Aqbeż għall-kontentut

Papat ta' Avignon

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-faċċata tal-Palazz tal-Papiet f'Avignon

Il-Papat ta' Avignon jirreferi għar-residenza tal-Papa f'Avignon (Franza). Din ir-residenza 'l bogħod mir-residenza storika f'Ruma (l-Italja) minn żmien San Pietru, hi maqsuma f'żewġ perjodi konsekuttivi:

  • L-ewwel perjodu, mill-1309 sal-1378, dak tal-papat ta' Avignon proprju, jikkorrispondi għaż-żmien meta l-papa, rikonoxxut bħala l-uniku mexxej tal-Knisja Kattolika Rumana u l-qorti tiegħu kienu installati fil-belt ta' Avignon minflok f'Ruma.
  • It-tieni perjodu, mill-1378 sal-1418, jikkorrispondi max-Xiżma l-Kbira tal-Punent meta żewġ Papiet rivali (u forsi tlieta) riedu jirrenjaw fuq il-Kristjaneżmu, wieħed installat f'Ruma u wieħed f'Avignon.

Il-viżjoni politika tal-imperaturi tal-Imqaddes Imperu Ruman Ġermaniku

[immodifika | immodifika s-sors]
Ottun I u l-Papa Ġwanni XII, minjatura tal-1450

Fis-seklu 9 l-Imperu Karolinġjan sfaxxa. L-awtorità tar-re infexxet fix-xejn, l-iżjed minħabba li l-armata Karolinġjana kienet qiegħda tinħela fuq strateġija offensiva bl-organizzazzjoni ta' kampanji annwali biex jissottomettu lill-ġirien (fil-fatt biex iġegħluhom iħallsu t-tribut). Din il-loġistika tqila ma setgħetx tlaħhaq mal-attakki ta' malajr u bla waqfien mis-Saraċeni, il-Vikingi u l-Maġari, li l-vantaġġ ewlieni tagħhom kien il-mobbiltà[1]. Għalhekk, id-difiża kellha ssir fuq responsabbiltà lokali. Fis-seklu 10 il-kastelli infirxu ma' kullimkien, kultant illelagalment u s-sidien tagħhom kienu jipproteġu u jiggvernaw it-territorji ta' madwarhom[2]. F'dawn iż-żminijiet inċerti ta' invażjonijiet u gwerer privati kontinwi, l-abitanti kienu jinġabru fil-qrib tal-kastell u dan kien jilleġittima l-kastellan u l-bannu sinjorali. Il-kastellan kien jista' jimponi fuqhom taxxi, tributi, xogħol obbligatorju, u bannilitajiet (ħlas għall-użu bil-fors ta' tagħmir manorjali: fran, imtieħen ...) miġburin mis-surġenti tiegħu. Ta' dan, fil-kastell kien ikun hemm l-ikel maħżun għal meta kien ikollhom jiskennu fih fil-każ ta' sakkeġġ[2]. It-tentattivi biex jiġi nponut id-dritt tal-bannu fuq il-marġini tat-territorju kkontrollat u l-konflitti tas-suċċessjoni minħabba l-introduzzjoni reċenti tad-dritt tal-maġġurask spiċċaw regolarment fi gwerer privati[3].

Ottun I tal-Imperu Mqaddes li kien għeleb il-Maġġari fil-Battalja ta' Lechfeld, ħatar xi isqfijiet bħala vassalli u msaħħaħ bil-klijentela qawwija l-ġdida tiegħu seta' jrażżan il-prinċpijiet Ġermaniċi l-oħra. Hekk seta' jerġa' jibni l-imperu li l-qawwa tiegħu ma kellhiex daqsha fil-Punent u seta' jiffronta lill-papa Ġwanni XII bl-importanza tiegħu. Fit-2 ta' Frar, 962, ġie inkurunat f'Ruma mill-Papa Ġwanni XII. Ottun I ried jikkontrolla l-elezzjoni papali, u għal dan l-għan ippromulga l-privilegium Ottonianum fit-13 ta' Frar 962 li bih obbliga lill-papiet ġodda kollha li jiedħu ġurament quddiem l-imperatur jew delegat tiegħu qabel jiġu kkonsagrati[4]. Il-kollaborazzjoni mill-qrib bejn dawn iż-żewġ poteri kienet tifavorixxi l-Imperatur: Filwaqt li ta xi privileġġi lis-Santa Sede, il-Privilegium Ottonianum qiegħed il-papa taħt it-tutela imperjali. Ottun I ma baqax lura li jniżżel minn papa permezz ta' Kunċilju lil Ġwanni XII li kien ilu jbixkel kontrih mid-963. Barra minn hekk insista li r-Rumani jieħdu ġurament li min ikollu x'jaqsam "ma jtellagħx u ma jaħtarx papa mingħajr il-kunsens tas-Sinjur Ottun jew ibnu" [4]. Allura l-imperatur sar jikkontrolla għal kollox l-elezzjoni tal-papa. Il-vantaġġi għalih kienu konsiderevoli. Ladarba seta' jistrieħ fuq il-kollaborazzjoni tal-papa, l-awtorità imperjali fuq il-knejjes lokali tal-Imqaddes Imperu Ruman saret garantita. L-imperatur imbagħad beda juża l-isqfijiet biex imexxulu l-imperu.

Bħal Ottun I, Ottun III wkoll kien jindaħal fl-affarijiet tal-papat. Beda biex jiżgura li jiġi elett kuġinuh Bruno fis-siġġu papali[5]. Ħeles mill-inkwiet bejn il-papa u n-nobbli Rumani. F'dokument li ħareġ f'Jannar tal-1001, ir-relazzjonijiet bejn il-Papa Silvestru II u l-Imperatur ġew definiti mill-ġdid. Ottun III għamilha ċara li d-Donazzjoni ta' Kostantinu kienet falza u rrifjuta li jikkonferma l-Privilegium Ottonianum . L-imperatur ta lill-papa tmien kontej ta' Pentapli, imma dawn kienu b'rigal u mhux bi dritt. L-Imperatur kien iqis lilu nnifsu bħala "lsir tal-appostli", ir-rappreżentant dirett ta' Pietru u responsabbli għall-wirt tiegħu. Hekk qiegħed lilu nifsu fuq l-istess livell bħall-Papa u xtaq jiggverna l-Kristjaneżmu u jippresiedi fuq is-sinodi[6].

Ir-riforma u l-espansjoni tal-Kristjaneżmu

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-moviment tal-paċi ta' Alla u t-tliet ordnijiet fis-soċjetà medjevali

Il-knisja ma żgiċċatx it-tqanqil tas-sekli 9 u 10. Xi karigi ta' superjuri, parrokkjali jew ekleżjastiċi ingħataw 'il-lajċi biex dawn jattiraw il-klijentela, u d-dixxiplina monastika illaxkat, il-livell kulturali tal-qassisin waqa' [7]. Min-naħa l-oħra il-ftit monasteri li żammew imġiba irreprensibbli kisbu awtorità morali kbira.

Meta bdiet toqrob is-sena elf, kien hemm tiġdid kbir fil-ħerqa reliġjuża. Il-fidili bdew jinteressaw ruħhom ħafna fit-tniddif minn dnubiethom. B'mod partikolari il-monasteri serji bdew jirċievu ħafna donazzjonijiet għall-assuluzzjoni wara l-mewt[8]. Iżjed u iżjed nies ta' integrità kbira bdew jintgħażlu bħala abbatijiet u xi wħud minnhom bħal Guliermu ta' Akwitanja wasal biex ta l-awtonomija u l-immunità lill-monasterji li kienu jagħżlu l-abbati tagħhom. Dan sar fil-każ tal-abbatija ta' Cluny. Xi monasterji oħra użaw ċertifikati foloz ta' immunità biex jiksbu l-awtonomija[9].

Minn dawn kollha, Cluny kellha l-akbar żvilupp u influwenza. Taħt it-tmexxija dinamika ta' abbatijiet bħal Odon, Maïeul jew Odilon de Mercœur, l-Abbatija ħolqot monasteri oħra marbutin magħha u malajr saret ordni qawwija ħafna (fid-994, l-ordni ta' Cluny diġà kellha 34 kunvent) )[10]. Waħda mis-saħħiet kbar ta' Cluny kienet li kienet tirrekluta ħafna mill-membri tagħha u partikolarment l-abbatijiet mill-aristokrazija[11].

L-ordni appoġġat attivament il-moviment tal-Paċi ta' Alla, li bl-użu tal-mobilizzazzjoni popolari u l-appoġġ tas-setgħat, daħħal il-moralità fl-imġiba tal-kavallieri spiss responsabbli għall-abbużi fl-impożizzjoni tad-dritt tal-bannu. Fil-waqt li għamlet dan, il-Knisja imponiet mudell ta' soċjetà maqsuma fi tliet ordnijiet [12].

L-awtorità tal-imperatur fuq il-vassalli tiegħu kienet dgħajfa u matul ir-renju ta' Enriku III, Konti ta' Tusculum, kien hemm familja Rumana qawwija li kienet tikkmanda l-belt. Billi kienu imdorrijin itellgħu il-papa, ippruvaw jerġgħu jiedħu l-prerogattivi tagħhom. Waqt li kkritikaw il-moralità baxxa tal-papiet maħtura mill-imperatur, tellgħu papa rivali, u hekk ġegħlu l-imperatur jintervjeni militarment u jsejjaħ kunċilju kbir fl-20 Diċembru ta' 1046 biex itemm is-sitwazzjoni fejn kien hemm żewġ papiet fl-istess ħin [13]. Iżda dan ma kienx kollox: wieħed wara l-ieħor iż-żewġ papiet maħtura mill-imperatur sfaw maqtula (Klement II u Damasu II). Il-kandidat il-ġdid mibgħut mill-imperatur kellu d-delikatezza li jitlob lir-Rumani li jtellgħu lil min jogħġobom. Ġie kkonsagrat bl-isem ta' Ljun IX [13]. Billi kien imrawwem fl-ispirtu tar-riforma monastika, ikkonkluda li l-indinjità tal-papiet ta' qablu kienet ir-raġuni li r-Rumani ċaħduhom u tal-waqa' tagħhom. Ħatar lil Ildebrandu, (il-futur Gregorju VII), sotto-djaknu u nkarigah bl-amministrazzjoni tal-finanzi tas-Santa Sede. L-atti l-aktar importanti tal-papat tiegħu u dawk tas-suċċessuri tiegħu (Vittorju II (1055-1057) Stiefnu IV (1057-1058), Nikola II (1058-1061 ) u Alessandru II (1061-1073) kienu ġejjin minn Ildebrandu, li aġixxa bħala tassew éminence grise[14]. Fil-fatt, Ildebrandu nieda r-riforma Gregorjan ħamsa u għoxrin sena qabel ma sar papa innifsu. Bil-mod ħeles il-Knisja mit-tutela tal-imperatur.

Il-Knisja ħalliet il-qawwa temporali u militari f'idejn in-nobbiltà u saret il-garantur morali tal-ekwilibriju soċjali. Il-kleru ġabar l-għarfien kollu mit-tmiem tal-antikità u sar il-promotur ewlieni tal-edukazzjoni u l-progress xjentifiku u tekniku (l-iżjed fi ħdan l-abbatiji) u hekk sab ruħu bħala l-element ċentrali u indispensabbli tas-soċjetà medjevali. Il-kjeriċi li kienu jafu jaqraw u jgħoddu kienu jmexxu l-istituzzjonijiet, u l-fondijiet reliġjużi kienu jmexxu l-karitajiet[15] u l-iskejjel [16]. Permezz tal-btajjel reliġjużi, in-numru ta' ġranet ta' mistrieħ laħaq 140 fis-sena[17]. Billi fehmu l-iskambji kulturali u billi bbenifikaw mill-aħjar għarfien tekniku, l-abbatiji malajr ħadu l-ikbar sehem fl-istruttura ekonomika li kienet għadha fil-parti l-kbira agrikola. Il-Knisja kienet taf kemm kienet kbira il-qawwa tagħha fl-ekonomija, fil-kultura, fil-pulitka u anki fil-militar (peres li permezz tal-ordnijiet militari setgħet tistrieħ fuq forzi armati permanenti mingħajr ma jkollha tħallashom) matul il-Kruċjati.

Il-qawwa spiritwali u s-setgħa temporali, il-qsim tal-poter

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-ġlieda għall-investituri kienet taqbida ħarxa bejn il-Papa u l-imperatur Ġermaniż. Fid-Dictatus papae, Grgorju VII saħħaq jgħid li l-milja tal-poter, plenitudo potestatis bil-Latin, tappartjeni għall-pontifiċi sovran, imma l-Konkordat ta' Worms tal-1122 daq il-qampiena tal-agunija tat-tmexxija tal-Punent mill-papa u l-imperatur [18]. Barra minn hekk, fit-tieni nofs tas-seklu 13, il-milja tal-poter spiritwali saret "kunċett totalitarju"[19]. Il-Knisja ma setgħetx tittolera poter ieħor ħlief tal-papa u skont it-teorija ta' żewġ xwabel, il-Papa kellu f'idejh kemm ix-xabla spiritwali kif ukoll ix-xabla temporali. Jagħti t-tieni waħda lill-prinċep biex jużaha kif jgħidlu l-papa[19]. B'dan il-mod il-Knisja Kattolika Rumana ippruvat twaqqaf teokrazija pontifiċja waqt li tagħmel lill-papa r-rappreżentant ta' Alla fuq l-art.

L-evoluzzjoni fis-soċjetà, il-bidu tal-importanza tal-Ordni negozjanta

[immodifika | immodifika s-sors]
Ix-xogħol ta' Pierre de Maricourt fuq il-manjetiżmu ppermetta l-iżvilupp tal-boxla: Epistola de magnete (1269)

Mit-tmiem tas-seklu 13, il-bilanċ bejn it-tliet ordnijiet sfratta. Minn naħa waħda, il-borgeżija ħadet f'idejha l-poter ekonomiku li għamilha politikament dejjem aktar meħtieġa (il-prinċpijiet u l-ekkleżjastiċi selfuha l-flus)[20]. Min-naħa l-oħra, għal bżonnijiet tal-kummerċ, u mbagħad biex titla' 'l fuq fis-soċjetà, ħadet parti fil-kultura, ħolqot skejjel lajċi[21] u ffinanzjat il-patrunaġġ tal-kultura[22] kif ukoll għadd ta' xogħlijiet soċjali [23]. Il-parti l-kbira tal-innovazzjonijiet tekniċi bdew isiru mil-lajċi, inġiniera u arkitetti (bħal Villard) [24], nies tas-sengħa (bħal Jacoppo u Giovanni di Dondi, disinjaturi tal-arloġġ bl-iskappament[25])... Il-post speċjali mogħti lill-Knisja fis-soċjetà għar-rwol kulturali u soċjali tagħha setgħa jiġi ġġustifikat inqas u inqas.

Filwaqt li l-kleru kien ta' quddiemnett fil-progress xjentifiku u filosofiku bi studjużi bħal Roger Bacon, Robert Grosseteste, Stone Maricourt, Peter Abelard jew Tumas Akwinu, xi membri beżgħu li jiġu sopraffatti minn żviluppi li jqajmu dubji dwar il-pożizzjoni tagħhom. Il-bidla ġiet fis-7 ta' Marzu 1277, meta l-Isqof ta' Pariġi, Étienne Tempier ikkundanna l-Averroisti (Siger ta' Brabant) u xi teoriji ta' Tumas Akwinu [26]. Il-Knisja saret forza konservattiva li filwaqt li ppermetiet l-iżvilupp ta' ideat mistiċi, ħalliet il-borgeżija tieħdu sehem dejjem jikber fil-progress xjentifiku u filosofiku [27].

Iffaċata bit-telf tal-influwenza spiritwali, ippruvat tirbaħ is-setgħa temporali. Filippu s-Sabiħ[N 1] irriaġixxa b'mod vjolenti jistrieħ partikolarment fuq l-universitarji u l-borgeżija li tahom pożizzjoni politika aktar importanti permezz tal-ħolqien tal-iStati Ġenerali. Is-sekli 14 u 15 huma mmarkati bil-ġlieda bejn żewġ kunċetti tas-soċjetà, li tidher minsuġa fil-Gwerra ta' Mitt Sena, fejn l-ordni fewdali kienet mhedda mid-domanda għar-rikonoxximent politiku tal-bliet.

Il-konfront bejn Filippu s-Sabiħ u l-Papat

[immodifika | immodifika s-sors]
Arnolfo di Cambio, Statwa ta' Bonifaċju VIII, Museo dell'Opera del Duomo (Firenze)


Filippu IV ta' Franza msejjaħ Filippu s-Sabiħ kellu bżonn il-flusi biex iżomm lesti l-armata u l-flotta biex irażżan ix-xewqa għall-awtonomija li kellhom il-bliet għonja Fjammingi. Fl-1295 iddeċieda li jiġbor taxxa fuq il-kleru. Il-Papa Bonifaċju VIII, li kien idaħħal ammonti kbar ta' flus minn Franza, wieġeb bil-bolla tal-1296 Clericis laicos. F'din avża r-rejiet, li l-kleru ma jista' jiġi sottomess għal ebda taxxa mingħajr il-kunsens tas-Santa Sede. L-isqfijiet kellhom jimxu mal-ordnijiet tas-Santa Sede taħt il-piena tal-iskomunika.

Biex ipattiha lura, Filippu s-Sabiħ ipprojbixxa l-ħruġ tal-flus mir-renju ta' Franza u dan kellu l-effett li jiċħad lill-Papa minn parti importanti mid-dħul tiegħu. Ir-relazzjonijiet ma' Ruma marru għall-agħar u, fl-1302, bil-bolla papali Unam Sanctam , Bonifaċju VIII afferma s-superjorità tas-setgħa spiritwali fuq il-poter temporali, u minn din, is-superjorità tal-Papa fuq ir-rejiet li huma responsabbli lejn il-kap tal-Knisja [28]. Dan kien wisq għal Filippu s-Sabiħ, li sejjaħ il-Kunċilju tal-isqfijiet ta' Franza biex jikkundannaw il-Papa, imbagħad l-assemblej tan-nobbli u tal-borgeżija f'Pariġi bl-istess skop. Ir-re talab l-appoġġ tas-suġġetti tiegħu kollha biex jilleġittima l-ġlieda li kien qiegħed imexxi kontra l-papa[29]. Il-papa mbagħad għedded li jiskomunika lil Filippu IV u jifrex l-interdett fuq ir-renju ta' Franza kollu.

Qabar ta' Bonifaċju VIII, fil-grotti tal-Vatikan

Bl-appoġġ tal-poplu u l-kleru, ir-re bagħat il-gwardjan ts-siġilli tiegħu, il-kavalier Guliermu ta' Nogaret ma' skorta armata żgħira lejn l-Italja biex jarresta l-papa u biex iġegħlu jidher quddiem il-kunċilju . Nogaret malajr iltaqa' ma' għadu personali ta' Bonifaċju VIII, Sciarra Colonna, li għarrfu li l-papa kien ħarab lejn Anagni. Fit-8 ta' Settembru, 1303, fl-laqgħa storbjuża, Guliermu de Nogaret għedded bl-aħrax lil-Papa Bonifaċju VIII li miet ftit ġimgħat wara[29].

Is-suċċessur tiegħu Benedittu XI ġie elett fit-22 ta' Ottubru, 1303 f'atmosfera kerha. Dan annulla l-miżuri li kienu jirritaw ir-re qawwi ta' Franza qabel ma miet hu wkoll fis-7 ta' Lulju 1304.

Matul ħdax-il xahar, saru negozjati diffiċli bejn il-parti Franċiża, immexxija mill-familja Rumana ta' Colonna, u l-parti tal-mejjet Bonifaċju VIII, immexxija mill-Caetani. Fl-aħħar iddeċidew li jagħżlu l-papa minn barra s-Sagru Kulleġġ tal-Kardinali u unanimament, jew kważi, intgħażel Bertrand de Got, prelat diplomatiku u ġurista eminenti, li baqa' newtrali fil-glieda bejn ir-re Filippu s-Sabiħ u l-Papa Bonifaċju VIII. Fil-5 ta' Ġunju 1305, il-kardinali miġburin f'konklavi f'Perugia, tellgħu bħala kap tal-Knisja lil Bertrand de Got li għażel l-isem ta' Klement V. Dan kien ir-raba' papa Franċiż u l-ewwel wara l-elezzjoni ta' Jacques Pantaleon (Urbanu IV) fid-29 ta' Awissu 1261. Tela' fuq it-tron ta' San Pietru fl-età ta' erbgħin sena filwaqt li l-knisja kienet għaddejja minn kriżi politika serja.

Il-Papa l-ġdid irrifjuta li jmur Ruma minħabba l-biża' mill-intrigi lokali u mir-riskji ġejjin mill-kunflitt bejn il-Gwelfi u l-Gibellini [30]. Fl-aħhar għażel li jiġi nkurunat f'Lyon, parti mill-Imperu, fl-1 ta' Novembru.

Oriġni ta' Avignon bħala belt papali

[immodifika | immodifika s-sors]

Wara l-elezzjoni tiegħu f'Perugia fl-24 ta' Lulju 1305 u l-kurunazzjoni tiegħu fl-Lyon fil-15 ta' Novembru, il-Papa Klement V għamel dawra twila mar-Renju ta' Franza u l-Gwijenna Ingliża. L-Arċisqof ta' qabel ta' Bordeaux kien laħaq bl-appoġġ tar-Re ta' Franza, li tiegħu kien suġġett u mhux vassall, u bi tpattija għal dan l-appoġġ kien obbligat lejh [31].

Klement V għamel l-almu tiegħu biex jagħmel paċi mal-qawwi Filippu s-Sabiħ, iżda ċaħad it-talba tiegħu li jiftaħ il-proċess kontra Bonifaċju VIII wara mewtu, li seta' jiġġustifika a posteriori l-attakk t'Anagni[30]. Fl-1307, kellu taħdita mar-re Kapetingi fejn ġiet diskussa l-kwistjoni tad-destin tat-Templari. Filippu s-Sabiħ ried jagħlaq din l-ordni għanja u influwenti ta' kavallieri-reliġjużi. Dan sar nhar il-Ġimgħa t-13 ta' Ottubru 1307 mingħajr ma l-Papa seta' jopponieh.

Il-Kunċilju ta' Vienne, li ssejjaħ biex jiġġudika l-Kavallieri Templari, ħtieġ li hu jmur f'dik il-belt. Għalhekk mar fil-Comtat Venaissin[N 2]. Ir-raġuni li għażel il-belt ta' Avignon, il-proprjetà tal-Konti ta' Provenza, kienet il-lokalità tagħha fuq ix-xatt tax-xmara Rhône li tgħaqqadha mat-tramuntana tal-Ewropa[N 3].

Barra minn hekk, l-importanza tal-fieri ta' Champagne sal-aħħar tas-seklu 13 u l-kontinwità tal-fiera ta' Beaucaire għamlu lil Avignon waqfa kummerċjali obbligatorja[N 4]. Il-preżenza papali kienet ħa terġa' tagħtiha importanza li kienet qiegħda titlef u l-kunflitt bejn il-Ingilterra u Franza taha sinifikat politiku li Ruma ma setgħetx ikollha billi kienet 'il bogħod miċ-ċentru vis-à-vis dawn iż-żewġ renji.

Ruma, mill-qedem, ħadet is-setgħa u l-majestà tagħha mill-pożizzjoni ċentrali li għandha fil-Mediterran, imma tard fil-Medjuevu kienet tilfet l-importanza billi ċ-ċentru tal-gravità tad-dinja Nisranija kien mexa. Il-pożizzjoni ta' Avignon kienet ferm aktar favorevoli ġeografikament u politikament [N 5].

Klement V dam ma wasal Avignon sad-9 ta' Marzu 1309 u qagħad fil-kunvent Dumnikan [N 6]. Taħt dan il-pontifikat, Avignon saret, taħt il-ħarsien tar-Re ta' Franza, Filippu s-sabiħ, ir-residenza uffiċjali ta' parti tal-Kulleġġ Imqaddes tal-kardinali, filwaqt li l-Papa kien jippreferi jogħqod Carpentras, Malaucène jew Monteux, bliet fil-Comtat.

Il-papat f'Avignon

[immodifika | immodifika s-sors]
Ritratt ta' Ġwanni XXII

Mal-mewt ta' Klement V, u wara elezzjoni diffiċli, f'Lyon fis-7 ta' Awissu, 1316 ġie elett papa Jacques Dueze. Minħabba l-età avvanzata ta' 72 sena, kien meqjus mill-kardinali bħala papa tranżizzjonali. La kien Taljan u lanqas Gascon u ma kienx kellu ħlief rwol politiku żgħir[32]. Iżda fid-9 ta' Awissu, ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jerġa' jiftaħ l-Audience de la Contredite (appelli kontra l-editti papali) f'Avignon, fl-1 ta' Ottubru li kien imiss [33]. Wera x-xewqa tiegħu li jwaqqaf il-papat fil-belt fejn kien isqof mit-18 ta' Marzu 1310[34]. Il-loġika kienet twassal għall-konklużjoni li Carpentras kellha tkun ir-residenza tranżalpina tal-papat. Imma l-akbar belt tal-Comtat Venaissin kellha r-rieħa tinten tal-kolp mill-Gascons matul il-konklavi li segwa l-mewt ta' Klement V. Barra minn hekk, deher ċar li l-papa li qabel kien isqof ta' Avignon, ipprefera l-belt Episkopali tiegħu li kien jaf sewwa u kellha l-vantaġġ li tinsab f'salib it-toroq ewlenin tad-dinja tal-Punent minħabba x-xmara u l-pont tagħha [35].

Ġie nkurunat fil-5 ta' Settembru u għażel l-isem Ġwanni XXII. Wasal Avignon fuq ix-xmara u ladarba kien hemm, żamm għall-użu tiegħu il-kunvent tad-Dumnikani qabel ma mar jerġa' joqgħod fil-palazz episkopali fejn kien jgħix qabel[N 7].

Benedittu XII

[immodifika | immodifika s-sors]

Ġwanni miet maż-żerniq tal-4 ta' Diċembru, 1334 fl-età ta' 90 sena. Warajh ġie Jacques Fournier, imsejjaħ il-kardinal l-abjad. Dan għażel l-isem ta' Benedittu XII f'unur il-patrun tal-Ordni taċ-Ċisterċensi li hu kien membru tagħha u ġie nkurunat fil-knisja tad-Dumnikani ta' Avignon, fit-8 ta' Jannar 1335, mill-kardinal Napuljun Orsini, li kien diġà nkuruna ż-żewġ papiet ta' qablu [N 8].

L-ewwel ħsieb ta' dan il-papa kien biex jerġa' jġib l-ordni fil-Knisja u jerġa' jieħu s-Santa Sede f'Ruma. Bilkemm kien ġie elett li annulla l-patrunaġġi tal-predeċessur tiegħu u bagħat lura fid-djoċesi tagħhom u l-abbaziji tagħhom il-prelati u l-abbatijiet kollha tal-qorti [36]. Fis-6 ta' Lulju 1335, meta waslu Avignon xi legati minn Ruma, wegħedhom li li jmur lura fuq xatt it-Tevere mingħajr ma speċifika d-data [37]. Iżda r-rewwixta tal-belt ta' Bolonja u l-protesti mill-kardinali ħarbtulu xewqtu u kkonvinċewh li jibqa' fuq xatt ir-Rhône[N 9]. Sadanittant, qatta' erba' xhur fil-palazz mibni f' Pont-de-Sorgue mill-predeċessur tiegħu [N 10].

Madankollu, meta mar joqgħod fil-palazz episkopali li l-predeċessur tiegħu kien ittrasforma għal kollox, il-papa l-ġdid malajr iddeċida li jbiddlu u jkabbru[38]. Fid-9 ta' Frar, 1335, il-papa bagħat ittra lid-Dauphin ta' Vienne jirrakkomandlu patri tal-abbatija ta' Fontfroide, li hu kien qabbad biex jixtrilu biċċa bosk fid-Dauphiné biex jibni fiha palazz ġdid[39].

Waqqa' kollox li l-predeċessur kien bena u fuq il-pjanti tal-arkitett Pierre Obrera [40] bena l-parti tat-tramuntana tal-palazz appostoliku. Ir-Reverenda Kamra Appostolika – il-"Ministeru tal-Finanzi Pontifiċju" - xtrat il-palazz li kien bena Armand de Via biex iservi bħala residenza għall-isqfijiet ta' Avignon [31].

Il-kjostru, iddisinjat mill-arkitett Pierre Peysson

Fir-rebbiegħa tal-1335, bagħat għal Pierre Peysson[N 11], arkitett li kien qabbad f'Mirepoix, biex imexxi x-xogħol tal-palazz tiegħu u nkarigah biex jiddisinja mill-ġdid it-torri tal-Anġli u l-kappella papali tat-tramuntana [41]. Minkejja l-awsterità tiegħu, Benedittu XII, kien bi ħsiebu wkoll fuq il-parir ta' Robert ta' Anjou li jqabbad lil Giotto biex iżejjen il-kappella papali. Billi l-papa miet fl-1336 dan il-proġett ma seħħx. Dan il-bini ġdid ġie kkonsagrat fit-23 ta' Ġunju 1336, mill-kamrier Gaspard (jew Gasbert) de Laval. Ftit qabel ma miet, fil-5 tal-istess xahar, il-Papa kien iġġustifika d-deċiżjoni tiegħu lill-kardinal Pierre des Prés b'dan il-mod:

Ħsiebna u qisna maturament li hu importanti ħafna għall-Knisja Rumana li jkollha fil-belt ta' Avignon, fejn ilu reżidenti l-Qorti Ruman u fejn aħna ngħixu miegħu, palazz speċjali fejn il-Papa jista' jgħix meta u sakemm jidhirlu li hu meħtieġ [42].

Fl-10 ta' Novembru 1337 bdiet il-Gwerra ta' mitt Sena. Fil-Fjandri, l-Ingliżi niżlu fuq il-gżira ta' Cadsan, filwaqt li l-flotta Franċiża kienet f'battalja ma' dik tar-re tal-Ingilterra f'Southampton. Benedittu XII permezz tal-legati tiegħu, irranġa waqfien mill-ġlied li kien aċċettat miż-żewġ naħat. Imma madankollu ma kienx il-kunflitt Franko-Ingliż li wassal lill-Papa biex jibni għalih palazz iffortifikat, iżda kienet il-biża' mill-imperatur Lwiġi tal-Bavarja li kellu minn mindu ġie elett[37]. Ir-relazzjonijiet bejn il-papat u l-Imperu kienu taħt tensjoni kbira billi fit-8 ta' Ottubru 1323, Ġwanni XXII kien iddikjara f'konsistorju sħieħ li l-Bavarjan kien usurpatur u għadu tal-Knisja. Meta kien imsejjaħ biex jiġi Avignon biex jiġġustifika l-appoġġ tiegħu għal Visconti, ma kienx deher u ġie skumnikat fit-23 ta' Marzu 1324. Bi tpattija Lwiġi IV tal-Bavarja mar l-Italja bl-armata tiegħu biex jiġi nkurunat f'Ruma u ġiegħel li jiġi elett antipapa fil-persuna ta' Nikola V li kien iddepona lil Ġwanni XXII u tah l-isem ġdid ta' Jean de Cahors[43]. Minkejja li Benedittu XII kien aktar konċiljatorju, Avignon, li kienet provinċja imperjali, baqgħet mhedda, però kienet ferm aktar żgura minn kull belt fl-Italja [N 12].

Dan il-bini ffortifikat illum hu magħruf bħala l-"palazz l-antik". Fih, tqegħdet il-bibljoteka pontifiċja ġewwa t-torri mat-teżor papali[N 13]. Taħt il-pontifikat tat-tielet papa ta' Avignon, kien fiha erba' taqsimiet: teoloġija, liġi kanonika, liġi ċivili u mediċina[44].

L-arma ta' Klement VI fuq il-bieb tax-Champeaux

Klement VI (Pierre Roger) mar joqgħod fil-palazz mibni għall Benedittu XII. Imma ma raħx tajjeb biżżejjed. Jean du Louvre[N 14], ġie mqabbad jibni palazz ġdid xieraq għalih[N 15]. Beda x-xogħol tiegħu fis-17 ta' Lulju 1342.[45] B'dan ix-xogħol u l-ħolqien tal-faċċata l-ġdida, il-palazz kien ħa d-dehra li kważi naraw illum. Klement VI ma nesiex li jqiegħed l-arma tal-familja Roger fuq id-daħla prinċipali ġdida tax-Champeaux.

Iżda fuq kollox il-Papa qabbad lil ħafna pitturi biex jiksu l-ħitan bl-affreski. Matteo Giovanetti, qassis minn Viterbo, student tal-kbir Martini Simone, li miet Avignon, mexxa grupp ta' pitturi importanti li kienu ġew mill-Ewropa kollha [46].

Fit-13 ta' Ottubru 1344 Matteo Giovanetti beda d-dekorazzjoni tal-kappella ta' San Marzjal, li tagħti fuq il-Grand Tinel. Tlestiet fl-1 ta' Settembru 1345. Mid-9 ta' Jannar sal-24 ta' Settembru 1345, żejjen il-kappella ta' San Mikiel. F'Novembru 1345, beda l-affreski tal-Grand Tinel [N 16] li spiċċa f'April 1346 [47]. Imbagħad fl-1347 mit-12 ta' Lulju sas-26 ta' Ottubru, ħadem fuq is-sala tal-Konsistorju u wara fuq il-kappella ta' San Ġwann[48].

Fid-9 ta' Ġunju 1348, Klement VI xtara Avignon mir-reġina Ġwanna Ire ta' Napli bis-somma ta' 80,000 fjorin u l-belt saret indipendenti minn Provenza u proprjetà papali bħall-Comtat Venaissin.

Rappreżentazzjoni ta' Avignon u tal-"palazz fortizza" mill-bidu tas-seklu XV
Ħanut tal-mastru ta' Boucicaut, ms. 23279, fo. 81, Bibliothèque nationale, Pariġi

Meta Klement VI miet fl-1352, il-fondi finanzjarji tas-Sede Appostolika kienu l-iżjed fil-baxx.[49].

Fl-1355, Innoċent VI ġiegħel li jinbnew swar ġodda sabiex idawru wkoll is-subborgi ġodda u jżommu 'l barra l-kumpanniji ta' ventura. Dawn il-qattiet ta' merċenarji ma attakawx il-belt wara li kienu ngħataw kumpens finanzjarju sewwa. Is-swar ma kinux għoljin ħafna u kien hemm mument meta kien hemm xi ħsieb li jintħattu. Fil-bidu kellhom 7 bibien li kienu jissakkru bil-lejl u tnaqqsu għal 4 lejn is-seklu XVI. Issa fihom 29 daħla u huma 4330m twal. Fis-seklu XIX, l-arkitett Eugène Viollet-le-Duc iddisinja mill-ġdid l-kumpless sħiħ. Dawn is-swar baxxi biċ-ċombaturi li huma priżervati perfettament iħaddnu l-qalba amministrattiva u kulturali tal-belt.

Fis-6 ta' Novembru 1362, fil-kappella tal-palazz l-antik, Guillaume Grimoard ġie nkurunat papa minn Étienne-Audouin Aubert, kardinal ta' Ostia u n-neputi tal-papa li miet [50]. Ħa l-isem ta' Urbanu V, u meta wasal fil-palazz tiegħu stqarr:

Imma jien ma tgħoġobnix biċċa ta' ġnien biex nara jikbru xi frott, niekol l-insalata u niġbor żewġ għenbiet [51]

Għal din ir-raġuni matul il-pontifikat tiegħu wettaq xogħlijiet li qamu ħafna flus fit-tkabbir tal-ġonna [52]. Il-parti li tmiss mal-palazz papali fuq il-faċċata tal-Lvant għadha tissejjaħ "Verger d'Urbain V" (Ġnien tal-frott ta' Urbanu V).[N 17]

Minbarra l-ġonna, Urbanu V qabbad l-arkitett Bertrand Nogayrol jibnilu r-Roma, gallerija twila fuq livell wieħed imdawra mat-torri tal-Anġli. Din tlestiet fl-1363, u din id-data timmarka t-tmiem tax-xogħol arkitettoniku fil-palazz il-ġdid [53].

Il-Papa qabbad lil Matteo Giovanetti biex iżejjen ir-"Roma". Il-pitturi tiegħu fuq it-tila tal-ħajja ta' San Benedittu bdihom fil-31 ta' Diċembru 1365 u lestihom f'April tal-1367 [54]. Din il-gallerija ma għadhiex teżisti għaliex twaqqet mill-militar fl-1837.[55]

Gregorju ma għamel l-ebda bini fil-palazz. Hu ħa l-papat lura lejn Ruma fejn miet fl-1378. Meta Girgor XI ħa s-sede tal-papat lejn Ruma fl-1377, il-belt ta' Avignon kienet amministrata minn legat papali.

Ix-Xiżma l-Kbira tal-Punent

[immodifika | immodifika s-sors]
Feliċ VAntipapiet immaġinarjiBenedittu XIV (antipapa)Benedittu XIV (antipapa)Klement VIII (antipapa)Klement VIII (antipapa)Benedittu XIII (antipape)Benedittu XIII (antipapa)Nikola VEwġenju IVMartin VBenedittu XIII (antipapa)Klement VII (antipapa)Ġwanni XXIII (antipapa)Ġwanni XXIII (antipapa)Alessandru V (antipapa)Alessandru V (antipapa)Gregorju XIIInnoċent VIIInnoċent VIIBonifaċju IXUrbanu VIGregorju XI

Il-konklavi l-ewwel tella' fuq it-tron papali lil Urbanu VI. Iżda l-elezzjoni kienet saret taħt theddid mir-Rumani u billi l-papa l-ġdid kellu karattru koleruż wisq, il-Kardinal reġa' bdielhom u reġgħu iltaqgħu fil-belt ta' Fondi, neħħewh u tellgħu minnfloku l-kardinal Franċiż Robert de Genève li ħa l-isem ta' Klement VII. Kellu l-appoġġ ta' ħafna stati, fosthom Franza, u mar joqgħod Avignon mal-qorti tiegħu waqt li Urbanu VI baqa' Ruma. Hekk bdiet ix-Xiżma l-Kbira.

Benedittu XIII

[immodifika | immodifika s-sors]

Is-suċċessur ta' Klement VII kien l-Aragoniż Benedittu XIII (illum it-tnejn huma meqjusa bħala Antipapiet mill-Knisja Kattolika). Dan ġie elett fit-28 ta' Settembru 1394 u wiegħed li jirriżenja jekk kien meħtieġ sabiex tintemm ix-xiżma l-kbira. Il-fatt li baqa' ma żammx kelmtu, fit-28 ta' Lulju 1398, swielu l-ewwel diżubbidjenza min-naħa ta' Franza u l-alleati tagħha. Il-papa allura ssakkar fil-palazz tiegħu fejn ġie assedjat minn Geoffroy le Meingre imsejjaħ Boucicaut f'Settembru [56]

Fl-1409 il-kunċilju ta' Pisa ma renexxielux isolvi tax-xiżma. Ħatar papa ieħor, it-tielet wieħed (imsejjaħ il-Papa ta' Pisa minkejja li ma kienx joqgħod Pisa), fil-persuna ta' Alessaandru V li malajr sar minfloku Ġwanni XXIII. Madankollu, il-papa ta' Pisa kellu l-appoġġ ta' ħafna stati li qabel kienu leali lejn iż-żewg papiet l-oħra.

Il-Papa Benedittu XIII minħabba li kien assedjat f'Avignon kellu jmur fl-eżilju fl-Aragona, l-aħħar pajjiż li baqa jappoġġah, u baqa' hemm sa mewtu. Is-suċċessuri tiegħu ukoll kienu joqgħodu hemm imma dawn ftit ftit intnesew. Iżda l-tluq ta' Benedittu XIII jimmarka t-tmiem definittiv tal-papat ta' Avignon.

L-assedji ta' Avignon u l-palazz papali

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-kardinali ta' Saint-Martial u ta' Neufchâtel jinkurunaw lil Benedittu XIII
Chroniques de Froissart,
FR 2646, f° 190 v. Bibliothèque nationale
Kanuni medjevali murijin fil-pjazza tal-palazz papali

Fl-ewwel assedju, in-nies ta' Boucicault u ta' Raymond de Turenne, in-neputi ta' Gregorju XI daħlu mill-kċina tal-Grand Tinel. Martin Alpartils [57], kittieb Katalan kontemporanju rrakkonta l-attakk tagħhom. Wara li rnexxielhom jidħlu minn taħt is-swar tal-palazz u jaqsmu l-foss u d-drenaġġ tal-kċejjen, telgħu sellum li wassalhom għall-kċina ta' fuq. Malli ndunaw it-truppi fidili lejn Benedittu XIII, inbuttawhom lura u tefgħulhom il-ġebel maqluh mill-fuklar u qatet ta' ħatab jaqbdu bin-nar[58].

Dan ir-rakkont huwa kkorroborat mill-messaġġier Avignoniż ta' Francesco di Marco Datini, in-negozjant kbir ta' Prato li kiteb:

Il-bieraħ, il-25 ta' Ottubru, fil-għaxija konna qegħdin nieklu, meta daħal kavallier Spanjol biex jarma ruħu fil-ħanut: daħħalna 200 fjorini minn fuqu.

Meta saqsewh, ix-xerrej stqarr li hu u n-nies tiegħu kienu sejrin jidħlu fil-palazz mid-dranaġġ.

Ftit wara nofs il-lejl, xi 50 jew 60 mill-aħjar li kienu hemm, daħlu f'dan il-palazz. Imma meta dawn in-nies kollha kienu ġewwa, sellum, ngħidu aħna, waqa' lura u l-ħaġa inkixfet mingħajr ma setgħu imorru lura. Ir-riżultat kien li n-nies tagħna kollha ttieħdu priġunieri, il-parti l-kbira feruti, u wieħed minnhom miet.

Il-messaġġier il-falliment tal-kolp attribwieh għall-eċċitament u l-għaġla tan-nies li għamluh:

Huma kienu tant ħerqana biex jidħlu fil-palazz, u Alla jaf kemm kienet kaċċa tajba! Ħasbu li kien hemm aktar minn miljun biċċa tad-deheb! Għal erba' snin ta' qabel il-papa kien il-ħin kollu jġemma d-deheb. Kieku kollha kienu jsiru għonja, u issa huma priġunieri, li jinkwieta ħafna l-belt ta' Avignon [59].

Wara tliet xhur ta' ġlied qawwi, l-imblokk tal-palazz ġie żgurat u minn April tal-1399, il-ħruġijiet biss bdew jiġu mgħassa sabiex Benedittu XIII ma jkunx jista' jaħrab. Il-korrispondenza mibgħuta Prato kompliet tiddeskrivi l-ħajja ta' kuljum kif rawha l-Avignoniżi. Ittra bid-data tal-31 ta' Mejju 1401, għarfet lin-negozjant minn Avignon bil-ħruq tal-kamra fejn kien jorqod:

Fl-aħħar tax-xahar li għadda, il-lejl qabel l-ewwel tax-xahar, inħarqu erba' djar quddiem id-dar tiegħek, eżatt quddiem il-kamra ta' fuq fejn kont imdorri torqod, u mbagħad ir-riħ tajjar in-nar lejn il-kamra tiegħek u qabdet, inħarqu s-sodda, il-purtieri, xi merkanzija, kotba u affarijiet oħra, billi n-nar kien qawwi u ġie waqt li kulħadd kien rieqed, għaddiet xi siegħa qabel stgħajna noħorġu 'l barra dak li kien fil-kamra tiegħek bil-ħsieb li nsalvaw xi oġġetti ta' valur akbar.

Dik tat-13 ta' Novembru informat lin-negozjant bil-bumbardament tad-dar tiegħu:

Tal-palazz (il-papa) jispara l-balal, hawnhekk fil-Borza u fit-triq tal-bejgħ tal-ikel [N 18]. Tefa' ġebla ta' 25 libbra fuq is-saqaf tiegħek li kissret biċċa minnu u niżlet quddiem il-bieb mingħajr ma weġġgħet 'l ħadd għall-grazzja t' Alla [60].

Fl-aħħarnett fil-11 ta' Marzu 1403, minkejja l-għassa fuqu, il-papa rnexxielu jħalli l-palazz u l-belt fejn kien joqgħod, wara assedju iebes ta' ħames snin [61].

Wara l-papiet

[immodifika | immodifika s-sors]

Benedittu XIII qatt ma mar lura Avignon, imma ħalla hemm lil neputijietu, Antonio de Luna bil-kariga ta' rettur ta' Comtat Venaissin, u Rodrigo. Dan tal-aħhar u l-Katalani ta' miegħu marru joqgħodu fil-palazz papali. Nhar it-Tlieta 27 ta' Jannar 1405 fil-ħin tal-Għasar, il-kampnar piramidali ta' Notre Dame des Doms iġġarraf u huwa u niżel waqqa' l-baptisterju antik ddedikat lil San Ġwann. Il-Katalani ġew akkużati b'din l-azzjoni u huma ħadu l-opportunità minnha biex iwaqqfu pjattaforma fuq il-bini mwaqqa' biex jinstallaw l-artillerija tagħhom[62].

Wara li kellu jħabbat wiċċu mad-depożizzjoni ta' zijuh mill-Kunċilju ta' Pisa fl-1409, u mad-defezzjoni tal-Avignoniżi u l-Comtadins, is-sena ta' wara, Rodrigo de Luna, li kien sar rettur minflok ħuh, irraggruppa mill-ġdid il-forzi tiegħu fil-Palazz papali. Għas-sigurtà tiegħu, kompla jsaħaħ ir-rocher des Doms u biex ikun jista' jara ġejjin l-attakkanti li jistgħu jinqalgħu, spiċċa biex waqqa' d-djar kollha ta' quddiem il-palazz, u b'hekk witta l-pjazza kbira li naraw illum[63]. It-tieni assedju sar quddiem il-palazz u ssejjaħ fil-kronaki kontemporanji "il-gwerra tal-Katalani". Dam sbatax-il xahar u fl-aħħar, fit-2 ta' Novembr 1411, il-Katalani ta' Rodrigo de Luna, li kienu mejtin bil-ġuħ u qatgħu qalbhom li jiksbu l-għajnuna, aċċettaw li jċedu għall-Kamrier Francis Conzie [64].

Bertrand Boysset minn Arles fid-djarju tiegħu kiteb dwar dan, li fl-1403, mix-xahar ta' Diċembru, ġew imġarrfa d-djar kollha li kienu jinsabu bejn il-palazz il-kbir u l-palazz iż-żgħir biex id-difiża issir iżjed faċli:

Fis-sena MCCCCIII, fix-xhur ta' Diċembru, Jannar u sa Mejju, twaqqgħu id-djar li kienu bejn il-palazz il-kbir u ż-żgħir, sal-pont tar-Rhone, u wara bdew jibnu ħitan kbar fuq ir-Roque de Notre Dame des Doms li permezz tagħhom ġew konnessi l-palazz il-kbir mal-palazz iż-żgħir u t-torri tal-pont, hekk li l-Papa Benezey u l-oħrajn ta' warajh setgħu jidħlu u joħorġu mill-palazz [65].

Sadanittant, f'Pisa, il-kunċilju kien għażel papa ġdid Alessandru V. Filwaqt li l-għan tal-kunċilju kien li jtemm ix-xiżma, il-Kristjaneżmu safa bi tliet papiet minflok bi tnejn. Il-papa rikonoxxut mill-Qorti ta' Franza, bagħat lill-Kardinal Pierre de Thury biex jigverna Avignon u l-Comtat. Kellu t-titlu ta' legat u vigarju ġenerali mill-1409 sal-1410[66].

Imma fil-5 u fis-6 ta' Diċembru 409, fuq l-ordni ta' Rodrigo de Luna, (il-legat ma kienx neħħielu l-kariga ta' rettur ta' Comtat), sejjaħ l-iStati biex jiltaqgħù f'Pont-de-Sorgue. Il-Katalani biex jieqfu lill-għedewwa ta' Benedittu XIII kellhom bżonn it-truppi u l-flus u d-delegati mit-tliet ordnijiet awtorizzaw il-ġbir tat-taxxi għalihom [67]. Meta miet Alessandru V, filwaqt li Benedittu XIII kien refuġjat f'Peñíscola u Gregorju XII kienet issaltan f'Ruma, il-Kardinal Baldassare Cossa ġie elett mill-Kunċilju ta' Pisa u ħa l-isem ta' Ġwanni XXIII. Għal darb'oħra kien hemm tliet papiet u kien hu li ntagħażel minn Avignon bħala Papa.

Biblijografija

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Joseph Girard, Avignon. Histoire et Monuments, Dominique Seguin, Avignon, 1924.
  • Joseph Girard, Évocation du vieil Avignon, de Minuit, Pariġi, 2000, ISBN 2-7073-1353-X
  • Yves Renouard, La Papauté à Avignon, sensiela "Que sais-je ?" nru 630, Presses universitaires de France, Pariġi, 1969.
  • Jacques Le Goff, Marchands et banquiers du Moyen Âge , sensiela "Que sais-je ?" nru 699, Presses universitaires de France, Pariġi, 2001, ISBN : 978-2-13-051479-4
  • Bernard Guillemain, Les Papes d'Avignon (1309-1376), du Cerf, Pariġi, 2000, ISBN 2-204-05895-5
  • Jean Favier, Les Papes d’Avignon, Fayard, Pariġi, 2006, ISBN 2-213-62524-7
  • Dominique Vingtain, Avignon, le palais des papes, Zodiaque, La Pierre-qui-Vire, 1998, ISBN 2-7369-0240-8
  • Félix Buffière, Ce tant rude, Gévaudan, Société des Lettres, Sciences et Arts de la Lozère, Mende, 1985
  • Enrico Castelnuovo, Un pittore italiano alla corte di Avignone. Matteo Giovannetti e la pittura in Provenza nel secolo XIV. Einaudi, Torino, 1962, edizzjoni ġdida 1991, verżjoni Franċiża, Un peintre italien à la cour d'Avignon, Matteo Giovanetti et la peinture en Provence au XIVe siècle, G. Monfort, Pariġi, 1996, ISBN 2-85226-037-9
  • Léon-Honoré Labande, Le Palais des papes d’Avignon et les monuments historiques d’Avignon au XIVe siècle, vol. I u II, Detaille, Aix-Marseille, 1925.
  • Jean Gimpel, La révolution industrielle du Moyen Âge, Éditions seuil, Pariġi, 1975
  • Le Palais des Papes, Avignon - guide de visite, Edituri Gaud u RMG Palais des Papes, 3et edizzjoni, 2004, ISBN 2-84080-063-2
  1. Philippe le Bel
  2. Il-Comtat Venaissin kienet ġabra ta' kastelli, bliet żgħar u fewdi, proprjetà qadima tal-Konti ta' Toulouse li ngħatat lill-Knisja fl-1229. Iżda l-papat dam ma ħa l-pussess tagħha sal-1274. Bernard Guillemain, Les Papes d'Avignon (1309-1376), p. 15.
  3. Fl-Ewropa tal-Punent, il-wied tar-Rhône huwa l-uniku passaġġ naturali li jgħaqqad it-Tramuntana man-Nofsinhar. Yves Renouard, La Papauté à Avignon, p. 23
  4. Matul is-snin 1312-1320, l-importanza tal-fieri internazzjonali ta' Champagne naqset minħabba d-digriet ta' Soranzo Giovanni Doge, li qered it-traffiku tal-iġfna Venezjana fil-"Baħar tal-iljun". Tilfu d-drawwa li kellhom li jżuru l-Port Qadim ta' Marsilja u jaħżnu l-merkanzija hemm li mbagħad kienet titla' mal-wied tar-Rhône lejn Champagne. J. C. Hocquet, Voiliers et commerces en Méditerranée (1260-1650), Éditions Université Lille-III, 1979
  5. Yves Renouard, La Papauté à Avignon, p. 23, jispjega li waqt Ruma kienet 550 km 'l bogħod minn Otranto, kienet 1100 km minn Krakovja, 2000 km minn Stokkolma u Edinburgu, u 1800 km minn Liżbona. Min-naħħa l-oħra Avignon tifforma stilla aktar regolari b'Otranto 1200 km 'l bogħod, Stokkolma 2000 km, Liżbona 1275 km, Krakovja 1325 km u unità Edinburgu 1450 km
  6. Bernard Guillemain, Les Papes d'Avignon (1309-1376), p. 16. jgħid li Klement V għażel li joqgħod fil-kunvent Dumnikan ta' Avignon pjuttost milli fill-katedri veskovili ta' Comtat bħal Vaison jew Cavaillon, jew Pernes ir-residenza tar-rettur ta' Comtat jew f'Carpentras li kienet il-belt prinċipali.
  7. Jacques Duèze, Kardinal ta' Porto, induna bih Louis d'Anjou, Isqof ta' Toulouse, u hekk kellu l-favuri tal-kontijiet ta' Provenza. Fl-1308, ħa l-katedra episkopali ta' Fréjus u sar Kanċillier tar-renju ta' Napli. Kement V ħatru isqof ta' Avignon sentejn wara.
  8. F'din l-okkażjoni, kull kardinali rċieva 100,000 fjorin u 50,000 fjorin intbagħtu Ruma għar-restawr tal-Bażilika ta' San Pietru
  9. Dominique Vingtain, Avignon, le palais des papes, p. 89-90 juri li d-deċiżjoni biex jibqa' hemm ittieħdet f'Lilju tal-1337.
  10. Fil-5 ta' Settembru tal-1335, wasal f'Avignon l-iljun li Benedittu XII kien ordna minn Sqallija biex iħares il-palazz tiegħu ta' Sorgue. Din ir-residenza pontifiċja nqerdet u nħarqet fl-aqwa tal-gwerra reliġjuża minn François de Beaumont, baruni ta' Adrets fid-29 ta' Awwissu 1562}}.
  11. Pierre Poisson issemma għall-ewwel darba fil-5 ta' Mejju, 1335 fil-kontijiet papali.Dominique Vingtain, Avignon, le palais des papes, p. 94.
  12. Matul iż-żmien tal-bini tal-palazz iffortifikat, Benedittu XII kien taħt il-protezzjoni ta' Filippu de Sanguinet, siniskalk ta' Provenza maħtur minn Robertu ta' Anjou, re ta' Napli.
  13. Dan it-torri famuż li ppjana Pierre Poisson kellu bosta ismijiet differenti matul is-sekli. Kien għall-ewwel imsejjaħ magna turris, turris thesaurarie, turris papali, turris grossa u fl-aħħar torri tal-anġli fis-seklu XVI. Dominique Vingtain, Avignon, le palais des papes, p. 101.
  14. Kien minn Louvre-en-Parisis, ħdejn Luzarches. Ismu fil-kontijiet pontifiċji miktub "Johannnes de Luperiis" li ġie tradott għall-Provenzal bħala "Loubières". Dominique Vingtain, Avignon, le palais des papes, p. 188-189.
  15. Il-palazz qadim ta' Benedittu XII kien fih ħames torrijiet. Kellu wkoll kappella pontifiċja, kjostru, xi appartamenti pontifiċji u ġwejnaħ ta' appartamenti fejn kienu joqgħodu d-dinjitarji l-kbar tal-Qorti papali (il-Kamrier u t-Teżorier). L-arkitett Jean de Loubières integrah mal-palazz il-ġdida.
  16. Sfortunatament dawn ġew meqruda bin-nar tal-1413
  17. É. Baluze, Prima Vita Urbani V, f'Vitae paparum Avenionensium, sive collectio actorum veterum, Vol. I, Pariġi, 1693, jitħaddet fuq is-suġgett tal-ġnien ta' Urbain V bħala viridarium miræ pulchritudinis.
  18. La rue de l’Épicerie (Carriera Speciarie) illum hi msejħa Triq il-Merkanti.
  1. Jean Renaud, Les Vikings en France (Il-Vikingi fi Franza), Clio.fr
  2. 1 2 Georges Duby, Les Féodaux (Il-Fewdali) (980-1075) meħud minn Histoire de la France (L-Istorja ta' Franza), Larousse 2007, p.264-266
  3. Georges Duby, Les Féodaux (Il-Fewdali) (980-1075) meħud minn Histoire de la France (L-Istorja ta' Franza), Larousse 2007, p.272
  4. 1 2 Ottun I il-Kbir (912-973). Re tal-Ġermanja (936-973) u imperatur (962-973)
  5. Joseph Rovan, Histoire de l’Allemagne des origines à nos jours (Storja tal-Ġermaniżi mill-bidu sa żmienna), 3et ed. rivista u mkabbra, Éditions du Seuil, Sensiela "Points Histoire" nru 254, Pariġi, 1999 (1el ed. 1994) ISBN 2-02-18296-3, p. 100
  6. "Ottun III (980-1002) Re tal-Ġermanja (983) u Imperatur (996-1,002)". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-07-20. Miġbur 2010-11-27.
  7. Georges Duby, Les Féodaux (Il-Fewdali) (980-1075) meħud minn Histoire de la France (L-Istorja ta' Franza), Larousse 2007, p.277
  8. Georges Duby, Les Féodaux (Il-Fewdali) (980-1075) meħud minn Histoire de la France (L-Istorja ta' Franza), Larousse 2007, p.276
  9. Christian Lauranzon-Rosaz, La Paix des Montagnes: origines auvergnates de la Paix de Dieu (Il-Paċi tal-Muntanji: Oriġni Alvernjana tal-Paċi ta' Alla), p.19
  10. Michel Balard, Jean-Philippe Genet u Michel Rouche, Le Moyen Âge en Occident, (Il-Medjuevu fil-Punent), Hachette, 2003, p. 104-105
  11. Jacques Paviot, Le moine est maître chez lui (Il-patri jikkmanda f'daru) Historia Thématique N°90: La France féodale p.43
  12. Christian Lauranzon-Rosaz, "Paċi ta 'Alla" Sit tal-Università tal-Liġi u tax-Xjenza Politika ta' Clermont-Ferrand u Stephane Pouyllau, La Paix et la Trêve de Dieu. (Il-Paċi u t-Tregwa ta' Alla),
  13. 1 2 Prosper Alfaric, Un pape alsacien : Léon IX d'Eguisheim, Annuaire de la Société Historique, Littéraire et Scientifique du Club Vosgien, volume I (1-2), Strasbourg Imprimerie Alsacienne 1933, Encyclopédie universelle
  14. MM. Berthelot, Hartwig Derenbourg et F.-Camille Dreyfus, Le pape Grégoire VII (Il-Papa Gregorju VII), La Grande encyclopédie: inventaire raisonné des sciences, des lettres et des arts par une société de savants et de gens de lettres (L-Enċiklopedija l-Kbira: inventarju rraġunat tax-xjenzi, litteratura u arti minn għaqda ta' għorrief u nies tal-letteratura), Pariġi, Société anonyme de La Grande encyclopédie, 1885-1902, Encyclopédie universelle
  15. Marie-Thérèse Lorcin, Des Restos du cœur avant la lettre Historia Thématique nru 65: Un Moyen Âge inattendu p. 48-51
  16. Colette Beaune, Petite école, grand ascenseur social, Historia Thématique nru65 : Un Moyen Age inattendu p. 42-47
  17. Jean-Michel Mehl, Près de cent quarante jours chômés par an (Qrib mija u erbgħin jum mistrieħ fis-sena), Historia Thématique nru 65: Un Moyen Age inattendu p. 58-64
  18. Jean Chélini, Histoire religieuse de l’Occident médiéval (L-istorja reliġjuża tal-Punent medjevali), Hachette, 1991, p. 291
  19. 1 2 Histoire du droit
  20. Jacques Le Goff, Marchands et banquiers du Moyen Âge p.60-62
  21. Jacques Le Goff, Marchands et banquiers du Moyen Âge, p.97-98
  22. Jacques Le Goff, Marchands et banquiers du Moyen Âge, p.104-108
  23. Marie-Thérèse Lorcin, Des Restos du cœur avant la lettre», Historia Thématique nru 65 : Un Moyen Age inattendu p. 48-51
  24. Jean Gimpel, La révolution industrielle du Moyen Âge, p. 113-140
  25. Jean Gimpel, La révolution industrielle du Moyen Âge p. 149-157
  26. Jean Gimpel, La révolution industrielle du Moyen Âge, p. 188-190
  27. Jean Gimpel, La révolution industrielle du Moyen Âge, p. 188-190
  28. John Wyclif's Political Philosophy, (Il-Filosofija Politika ta' John Wyclif) Stanford Encyclopedia of Philosophy
  29. 1 2 Laurent Theis, Histoire du Moyen Âge français (L-storja tal-medjuevu Franċiż), Perrin 1992, p. 240-241
  30. 1 2 Michel Balard, Jean-Philippe Genet et Michel Rouche, Le Moyen Âge en Occident (Il-Medjuevu fil-Punent), Hachette 2003, paġna 285
  31. 1 2 Dictionnaire raisonné de l'architecture française du siècle XI au siècle XVI, Eugène-Emmanuel Viollet-le-Duc, ippublikat minn Banc, 1864, paġna 26
  32. Jean Favier, Les Papes d'Avignon, p.122.
  33. Dominique Vingtain, Avignon, le palais des papes, p. 45.
  34. Jean Favier, Les Papes d’Avignon, p.121.
  35. Yves Renouard, La Papauté à Avignon, p. 15.
  36. Cours d'histoire des états européens : depuis le bouleversement de l'empire romain d'Occident jusqu'en 1789, ta' Frédéric Schoell, Maximilien Samson Frederic Schoell, Franz Xaver Zach u Freiherr von Franz Xaver Zach, ippublikat mill-istamperija rjali u minn Duncker u Humblot, 1830, p. 102
  37. 1 2 Dictionnaire encyclopédique de la théologie catholique: rédigé par les plus savants professeurs et docteurs en théologie de l'Allemagne catholique moderne, ta' Heinrich Joseph Wetzer, Benedikt Welte, Isidore Goschler et Johann Goschler, tradott għall-Franċiż minn Isidore Goschler, ippublikat minn Gaume frères u J. Duprey, 1864, p. 519
  38. Dominique Vingtain, Avignon, le palais des papes, p. 93.
  39. Léon-Honoré Labande, Le Palais des papes d’Avignon et les monuments historiques d’Avignon au XIVe siècle, p. 49.
  40. "Pierre Obrier" skond vol. III tal-Annales d'Avignon
  41. J. Girard, Évocation du vieil Avignon, p. 97.
  42. J. Girard, Évocation du vieil Avignon, p. 96
  43. Bernard Guillemain, Les Papes d'Avignon (1309-1376), p. 62.
  44. Léon-Honoré Labande, Le Palais des papes d’Avignon et les monuments historiques d’Avignon au XIVe siecle, p. 53-54.
  45. Le palais des papes, Revue de Paris, T. 31, 1841.
  46. L'histoire du palais des Papes
  47. "Le Grand Tinel". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-05-24. Miġbur 2011-01-15.
  48. Enrico Castelnuovo, Un peintre italien à la cour d'Avignon, Matteo Giovanetti et la peinture en Provence au XIVe siecle
  49. op.cit., paġna 15.
  50. Félix Buffière, Ce tant rude, Gévaudan, p. 773.
  51. Félix Buffière, Ce tant rude, Gévaudan, p. 774
  52. Les "vergers" de la papauté d'Avignon: Avignon, Pont-de-Sorgues et Villeneuve (1316-1378), teżi ta' Élydia Barret, École nationale des chartes, 2004
  53. "Repères chronologiques" f'Le Palais des Papes, Avignon - guide de visite.
  54. Enrico Castelnuovo, Un peintre italien à la cour d'Avignon, Matteo Giovanetti et la peinture en Provence au XIVe siecle u Daniel Bréhier, Notre-Dame des Doms, Ed. Beaulieu, Art et Tradition, Lyon, 2002, p. 72
  55. Le Palais des Papes, Avignon - guide de visite, p. 15
  56. L'entrée de Boucicaut à Avignon
  57. Martin Alpartils, in Chronica actitatorum temporibus Benedicti XIII. Paul Pansier, op. cit..
  58. J. Girard, Évocation du vieil Avignon, p. 116.
  59. R. Brun, Annales avignonnaises de 1382 à 1410 extraites des Archives Datini, Mémoires de l’Institut historique de Provence, 1935-1938.
  60. R. Brun, op. cit..
  61. Les exigences de Benoît XIII pour la restauration des remparts d'Avignon
  62. Daniel Bréhier, La Métropole Notre-Dame des Doms, Éd. Beaulieu, Art et tradition, 2002.
  63. Histoire du Palais des Papes sur avignon-et-provence.com
  64. J. Girard, Avignon. Histoire et Monuments, p. 19.
  65. L. Bonnement, Mémoires de Bertrand Boysset. Contenant ce qui est arrivé de plus remarquable particulièrement à Arles et en Provence depuis 1372 jusqu’en 1414, Le Musée. Revue arlésienne, historique et littéraire, 1876-1877.
  66. Dominique Vingtain, Avignon, le palais des papes, p. 423.
  67. Louis Desvergnes, Histoire de Sorgues, Pont-de-Sorgues, Résidence des Papes, Éd. Société littéraire de Sorgues, 1978