Giotto
Giotto | |||
---|---|---|---|
| |||
Ħajja | |||
Twelid | Vicchio, 1267, 1276, 1266 | ||
Nazzjonalità | Repubblika ta' Firenze | ||
Mewt | Firenze, 8 Jannar 1337 | ||
Familja | |||
Missier | Bondone | ||
Edukazzjoni | |||
Lingwi | Taljan | ||
Għalliema | Cimabue | ||
Studenti |
uri
| ||
Okkupazzjoni | |||
Okkupazzjoni |
pittur arkitett skultur artist tal-murales disinjatur | ||
Post tax-xogħol |
Firenze Padova Assisi Rimini Ruma Napli Bolonja | ||
Xogħlijiet importanti |
Kappella tal-familja Scrovegni San Stiefnu Kampnar ta' Giotto ċirku ta' Giotto | ||
Moviment |
Proto-Rinaxximent Gotiku | ||
Moviment artistiku |
arti reliġjuża allegorija pittura mitoloġika |
Giotto di Bondone (pronunzja bit-Taljan: [ˈdʒɔtto di bonˈdoːne]; twieled għall-ħabta tal-1267 – miet fit-8 ta' Jannar 1337)[1][2], jew fil-qosor Giotto u Latinizzat bħala Giottus, kien pittur u arkitett Taljan minn Firenze matul il-Medju Evu Aħħari. Huwa ħadem matul il-perjodu Gotiku u l-Proto-Rinaxximent.[3] Kontemporanju ta' Giotto, il-bankier u l-kronista Giovanni Villani, kiteb li Giotto kien "l-iżjed mastru sovran tal-pittura fi żmienu, li pinġa l-figuri kollha tiegħu u l-pożi tagħhom skont in-natura" b'"talent u eċċellenza" rikonoxxuti pubblikament.[4] Giorgio Vasari ddeskriva lil Giotto bħala li " tbiegħed b'mod deċiżiv mill-istil Biżantin prevalenti u beda l-arti l-kbira tal-pittura kif nafuha llum il-ġurnata, filwaqt li introduċa t-teknika tat-tpinġija bir-reqqa mill-ħajja, li kienet ġiet traskurata għal iktar minn mitejn sena".[5]
Il-kapulavur ta' Giotto huwa t-tiżjin tal-Kappella tal-familja Scrovegni, f'Padova, magħrufa wkoll bħala l-Kappella tal-Arena, li tlestiet għall-ħabta tal-1305. Iċ-ċiklu ta' affreski jirrakkonta l-Ħajja tal-Madonna u l-Ħajja ta' Ġesù. Din titqies bħala waħda mill-iżjed kapulavuri supremi tar-Rinaxximent Bikri.[6]
Il-fatt li Giotto pitter il-Kappella tal-Arena u li ntgħażel mill-Komun ta' Firenze fl-1334 biex jiddisinja l-kampnar il-ġdid tal-Katidral ta' Firenze huma fost il-ftit ċertezzi dwar il-ħajja tiegħu. Kważi kull aspett ieħor ta' ħajtu huwa suġġett ta' kontroversji: id-data tat-twelid tiegħu, il-post tat-twelid tiegħu, id-dehra tiegħu, l-apprendistat tiegħu, l-ordni li biha ħoloq ix-xogħlijiet tiegħu, jekk pittirx l-affreski famużi fil-Bażilika Superjuri ta' San Franġisk t'Assisi, u l-post fejn ġie midfun.
Ħajja bikrija u karriera
[immodifika | immodifika s-sors]Skont it-tradizzjoni Giotto twieled f'dar rurali, x'aktarx f'Colle di Romagnano jew Romignano. Mill-1850, dar rurali qrib Colle Vespignano għandha plakka li ssostni li kienet il-post tat-twelid tiegħu, u dan jiġi rreklamat kummerċjalment. Madankollu, riċerka reċenti ppreżentat evidenza dokumentarja li Giotto twieled f'Firenze u kien iben ħaddied. Isem missieru kien Bondone. Il-biċċa l-kbira tal-awturi jaċċettaw li Giotto kien ismu ta' vera, iżda jaf kien abbrevjazzjoni ta' Ambrogio (Ambrogiotto) jew ta' Angelo (Angelotto).[7][8]
Fil-Ħajjiet tal-Iżjed Pitturi, Skulturi u Arkitetti Eċċellenti Vasari jiddikjara li Giotto kien ragħaj meta kien żgħir, u kien maħbub minn kull min kien jafu. Il-pittur kbir minn Firenze Cimabue skopra lil Giotto jpinġi lin-nagħaġ tiegħu fuq blata. Tant kien jidhru reali li Cimabue mar fuq Giotto u staqsieh biex jieħdu miegħu bħala apprendist. Cimabue kien wieħed minn żewġ pitturi tassew rinomati tat-Toskana, l-ieħor kien Duccio, li kien jaħdem l-iktar fi Siena. Vasari jirrakkonta għadd ta' ġrajjiet simili dwar il-ħiliet ta' Giotto bħala artist żagħżugħ. Huwa jirrakkonta dwar darba meta Cimabue kien assent mill-istudjo tax-xogħol tiegħu, u Giotto pitter dubbiena tassew reali f'pittura ta' Cimabue. Meta Cimabue ġie lura, huwa pprova kemm-il darba jħassar id-dubbiena mill-pittura. Bosta studjużi mhumiex ċerti rigward it-taħriġ ta' Giotto u jqisu li r-rakkont ta' Vasari li Giotto kien student ta' Cimabue bħala leġġenda; dawn jikkwotaw sorsi iktar bikrin li jissuġġerixxu li Giotto ma kienx student ta' Cimabue. Il-ġrajja dwar id-dubbiena wkoll hija suspettuża peress li tixbaħ anedottu ta' Plinju x-Xiħ dwar Zeuxis ipitter l-għeneb b'mod tant reali li l-għasafar ippruvaw inaqqruhom.[9]
Vasari jirrakkonta wkoll li meta Papa Benedittu XI bagħat messaġġier għand Giotto, biex jistaqsih jibgħatlu tpinġija biex juri l-ħiliet tiegħu, Giotto pinġa ċirku aħmar tant perfett li kien qisu mpinġi bl-użu ta' par kumpassi u qal lill-messaġġier jibgħat it-tpinġija lill-Papa. Il-messaġġier telaq skantat, bil-ħsieb li kien qed jiġi rridikolizzat. Il-messaġġier ta tpinġijiet ta' artisti oħra lill-Papa flimkien ma' dik ta' Giotto. Meta l-messaġġier irrakkonta dwar kif Giotto kien għamel iċ-ċirku mingħajr ma ċaqlaq dirgħajh u mingħajr ma uża kumpassi, il-Papa u ta' madwaru baqgħu mistagħġbin kemm il-ħila ta' Giotto kienet bil-bosta ikbar minn tal-kontemporanji kollha tiegħu.
Għall-ħabta tal-1290 Giotto żżewweġ lil Ricevuta di Lapo del Pela (magħrufa bħala "Ciuta"), bint Lapo del Pela ta' Firenze. Iż-żwieġ ipproduċa erbat ibniet u erba' subien; wieħed minnhom, Francesco, sar pittur. Giotto ħadem Ruma fl-1297-1300, iżda ftit traċċi tal-preżenza tiegħu hemmhekk għadhom jeżistu llum. Sal-1301, Giotto kien is-sid ta' dar f'Firenze, u meta ma kienx qed jivvjaġġa, huwa seta' jerġa' lura hemmhekk u jgħix fil-kumdità mal-familja tiegħu. Sal-bidu tas-seklu 14, ingħata diversi kummissjonijiet f'Firenze. L-Arċibażilika ta' San Ġwann Lateran fiha parti żgħira ta' ċiklu ta' affreski, impittra għall-Ġublew tal-1300 imsejjaħ minn Bonifazju VIII. Huwa ddisinja wkoll in-Navicella, mużajk li żejjen il-faċċata tal-Bażilika l-Antika ta' San Pietru. F'dan il-perjodu Giotto pitter ukoll il-Polittiku ta' Badia, li issa jinsab fl-Uffizi, Firenze.
Cimabue mar Assisi biex ipitter diversi affreski kbar fil-Bażilika l-ġdida ta' San Franġisk t'Assisi, u dan huwa possibbli, iżda mhux ċert, li Giotto kien mar miegħu. L-attribuzzjoni taċ-ċiklu ta' affreski tal-Ħajja ta' San Franġisk fil-Knisja ta' Fuq tal-Bażilika ta' Assisi hija waħda mill-iktar attribuzzjonijiet dubitati fl-istorja tal-arti. Id-dokumenti tal-Patrijiet Franġiskani dwar il-kummissjonijiet artistiċi matul dan il-perjodu nqerdu mit-truppi ta' Napuljun, li uża l-Knisja ta' Fuq tal-Bażilika bħala stalla għaż-żwiemel, għaldaqstant l-istudjużi għadhom jiddibattu dwar din l-attribuzzjoni lil Giotto. Fin-nuqqas ta' evidenza li tgħid il-kontra, kien konvenjenti li kull affresk fil-Knisja ta' Fuq mhux magħmul ċertament minn Cimabue jiġi attribwit lil Giotto li kien magħruf iktar, inkluż dawk l-affreski li issa ġew attribwiti lill-Mastru ta' Iżakk. Fis-snin 60 tas-seklu 20, l-esperti tal-arti Millard Meiss u Leonetto Tintori eżaminaw l-affreski kollha ta' Assisi, u sabu li ftit miż-żebgħa kien fiha ċomb abjad — użat ukoll fil-Kurċifissjoni ddeterjorata ferm ta' Cimabue (għall-ħabta tal-1283). L-ebda xogħol magħruf ta' Giotto ma fih din iż-żebgħa. Madankollu, il-pittura f'panew ta' Giotto tal-Pjagi ta' San Franġisk (għall-ħabta tal-1297) tinkludi motiv tal-qaddis iżomm knisja li qed iċċedi, li qabel kien inkluż fl-affreski ta' Assisi.
Għadd kbir tal-pitturi fuq panewijiet attribwiti lil Giotto minn Vasari, fost oħrajn, huma dibattuti b'mod wiesa' daqs l-attribuzzjoni tal-affreski ta' Assisi. Skont Vasari, l-iżjed xogħlijiet bikrin ta' Giotto kienu għad-Dumnikani f'Santa Maria Novella. Dawn jinkludu affresk tat-Tħabbira u Kurċifiss sospiż enormi, għoli madwar 5 metri (16-il pied). Ġie datat għall-ħabta tal-1290 u huwa maħsub li huwa tal-istess żmien tal-affreski ta' Assisi. Xogħlijiet iktar bikrin attribwiti lil Giotto huma l-Madonna bil-Bambin ta' San Giorgio alla Costa, li issa tinsab fil-Mużew Djoċesan ta' Santo Stefano al Ponte, Firenze, u l-panew iffirmat tal-Pjagi ta' San Franġisk li issa jinsab fil-Louvre.
Sors bijografiku bikri, Riccobaldo ta' Ferrara, isemmi li Giotto pitter f'Assisi iżda ma jispeċifikax iċ-Ċiklu ta' San Franġisk: "X'tip ta' arti [Giotto] għamel joħroġ fid-dieher mix-xogħlijiet li wettaq fil-knejjes Franġiskani f'Assisi, f'Rimini, f'Padova...". Minn mindu l-idea tressqet mill-istoriku tal-arti Ġermaniż Friedrich Rintelen fl-1912, bosta studjużi esprimew dubji li Giotto kien l-awtur tal-affreski tal-Knisja ta' Fuq tal-Bażilika ta' Assisi. Mingħajr dokumentazzjoni, l-argumenti dwar l-attribuzzjoni ddependew fuq l-għarfien akkumulat, "xjenza" li magħrufa għal kemm mhix affidabbli, iżda minn eżamijiet u tqabbil tekniki tal-proċessi tat-tpittir f'Assisi u f'Padua li saru fl-2002, instabet evidenza b'saħħitha li Giotto ma pittirx iċ-Ċiklu ta' San Franġisk. Hemm bosta differenzi bejn dak iċ-ċiklu u l-affreski tal-Kappella tal-Arena u għaldaqstant diffiċli li wieħed ikun ċert dwar l-iżvilupp stilistiku ta' artist individwali. Issa huwa ġeneralment aċċettat li fl-affreski ta' San Franġisk ta' Assisi kien hemm erba' pari idejn differenti involuti u li kienu minn Ruma. Jekk dan huwa l-każ, ħafna min-naturaliżmu fl-affreski ta' Giotto f'Padova lil dawn il-pitturi mhux magħrufa.
Il-fama ta' Giotto bħala pittur infirxet. Huwa ġie msejjaħ biex jaħdem f'Padova kif ukoll f'Rimini, fejn għad hemm Kurċifiss biss li ġie mpitter qabel l-1309 u li huwa kkonservat fil-Knisja ta' San Franġisk. Dan influwenza l-istabbiliment sod tal-iskola ta' Rimini ta' Giovanni u Pietro da Rimini. Skont id-dokumenti tal-1301 u tal-1304, Giotto sa dan iż-żmien kien is-sid ta' proprjetajiet kbar f'Firenze, u x'aktarx li kien diġà qed imexxi studjo tax-xogħol kbir u jingħata kummissjonijiet mill-Italja kollha.
Kappella ta' Scrovegni
[immodifika | immodifika s-sors]Għall-ħabta tal-1305, Giotto wettaq l-iżjed xogħol influwenti tiegħu, l-affreski interni tal-Kappella ta' Scrovegni f'Padova li fl-2021 ġiet iddikjarata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO flimkien ma' ċikli ta' affreski oħra tas-seklu 14 f'binjiet differenti madwar iċ-ċentru tal-belt. Enrico degli Scrovegni kkummissjona l-kappella biex tintuża għall-qima mill-familja, għad-dfin tal-familja u bħala sfond għal reċta misterjuża li kienet issir kull sena.
It-tema tat-tiżjin hija s-Salvazzjoni, u hemm enfasi fuq il-Madonna, peress li l-kappella hija ddedikata lit-Tħabbira u lill-Madonna tal-Karità. Kif kien komuni fit-tiżjin tal-knejjes tal-Italja Medjevali, il-ħajt tal-Punent huwa ddominat minn Jum il-Ġudizzju. Fuq kull naħa tal-presbiterju hemm pitturi komplementari tal-Anġlu Gabriel u l-Madonna, li juru t-Tħabbira. Ix-xena hija inkorporata fiċ-ċikli tal-Ħajja tal-Madonna u tal-Ħajja ta' Kristu. L-ispirazzjoni ta' Giotto għaċ-ċiklu tal-Ħajja tal-Madonna x'aktarx li ġiet mil-Leġġenda tad-Deheb ta' Jacobus de Voragine u l-Ħajja ta' Kristu ġiet ispirata mill-Meditazzjonijiet dwar il-Ħajja ta' Kristu kif ukoll mill-Bibbja. Madankollu, l-affreski huma iktar minn sempliċi illustrazzjonijiet ta' testi familjari, u l-istudjużi sabu diversi sorsi għall-interpretazzjonijiet ta' Giotto tal-ġrajjiet sagri.
Vasari, abbażi ta' deskrizzjoni minn Giovanni Boccaccio, ħabib ta' Giotto, jgħid dwaru li "ma kien hemm l-ebda raġel iżjed ikrah minnu fil-belt ta' Firenze" u jindika li uliedu wkoll kellhom dehra sempliċi. Hemm ġrajja li tgħid li Dante żar lil Giotto meta kien qed ipitter il-Kappella ta' Scrovegni, u meta lemaħ lit-tfal tal-artist staqsa kif raġel li pitter tant pitturi sbieħ seta' jkollu tfal b'dehra daqstant sempliċi. Giotto, li skont Vasari dejjem kellu moħħu jilħaqlu, wieġeb, "il-pitturi nagħmilhom binhar, u uliedi nagħmilhom billejl".
Sekwenza
[immodifika | immodifika s-sors]Iċ-ċiklu ta' affreski huwa maqsum f'37 xena, irranġati madwar il-ħitan laterali f'tliet saffi, l-ewwel bir-reġistru ta' fuq bil-ġrajja ta' San Ġwakkin u Sant'Anna, il-ġenituri tal-Madonna, u mbagħad dwar il-ħajja bikrija tagħha. Il-ħajja ta' Ġesù tokkupa żewġ reġistri. Is-saff ta' fuq nett fin-Nofsinhar jittratta l-ħajja tal-ġenituri ta' Marija, is-saff ta' fuq nett tat-Tramuntana jittratta l-ħajja bikrija tagħha u s-saff kollu tan-nofs jittratta l-ħajja bikrija u l-mirakli ta' Ġesù. Is-saff t'isfel fuq iż-żewġ naħat jittratta l-Passjoni ta' Kristu. L-iktar li jidher huwa l-profil ta' Ġesù, u għajnejh iħarsu kontinwament lejn il-lemin, x'aktarx biex jiggwidaw il-viżitaturi x'direzzjoni jridu jħarsu biex ikomplu jsegwu l-episodji. Il-Bewsa ta' Ġuda qrib l-aħħar tas-sekwenza tindika l-għeluq ta' din il-purċissjoni mix-xellug għal-lemin. Taħt ix-xeni narrattivi bil-kulur, Giotto pitter ukoll allegoriji tas-seba' Virtujiet u l-kontropartijiet monokromatiċi tagħhom bil-griż (grisaille). L-affreski bil-grisaille ġew impittra biex jidhru qishom statwi tal-irħam li jippersonifikaw il-Virtujiet u l-Vizzji. L-allegoriji ċentrali tal-Ġustizzja u tal-Inġustizzja jopponu żewġ tipi speċifiċi ta' governanza: il-paċi li twassal għal festa ta' mħabba u t-tirannija li twaasal għal stupru tal-gwerra. Bejn ix-xeni narrattivi hemm pitturi kwadrifolji ta' xeni tat-Testment il-Qadim, bħal Ġona u l-Baliena, li allegorikament jikkorrispondu u x'aktarx ibassru l-ħajja ta' Kristu.
Il-biċċa l-kbira tal-blu fl-affreski tgħarraq biż-żmien. L-ispiża tal-lewn blu ultramarin li ntuża kienet teħtieġ li jiġi mpitter fuq l-affresk diġà niexef (a secco) sabiex jiġi ppreservat fi stat brillanti. Għal din ir-raġuni ddiżintegra iktar malajr mill-kuluri l-oħra, li ġew impittra fuq ġibs imxarrab u saru ħaġa waħda mal-ħajt. Eżempju ta' tmermir jidher ċar fuq il-mantell tal-Madonna, fl-affresk tan-Natività.
Stil
[immodifika | immodifika s-sors]L-istil ta' Giotto kien ibbażat fuq l-iskultura solida u klassika ta' Arnolfo di Cambio. Għad-differenza tal-figuri ta' Cimabue u ta' Duccio, il-figuri ta' Giotto mhumiex stilizzati jew imtawwlin u ma jsegwux il-mudelli Biżantini. Huma solidi, tridimensjonali, għandhom uċuħ u ġesti bbażati fuq osservazzjoni mill-qrib, imlibbsin, mhux imgeżwrin fid-drapp formalizzat, iżda f'ilbies naturali li għandhom sura u piż. Giotto ħa passi azzardati biex il-figuri jħarsu 'l ġewwa, b'darhom lejn l-osservatur, u b'hekk seta' joħloq l-illużjoni tal-ispazju. Il-figuri jokkupaw konfigurazzjonijiet ikkumpressati b'elementi naturalistiċi, spiss bl-użu ta' tekniki sfurzati tal-perspettiva sabiex jixbħu x-xeni teatrali. Din is-similarità tiżdied bl-arranġament bir-reqqa tal-figuri min-naħa ta' Giotto b'tali mod li l-osservatur donnu jkollu post partikolari u saħansitra involviment f'ħafna mix-xeni. Dan jispikka l-iktar fl-arranġament tal-figuri fiż-Żebliħ ta' Kristu u Kristu Mibki fejn l-osservatur jiġi attirat mill-kompożizzjoni biex iżeblaħ fl-ewwel pittura u jibki fit-tieni.
Ir-rappreżentazzjoni tal-wiċċ u tal-emozzjonijiet umani ta' Giotto jiddistakka xogħlu minn dak tal-kontemporanji tiegħu. Meta Ġwakkin b'dieqa kbira jerġa' lura fl-għolja, iż-żewġ rgħajja jħarsu laġenba lejn xulxin. Is-suldat li jaħtaf tarbija minn ommha twerżaq fil-Massakru tal-Innoċenti jagħmel dan b'rasu mdaħħla fi spallejh u b'ħarsa ta' mistħija fuq wiċċu. In-nies fi triqithom lejn l-Eġittu izekzku dwar Marija u Ġużeppi. Dwar ir-realiżmu ta' Giotto, il-kritiku Ingliż tas-seklu 19 John Ruskin jgħid, "Huwa pitter lil Madonna, lil San Ġużepp u lil Kristu, iva, bla dubju... iżda essenzjalment lil mamà, lil papà u lil tarbija".
Ġrajjiet narrattivi famużi fis-serje jinkludu l-Adorazzjoni tas-Slaten Maġi, fejn l-Istilla ta' Betlem tiddi fis-sema qisha kewkba feġġejja. Huwa maħsub li Giotto ġie ispirat mill-kewkba feġġejja ta' Halley fl-1301, u dan wassal biex is-sonda spazjali tal-1986 tissejjaħ Giotto f'ġieħ l-artist.
Xogħlijiet maturi
[immodifika | immodifika s-sors]Giotto ħadem fuq affreski oħra f'Padova, uħud minnhom intilfu issa, bħal dawk li kienu fil-Bażilika ta' Sant'Antnin u l-Palazzo della Ragione. Bosta pitturi mit-Tramuntana tal-Italja ġew influwenzati mix-xogħol ta' Giotto f'Padova, fosthom Guariento, Giusto de' Menabuoi, Jacopo Avanzi u Altichiero.
Mill-1306 sal-1311 Giotto kien f'Assisi, fejn pitter l-affreski fit-transett tal-Knisja t'Isfel tal-Bażilika ta' San Franġisk t'Assisi, inkluż il-Ħajja ta' Kristu, l-Allegoriji Franġiskani u l-Kappella tal-Maddalena, ispirat mill-ġrajjiet mil-Leġġenda tad-Deheb, u pitter ukoll ir-ritratt tal-Isqof Teobaldo Pontano, li kien ikkummissjona x-xogħol. Jissemmew diversi assistenti, fosthom Palerino di Guido. L-istil juri żviluppi mix-xogħol ta' Giotto f'Padova.
Fl-1311, Giotto reġa' lura Firenze. Dokument mill-1313 dwar l-għamara tiegħu hemmhekk juri li kien qatta' perjodu Ruma ftit qabel. Issa huwa maħsub li huwa pproduċa d-disinn għall-mużajk famuż tan-Navicella għall-bitħa tal-Bażilika l-Antika ta' San Pietru fl-1310, ikkummissjonat mill-Kardinal Giacomo jew Jacopo Stefaneschi u li issa ntilef favur il-knisja Rinaxximentali għajr għal xi frammenti u rikostruzzjoni Barokka. Skont in-nekroloġija tal-kardinal, minn tal-inqas huwa ddisinja wkoll it-Trittiku ta' Stefaneschi (għall-ħabta tal-1320), pala mpittra minn żewġ naħat għall-artal tal-Bażilika l-Antika ta' San Pietru, li issa tinsab fil-Pinacoteca tal-Vatikan. Fuq quddiem turi lil San Pietru fuq it-tron bil-qaddisin madwaru, u fuq wara turi lil Kristu fuq it-tron, imdawwar b'xeni tal-martirju ta' San Pietru u ta' San Pawl. Din hija waħda mill-ftit xogħlijiet ta' Giotto li hemm evidenza ċara ta' kummissjoni. Madankollu, l-istil ma tantx jidher li huwa ta' Giotto jew tal-assistenti tas-soltu tiegħu minn Firenze, għaldaqstant jaf kien ordna li d-disinn tiegħu jitwettaq minn studjo tax-xogħol ad hoc ta' pitturi Rumani.
Il-kardinal ikkummissjona wkoll lil Giotto biex iżejjen l-apsida tal-Bażilika ta' San Pietru b'ċiklu ta' affreski li nqerdu matul ir-rinnovazzjoni tas-seklu 16. Skont Vasari, Giotto baqa' Ruma għal sitt snin, u sussegwentement ingħata bosta kummissjonijiet fl-Italja, u fis-sede Papali ta' Avignon, iżda uħud mix-xogħlijiet issa ġew rikonoxxuti li saru minn artisti oħra.
F'Firenze, fejn dokumenti mill-1314 sal-1327 jixhdu għall-attivitajiet finanzjarji tiegħu, Giotto pitter pittura għal fuq l-artal, magħrufa bħala l-Madonna bil-Qaddisin Kollha, li issa tinsab għall-wiri fl-Uffizi, maġenb il-Madonna u t-Trinità Mqaddsa ta' Cimabue u l-Madonna ta' Rucellai ta' Duccio. Il-pittura tal-Madonna bil-Qaddisin Kollha hija l-unika pittura fuq panew ta' Giotto li ġiet aċċettata universalment mill-istudjużi, minkejja l-fatt li ma hemmx dokumentazzjoni. Ġiet impittra għall-Knisja tal-Qaddisin Kollha f'Firenze, li nbniet minn ordni reliġjuża magħrufa bħala l-Humiliati. Din hija pittura kbira (325 x 204 cm), u l-istudjużi ma jaqblux bejniethom dwar jekk saritx għall-artal prinċipali tal-knisja, fejn setgħu jarawha l-iktar il-patrijiet tal-ordni, jew jekk saritx għall-ħajt diviżorju tal-kor, fejn setgħu jarawha iktar faċilment il-fidili.
Għall-ħabta ta' dak iż-żmien huwa pitter ukoll il-Mewt tal-Madonna, li issa tinsab fil-Gemäldegalerie ta' Berlin, u l-Kurċifiss fil-Knisja tal-Qaddisin Kollha.
Kappelli ta' Peruzzi u ta' Bardi fil-Bażilika ta' Santa Croce
[immodifika | immodifika s-sors]Skont Lorenzo Ghiberti, Giotto pitter kappelli għal erba' familji differenti ta' Firenze fil-Knisja ta' Santa Croce, iżda ma jidentifikax liema kappelli. Huwa biss permezz ta' Vasari li l-erba' kappelli jiġu identifikati: il-Kapppella ta' Bardi (il-Ħajja ta' San Franġisk), il-Kappella ta' Peruzzi (il-Ħajja ta' San Ġwann il-Battista u Ġwanni l-Evanġelista, dan tal-aħħar x'aktarx inkluż fil-polittiku tal-Madonna bil-Qaddisin li issa jinsab fil-Mużew tal-Arti ta' Raleigh, North Carolina)m il-Kappella mitlufa ta' Giugni (il-Ġrajjiet tal-Appostli) u l-Kappella ta' Tosinghi Spinelli (il-Ġrajjiet tal-Madonna). Bħal kważi f'kull ħaġa marbuta mal-karriera ta' Giotto, id-dati tat-tiżjin bl-affreski li għadhom jeżistu fil-Knisja ta' Santa Croce huma suġġett ta' dibattitu. Il-Kappella ta' Bardi, eżatt fuq il-lemin tal-kappella prinċipali tal-knisja, ġiet impittra b'affreski reali, u għal xi studjużi, is-sempliċità tal-ambjenti mpittra hija relattivament qrib dawk ta' Padova, iżda l-ambjenti iktar kumplessi tal-Kappella ta' Peruzzi jissuġġerixxu li saru f'data iktar tard.
Il-Kappella ta' Peruzzi tinsab biswit il-Kappella ta' Bardi u b'mod ġenerali ġiet impittra a secco. It-teknika, li kienet iktar veloċi iżda sservi għal inqas żmien minn affresk reali, wasslet biex il-qagħda tax-xogħol hija waħda deterjorata ħafna. L-istudjużi li jiddataw iċ-ċiklu għal qabel il-karriera ta' Giotto jqisu l-interess jiżdied fit-tkabbir arkitettoniku li tirrappreżenta bħala qrib l-iżviluppi tal-affreski ispirati mix-xogħol ta' Giotto fil-Knisja t'Isfel tal-Bażilika ta' Assisi, iżda l-affreski tal-Kappella ta' Bardi għandhom kulur ġdid iktar delikat li jindika li l-artist kien sejjer f'direzzjoni differenti, x'aktarx influwenzat mill-arti ta' Siena, għaldaqstant bilfors li saru wara.
Il-Kappella ta' Peruzzi tiġbor flimkien tliet affreski mill-ħajja ta' San Ġwann il-Battista (It-Tħabbira tat-Twelid ta' Ġwanni lil missieru Żakkarija; It-Twelid u t-Tismija ta' Ġwanni; Il-Festa ta' Erodi) fuq il-ħajt tax-xellug bi tliet xeni mill-ħajja ta' San Ġwann l-Evanġelista (Il-Viżjonijiet ta' Ġwanni fuq Efesu; It-Trobbija ta' Drusiana; It-Tlugħ is-Sema ta' Ġwanni) fuq il-ħajt tal-lemin. L-għażla tax-xeni ġiet marbuta kemm mal-patruni kif ukoll mal-Franġiskani. Minħabba l-kundizzjoni deterjorata tal-affreski, diffiċli li wieħed jiddiskuti dwar l-istil ta' Giotto fil-kappella, iżda l-affreski juru sinjali tal-interess tipiku tiegħu fin-naturaliżmu kkontrollat u l-penetrazzjoni psikoloġika. Il-Kappella ta' Peruzzi kienet rinomata speċjalment matul ir-Rinaxximent. Il-kompożizzjonijiet ta' Giotto influwenzaw l-affreski ta' Masaccio fil-Kappella ta' Brancacci, u huwa magħruf ukoll li Michelangelo studjahom.
Il-Kappella ta' Bardi turi l-ħajja ta' San Franġisk, skont ikonografija simili għall-affreski fil-Knisja ta' Fuq tal-Bażilika ta' Assisi, li saret xi 20 sa 30 sena qabel. Paragun bejniethom juri li Giotto ta iktar attenzjoni għall-espressjoni fil-figuri umani u għall-forom arkitettoniċi iktar sempliċi u integrati aħjar. Giotto jirrappreżnta seba' xeni biss mill-ħajja tal-qaddis, u n-narrattiva hija rranġata b'mod kemxejn mhux tas-soltu. Il-ġrajja tibda man-naħa ta' fuq tal-ħajt tax-xellug b'San Franġisk Jiċħad lil Missieru. Imbagħad tkompli tul il-kappella san-naħa ta' fuq tal-ħajt tal-lemin bl-Approvazzjoni tal-Ordni Franġiskana, tkompli 'l isfel mal-ħajt tal-lemin għall-Prova tan-Nar, tul il-kappella mill-ġdid sal-ħajt tax-xellug għall-Apparizzjoni f'Arles, 'l isfel mal-ħajt tax-xellug għall-Mewt ta' San Franġisk, u tul il-kappella għal darb'oħra għall-Viżjonijiet postumi ta' Fra Agostino u l-Isqof ta' Assisi. Il-Pjagi ta' San Franġisk, li kronoloġikament suppost tinsab bejn l-Apparizzjoni f'Arles u l-Mewt, minflok tinsab 'il barra mill-kappella, fuq l-arkata tad-daħla. L-arranġament iħeġġeġ lill-osservaturi jikkollegaw ix-xeni flimkien: sabiex jiġbru l-affreski f'pari tul l-ispazju tal-kappella jew jikkollegaw l-affreski tlieta tlieta ma' kull ħajt. Il-kollegamenti bejniethom jissuġġerixxu rabtiet simboliċi bejn l-avvenimenti differenti fil-ħajja ta' San Franġisk.
Xogħlijiet ta' wara u mewt
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1328 tlestiet il-pittura prinċipali ta' fuq l-artal tal-Kappella ta' Baroncelli, fil-Knisja ta' Santa Croce, Firenze. Qabel kienet attribwita lil Giotto, iżda issa huwa maħsuba li fil-biċċa l-kbira kienet frott ix-xogħol ta' assisteni tiegħu, inkluż Taddeo Gaddi, li iktar 'il quddiem pitter l-affreski tal-kappella. Is-sena ta' wara, Giotto ġie msejjaħ mir-Re Robert ta' Anjou lejn Napli fejn baqa' ma' grupp ta' studenti sal-1333. Ftit mix-xogħlijiet ta' Giotto f'Napli baqgħu jeżistu: framment ta' affresk ta' Kristu Mibki fil-Knisja ta' Santa Kjara u l-Irġiel Illustri mpittra fuq it-twieqi tal-Kappella ta' Santa Barbara ta' Castel Nuovo, li normalment jiġu attribwiti lill-istudenti tiegħu. Fl-1332, ir-Re Robert għamlu "l-ewwel pittur tal-qorti" tiegħu, b'pensjoni fis-sena. F'dan iż-żmien ukoll, skont Vasari, Giotto kkompona serje dwar il-Bibbja; xeni mill-Ktieb tar-Rivelazzjonijiet kienu bbażati fuq ideat ta' Dante.
Wara Napli, Giotto baqa' għal xi żmien f'Bologna, fejn pitter Polittiku għall-Knisja ta' Santa Marija tal-Anġli, u skont xi sorsi, tiżjin mitluf għall-Kappella fil-Kastell tal-Kardinal Legate. Fl-1334, Giotto nħatar bħala l-arkitett ewlieni tal-Katidral ta' Firenze. Huwa ddisinja t-torri tal-kampnar, magħruf bħala l-Kampnar ta' Giotto, li beda jinbena fit-18 ta' Lulju 1334. Wara l-mewt ta' Giotto tliet snin wara, Andrea Pisano u finalment Francesco Talenti ħadu f'idejhom il-kostruzzjoni tat-torri, li tlesta fl-1359 u mhux kompletament skont id-disinn ta' Giotto. Qabel l-1337, Giotto kien f'Milan ma' Azzone Visconti, iżda ma hemm l-ebda traċċa ta' xogħlijiet tiegħu fil-belt. L-aħħar xogħol magħruf tiegħu sar bl-għajnuna tal-assistenti tiegħu: it-tiżjin tal-Kappella tal-Podestà fil-Bargello, Firenze.
Giotto jissemma fil-kitbiet ta' bosta awturi kontemporanji, inkluż Boccaccio, Dante u Franco Sacchetti. Sacchetti rrakkonta l-inċident x'aktarx fittizju fejn persuna ċivili kkummissjonat lil Giotto biex ipitter tarka bl-arma tiegħu; Giotto minflok pitter tarka "armata sa snienha", kompluta b'xabla, b'lanza, b'sejf u bl-armatura. Huwa qal lir-raġel: "Imraħ ftit fid-dinja, qabel ma titkellem dwar l-armi bħallikieku kont id-Duka tal-Bavarja", u bħala rispons ġie mħarrek. Giotto appella t-taħrika u rebaħ żewġ fjorini. Fil-Kummiedja Divina, Dante rrikonoxxa l-kobor tal-kontemporanju tiegħu bil-kliem ta' pittur fil-Purgatorju (XI, 94-96): "Cimabue kien jemmen li l-qasam tal-pittura kien tiegħu, iżda issa Giotto ħadlu postu, tant li Cimabue ma tantx baqa' jissemma". Giotto miet f'Jannar 1337.
Dfin u legat
[immodifika | immodifika s-sors]Skont Vasari, Giotto ndifen fil-Katidral ta' Firenze, fuq in-naħa tax-xellug tad-daħla u f'post immarkat bi plakka tal-irħam abjad. Skont sorsi oħra, huwa ndifen fil-Knisja ta' Santa Reparata. Ir-rapporti apparentement kontradittorji jistgħu jiġu spjegati mill-fatt li l-fdalijiet ta' Santa Reparata jinsabu eżatt taħt il-Katidral u l-knisja baqgħet tintuża matul il-kostruzzjoni tal-katidral fil-bidu tas-seklu 14.
Matul l-iskavi fis-snin 70 tas-seklu 20, ġie skopert l-għadam taħt il-pavimentar ta' Santa Reparata f'punt qrib il-post mogħti minn Vasari iżda li ma kien immarkat bl-ebda mod. L-eżamijiet forensiċi tal-għadam imwettqa mill-antropologu Francesco Mallegni u tim ta' esperti fis-sena 2000 ħarġu fid-dieher xi evidenza li kienet tidher li tikkonferma li kien l-għadam ta' pittur (b'mod partikolari l-firxa ta' kimiki, inkluż l-arseniku u ċ-ċomb, it-tnejn li huma komuni fiż-żebgħa, li l-għadam kien assorba). L-għadam kien dak ta' raġel qasir ħafna, ftit iktar minn erba' piedi, li jaf kien ibati minn forma ta' naniżmu konġenitu. Dan kien jappoġġa tradizzjoni fil-Knisja ta' Santa Croce li nanu li jidher f'wieħed mill-affreski huwa awtoritratt ta' Giotto. Min-naħa l-oħra, raġel liebes kappell abjad li jidher fl-Aħħar Ġudizzju f'Padova jingħad ukoll li huwa ritratt ta' Giotto. Id-dehra ta' dan ir-raġel ma taqbilx mad-dehra fil-Knisja ta' Santa Croce, anke bħala statura.
Ir-rikostruzzjoni forensika tal-iskeletru ta' Santa Reperata wriet raġel qasir b'ras kbira ħafna, imnieħer kbir mgħawweġ u għajn waħda iktar prominenti mill-oħra. L-għada tal-għonq kien jindika li r-raġel kien iqatta' ħafna żmien b'rasu 'l fuq. Is-snien ta' quddiem kienu mikulin b'mod konsistenti maż-żamma frekwenti ta' pinzell bejn is-snien. Ir-raġel kellu madwar 70 sena meta miet. Filwaqt li r-riċerkaturi Taljani kienu konvinti li l-katavru kien ta' Giotto u li reġa' ndifen bħala ġieħ qrib il-qabar ta' Filippo Brunelleschi, oħrajn kienu ferm xettiċi. Franklin Toker, professur tal-istorja tal-arti fl-Università ta' Pittsburgh, li kien preżenti fl-iskavi oriġinali fl-1970, isostni li x'aktarx dak huwa "l-għada ta' xi biċċier oħxon".
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Wolf, Norbert (2006). Giotto di Bondone, 1267–1337: The Renewal of Painting. Hong Kong: Taschen. p. 92. ISBN 978-3822851609.
- ^ "Giotto | Biography, Paintings, Arena Chapel, Lamentation, & Facts | Britannica". www.britannica.com (bl-Ingliż). 2023-08-11. Miġbur 2023-08-16.
- ^ Hodge, Susie (2016). Art in Detail: 100 Masterpieces. New York: Thames & Hudson. p. 10. ISBN 978-0-500-23954-4.
- ^ Bartlett, Kenneth R. (1992). The Civilization of the Italian Renaissance. Toronto: D.C. Heath and Company. ISBN 0-669-20900-7 (Paperback). p. 37.
- ^ Giorgio Vasari, Lives of the Artists, trans. George Bull, Penguin Classics (1965), pp. 15–36.
- ^ Hartt, Frederick (1989). Art: a history of painting, sculpture, architecture. Harry N. Abrams. pp. 503-506.
- ^ Michael Viktor Schwarz and Pia Theis, "Giotto's Father: Old Stories and New Documents", Burlington Magazine, 141 (1999), 676–677.
- ^ Giottus Pictor. Band 1: Giottos Leben, Vjenna, 2004.
- ^ "Giotto's Fly and the Birth of the Renaissance | The Cultural Me". thecultural.me (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-16.