Aqbeż għall-kontentut

Marrakesh

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Marrakesh
 Marokk
Amministrazzjoni
Constitutional monarchyMarokk
Region of MoroccoMarrakesh-Safi
Prefecture of MoroccoPrefettura ta' Marrakesh
Kap tal-Gvern Fatima Ezzahra El Mansouri (en) Translate
Isem uffiċjali مراكش
Ismijiet oriġinali Mrrakc
مراكش
ⵎⵕⵕⴰⴽⵛ
Kodiċi postali 40000
Ġeografija
Koordinati 31°37′46″N 7°58′52″W / 31.62947°N 7.98108°W / 31.62947; -7.98108Koordinati: 31°37′46″N 7°58′52″W / 31.62947°N 7.98108°W / 31.62947; -7.98108
Marrakesh is located in Morocco
Marrakesh
Marrakesh
Marrakesh (Morocco)
Superfiċjenti 230 kilometru kwadru
Għoli 465 mu 468 m
Demografija
Popolazzjoni 1,002,697 abitanti (2024)
Unitajiet domestiċi 268,925
Informazzjoni oħra
Fondazzjoni 1065
Żona tal-Ħin Ħin tal-Punent tal-Ewropau UTC±0
bliet ġemellati Sousse, Granada, Marsilja, Clermont-Ferrand, Timbuktu, Tashkent, Ajaccio, Tours, Belt ta' New York, Mekka, Pariġi, Madrid, Odessa, Sidi Bennouru Granby
ville-marrakech.ma

Marrakesh, xi kultant spelluta wkoll Marrakech jew Marrakexx (pronunzjati mærəˈkɛʃ/ jew məˈrækɛʃ/; bl-Għarbi: مراكش, b'ittri Rumani: murrākuš, pronunzjata: [murraːkuʃ]; bil-lingwi Berberi: ⵎⵕⵕⴰⴽⵛ, b'ittri Rumani: mṛṛakc), hija r-raba' l-ikbar belt fir-Renju tal-Marokk. Hija waħda mill-erba' bliet imperjali tal-Marokk u hija l-belt kapitali tar-reġjun ta' Marrakesh-Safi. Il-belt tinsab fil-Punent tal-għoljiet ta' qabel il-Muntanji Atlas. Marrakesh tinsab 580 km (360 mil) fil-Lbiċ ta' Tangier, 327 km (203 mil) fil-Lbiċ tal-belt kapitali tal-Marokk, Rabat, 239 km (149 mil) fin-Nofsinhar ta' Casablanca, u 246 km (153 mil) fil-Grigal ta' Agadir.

Ir-reġjun ilu abitat minn bdiewa Berberi miż-żminijiet Neolitiċi. Il-belt ġiet stabbilita fl-1070 mill-Emir Abu Bakr ibn Umar bħala l-belt kapitali imperjali tal-Imperu tal-Almoravidi. L-Almoravidi stabbilew l-ewwel strutturi ewlenin fil-belt u sawru l-pjanta tagħha għas-sekli ta' wara. Il-ħitan ħomor tal-belt, li nbnew minn Ali ibn Yusuf fl-1122-1123, u diversi binjiet li nbnew bil-ġebel tar-ramel ħamrani wara, wasslu biex il-belt titlaqqam bħala l-"Belt il-Ħamra" (المدينة الحمراء Almadinat alhamra') jew il-"Belt Okra" (ville ocre). Marrakesh kibret malajr u stabbiliet lilha nnifisha bħala ċentru kulturali, reliġjuż u kummerċjali għall-Magreb u għall-Afrika sub-Saħarjana. Jemaa el-Fnaa hija l-iktar pjazza b'attività kummerċjali u soċjali fl-Afrika.

Wara perjodu ta' deklin, Fez ħaditilha postha, u fil-bidu tas-seklu 16, Marrakesh reġgħet saret il-belt kapitali tar-renju. Il-belt reġgħet kisbet il-prominenza li kellha taħt is-sultani sinjuri Saadjani Abdallah al-Ghalib u Ahmad al-Mansur, li sebbħu l-belt b'palazzi lussużi bħall-Palazz ta' El Badi (1578) u rrestawraw bosta monumenti rvinati. Mill-bidu tas-seklu 17, il-belt saret popolari fost il-pellegrini Sufisti minħabba l-ħdax-il qaddis patrun midfuna hemmhekk. Fl-1912 il-Protettorat Franċiż fil-Marokk ġie stabbilit u T'hami El Glaoui sar il-Paxà ta' Marrakesh u baqa' f'din il-kariga kważi matul il-protettorat kollu sa ma r-rwol tiegħu tneħħa bl-indipendenza tal-Marokk u l-istabbiliment mill-ġdid tal-monarkija fl-1956.

Marrakesh tinkludi ċentru storiku ffortifikat iffullat bil-bejjiegħa u l-gabbani u l-bankarelli tagħhom. Il-medina tniżżlet bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1] Illum il-ġurnata hija waħda mill-iżjed bliet b'attività kummerċjali fl-Afrika u hija ċentru ekonomiku u destinazzjoni turistika ewlenija. L-iżvilupp tal-proprjetà u tal-lukandi f'Marrakesh żdied b'mod drammatiku fis-seklu 21. Marrakesh hija partikolarment popolari mal-Franċiżi, u bosta ċelebritajiet Franċiżi huma sidien ta' xi proprjetà fil-belt. Marrakesh għandha l-ikbar suq (souk) tradizzjonali fil-Marokk, b'madwar 18-il souk fi ħdanu jbigħu merkanzija li tvarja minn twapet Berberi tradizzjonali għal apparati elettroniċi moderni. L-artiġjanat jipprovdi perċentwal kbir tal-impjiegi għall-popolazzjoni, li primarjament ibigħu l-prodotti tagħhom lit-turisti.

Marrakesh hija moqdija mill-Ajruport Internazzjonali ta' Ménara u mill-istazzjon ferrovjarju ta' Marrakesh li jikkollega l-belt ma' Casablanca u t-Tramuntana tal-Marokk. Marrakesh għandha diversi universitajiet u skejjel, inkluż l-Università ta' Cadi Ayyad. Għadd ta' klabbs tal-futbol Marokkini huma stabbiliti hemmhekk, fosthom Najm de Marrakech, KAC Marrakech, Mouloudia de Marrakech u Chez Ali Club de Marrakech. Iċ-Ċirkwit tat-Toroq ta' Marrakesh jospita l-Kampjonat Dinji tal-Karozzi Sportivi, l-Auto GP u t-tlielaq tal-Kampjonat tal-Formula 2 tal-FIA.

It-tifsira eżatta tal-isem hija pjuttost kontroversjali.[2] Oriġini possibbli tal-isem "Marrakesh" hu mill-kelmiet Berberi (Amazigh) amur (n) akush (ⴰⵎⵓⵔ ⵏ ⴰⴽⵓⵛ), li jfissru "Art t'Alla".[3] Madankollu, skont l-istoriku Susan Searight, isem il-belt ġie ddokumentat għall-ewwel darba f'manuskritt tas-seklu 11 fil-librerija ta' Qarawiyyin f'Fez, fejn it-tifsira li ngħatat kienet "pajjiż l-ulied subien ta' Kush".[4] Il-kelma mur[5] issa tintuża mill-Berberi l-iktar fil-femminil tamurt. L-istess kelma "mur" tidher fil-Mawritanja, ir-renju tal-qedem tat-Tramuntana tal-Afrika, għalkemm ir-rabta għadha kontroversjali peress li dan l-isem x'aktarx li oriġina minn μαύρος mavros, il-kelma tal-Grieg Antik għal "iswed". L-isem jiġi spellut l-iktar bħall-Ingliż "Marrakesh", għalkemm spiss jiġi spellut ukoll bħala "Marrakech" bħall-Franċiż jew trażlitterata mill-Ingliż bħala "Marrakexx". L-isem jiġi spellut Mṛṛakc bl-alfabett Latin Berberu, Marraquexe bil-Portugiż u Marrakech bl-Ispanjol. Pronunzja tipika bl-Għarbi Marokkin hija marrākesh b'enfasi fuq it-tieni sillaba, filwaqt li l-vokali fis-sillabi l-oħra bil-kemm jiġu ppronunzjati.[6][7]

Mill-Medju Evu sal-ħabta tal-bidu tas-seklu 20, il-pajjiż kollu tal-Marokk kien magħruf bħala r-"Renju ta' Marrakesh", peress li l-belt kapitali storika tar-renju kienet spiss Marrakesh stess.[8][9] L-isem għall-Marokk għadu "Marrakesh" (مراكش) sa llum il-ġurnata bil-Persjan u bl-Urdu kif ukoll b'bosta lingwi oħra tan-Nofsinhar tal-Asja. Diversi ismijiet Ewropej għall-Marokk (Marruecos, Marrocos, Maroc, Marokko, eċċ.) oriġinaw direttament mill-kelma Berbera Murakush. Kuntrarjament, il-belt stess fl-imgħoddi kienet tissejjaħ sempliċement Belt tal-Marokk (jew xi ħaġa simili) mill-vjaġġaturi barranin. L-isem tal-belt u tal-pajjiż saru differenti wara t-Trattat ta' Fez li qasam il-Marokk f'protettorat Franċiż u f'protettorat Spanjol, u l-użu interkambjabbli antik baqa' jeżisti sal-interrenju ta' Mohammed Ben Aarafa (1953-1955).[10] Dan tal-aħħar wassal għar-ritorn tal-indipendenza tal-pajjiż, meta l-Marokk uffiċjalment sar المملكة المغربية (al-Mamlaka al-Maġribiyya, ir-"Renju tal-Magreb"), u l-isem ma baqax jirreferi għall-belt ta' Marrakesh. Marrakesh hija magħrufa b'varjetà ta' laqmijiet, fosthom il-"Belt il-Ħamra", il-"Belt Okra" u "Bint id-Deżert", u kienet l-ispirazzjoni ta' analoġiji poetiċi fosthom waħda li kienet tqabbel il-belt ma' "tanbur li jtanbar l-identità Afrikana fir-ruħ kumplessa tal-Marokk".[11]

Dinar tad-deheb tal-Almoravidi zzekkat matul ir-renju ta' Ali ibn Yusef.

L-inħawi ta' Marrakesh ġew abitati mill-bdiewa Berberi min-Neolitiku, u diversi fdalijiet tal-ġebel ta' dak iż-żmien ġew żvelati. Marrakesh ġiet stabbilita minn Abu Bakr ibn Umar, il-kap u s-sekondokuġin tar-Re tal-Almoravidi Yusuf ibn Tashfin (għall-ħabta tal-1061-1106).[12][13] Sorsi storiċi jikkwotaw varjetà ta' dati meta seħħ dan l-avveniment li jvarjaw bejn l-1062 (454 fil-kalendarju Ħijri), skont Ibn Abi Zar u Ibn Khaldun, u l-1078 (470), skont Muhammad al-Idrisi.[14] Id-data li tintuża l-iktar mill-istoriċi moderni hija l-1070[15], għalkemm l-1062 għadha tiġi kkwotata minn xi kittieba.[16] L-Almoravidi, dinastija Berbera li ppruvat tirriforma s-soċjetà Iżlamika, irrenjat f'emirat estiż mit-tarf tas-Senegal għaċ-ċentru ta' Spanja u mill-kosta Atlantika sa Alġiers.[17] Huma użaw lil Marrakesh bħala l-belt kapitali tagħhom u stabbilew l-ewwel strutturi tagħha, inkluż il-moskej u residenza ffortifikata, il-Ksar al-Hajjar, qrib il-Moskea attwali ta' Kutubiyya.[18] Dawn il-pedamenti tal-Almoravidi influwenzaw ukoll il-pjanta u l-organizzazzjoni urbana tal-belt għas-sekli ta' wara. Pereżempju, il-pjazza attwali ta' Jemaa el-Fnaa oriġinat minn pjazza pubblika quddiem id-daħla tal-palazz tal-Almoravidi, ir-Rahbat al-Ksar[19][20], u s-swieq ewlenin tal-belt żviluppaw bejn wieħed u ieħor bejn din il-pjazza u l-moskea prinċipali tal-belt, fejn għadhom sa llum il-ġurnata.[21] Il-belt żviluppat il-komunità f'ċentru kummerċjali għall-Magreb u għall-Afrika sub-Saħarjana.[22] Kibret b'mod rapidu u stabbiliet ruħha bħala ċentru kulturali u reliġjuż, u ħadet post Aghmat, li għal żmien twil kienet il-belt kapitali ta' Haouz. Artiġjani mill-Andalusija, preċiżament minn Cordoba u Sivilja bnew u żejnu bosta monumenti, filwaqt li importaw l-istil Umayyad ta' Cordoba bil-koppli mnaqqxa u bil-ħnejjiet ippuntati.[23] Din l-influwenza tal-Andalusija ħolqot fużjoni mad-disinni tas-Saħara u tal-Punent tal-Afrika, u b'hekk inħoloq stil arkitettoniku uniku li ġie adattat għalkollox mal-ambjent ta' Marrakesh. Yusuf ibn Tashfin bena d-djar, izzekka l-muniti, u wassal id-deheb u l-fidda lejn il-belt fil-karovani. Ibnu u s-suċċessur tiegħu, Ali Ibn Yusuf, bena l-Moskea ta' Ben Youssef, il-moskea prinċipali tal-belt, bejn l-1120 u l-1132.[24][25] Huwa ffortifika wkoll l-belt u s-swar tagħha għall-ewwel darba fl-1126-1127 u espanda l-provvista tal-ilma tagħha billi ħoloq sistema tal-ilma taħt l-art magħrufa bħala l-khettara.[26][27]

Detall tal-Cantiga de Santa Maria #181. Il-cantiga #181 turi d-difiża ta' suċċess tal-1261-1262 ta' Marrakesh mill-mexxej tal-Almoħadin Al-Murtada (bl-għajnuna tal-milizji Kristjani) fl-assedju tal-mexxej tal-Marinidi Abu Yusuf.

Fl-1125, il-predikatur Ibn Tumart mar jgħix f'Tin Mal fil-muntanji lejn in-Nofsinhar ta' Marrakesh, u stabbilixxa l-moviment tal-Almoħadin. Din il-fazzjoni l-ġdida, magħmula l-iktar minn membri tat-tribù Masmuda, segwiet duttrina ta' riformi radikali b'Ibn Tumart bħala l-mahdi, jiġifieri figura qisha l-messija. Huwa ppriedka kontra l-Almoravidi u influwenza rewwixta li rnexxielha twassal għall-waqgħa ta' Aghmat fil-qrib, iżda ma rnexxilhiex twassal għall-waqgħa ta' Marrakesh minkejja l-assedju tal-1130. Ibn Tumart miet ftit wara fl-istess sena, iżda s-suċċessur tiegħu Abd al-Mu'min ħa f'idejh it-tmexxija politika tal-moviment u ħataf lil Marrakesh fl-1147 wara assedju li dam diversi xhur.[28] L-Almoħadin keċċew il-popolazzjoni tal-Almoravidi fi żmien tlett ijiem u stabbilew il-belt bħala l-belt kapitali l-ġdida tagħhom.[29] Imbagħad irnexxielhom jieħdu ħafna mill-eks territorju tal-Almorovidi fl-Afrika u l-Peniżola Iberika. Fl-1147, ftit wara l-ħakma tal-belt, Abd al-Mu'min stabbilixxa l-Moskea ta' Kutubiyya (magħrufa wkoll bħala l-Moskea ta' Koutoubia), ħdejn l-eks palazz tal-Almoravidi, sabiex tkun il-moskea prinċipali l-ġdida tal-belt.[30] Il-moskej tal-Almoravidi jew twaqqgħu jew ġew abbandunati mal-promulgazzjoni tar-riformi reliġjużi min-naħa tal-Almoħadin.[31] Abd al-Mu'min kien responsabbli wkoll għall-istabbiliment tal-Ġonna ta' Menara fl-1157, filwaqt li s-suċċessur tiegħu Abu Ya'qub Yusuf (li rrenja mill-1163 sal-1184) beda l-Ġonna ta' Agdal.[32][33] Ya'qub al-Mansur (li rrenja mill-1184 sal-1199), x'aktarx fuq l-ordnijiet ta' missieru Abu Ya'qub Yusuf, kien responsabbli għall-kostruzzjoni tal-Kasbah, ċittadella u distrett tal-palazz fuq in-naħa tan-Nofsinhar tal-belt.[34][35] Il-Kasbah kienet tospita ċ-ċentru tal-gvern u r-residenza tal-kaliff, titlu li kellhom il-mexxejja Almoħadin bħala rivali tal-Kaliffat tal-Abbasidi fil-Lvant. Parzjalment minħabba dawn id-diversi żidiet, l-Almoħadin tejbu wkoll is-sistema tal-provvista tal-ilma u ħolqu ġibjuni tal-ilma biex jirrigaw il-ġonna tagħhom.[36] Bis-saħħa tal-importanza ekonomika, politika u kulturali tagħha, Marrakesh ospitat bosta kittieba, artisti u intellettwali, ħafna minnhom minn Al-Andalus, inkluż il-filosfu famuż Averroes ta' Cordoba.[37][38]

Il-Palazz ta' El Badi.

Il-mewt ta' Yusuf II fl-1224 tat bidu għal perjodu ta' instabbiltà. Marrakesh saret il-fortizza tax-xejikki tribali Almoħadin u l-ahl ad-dar (dixxendenti ta' Ibn Tumart), li ppruvaw jiksbu l-poter mill-familja Almoħadini fit-tmun. Marrakesh inħakmet, intilfet u reġgħet ittieħdet minn xi qawwa diversi drabi minn sensiela ta' kaliffi u mexxejja, pereżempju matul il-ħtif brutali ta' Marrakesh mill-kaliff ta' Sivilja Abd al-Wahid II al-Ma'mun fl-1226, li ġie segwit minn massakru tax-xejikki tribali Almoħadini u l-familji tagħhom u ċaħda pubblika tad-duttrini ta' Ibn Tumart mill-kaliff fuq il-pulptu tal-Moskea tal-Kasbah.[39] Wara l-mewt ta' al-Ma'mun fl-1232, l-armla tiegħu ppruvat timbotta s-suċċessjoni ta' binha, wara li kisbet l-appoġġ tal-kapijiet tal-armata Almoħadina u ta' merċenarji Spanjoli permezz tal-wegħda li tagħtihom il-belt ta' Marrakesh biex jisirquha. Meta semgħu t-termini, il-poplu ta' Marrakesh ippruvaw jagħmlu ftehim mal-kaptana militari u salvaw il-belt mill-qerda permezz ta' pagament imdaqqas ta' 500,000 dinar. Fl-1269, Marrakesh inħakmet mit-tribujiet nomadiċi Zenata li rebħu kontra l-aħħar Almoħadini. Il-belt imbagħad spiċċat fi stat ta' deklin, li f'qasir żmien wasslet biex il-belt titlef l-istatus tagħha bħala belt kapitali u minflokha saret il-belt rivali ta' Fez.[40]

Fil-bidu tas-seklu 16, Marrakesh reġgħet saret il-belt kapitali tal-Marokk, wara perjodu meta kienet is-sede tal-emiri Hintata. F'qasir żmien reġgħet stabbiliet l-istatus tagħha, speċjalment matul ir-renji tas-slaten Saadjani Abdallah al-Ghalib u Ahmad al-Mansur.[41][42] Bis-saħħa tal-ġid iġġenerat mis-Slaten, Marrakesh ġiet imżejna b'palazzi lussużi filwaqt li l-monumenti rvinati tagħha ġew irrestawrati. Il-Palazz ta' El Badi, li nbeda minn Ahmad al-Mansur fl-1578, inbena b'materjali għaljin inkluż l-irħam mill-Italja.[43][44] Il-palazz kien maħsub primarjament għar-riċevimenti lussużi tal-ambaxxaturi minn Spanja, l-Ingilterra u l-Imperu Ottoman, biex il-Marokk Saadjan jispikka bħala nazzjon b'poter u b'influwenza saħansitra sal-fruntiera tan-Niġer u tal-Mali. Taħt id-dinastija Saadjana, Marrakesh reġgħet kisbet il-pożizzjoni li kellha fl-imgħoddi bħala punt ta' kuntatt għar-rotot tal-karovani mill-Magreb, mill-Mediterran u mill-Afrika sub-Saħarjana.

Għal sekli sħaħ Marrakesh kienet magħrufa bħala l-post fejn indifnu s-seba' qaddisin patruni tal-Marokk (sebaatou rizjel). Meta s-Sufiżmu kien laħaq il-qofol tal-popolarità tiegħu matul l-aħħar tar-renju ta' Moulay Ismail fis-seklu 17, il-festival ta' dawn il-qaddisin ġie stabbilit minn Abu Ali al-Hassan al-Yusi fuq talba tas-sultan. L-oqbra tad-diversi figuri rinomati ġew ittrasferiti lejn Marrakesh biex jiġu attirati l-pellegrini, u l-pellegrinaġġ assoċjat mas-seba' qaddisin illum il-ġurnata sar stabbilit sew. Il-pellegrini jżuru l-oqbra tal-qaddisin f'ordni speċifika, kif ġej: Sidi Yusuf Ali Sanhaji (1196–97), lebbruż; Qadi Iyyad jew il-Qadi ta' Ceuta (1083–1149), teologu u awtur tal-Ash-Shifa (trattati dwar il-virtujiet ta' Muħammed); Sidi Bel Abbas (1130-1204), magħruf bħala l-qaddis patrun u l-iktar wieħed meqjum fir-reġjun; Sidi Muhammad al-Jazuli (1465), Sufist magħruf sew li stabbilixxa l-fratellanza ta' Jazuli; Abdelaziz al-Tebaa (1508), student ta' al-Jazuli; Abdallah al-Ghazwani (1528), magħruf bħala Moulay al-Ksour; u Sidi Abu al-Qasim Al-Suhayli, (1185), magħruf ukoll bħala l-Imam al-Suhayli. Sal-1867, il-Kristjani Ewropej ma kinux jitħallew jidħlu fil-belt sakemmm ma kinux jingħataw permess speċjali mis-sultan; min-naħa l-oħra l-Lhud tal-Lvant tal-Ewropa kienu jitħallew jidħlu fil-belt.[45][46]

Matul il-bidu tas-seklu 20, Marrakesh għaddiet minn diversi snin ta' rewwixti. Il-mewt prematura fl-1900 tal-Gran Viżier Ba Ahmed, li kien inħatar bħala r-reġġent sakemm is-sultan Abd al-Aziz jagħlaq l-età biex isaltan, wasslet biex il-pajjiż jinħakem mill-anarkija, mir-rewwixti tribali, mill-konfoffi tas-sinjuri fewdali, u minn intriċċi Ewropej.[47] Fl-1907, il-kaliff ta' Marrakesh Moulay Abd al-Hafid ġie pproklamat sultan mit-tribujiet setgħana tan-naħa ta' fuq tal-Muntanji Atlas u mill-istudjużi Ulama li rrifjutaw il-leġittimità ta' ħuh, Abd al-Aziz. Fl-1907 ukoll, Dr. Mauchamp, tabib Franċiż, inqatel f'Marrakesh, wara li kien issuspettat li kien qed jispijja għal pajjiżu. Franza użat l-avveniment bħala pretest biex tibgħat it-truppi tagħha mir-raħal ta' Oujda fil-Lvant tal-Marokk lejn iċ-ċentru metropolitan ewlieni ta' Casablanca fil-Punent. L-armata kolonjali Franċiża ltaqgħet ma' reżistenza qalila mingħand Ahmed al-Hiba, iben ix-Xejikk Ma al-'Aynayn, li wasal mis-Saħara akkumpanjat mill-ġellieda tribali nomadiċi Reguibat tiegħu. Fit-30 ta' Marzu 1912 ġie stabbilit il-Protettorat Franċiż fil-Marokk.[48] Wara l-Battalja ta' Sidi Bou Othman, li wasslet għar-rebħa tal-Mangin Franċiżi kontra l-forzi ta' al-Hiba f'Settembru 1912, il-Franċiżi ħadu l-kontroll ta' Marrakesh. Il-ħakma ġiet iffaċilitata mit-tixwix tat-tribujiet Imzwarn u tal-mexxejja tagħhom mill-familja setgħana ta' Glaoui, li wassal għall-massakru taċ-ċittadini ta' Marrakesh u għal irvelli kbar.[49]

T'hami El Glaoui, il-Paxà ta' Marrakesh mill-1912 sal-1956.

T'hami El Glaoui, magħruf bħala s-"Sinjur tal-Atlas", sar il-Paxà ta' Marrakesh, kariga li kellu prattikament għall-44 sena kollha tal-Protettorat (1912–1956).[50] Glaoui ddomina l-belt u sar famuż għall-kollaborazzjoni tiegħu mal-awtoritajiet ġenerali tal-post, kif ukoll għall-konfoffa biex Mohammed Ben Youssef (Moħammed V) jitneħħa mit-tron u jiġi sostitwit bil-kuġin tas-sultan, Ben Arafa. Glaoui, li diġà kien magħruf għall-avventuri u għall-istil ta' ħajja lussiża tiegħu, sar simbolu tal-ordni kolonjali tal-Marokk. Madankollu, ma rnexxilux irażżan iż-żieda tas-sentiment nazzjonalista, u lanqas l-ostilità ta' proporzjon dejjem jikber tal-abitanti. Lanqas ma rnexxielu jirreżisti l-pressjoni minn Franza, li qablet li ttemm il-Protettorat Marokkin tagħha fl-1956 minħabba l-Gwerra Alġerina (1954-1962) li faqqgħet immedjatament wara t-tmiem tal-gwerra fl-Indoċina (1946-1954), li fiha l-Marokkini kellhom jiġġieldu fil-Vjetnam f'isem l-Armata Franċiża. Wara żewġ eżilji konsekuttivi f'Korsika u fil-Madagascar, Mohammed Ben Youssef tħalla jerġa' lura l-Marokk f'Novembru 1955, u b'hekk intemmet it-tmexxija despotika ta' Glaoui f'Marrakesh u r-reġjun tal-madwar. Fit-2 ta' Marzu 1956 ġie ffirmat protokoll tal-indipendenza tal-Marokk bejn il-Ministru Franċiż għall-Affarijiet Barranin Christian Pineau u M’Barek Ben Bakkai.[51]

Marrakesh f'April 2013.

Mill-indipendenza tal-Marokk 'il quddiem, Marrakesh stagħnat bħala destinazzjoni turistika. Fis-snin 60 u fil-bidu tas-snin 70 tas-seklu 20, il-belt saret "mekka famuża tal-hippies". Attirat bosta rock stars, mużiċisti, artisti, reġisti u atturi tal-films, mudelli u divi tal-moda tal-Punent[52], u b'hekk id-dħul mit-turiżmu rdoppja fil-Marokk bejn l-1965 u l-1970.[53] Yves Saint Laurent, The Beatles, The Rolling Stones u Jean-Paul Getty kollha qattgħu ħafna żmien fil-belt; Laurent xtara proprjetà hemmhekk u rrinnova l-Ġonna ta' Majorelle.[54][55] Espatrijati, speċjalment dawk minn Franza, investew ferm f'Marrakesh mis-snin 60 tas-seklu 20 u żviluppaw ħafna mir-riads u mill-palazzi. Il-binjiet antiki ġew rinnovati fiċ-ċentru storiku antik, inbnew residenzi ġodda u villaġġi fis-subborhi, u bdew jitfaċċaw lukandi ġodda.

L-aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti saru attivi f'Marrakesh mill-bidu tas-snin 70 tas-seklu 20, u l-preżenza politika internazzjonali tal-belt kibret sussegwentement. Fl-1985, l-UNESCO ddikjarat iċ-ċentru storiku tal-medina ta' Marrakesh bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, u rawmet kuxjenza internazzjonali dwar il-wirt kulturali tal-belt.[1][56] Fis-snin 80 tas-seklu 20, Patrick Guerand-Hermes xtara t-30 akru (12-il ettaru) ta' Ain el Quassimou, mibni mill-familja ta' Leo Tolstoy.[57] Fil-15 ta' April 1994 ġie ffirmat fil-belt il-Ftehim ta' Marrakesh sabiex tiġi stabbilita l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, u f'Marzu 1997 f'Marrakesh sar il-Forum Dinji dwar l-Ilma tal-Kunsill Dinji dwar l-Ilma, fejn attendew iktar minn 500 parteċipant internazzjonali.[58]

Kartolina tal-attrazzjonijiet ewlenin tal-belt.

Fis-seklu 21, l-iżvilupp tal-proprjetà u tal-beni immobbli sploda, f'żieda drammatika ta' lukandi u ċentri kummerċjali ġodda bil-ħwienet, xprunati mill-politiki ta' Moħammed VI tal-Marokk, li kellu l-għan li jżid l-għadd ta' turisti li jżuru l-Marokk kull sena għal 20 miljun sal-2020. Fl-2010 fil-belt kien hemm splużjoni kbira ta' ċilindru tal-gass. Fit-28 ta' April 2011, attakk b'bomba seħħ fil-pjazza ta' Jemaa el-Fnaa, fejn mietu 15-il ruħ, l-iktar barranin. L-isplużjoni qerdet il-kafetterija Argana fil-qrib. Il-pulizija arrestaw tliet suspettati u saħqet li s-suspettat ewlieni kien leali għal Al-Qaeda, minkejja li Al-Qaeda fil-Magreb Iżlamiku ċaħdet l-involviment tagħha.[59] F'Novembru 2016 il-belt ospitat il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2016 dwar it-Tibdil fil-Klima.[60]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Medina ta' Marrakesh ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1985.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[1]

Relazzjonijiet internazzjonali

[immodifika | immodifika s-sors]

Marrakesh hija ġemellata ma':[61]

Nies notevoli

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Abdelali Mhamdi, plejer tal-futbol;
  • Abdellah Jlaidi - plejer tal-futbol;
  • Salaheddine Saidi - plejer tal-futbol;
  • Tahar Tamsamani - eks lottatur;
  • Hasna Benhassi - eks atleta tal-ġiri fuq distanzi medji;
  • Adil Ramzi - eks plejer tal-futbol;
  • Ahmed Bahja - eks plejer tal-futbol;
  • Tahar El Khalej - eks plejer tal-futbol.
  1. 1 2 3 4 Centre, UNESCO World Heritage. "Medina of Marrakesh". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-12.
  2. Shillington, Kevin (2005). Encyclopedia of African history. Fitzroy Dearborn. ISBN 9781579584542. p. 948.
  3. Nanjira, Daniel Don (2010). African Foreign Policy and Diplomacy From Antiquity to the 21st Century. ABC-CLIO. ISBN 978-0-313-37982-6. p. 208.
  4. Searight, Susan (1999). Maverick Guide to Morocco. Pelican Publishing. p. 378. ISBN 978-1-56554-348-5.
  5. Egginton, Jane; Pitz, Anne (2010). NG Spirallo Marrakech (bil-Ġermaniż). Mair Dumont Spirallo. ISBN 978-3-8297-3274-1. p. 11.
  6. Bosworth, Clifford Edmund (1989). Encyclopaedia of Islam, Fascicle 107. Brill Archive. ISBN 978-90-04-09082-8. p. 588.
  7. Cornell, Vincent J. (1998). Realm of the Saint: Power and Authority in Moroccan Sufism. University of Texas Press. ISBN 978-0-292-71210-2. p. 15.
  8. Bosworth, Clifford Edmund (1989). Encyclopaedia of Islam, Fascicle 107. Brill Archive. ISBN 978-90-04-09082-8. p. 593.
  9. Gottreich, Emily (2007). The Mellah of Marrakesh: Jewish And Muslim Space in Morocco's Red City. Indiana University Press. ISBN 978-0-253-21863-6. p. 10.
  10. International Business Publications (1 April 2006). Morocco Country Study Guide. International Business Publications. p. 23. ISBN 978-0-7397-1514-7.
  11. Rogerson, Barnaby; Lavington, Stephen (2004). Marrakech: The Red City. Sickle Moon. ISBN 978-1-900209-18-2. p. xi.
  12. Deverdun, Gaston (1959). Marrakech: Des origines à 1912 (bil-Franċiż). Rabat: Éditions Techniques Nord-Africaines. pp. 59-64.
  13. Gerteiny, Alfred G. (1967). Mauritania. Praeger. p. 28.
  14. Deverdun, Gaston (1959). Marrakech: Des origines à 1912 (bil-Franċiż). Rabat: Éditions Techniques Nord-Africaines. p. 61.
  15. Deverdun 1959, p. 59–63; Messier 2010, p. 180; Abun-Nasr 1987, p. 83; Salmon 2018, p. 33; Wilbaux 2001, p. 208; Bennison 2016, p. 22, 34; Lintz, Déléry & Tuil Leonetti 2014, p. 565.
  16. Bloom & Blair 2009, "Marrakesh"; Naylor 2009, p. 90; Park & Boum 2006, p. 238.
  17. Bennison, Amira K. (2016). The Almoravid and Almohad Empires. Edinburgh University Press. ISBN 9780748646821.
  18. Deverdun, Gaston (1959). Marrakech: Des origines à 1912 (bil-Franċiż). Rabat: Éditions Techniques Nord-Africaines. pp. 56-59.
  19. Deverdun, Gaston (1959). Marrakech: Des origines à 1912 (bil-Franċiż). Rabat: Éditions Techniques Nord-Africaines. p. 143.
  20. Skounti, Ahmed; Tebaa, Ouidad (2006). La Place Jemaa El Fna: patrimoine immatériel de Marrakech du Maroc et de l'humanité (bil-Franċiż). Rabat: Bureau de l’UNESCO pour le Maghreb. pp. 25–27.
  21. Wilbaux, Quentin (2001). La médina de Marrakech: Formation des espaces urbains d'une ancienne capitale du Maroc. Paris: L'Harmattan. ISBN 2747523888. p. 115.
  22. "The Rotarian". Rotary. Rotary International: 2005. ISSN 0035-838X.
  23. Lehmann, Ingeborg; Henss, Rita; Szerelmy, Beate (2009). Baedeker Morocco. Baedeker. ISBN 978-3-8297-6623-4.
  24. Bloom, Jonathan M.; Blair, Sheila, eds. (2009). The Grove Encyclopedia of Islamic Art and Architecture: Delhi to Mosque. Oxford University Press. ISBN 978-0-19-530991-1.
  25. Wilbaux, Quentin (2001). La médina de Marrakech: Formation des espaces urbains d'une ancienne capitale du Maroc. Paris: L'Harmattan. ISBN 2747523888. pp. 223-224.
  26. Deverdun, Gaston (1959). Marrakech: Des origines à 1912 (bil-Franċiż). Rabat: Éditions Techniques Nord-Africaines. pp. 85-87, 110.
  27. Wilbaux, Quentin (2001). La médina de Marrakech: Formation des espaces urbains d'une ancienne capitale du Maroc. Paris: L'Harmattan. ISBN 2747523888. p. 224.
  28. Bennison, Amira K. (2016). The Almoravid and Almohad Empires. Edinburgh University Press. ISBN 9780748646821. pp. 60, 70.
  29. Bennison, Amira K. (2016). The Almoravid and Almohad Empires. Edinburgh University Press. ISBN 9780748646821. p. 307.
  30. Wilbaux, Quentin (2001). La médina de Marrakech: Formation des espaces urbains d'une ancienne capitale du Maroc. Pariġi: L'Harmattan. ISBN 2747523888. p. 341.
  31. Bennison, Amira K. (2016). The Almoravid and Almohad Empires. Edinburgh University Press. ISBN 9780748646821. p. 307.
  32. Wilbaux, Quentin (2001). La médina de Marrakech: Formation des espaces urbains d'une ancienne capitale du Maroc. Pariġi: L'Harmattan. ISBN 2747523888. pp. 224, 246.
  33. Navarro, Julio; Garrido, Fidel; Almela, Íñigo (2017). "The Agdal of Marrakesh (Twelfth to Twentieth Centuries): An Agricultural Space for Caliphs and Sultans. Part 1: History". Muqarnas. 34 (1): 23–42.
  34. Bennison, Amira K. (2016). The Almoravid and Almohad Empires. Edinburgh University Press. ISBN 9780748646821. pp. 321, 345.
  35. Wilbaux, Quentin (2001). La médina de Marrakech: Formation des espaces urbains d'une ancienne capitale du Maroc. Pariġi: L'Harmattan. ISBN 2747523888. pp. 344-345.
  36. Wilbaux, Quentin (2001). La médina de Marrakech: Formation des espaces urbains d'une ancienne capitale du Maroc. Pariġi: L'Harmattan. ISBN 2747523888.
  37. Bennison, Amira K. (2016). The Almoravid and Almohad Empires. Edinburgh University Press. ISBN 9780748646821. p. 265.
  38. Daiber, Hans (2009). "Ibn Rushd, Abū Muḥammad". In Fleet, Kate; Krämer, Gudrun; Matringe, Denis; Nawas, John; Rowson, Everett (eds.). Encyclopaedia of Islam, Three. Brill. ISSN 1873-9830.
  39. Cenival (1913-1938: p. 300; 2007: p. 324).
  40. Lehmann, Ingeborg; Henss, Rita; Szerelmy, Beate (2009). Baedeker Morocco. Baedeker. ISBN 978-3-8297-6623-4.
  41. Deverdun, Gaston (1959). Marrakech: Des origines à 1912 (bil-Franċiż). Rabat: Éditions Techniques Nord-Africaines. pp. 358-416.
  42. Salmon, Xavier (2016). Marrakech: Splendeurs saadiennes: 1550-1650. Pariġi: LienArt. ISBN 9782359061826.
  43. Deverdun, Gaston (1959). Marrakech: Des origines à 1912 (bil-Franċiż). Rabat: Éditions Techniques Nord-Africaines. pp. 392-401.
  44. Salmon, Xavier (2016). Marrakech: Splendeurs saadiennes: 1550-1650. Paris: LienArt. ISBN 9782359061826. pp. 250-270.
  45. Bosworth, Clifford Edmund (1989). Encyclopaedia of Islam, Fascicle 107. Brill Archive. ISBN 978-90-04-09082-8. p. 591.
  46. Wilbaux, Quentin (2001). La médina de Marrakech: Formation des espaces urbains d'une ancienne capitale du Maroc. Pariġi: L'Harmattan. ISBN 2747523888.
  47. Loizillon, Sophie (2008). Maroc (bil-Franċiż). Editions Marcus. ISBN 978-2-7131-0271-4. p. 50.
  48. Bibliographic Set (2 Vol Set). International Court of Justice, Digest of Judgments and Advisory Opinions, Canon and Case Law 1946 – 2011. Martinus Nijhoff Publishers. 2012. p. 117. ISBN 978-90-04-23062-0.
  49. Barrows, David Prescott (2004). Berbers And Blacks: Impressions Of Morocco, Timbuktu And The Western Sudan. Kessinger Publishing. p. 85. ISBN 978-1-4179-1742-6. p. 73.
  50. Lehmann, Ingeborg; Henss, Rita; Szerelmy, Beate (2009). Baedeker Morocco. Baedeker. ISBN 978-3-8297-6623-4. p. 84.
  51. Hoisington (2004). The Assassination of Jacques Lemaigre Dubreuil: A Frenchman between France and North Africa. Psychology Press. ISBN 978-0-415-35032-7. p. 109.
  52. Christiani, Kerry (2009). Frommer's Marrakech Day by Day. John Wiley & Sons. ISBN 978-0-470-71711-0. p. 38.
  53. "MEED. - Google Boeken". web.archive.org. 2014-06-26. Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-06-26. Miġbur 2023-03-13.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  54. Sullivan, Paul (2006). A Hedonist's Guide to Marrakech. A Hedonist's guide to... ISBN 978-1-905428-06-9. p. 8.
  55. Howe, Marvine (2005). Morocco: The Islamist Awakening and Other Challenges. Oxford University Press. ISBN 978-0-19-516963-8. p. 46.
  56. Shackley, Myra (2012). Atlas of Travel and Tourism Development. Routledge. ISBN 978-1-136-42782-4. p. 43.
  57. Howe, Marvine (2005). Morocco: The Islamist Awakening and Other Challenges. Oxford University Press. ISBN 978-0-19-516963-8. p. 46.
  58. Academie de droit (2002). Water Resources and International Law. Martinus Nijhoff Publishers. ISBN 978-90-411-1864-6. p. 71.
  59. "Qaeda denies involvement in Morocco cafe bomb attack | Reuters". web.archive.org. 2017-03-18. Arkivjat mill-oriġinal fl-2017-03-18. Miġbur 2023-03-13.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  60. "Dozens of heads of State and Government to attend COP22". web.archive.org. 2019-07-06. Arkivjat mill-oriġinal fl-2019-07-06. Miġbur 2023-03-13.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  61. "Investissement à Marrakech". web.archive.org. 2020-10-26. Arkivjat mill-oriġinal fl-2020-10-26. Miġbur 2023-03-13.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)