Aqbeż għall-kontentut

Slaten Maġi

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
L-adorazzjoni mill-Maġi ta' Bartolomé Esteban Murillo

Skont it-tradizzjoni Nisranija is-Slaten Maġi (mill-Grieg: μάγοι, magoi), żaru 'l Ġesù wara twelidu u ġabulu r-rigali. Huma msemmijin biss fl-Evanġelju ta' San Mattew li jgħid li ġew "mil-lvant" biex jaduraw 'l Kristu, "li twieled sultan tal-Lhud ". Billi ssemmew tliet rigali, tradizzjonalment jingħad li kien hemm tliet Maġi, minkejja li Mattew ma speċifikax in-numru[1]. Is-slaten Maġi jidhru regolarment fir-rakkonti tat-twelid ta' Kristu u fil-festi tal-Milied.

L-identifikazzjoni tal-Maġi bħala slaten hi marbuta mal-profeziji tat-Testment l-Antik bħal dik f'Iżaija 60:3, li tiddeskrivi l-Messija meqjum mis-slaten[2]. L-ewwel qarrejja interpretaw ir-rakkont ta' San Mattew fid-dawl ta' dawn il-profeziji u għamlu l-maġi rejiet.

Rakkont oriġinali

[immodifika | immodifika s-sors]

L-evanġelju ta' San Mattew 2:1-12 jirrakkonta l-miġja tal-Maġi:

Meta twieled Ġesù f'Betlehem tal-Lhudija, fi żmien is-sultan Erodi, xi maġi mil-lvant ġew Ġerusalemm jistaqsu: "Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud? Għax rajna l-kewkba tiegħu tielgħa, u ġejna nqimuh."Is-sultan Erodi sama' bihom, u tħawwad hu u Ġerusalemm kollha miegħu. Ġabar flimkien il-qassisin il-kbar u l-kittieba kollha tal-poplu, u ried jaf mingħandhom fejn kellu jitwieled il-Messija. U huma qalulu: "F'Betlehem tal-Lhudija, għax hekk inkiteb mill-profeta: 'U int, Betlehem, art ta' Ġuda, le, m'intix l-iżgħar fost il-bliet il-kbar ta' Ġuda, għax minnek joħroġ mexxej li jirgħa l-poplu tiegħi Iżrael.' Erodi mbagħad sejjaħ lill-maġi bil-moħbi, u tkixxef bir-reqqa kollha mingħandhom iż-żmien li fih dehritilhom il-kewkba; bagħathom Betlehem u qalilhom: "Morru, staqsu sewwa għat-tifel, u meta ssibuh ejjew għiduli, ħalli jien ukoll niġi nqimu." Dawk, wara li semgħu lis-sultan, telqu, u ara, il-kewkba li kienu raw tielgħa bdiet miexja quddiemhom sakemm waslet u waqfet fuq il-post fejn kien hemm it-tifel. Kif raw il-kewkba mtlew b'ferħ kbir tassew. Meta mbagħad daħlu d-dar u raw lit-tifel ma' ommu Marija, nxteħtu fl-art iqimuh; fetħu t-teżori tagħhom u offrewlu rigali deheb, inċens u mirra. Mbagħad, billi kienu mwissijin f'ħolma biex ma jerġgħux imorru għand Erodi, telqu lura lejn arthom minn triq oħra.

Wara jissemmew darbtejn oħra meta jingħad kif evitaw lil Erodi wara li raw lil Ġesù u x'sar jaf Erodi fuqu mill-laqgħa li kellu magħhom qabel.

Il-kelma Maġi hi forma Latina tal-plural tal-kelma Griega magos (μαγος pl. μαγοι), li hi stess hi ġejja mill-Persjan Antik maguŝ mill-Avestan magâunô, jiġifieri l-kasta reliġjuża li twieled fiha Żoroastru. It-terminu jirreferi għall-kasta ta' qassisin taż-Żoroastriżmu[3]. Bħala parti mir-reliġjon tagħhom, dawn il-qassisin kienu jistudjaw b'mod speċjali l-kwiekeb,u kisbu fama internazzjonali għall-astroloġija, li dak iż-żmien kienet meqjusa minn ħafna bħala xjenza. Minħabba l-użanzi reliġjużi tagħhom u l-użu tal-astroloġija xi kliem li ħarġu mill-kelma Maġi ġew applikati għall-okkult in ġenerali u wasslu għat-terminu Maġija. Waqt li Saydon u oħrajn jużaw il-kelma "maġi" fl-evanġelju ta' San Mattew, l-istess kelma ittraduċewha bħala saħħar meta iddeskrivew lil "Elima s-saħħar" fl-Atti 13:6-11, u 'l Xmun il-Magu li kien meqjus bħala eretku mill-Knisja bikrija, fl-Atti 8:9-13.

It-tradizzjonijiet differenti jagħtu ismijiet diversi lill-Maġi. Fil-Knisja Nisranija tal-Punent mit-tmien seklu kienu magħrufin bħala Kaspar, Melkjor u Baltasar. Dawn ġejjin minn manuskritt Grieg tas-sitt seklu minn Lixandra[4]. It-test bil-Latin Collectanea et Flores[5] itenni t-tradizzjoni tat-tliet slaten u ismijiethom u jagħti iżjed dettalji. Maħsub li t-test hu ta' nisel Irlandiż u ġej mis-seklu tmienja.

Kaspar x'imdaqqiet jissejjaħ Gaspar jew Ġaspar[6]. Insibu kandidat għall-oriġni tal-isem Kaspar fl-Atti ta' Tumas bħala Gondofares (AD 21 – c. AD 47), jew Gudafarasa (li 'Kaspar' forsi ġej minnu bħala korruzzjoni ta' 'Gaspar'). Dan Gondofares iddikjara l-indipendenza mill-Arsaċidi biex jilħaq l-ewwel re Indo-Partjan u jingħad li żaru Tumas l-Appostlu. Il-leġġenda nisranija forsi għażlet Gondofarr sempliċiment għax kien re tal-orjent fil-perjodu korrett ta' żmien.

Min-naħa l-oħra l-insara Sirjaċi lill-Maġi jsibuhom bl-ismijiet Larvandad, Guxnasaf, u Ħormisdas. Dawn l-ismijiet għandhom probabbiltà ħafna ogħla li kienu oriġinalment Persjani, għalkemm naturalment dan ma jiżgurax l-awtentiċità tagħhom.

Fil-knejjes tal-Lvant, l-Etjopi pereżempju, isejħulhom Ħor, Karsudan, u Basanater, waqt li l-Armeni jsejħulhom Kagfa, Badadakharida u Badadilma[7][8]. Ħafna nsara Ċiniżi jemmnu li wieħed mill-Maġi ġie miċ-Ċina[9].

L-oriġni u l-vjaġġ

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-vjaġġ tal-Maġi ta' Benozzo Gozzoli (1459–61), Palazzo Medici Riccardi, Firenze

Il-frażi mil-lvant hi l-unika informazzjoni li jtina Mattew fuq minn fejn ġew. Tradizzjonalment żviluppat il-fehma li kienu Babilonjani jew Għarab jew Lhud mill-Jemen billi s-slaten tal-Jemen dak iż-żmien kienu Lhud, fehma li kellu wkoll Ġwanni Kriżostmu. Il-parti kbira kienu jemmnu li kienu mill-Babilonja, li kienet il-qalba taż-Żurvaniżmu, u għalhekk tal-astroloġija, dak iż-żmien. X'aktarx Mattew ma kienx qiegħed jaħseb f'post speċifiku u l-frażi mil-Lvant qiegħda hemm għall-effett letterarju u biex iżid l-eżotiċiżmu.

Skont l-Evanġelju ta' San Mattew, il-Maġi sabu l-Ġesù billi mxew wara kewkba, li tradizzjonalment saret magħrufa bħala l-Kewkba ta' Betlehem. Ġew proposti ħafna teoriji fuq in-natura ta' din l-istilla.

Meta sabuh, tawh tliet rigali simboliċi: deheb, inċens u mirra.

Billi kienu mwissija f'ħolma li r-re Erodi tal-Lhudija kien bi ħsibu joqtol it-tarbija, iddeċidew li jmorru lura lejn darhom bi triq differenti. Dan ħajjar lil Erodi biex joqtol it-trabi kollha ta' Betlehem, ġrajja msejħa il-Massakru tal-Innoċenti, biex jipprova jeħles minn werriet rivali għat-tron tiegħu. Ġesù u l-familja tiegħu però kienu diġa ħarbu lejn l-Eġittu. Wara dawn il-ġrajjiet il-Maġi għebu mill-istorja[10]. Fl-istorja tat-twelid ta' Ġesù, Mattew jigglorifika 'l Ġesù, ixebbħu 'l Mosè, u juri li ħajtu twettaq il-profeziji. Xi kritiċi jqisu l-istorja tat-twelid ta' Ġesù bħala l-ħolqien ta' l-awtur ta' Mattew[11].

Wara ż-żjara l-Maġi jgħibu mir-rakkont billi jmorru lura bi triq oħra biex jevitaw 'l Erodi u ma jerġgħux jidhru. Gregorju Manju kiteb bl-elokwenza fuq dan is-suġġett u kummenta li meta nsiru nafu 'l Ġesù ma nistgħux immorru lura bl-istess triq li nkunu ġejna biha. Hemm ħafna stejjer tradizzjonali dwar x'ġara lill-Maġi wara dan. Waħda minn dawn tgħid li San Tumas għammidhom fi triqtu lejn l-Indja. Oħra tgħid li l-fdalijiet tagħhom sabithom Santa Liena u ġabithom Kostantinopli, u fl-aħħar spiċċaw il-Ġermanja fir-relikwarju tat-tliet slaten f 'Kolonja.

Fl-arti Biżantina il-Maġi s-soltu jidhru b'ilbies Persjan, Mużajk, ca. 565
Bażilka ta' Sant'Apollinare Nuovo, Ravenna, l-Italja

Il-Maġi huma deskritti bħala "jintefgħu fl-art", "jinżlu għar-rkoptejhom" jew "jinklinaw" fil-qima quddiem Ġesù. Dawn il-ġesti kellhom effett importanti fuq l-użanzi reliġjużi Nsara. Juru rispett kbir, u kienu wżati tipikament għall-qima tar-re. Minħabba l-ispirazzjoni ta' dawn il-versi, l-inżul għar-rkoptejn u l-intfigħ fl-art ġew adotati fil-Knisja bikrija. Waqt li l-intfigħ fl-art rari jintuża fil-Punent, għadu komuni fil-Knejjes tal-Lvant, speċjalment matul ir-Randan. L-inżul għar-rkoptejn baqa' użanza importanti fil-qima Nisranija s'issa.

Mattew isemmi espliċitament tliet rigali: deheb, inċens, u mirra li kienet tinstab biss fil-Jemen. Ġew proposti ħafna teoriji differenti għat-tifsir u s-simboliżmu tar-rigali. Waqt li hu faċli li nispjegaw id-deheb, l-inċens, u l-iżjed il-mirra huma iżjed oskuri.

It-teoriji ġeneralment nistgħu naqsmuhom f'żewġ gruppi:

  1. It-tliet rigali huma offerti u rigali li s-soltu jingħataw lil re. Il-Mirra kienet tintuża bħala balzmu, l-inċens bħala fwieħa u deheb bħala xi ħaġa prezzjuża.
  2. It-tliet rigali kellhom tifsira spiritwali : id-deheb is-simbolu tar-regalità f-id-dinja, l-inċens l-għelm tas-saċerdozju, u l-Mirra (balżmu) s-simbolu tal-mewt. X'imdaqqiet dan jingħad b'mod ieħor: Id-deheb jissimbolizza l-virtù, l-inċens it-talb u l-mirra d-dbatija.

Sas-seklu 15, il-mirra kienet tintuża bħala balżmu u fl-inċens fil-funerali u l-kremazzjonijiet. Iż-"żejt imbierek" li jintuża tradizzjonalment fil-Knisja Ortodossa tal-Lvant fl-amministrazzjoni tas-sagramenti tal-griżma tal-isqof u l-griżma tal-morda hu mfewwaħ bil-mirra, u meta xi ħadd jirċievi wieħed minn dawn is-sagramenti jgħidu li "rrċieva l-mirra".

Xi studjużi ssuġġerew li r-"rigali" kienu aktarx mediċinali milli ħwejjeġ prezzjużi għall-qima[12][13][14].

Din il-ġrajja hi marbuta mal-ktieb tas-Salmi 72 u Iżaija 60 li jsemmu li rejiet taw rigali. Dan kien importanti biex il-Maġi jsiru meqjusin bħala slaten minflok astronomi-qassisin. F'innu tar-raba' seklu miktub mill-poeta Ruman, it-tliet rigali kienu diġà kisbu it-tifsiriet ta' għeliem profetiċi tal-identità ta' Ġesù.

Sarkofagu tar-raba' seklu,
Mużew tal-Vatikan, Ruma, l-Italja.

Ġwann Kriżostmu ssuġġerixxa li r-riġali kienu addatati mhux biss biex jingħataw lil re imma lill-Alla, u qabbilhom mal-offerti tradizzjonali tal-Lhud ta' nagħaġ u għoġiela, u għalhekk Kriżostmu sostna li l-Maġi qimu lil Ġesù bħala Alla.

X'ġara wara minn dawn ir-rigali l-iskrittura qatt ma' tgħid, imma żviluppaw bosta tradizzjonijiet[15]. Skont waħda minn dawn l-istejjer id-deheb insteraq miż-żewġ ħallelin li wara issallbu ma' ġenb Ġesù. Skont oħra kien fdat lil Ġuda li ħadu għalih.

Fil-Monasteru ta' San Pawl ta' Athos hemm kaxxa tad-deheb tas-seklu 15 li suppost fiha r-rigali tal-Maġi. Ingħatat lill-monasteru fis-seklu 15 minn Mara Branković, bint ir-re tas-Serbja Đurađ Branković, mart is-Sultan Ottoman Murat II u l-parrina ta' Mehmet II li rebaħ Kostantinopli. Jidher li kienu parti mir-relikwi tal-Palazz Mqaddes ta' Kostantinopli u jgħidu li kienu jintwerew hemm sas-seklu 4 AD. Wara t-terremot ta' Ateni fid-9 ta' Settembru 1999, intwerew temporanjament f'Ateni biex tissaħħaħ il-fidi u jinġabru l-flus għall-vittmi tat-terremot.

Il-pertinenza għall-Milied

[immodifika | immodifika s-sors]

Din iż-żjara li ġeneralment tissejjaħ iż-żjara tal-Maġi żgur ġrat bosta xhur wara t-twelid ta' Ġesù. Ix-xhieda għal din il-konklużjoni nistgħu insibuha fl-Evanġelju ta' Mattew fit-tieni kapitlu. “Meta mbagħad daħlu d-dar u raw lit-tifel ma' ommu Marija, nxteħtu fl-art iqimuh;…” (Mattew 2:11) Meta niflu dan il-vers bir-reqqa nindunaw b'żewġ affarijiet, l-ewwel, Ġesù Kristu ma kienx tarbija meta żaruh il-Maġi imma tifel ta' xi sentejn. It-tieni, iż-żjara ma saritx fil-maqjel fejn twieled imma f'dar li kienu marru joqgħodu fiha Ġużeppi (San Ġużepp) u Marija (omm Ġesù) wara li Ġesù kien twieled f'maqjel. L-aqwa indikazzjoni li Ġesù kellu xi sentejn meta ġrat iż-żjara tinsab fil-vers 16 tat-tieni kapitlu tal-evanġelju ta' Mattew, li jgħid hekk, Erodi ….. nkorla bis-sħiħ, u bagħat joqtol f'Betlehem u fl-inħawi kollha tagħha lit-tfal subien kollha ta' minn sentejn 'l isfel, skond iż-żmien li sar jaf mingħand il-maġi. (Mattew 2:16) Nistgħu nassumu bla biża' li Erodi ma kienx jordna l-qerda tas-subien li kellhom sentejn jew inqas kieku l-Maġi kienu tawh x'jaħseb li t-tifel li kienu qegħdin ifittxu kien twieled xi ftit jiem qabel. Nistgħu niddeduċu mill-aħħar vers ta' Mattew 2:16 li Erodi kien induna li l-Maġi kienu telqu minn pajjiżhom fil-jum meta twieled Ġesù, meta raw il-kewkba u waslu Betlehem sentejn wara. “Għax rajna l-kewkba tiegħu tielgħa, u ġejna nqimuh.” (Matthew 2:2)

Il-vjaġġ tal-Maġi (wiċċ) u L-adorazzjoni tal-Maġi (ġemb) fuq châsse ta' enamel champlevé ta' Limoges, ca 1200 (Musée de Cluny, Pariġi)

Marco Polo sostna li kienu wreh it-tliet oqbra tal-Maġi f'Saveh fin-nofsinhar ta' Tehran madwar l-1270:

Fil-Persja hemm il-belt ta' Saba, minn fejn telqu t-tliet Maġi u fejn huma midfuna fi tliet monumenti kbar u sbiħ, ħdejn xulxin. Fuqhom kien hemm binja kwadra miżmuma bil-kura. L-iġsma għadhom talikwali, bid-daqna u x-xagħar b'kollox[16].

Ir-relikwarju tat-tliet Maġi fil-Katidral ta' Kolonja, skont it-tradizzjoni, fih l-għadam tagħhom. Suppost skopriethom Santa Liena matul il-pellegrinaġġ famuż tagħha fil-Palestina u l-Art Imqaddsa. Il-fdalijiet ħadithom fil-knisja ta' Haġja Sofija (Αγία Σοφία) f'Kostantinopli; imbagħad ħaduhom Milan (xi sorsi jgħidu li ħadhom l-isqof tal-belt, Ewstorġju I[17]), qabel ma ħadhom fejn qegħdin issa l-Imqaddes Imperatur Ruman Frederiku I fl-1164 AD. Il-Milaniżi jiċċelebraw il-parti tagħhom fit-tradizzjoni billi jagħmlu parata bi lbies medjovali kull 6 ta' Jannar. Insibu verżjoni ta' din l-istorja miktuba mill-kjeriku Johannes von Hildesheim fis-seklu 14, Historia Trium Regum ("Storja tat-Tliet Rejiet"). Ir-rakkont ta' kif l-iġsma tagħhom ibbalżmati spiċċaw f'Kolonja, jibda bil-vjaġġ ta' Elena (Santa Liena), omm Kostantinu I, lejn Ġerusalemm fejn sabet is-salib ta' Kristu u relikwi oħra:

Ir-Reġina Elena… bdiet taħseb bis-serjetà fuq l-iġsma ta' dawn it-tliet slaten u lestiet ruħha, u kkumpanjata minn ħafna qaddejja, marret fl-Art ta' Ind… wara li kienet sabet l-iġsma ta' Melkjor, Baltasar, u Gaspar, ir-Reġina Elena poġġiethom f'senduq li żejnet b'għana kbira u ġabithom f'Kostantinopli... u qegħdithom fi knisja li hi msejħa Santa Sofija.

Sinjifikat Reliġjuż

[immodifika | immodifika s-sors]

Skont il-parti l-kbira tal-insara, il-Maġi kienu l-ewwel figuri reliġjużi li qimu 'l Kristu, u għal din ir-raġuni l-istorja tal-Maġi hi rispettata u popolari fost l-Insara. Iż-żjara tal-Maġi hi kkomemorata fil-knejjes Insara tal-Punent (imma mhux mill-Ortodossi tal-Lvant) bil-festa tal-Epifanija, is-6 ta' Jannar. L-Ortodossi tal-Lvant jiċċelebrawha fil-25 ta' Diċembru. Iż-żjara sikwit tissemma L-adorazzjoni tal- Maġi fl-arti u letteratura nsara.

Minkejja li l-Koran ma jsemmix l-istorja tal-Maġi, din kienet magħrufa sewwa fost l-Għarab. L-enċiklopedista al-Tabari, fil-kitba tiegħu fis-seklu 9, jagħti s-simboliżmu tas-soltu tar-rigali tal-Maġi. Al-Tabari jgħid li ħa din l-informazzjoni mill-kittieb tat-tard fis-seklu 7, Waħb ibn Munabbiħ[18].

Xi tradizzjonijiet reliġjużi jagħtu interpretazzjoni negattiva lill-Maġi. Ix-Xhieda ta' Jeħova[19] ma jqisux il-wasla tal-Maġi bħala xi ħaġa li għandha tiġi ċċelebrata, imma minflok jemfasizzaw il-kundanna mill-Bibbja tas-seħer u l-astroloġija f'testi bħad-Dewteronomju 18:10–11, Levitiku 19:26, u Iżaija 47:13–14. Dawn jgħidu li l-fatt l-kewkba li raw il-Maġi waslithom l-ewwel għand l-għadu ta' Ġesù li kien lest biex joqtlu, u mbagħad għal fejn kien hemm it-tifel ma jagħmilx sens bħala ġrajja li ġejja minn Alla[20].

It-tradizzjonijiet tal-Epifanija

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Il-festi li jiċċelebraw il-miġja tal-Maġi tradizzjonalment jagħrfu d-differenza bejn id-data tal-wasla tagħhom u data tat-twelid ta' Ġesù. Ir-rakkont ta' Mattew ma jgħidilniex li l-Maġi kienu hemm fil-lejl tat-twelid, anzi jgħid li waslu xi żmien wara li twieled Ġesù u l-Maġi 'l Erodi tawh x'jaħseb li Ġesù kellu xi sena.
Is-slaten Maġi jilqgħu it-tfal f'ċentu kummerċjali fi Spanja. (L-ittri bit-talbiet għar-rigali jitħallew fil-kaxxa tal-ittri fuq ix-xellug.)
  • L-Insara tal-Punent jiċċelebraw il-festa tal-Maġi fl-Epifanija, is-6 ta' Jannar, it-tnax il-jum wara l-Milied. Din hi festa importanti l-iżjed fil-pajjiżi fejn jitkellmu l-Ispanjol. F'dawn il-pajjiżi, it-tliet slaten (Sp. "los Reyes Magos de Oriente", jew "Los Tres Reyes Magos") jirċievu ittri mit-tfal li fihom dawn jgħidulhom x'jixtiequ bħala rigali u l-Maġi u jġibulhom dawn ir-rigali fil-għaxija lejliet l-Epifanija. Fi Spanja, kull wieħed mill-maġi suppost jirrappreżenta kontinent differenti, l-Ewropa (Kaspar), l-Asja (Melkjor) u l-Afrika (Baltasar). Skont it-tradizzjoni, il-Maġi jiġu mill-Orjent fuq l-iġmla tagħhom biex iżuru d-djar tat-tfal kollha matul lejl wieħed. F'xi postijiet it-tfal iħejjulhom xi ħaġa x'jixorbu u xi ikel u xorb għall-iġmla, għaliex dawn jieklu f'dak il-lejl biss fis-sena kollha.
  • Il-bliet Spanjoli jorganizzaw kavalkati (cabalgatas) fil-għaxija li fihom is-slaten u l-qaddejja jgħaddu mit-toroq u jitfgħu il-ħelu lit-tfal u l-ġenituri tagħhom li jkunu qegħdin jaraw il-parata. Il-kavalkata tat-tliet slaten ta' Alcoi jgħidu li hi l-eqdem fid-dinja; dawk li jirrappreżentaw il-Maġi jgħaddu qalb il-folla u jagħtu r-rigali lit-tfal dak il-ħin stess.
Sternsinger fi Vjenna, l-Awstrija.
  • Hemm tradizzjoni fil-parti l-kbira tal-Ewropa Ċentrali li jiktbu l-ittri inizjali tal-ismijiet tat-tliet Maġi fuq il-bieb ewlieni tad-dar biex iġibu l-barka fuq dawk li jgħixu fiha għas-Sena l-Ġdida. Pereżempju, 20 + C + M + B + 10. L-inizjali jirrappreżentaw ukoll il-kliem "Christus mansionem benedicat" (Kristu jbierek din id-Dar). Fil-partijiet Kattoliċi tal-Ġermanja u l-Awstrija dan jagħmluh Sternsinger (kantanti stilel), tfal libsin ta' Maġi, iżommu stilla f'idejhom. Talli jiktbu dawn l-ittri, jagħtuhom il-flus għal proġetti tal-karità.
  • Fi Franza u l-Belġju, il-festa għandha tradizzjoni specjali: fil-familja jagħmlu kejk b'figura żgħira tal-bambin Ġesù, imsejħa l-fula. Min isib il-"fula" jiġi "nkoronat" re għall-bqija tal-jum u jilbes kuruna tal-kartun. L-użanza jsibuha tirer les Rois: it-tlugħ tas-slaten. X'imdaqqiet tintgħażel ukoll reġina.
  • Din it-tradizzjoni tinstab ukoll Spanja, imma b'differenza żgħira; minflok il-kejk, f'dal-każ jużaw qagħqa jew Roscón de Reyes, li s-soltu tinxtara mhux tinħema d-dar, u jkun fiha figura żgħira tal-bambin Ġesù u fula niexfa. Min isib il-bambin jiġi nkurunat waqt li min isib il-fula jkollu jħallas għall-qagħqa.
  • Fil-Messiku jagħmlu l-istess qagħqa jew Rosca de Reyes (Kings Bagel or Thread), li jkun fiha figura tal-bambin Ġesù. Min isib il-bambin jieħdu l-knisja tal-post u jixtri t-tamales għall-festa tal-Gandlora fit-tieni ta' Frar, li l-festa tal-preżentazzjoni ta' Ġesù fit-tempju.
  • F'Puerto Rico t-tfal iqegħdu l-ħaxix f'kaxxa taħt is-sodda lejliet l-Epifanija għall-iġmla tal-Maġi.

L-adorazzjoni tal-Maġi fil-pittura u r-rilievi

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-iżjed xbihat bikrija, il-Maġi jidhru bi lbies Persjan, libsin il-qliezet u brieret Friġjani, is-soltu fil-profil, javvanzaw wieħed wara l-ieħor u jżommu r-riġali quddiemhom. Dawn ix-xbihat jużaw il-poża, meħuda mill-Antikità tat-Tard, tal-barbari qegħdin iċedu għall-Imperatur u joffrulu girlandi tad-deheb u l-poża ta' nies iġibu t-tribut, minn diversi kulturi Mediterranji li jmorru lura ħafna sekli. L-iżjed bikrija huma l-pitturi tal-Katakombi u rilievi fuq sarkofagi tar-raba' seklu. Il-kuruni dehru għall-ewwel darba fis-seklu 10, l-iżjed fil-Punent, fejn l-ilbies issa tilef ix-xaħta Orjentali tiegħu kważi fil-każi kollha[21]. Xbihat Biżantini tat-tard sikwit juru kaxxi ċilindiċi żgħar li m'hemmx qbil fuq it-tifsira tagħhom. Is-soltu sa dan iż-żmien il-Maġi kienu jintwerew tal-istess età imma mbagħad bdiet dieħla l-idea li jirrapreżentaw it-tliet etajiet tal-bniedem: eżempju mill-isbaħ ta' dan jinsab fir-riliev fuq il-faċċata tal-katidral ta' Orvieto. Din ix-xena kienet waħda minn dawk li dejjem jidhru fiċ-Ċiklu Marjan kif ukoll fiċ-ċiklu tal-Ħajja ta' Kristu.

Xi drabi fis-seklu 12, u spiss ħafna fl-Ewropa ta' Fuq mis-seklu 15 'l hawn, il-Maġi saru jirrappreżentaw it-tliet kontinenti tad-dinja magħrufa dak iż-żmien: iż-żagħżugħ Baltasar is-soltu juruh bħala Afrikan jew Għarbi, ix-xiħ Kaspar jagħtuh fattizzi Orjentali jew, iżjed spiss ilbies Orjentali, Melkjor jirrappreżenta l-Ewropa u l-età medja. Mis-seklu 14 'l hawn il-Maġi jidhru kkumpanjati minn ħafna nies, ir-rigali qegħdin f'kaxxi tad-deheb b'lavuri spettakulari u żdied it-tiżjin fi lbies il-Maġi[21]. Sa meta wasal I-seklu 15, l-adorazzjoni tal-Maġi spiss saret biċċa bravura li fiha l-artista juri s-sengħa tiegħu fit-tpinġija ta' xeni kompless u ffullati bin-nies, żwiemel u iġmla, imma juru wkoll id diversi tessuti bħal ħarir, pelliċji, ġojjelli u d-deheb tas-slaten meta jidhru kontra l-injam tal-istalla, it-tiben tal-maxtura ta' Ġesù u l-ilbies ħarex ta' Ġużeppi u r-rgħajja .

Ix-xena sikwit ikun fiha wkoll taħlita sewwa ta' annimali: is-soltu jkun hemm il-ħmara u l-baqra tax-xena tat-twelid ta' Kristu, imma jkun hemm ukoll żwiemel, iġmla, klieb u isqra tar-rejiet u ta' dawk ta' magħhom, u annimali oħra bħal għasafar fuq it-travi tal-istalla. Mis-seklu 15 'l hawn, l-Adorazzjoni tal-Maġi hi sikwit ikkombinata mal-Adorazzjoni tar-rgħajja mir-rakkont tal-evanġelju skont Luqa (2:8-20), opportunità biex ikun hemm iżjed diversità ta' nies u annimali flimkien; f'xi kompożizzjonijiet (triptiċi pereżempju), iż-żewġ xeni huma mqegħda f'kull naħa tax-xena ċentrali, li s-soltu tkun it-twelid ta' Kristu, biex ikun hemm kuntrast bejniethom.

L-utilità tas-suġġett għall-Knisja u r-Rejiet u l-isfida għas-sengħa tal-pittur li tipprovdi għamlu l-Adorazzjoni tal-Maġi suġġett popolari ħafna fl-arti Nisranija, l-iżjed fil-pittura imma wkoll fl-iskultura.

Hawn taħt nagħtu ftit eżempji mill-mijiet ta' pitturi u rilievi li jirrappreżentaw l-adorazzjoni tal-Maġi.

  1. ^ Geza Vermes, The Nativity: History and Legend, (It-twelid ta' Kristu: Storja u Leġġenda), London, Penguin, 2006, p22; E. P. Sanders jiddeskrivi l-istejjer tat-twelid ta' Kristu bħala "l-iżjed każi ċari ta' invenzjoni fl-Evanġelji". E. P. Sanders, The Historical Figure of Jesus, (Il-fiġura storika ta' Ġesù), 1993, p.85
  2. ^ "Il-ġnus għad jimxu fid-dawl tiegħek, u s-slaten fid-dija ta' sbiħek." L-istess fis-Salmi 72:10-11 "Is-slaten ta' Tarsis u tal-gżejjer jagħtuh ir-rigali, is-slaten ta' Seba u ta' Saba għotjiet iġibulu. Iqimuh is-slaten kollha, il-ġnus kollha lilu jaqdu." u 68:29 "Lejn it-tempju tiegħek f'Ġerusalemm, għalik is-slaten iġibu l-għotjiet."
  3. ^ Mary Boyce, A History of Zoroastrianism: The Early Period (Storja taż-Żoroastriżmu: L-ewwel perjodu), (Brill, 1989, 2nd ed.), vol. 1, pp. 10–11; Mary Boyce, Zoroastrians: their religious beliefs and practices (Iż-Żoroastrin: It-twemmin u l-użanzi reliġjużi tagħhom), (Routledge, 2001, 2nd ed.), p. 48; Linda Murray, The Oxford companion to Christian art and architecture (Oxford University Press, 1996), p. 293; Stephen Mitchell, A history of the later Roman Empire, AD 284-641: the transformation of the ancient world (Storja tal-Imperu Ruman tat-tard, AD 284-641: it-trasformazzjoni tad-dinja tal-qedem), (Wiley-Blackwell, 2007), p. 387
  4. ^ Tradott għal-Latin bl-isem Excerpta Latina Barbari jgħid: Dak iż-żmien fil-ħakma ta' Awgustu, fl-1 ta' Jannar il-Maġi ġabulu r-riġali u qimuh. L-ismijiet tal-Maġi kienu Bithisarea, Melkior and Gathaspa. (Excerpta Latina Barbari, page 51B). Il-kronaka żgħira li kien x'aktarx miktub bil-Grieg madwar il-500 A.D.
  5. ^ Kehrer, Hugo, Die Heiligen Drei Könige in Literatur und Kunst, Band I, 1908, 1976², p. 66 , dokument antik Grieg maqlub għal-Latin: Melkjor kien raġel xiħ b’daqna bajda, Kaspar tifel mingħajr daqna u Baltasar kellu daqna folta sewda. Latin oriġinal: Magi sunt qui munera Domino dederunt: primus fuisse dicitur Melchior, senex et canus, barba prolixa et capillis, tunica hyacinthina, sagoque mileno, et calceamentis hyacinthino et albo mixto opere, pro mitrario variae compositionis indutus: aurum obtulit regi Domino (Melkjor ta d-deheb). Secundum, nomine Caspar, juvenis imberbis, rubicundus, mylenica tunica, sago rubeo, calceamentis hyacinthinis vestitus: thure quasi Deo oblatione digna, Deum honorabat (Kaspar ta l-inċens). Tertius, fuscus, integre barbatus, Balthasar nomine, habens tunicam rubeam, albo vario, calceamentis inimicis amicus: per myrrham filium hominis moriturum professus est (Baltasar ta l-mirra). Omnia autem vestimenta eorum Syriaca sunt (l-ilbies kollu tagħhom kien mis-Sirja). (Collectanea et Flores), f': Patrologia Latina, XCIV, page 541(D)
  6. ^ [1] Kehrer, Hugo, Die Heiligen Drei Könige in Literatur und Kunst, Band I, 1908, 1976², p.70
  7. ^ Acta Sanctorum, May, I, 1780.
  8. ^ [2] Dwar il- Maġi u isimhom
  9. ^ Hattaway, Paul; Brother Yun; Yongze, Peter Xu; u Wang, Enoch. Back to Jerusalem. (Authentic Publishing, 2003). Ikkonsultat f’Mejju 2007
  10. ^ Eliza Marian Butler, "The Myth of the Magus By Eliza Marian Butler" Cambridge University, 1993. 281 paġni. Paġna 20. ISBN 0-521-43777-6
  11. ^ J. Duncan M. Derrett, "Further light on the narratives of the Nativity" (Dawl ġdid fuq ir-rakkonti tat-twelid ta' Ġesu), Novum Testamentum 17.2 (April 1975), pp. 81-108: "Il-konklużzjoni ta' Jean Danielou li l-Maġi ivvinthom Mattew"
  12. ^ Page, Sophie,"Magic In Medieval Manuscripts (Il-Maġija fil-Manuskitti Medjovali)". University of Toronto Press, 2004. 64 paġna. ISBN 0-8020-3797-6 Paġna 18.
  13. ^ Gustav-Adolf Schoener u Shane Denson [Traduttur], "Astrology: Between Religion and the Empirical (L-astroloġija: bejn ir-reliġjon u l-empiriku)".
  14. ^ "Frankincense: festive pharmacognosy (L-inċens: farmakonjosija festiva)". Pharmaceutical journal. Vol 271, 2003. pharmj.com
  15. ^ Lambert, John Chisholm, f' James Hastings (ed.) "A Dictionary of Christ and the Gospels" (Dizzjunarju ta' Kristu u l-Evanġelji). Paġna 100
  16. ^ Polo, Marco, Il-Miljun, ktieb i.
  17. ^ Sant' Eustorgio I di Milano
  18. ^ "We, three kings of Orient were". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2005-11-05. Miġbur 2009-12-30.
  19. ^ [3] Christmas Customs -- Are They Christian? (L-użanzi tal-Milied -- Dawn huma Nsara?) ]
  20. ^ [4] Jesus's Birth The Real Story (It-twelid ta' Ġesù l-istorja vera)
  21. ^ a b Schiller, Gertrud; Seligman, Janet (1971). Iconography of Christian Art, Vol. I: Christ's incarnation, childhood, baptism, temptation, transfiguration, works and miracles, (traduzzjoni mill-Ingliż għall-Ġermaniż), pp.100-114 & figs 245-298. Londra: Lund Humphries

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Ingliż [5] Mark Rose, "The Three Kings & the Star"
  • Ingliż [6] Ġwanni minn Hildesheim, "History of the three Kings" L-istorja tat-tliet slaten tradotta għall-Ingliż modern minn da H. S. Morris
  • Ingliż [7] Caroline Stone, "We Three Kings of Orient Were"