswana
2011  Wales  Sierra Leone  Bosnja-Ħerzegovina
2012  Kolombja  Ekwador  Mali
2013  Ukrajna  Armenja  Stati Uniti
2014  Ġermanja  Slovakkja  Belġju
2015  Turkija  Ungerija  Nikaragwa
2016  Franza  Perù  Polonja
  1. ^ a b ċ "FIFA/Coca-Cola World Ranking Procedure". FIFA.com (bl-Ingliż). Fédération internationale de Football Association. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2014-07-09. Miġbur 2008-08-05.
  2. ^ "Revised FIFA/Coca-Cola World Ranking". FIFA.com (bl-Ingliż). Fédération internationale de Football Association. 2006-07-06. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-03-07. Miġbur 2008-03-28.
  3. ^ "Best Mover of the Year". FIFA.com (bl-Ingliż). Fédération internationale de Football Association. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-11-16. Miġbur 2008-09-05.
  4. ^ "L-Aqwa Progress tas-Sena, riżultati tal-2007" (PDF). FIFA.com (bl-Ingliż). Fédération internationale de Football Association. Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2011-09-20.

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]