Mantova

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Mantova
 Italja
Amministrazzjoni
Stat sovranItalja
Region of ItalyLombardia
Provinċja tal-ItaljaProvince of Mantua (en) Translate
Isem uffiċjali Mantova
Ismijiet oriġinali Mantova
Kodiċi postali 46100
Ġeografija
Koordinati 45°09′23″N 10°47′28″E / 45.1564°N 10.7911°E / 45.1564; 10.7911Koordinati: 45°09′23″N 10°47′28″E / 45.1564°N 10.7911°E / 45.1564; 10.7911
Mantova is located in Italy
Mantova
Mantova
Mantova (Italy)
Superfiċjenti 63.81 kilometru kwadru
Għoli 19 m
Fruntieri ma' Bagnolo San Vito (en) Translate, Curtatone (en) Translate, Porto Mantovano (en) Translate, San Giorgio Bigarello (en) Translate, Borgo Virgilio (en) Translateu Roncoferraro (en) Translate
Demografija
Popolazzjoni 48,653 abitanti (1 Jannar 2023)
Informazzjoni oħra
Kodiċi tat-telefon 0376
Żona tal-Ħin UTC+1u UTC+2
bliet ġemellati Oradea (en) Translate, Pushkin (en) Translate, Hyderabad (en) Translate, Casale Monferrato (en) Translate, Madison (en) Translate, Charleville-Mézières (en) Translate, Giulianova (en) Translate, Nevers, Bressanoneu Weingarten (en) Translate
comune.mantova.gov.it

Mantova ([ˈmantova]) hija belt u komun fil-Lombardia, l-Italja, u kapitali tal-provinċja bl-istess isem.[1]

Fl-2016, Mantova kienet iddeżinjata l-Kapitali Taljana tal-Kultura. Fl-2017 ġiet imsemmija l-Kapitali Ewropea tal-Gastronomija, inkluża fid-Distrett tal-Lvant tal-Lombardia (flimkien mal-bliet ta’ Bergamo, Brescia, u Cremona).

Fl-2008, iċ-ċentru storiku ta’ Mantova u ta’ Sabbioneta tniżżlu fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO.[2] Il-poter u l-influwenza storiċi ta’ Mantova taħt il-familja Gonzaga għamluha waħda miċ-ċentri artistiċi, kulturali, u speċjalment mużikali tat-Tramuntana tal-Italja u tal-pajjiż kollu kemm hu. Peress li kellha waħda mill-isbaħ residenzi nobbli tal-Ewropa tas-seklu 15, tas-seklu 16 u tal-bidu tas-seklu 17, Mantova hija notevoli għar-rwol sinifikanti li kellha fl-istorja tal-opri; il-belt hija magħrufa wkoll għat-teżori arkitettoniċi u għall-artefatti, għall-palazzi eleganti, u għall-pajsaġġ panoramiku ta’ belt Medjevali u Rinaxximentali. Hija l-belt fejn il-kompożitur Monteverdi wera l-opra tiegħu L'Orfeo għall-ewwel darba u l-post fejn Romeo jiġi mkeċċi f’Romeo u Ġuljetta ta’ William Shakespeare. Hija l-eqreb belt għal raħal twelid il-poeta Ruman Virġilju, li ġie kkommemorat permezz ta’ statwa fil-park ta’ “Piazza Virgiliana” f’xatt il-lag.

L-istemma araldika ta’ Mantova

Mantova hija mdawra fuq tliet naħat minn lagi artifiċjal, maħluqa matul is-seklu 12 bħala s-sistema tad-difiża tal-belt. Dawn il-lagi jirċievu l-ilma mix-xmara Mincio, tributarja tax-xmara Po li tinżel mil-Lag ta’ Garda. It-tliet lagi jissejħu Lago Superiore, Lago di Mezzo, u Lago Inferiore (il-Lagi ta’ Fuq, tan-Nofs u t’Isfel, rispettivament). Ir-raba’ lag, il-Lag Pajolo, li xi darba kien iservi ta’ ħandaq difensiv mimli bl-ilma madwar il-belt, nixef fl-aħħar tas-seklu 18.

Iż-żona u l-madwar tagħha huma importanti mhux biss f’termini naturalistiċi, iżda anke antropoloġikament u storikament; ir-riċerka għamlet enfasi fuq għadd ta’ insedjamenti umani mifruxa bejn Barche di Solferino u Bande di Cavriana, Castellaro u Isolone del Mincio. Dawn kienu datati, mingħajr interruzzjoni, miż-Żmien Neolitiku (il-ħames sar-raba’ millenju Q.K.) sa Żmien il-Bronż (it-tieni sal-ewwel millenju Q.K.) u l-fażijiet Galliċi (it-tieni sal-ewwel sekli Q.K.), u ntemmu b’insedjamenti residenzjali Rumani, li setgħu jiġu rintraċċati sat-tielet seklu W.K.[3]

Fl-2017, Legambiente kklassifikat lil Mantova bħala l-aqwa belt Taljana għall-kwalità tal-ħajja u tal-ambjent.[4]

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

It-Tkeċċija tal-familja Bonacolsi fl-1328, xena ta’ Pjazza Sordello, pittura fuq tiela ta’ Domenico Morone.

Mantova kienet insedjament fuq gżira li ġie stabbilit għall-ewwel darba għall-ħabta tas-sena 2000 Q.K. max-xtut tax-xmara Mincio, li tnixxi mil-Lag ta’ Garda għall-Baħar Adrijatiku. Fis-seklu 6 Q.K., Mantova kienet villaġġ tal-Etruski li, skont it-tradizzjoni Etruska, ġie stabbilit mill-ġdid minn Oknu.[5][6]

L-isem jaf oriġina mill-alla tal-Etruski msejjaħ Mantus. Wara li l-villaġġ inħakem miċ-Ċenomani, tribù Gallika, Mantova għaddiet minn id għall-oħra bejn l-ewwel u t-tieni Gwerer Puniċi kontra r-Rumani, li attribwew isem il-villaġġ lil Manto, it-tifla ta’ Tiresja. Dan it-territorju iktar ’il quddiem ġie popolat minn suldati veterani ta’ Awgustu. L-iktar ċittadin famuż ta’ Mantova tal-qedem huwa l-poeta Virġilju, jew Publius Vergilius Maro (Mantova me genuit), li twieled fis-70 Q.K. f’villaġġ qrib il-belt li issa tissejjaħ Virgilio.[7]

Wara l-waqgħa tal-Imperu Ruman[immodifika | immodifika s-sors]

Wara l-waqgħa tal-Imperu Ruman tal-Punent wara attakk ta’ Odovakar fl-476 W.K., Mantova nħakmet, flimkien mal-bqija tal-Italja, mill-Ostrogoti. Reġgħet ittieħdet mill-Imperu Ruman tal-Lvant f’nofs is-seklu 6 wara l-Gwerra Gotika iżda sussegwentement reġgħet intilfet u sfat f’idejn il-Lombardi. Imbagħad ġiet maħkuma minn Karlu Manju fis-774, u b’hekk Mantova ġiet inkorporata fl-Imperu tal-Franki. Diviżjonijiet tal-imperu (minħabba l-użu tal-wirt maqsum indaqs mill-Franki) fit-Trattati ta’ Verdun u ta’ Prüm wasslu biex Mantova tgħaddi għand Francia tan-Nofs fit-843, imbagħad għand ir-Renju tal-Italja fit-855. Fid-962, ir-Re Otto I tal-Ġermanja invada l-Italja, u b’hekk Mantova saret vassall tal-Imperu Ruman Sagru li kien għadu kemm issawwar.

Fis-seklu 11, Mantova saret parti mill-pussess ta’ Bonifacio di Canossa, Markiż tat-Toskana. L-aħħar mexxej minn dik il-familja kienet il-Kontessa Matilda di Canossa (mietet fl-1115), li, skont leġġenda, ordnat il-kostruzzjoni tar-Rotunda prezzjuża ta’ San Lawrenz fl-1082. Ir-Rotunda għadha teżisti sa llum u ġiet rinnovata fl-2013.

Belt Imperjali Ħielsa[immodifika | immodifika s-sors]

Wara l-mewt ta’ Matilda di Canossa, Mantova saret komun ħieles u ddefendiet ruħha bla heda mill-influwenza tal-Imperu Ruman Sagru matul is-sekli 12 u 13. Fl-1198, Alberto Pitentino biddel il-fluss tax-xmara Mincio, u ħoloq dawk li l-Mantovani jsejħulhom bħala “l-erba’ lagi” biex issaħħaħ il-protezzjoni naturali tal-belt. Tlieta minn dawn il-lagi għadhom jeżistu sa llum u r-raba’ wieħed, li kien jgħaddi miċ-ċentru tal-belt, ġie mirdum fis-seklu 18.

Podestà[immodifika | immodifika s-sors]

Mill-1215, il-belt ġiet immexxija taħt il-podestà tal-poeta u statista tal-Gwelfi Rambertino Buvalelli.

Matul it-taqbida bejn il-Gwelfi u l-Gibellini, Pinamonte Bonacolsi ħa vantaġġ tas-sitwazzjoni kaotika biex jaħtaf il-poter tal-podestà fl-1273. Huwa ġie ddikjarat bħala l-Kaptan Ġeneral tal-Poplu. Il-familja Bonacolsi mexxiet lil Mantova għaż-żewġ ġenerazzjonijiet ta’ wara u żiditilha l-prosperità u s-sbuħija artistika. Fis-16 ta’ Awwissu 1328, Luigi Gonzaga, uffiċjal fil-podestà tal-familja Bonacolsi, flimkien mal-familja tiegħu organizzaw rewwixta pubblika f’Mantova kif ukoll kolp ta’ stat kontra l-aħħar mexxej tal-familja Bonacolsi, Rinaldo.

Familja Gonzaga[immodifika | immodifika s-sors]

Ludovico Gonzaga jirċievi l-aħbar li ibnu Francesco sar kardinal; affresk ta’ Andrea Mantegna fil-Kamra tal-Miżżewġin fil-Palazz Dukali.

Ludovico Gonzaga, li kien il-Podestà ta’ Mantova mill-1318, ġie elett Kaptan tal-Poplu. Il-familja Gonzaga bniet swar ġodda b’ħames bibien/daħliet u rinnovat il-belt fis-seklu 14; madankollu, is-sitwazzjoni politika baqgħet imwiegħra sat-tielet mexxej tal-familja Gonzaga, Ludovico III Gonzaga, li elimina lil qrabatu u ċċentralizza l-poter fuqu nnifsu. Matul ir-Rinaxximent Taljan, il-familja Gonzaga ratbet it-tmexxija despotika tagħha u kompliet iżżid il-livell ta’ kultura u rfinar f’Mantova.[8] Mantova saret ċentru sinifikanti tal-arti u tal-umaniżmu Rinaxximentali. Il-Markiż Gianfrancesco Gonzaga ġab lil Vittorino da Feltre lejn Mantova fl-1423 sabiex jiftaħ l-iskola umanista famuża tiegħu, magħrufa bħala Casa Giocosa.

Affresk famuż ta’ Andrea Mantegna fil-Palazz Dukali ta’ Mantova li juri l-ħajja tal-familja Gonzaga fl-aqwa tagħhom.

Isabella d'Este, il-Markiża ta’ Mantova, iżżewġet lil Francesco II Gonzaga, il-Markiż ta’ Mantova, fl-1490. Meta ċċaqilqet minn Ferrara għal Mantova (hi kienet it-tifla tad-Duka Erkole, il-mexxej ta’ Ferrara), hija ħolqot l-ewwel studjo żgħir (bit-Taljan: studiolo) famuż tagħha, l-ewwel fil-Kastell ta’ San Ġorġ fejn ikkummissjonat pitturi mingħand Mantegna, Perugino u Lorenzo Costa. Iktar ’il quddiem ċaqilqet l-istudjo tagħha lejn il-Qorti l-Qadima u kkummissjonat żewġ pitturi mingħand Correggio biex jitpoġġew mal-ħames pitturi l-oħra mill-Kastell ta’ San Ġorġ. Ma kinitx xi ħaġa tas-soltu li mara jkollha studjo fl-Italja tas-seklu 15 ladarba dan kien jitqies bħala spazju tal-irġiel. Isabella kienet kollezzjonista kbira u tant kellha reputazzjoni għolja li Niccolò da Corregio sejħilha “l-ewwel mara tad-dinja”.

Permezz ta’ ħlas ta’ 120,000 fjorin tad-deheb fl-1433, Gianfrancesco I ġie maħtur bħala l-Markiż ta’ Mantova mill-Imperatur Sigismundo. In-neputija tal-imperatur, Barbara ta’ Brandenburg iżżewġet lil iben il-Markiż, Ludovico. Fl-1459, il-Papa Piju II organizza l-Kunsill ta’ Mantova biex jipproklama kruċjata kontra t-Torok. Taħt Ludovico u l-werrieta tiegħu, il-pittur Rinaxximentali famuż Andrea Mantegna ħadem f’Mantova bħala pittur tal-familja Gonzaga, u pproduċa wħud mill-iktar xogħlijiet straordinarji tiegħu.

Dukat ta’ Mantova[immodifika | immodifika s-sors]

L-ewwel Duka ta’ Mantova kien Federico II Gonzaga, li kiseb it-titlu mill-Imperatur Ruman Sagru Karlu V fl-1530. Federico kkummissjona lil Giulio Romano biex jibni Palazzo Te, fil-periferija tal-belt, u tejjeb il-belt ferm. Fl-aħħar tas-seklu 16, Claudio Monteverdi ġie Mantova minn belt twelidu Cremona. Huwa ħadem taħt Vincenzo I Gonzaga, l-ewwel bħala kantant u vjolista, u mbagħad bħala direttur mużikali. Huwa żżewweġ lill-kantanta Claudia Cattaneo fl-1599.

Minn Gonzaga għall-Asburgi[immodifika | immodifika s-sors]

Palazzo Te

Fl-1627, l-arblu tar-razza dirett tal-familja Gonzaga ntemm b’Vincenzo II, u Mantova bil-mod il-mod qabdet it-triq tan-niżla taħt il-mexxejja l-ġodda, Gonzaga-Nevers, fergħa Franċiża tal-familja. Faqqgħet il-Gwerra tas-Suċċessjoni Mantovana, u fl-1630 armata imperjali ta’ 36,000 merċenarju tal-Landsknecht assedjat lil Mantova, u dan wassal għall-pesta. Ferdinando Carlo IV, mexxej bla ħila, li kien jinteressah biss li jorganizza festini u spettakli teatrali, għamel alleanza ma’ Franza fil-Gwerra tas-Suċċessjoni Spanjola. Wara t-telfa tal-Franċiżi, huwa mar għall-kenn f’Venezja u miegħu ħa xi elf pittura. Mal-mewt tiegħu fl-1708, id-Duka ta’ Mantova tneħħa u l-familja Gonzaga tilfet il-belt ta’ Mantova għal dejjem. Mantova spiċċat f’idejn l-Asburgi tal-Awstrija.

Taħt it-tmexxija Awstrijaka, Mantova reġgħet ħadet il-ħajja u matul dan il-perjodu nbnew l-Akkademja Rjali tax-Xjenzi, tal-Lingwi u tal-Arti, it-Teatru Xjentifiku, u bosta palazzi u binjiet.

Gwerer ta’ Napuljun[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1786, għaxar snin qabel il-kampanja militari ta’ Napuljun Bonaparte fl-Ewropa, id-Dukat Awstrijaku ta’ Mantova għal żmien qasir ingħaqad mad-Dukat ta’ Milan sal-1791.

Fl-4 ta’ Ġunju 1796, Mantova ġiet assedjata mill-armata ta’ Napuljun bħala mossa kontra l-Awstrija, li kienet għaqdet l-Ewwel Koalizzjoni kontra Franza. It-tentattivi Awstrijaki u Russi li jirreżistu l-assedju fallew, iżda kienu kapaċi jifirxu l-forzi Franċiżi biżżejjed biex kellhom jabbandunaw l-assedju fil-31 ta’ Lulju. Minkejja dan, fl-24 ta’ Awwissu l-Franċiż komplew l-assedju. Fil-bidu ta’ Frar 1797, il-belt arrendiet u r-reġjun spiċċa taħt amministrazzjoni Franċiża. Sentejn wara, fl-1799, il-belt reġgħet inħatfet mill-Awstrijaki wara l-Assedju ta’ Mantova.

Iktar ’il quddiem, il-belt reġgħet għaddiet taħt il-kontroll ta’ Napuljun u saret parti mir-Renju tal-Italja ta’ Napuljun. Fl-1810, Andreas Hofer ġie ġustizzjat ħdejn Porta Giulia, daħla tal-belt f’Borgo di Porto (Cittadella) talli mexxa insurrezzjoni fil-Kontea ta’ Tirol kontra Napuljun.

Renju ta’ Lombardia-Venezja[immodifika | immodifika s-sors]

Wara l-perjodu qasir ta’ tmexxija Franċiża, Mantova reġgħet spiċċat f’idejn l-Awstrija fl-1814, u saret waħda mill-bliet fortizza tal-Quadrilatero fit-Tramuntana tal-Italja. Wara l-Kungress ta’ Vjenna (1815), Mantova saret provinċja fir-Renju ta’ Lombardia-Venezja tal-Imperu Awstrijaku. Madankollu, l-aġitazzjoni kontra l-Awstrija laħqet l-ogħla livell tagħha f’rewwixta li damet mill-1851 sal-1855, iżda din finalment ġiet ikkontrollata mill-armata Awstrijaka. Wieħed mill-iktar episodji famużi tar-Risorġiment Taljan seħħ fil-wied ta’ Belfiore, fejn grupp ta’ ribelli ġew mgħallqa mill-Awstrijaki.

Unifikazzjoni tal-Italja[immodifika | immodifika s-sors]

Fil-Battalja ta’ Solferino (it-Tieni Gwerra Taljana għall-Indipendenza) fl-1859, Piemonte-Sardenja tal-familja Savoia, żammew mal-Imperatur Franċiż Napuljun III, kontra l-Imperu Awstrijaku. Wara t-telfa li ġarrbet l-Awstrija, il-Lombardia ġiet ċeduta lil Franza, li ttrasferietha lil Piemonte-Sardenja bi tpartit għal Nizza u Savoia.

Mantova, għalkemm kienet provinċja kostitwenti tal-Lombardia, xorta waħda baqgħet taħt l-Imperu Awstrijaku flimkien ma’ Venezja. Fl-1866, il-Konfederazzjoni tat-Tramuntana tal-Ġermanja mmexxija mill-Prussja żammet mar-Renju tal-Italja li kien għadu kemm issawwar u li kien immexxi minn Piemonte, kontra l-Imperu Awstrijaku fit-Tielet Gwerra Taljana għall-Indipendenza. It-telfa ħesrem tal-Awstrija wasslet biex tirtira mir-Renju ta’ Venezja (inkluż mill-belt kapitali Venezja). Mantova reġgħet ingħaqdet mar-reġjun tal-Lombardia u ġiet inkorporata fir-Renju tal-Italja.

Sit ta’ Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Veduta panoramika ta’ Mantova mix-xatt oppost tax-xmara Mincio

Mantova, flimkien ma’ Sabbioneta, ġiet iddeżinjata bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2008.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta’ żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) “Wirja ta’ skambju importanti ta’ valuri umani, tul perjodu ta’ żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ” u l-kriterju (iii) “Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta’ tradizzjoni kulturali jew ta’ ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet”.[2]

Siti ewlenin[immodifika | immodifika s-sors]

Veduta panoramika Pjazza Sordello, il-qalba taċ-ċentru storiku ta’ Mantova

Il-familja Gonzaga pproteġiet l-arti u l-kultura, u ospitat diversi artisti importanti bħal Leone Battista Alberti, Andrea Mantegna, Giulio Romano, Donatello, Peter Paul Rubens, Pisanello, Domenico Fetti, Luca Fancelli u Nicolò Sebregondi. Minkejja li ħafna mill-kapulavuri ġew sparpaljati, il-valur kulturali ta’ Mantova xorta waħda huwa straordinarju, u ħafna mill-binjiet ekkleżjastiċi ta’ Mantova huma eżempji importanti uniċi tal-arkitettura Taljana.

Fost il-binjiet ikoniċi ewlenin hemm:

  • il-Palazzo Te (1525-1535): palazz semirurali ta’ Giulio Romano[9] (li għex f’Mantova fl-aħħar snin ta’ ħajtu) bi stil Rinaxximentali matur, u b’xi ħjiel ta’ Manjeriżmu ta’ wara żmien Raffaello. Il-palazz kien il-villa residenzjali tas-sajf ta’ Federico II Gonzaga. Attwalment jospita l-Mużew Ċiviku (permezz tad-donazzjonijiet ta’ Arnoldo Mondadori, wieħed mill-iktar pubblikaturi Taljani importanti, u ta’ Ugo Sissa, arkitett Mantovan li ħadem fl-Iraq u li minn hemm ġab miegħu opri tal-arti importanti tal-Mesopotamja)
  • il-Palazz Dukali: residenza famuża tal-familja Gonzaga, magħmula minn numru ta’ binjiet, btieħi u ġonna madwar il-Palazzo del Capitano, il-Magna Domus u l-Kastell ta’ San Ġorġ bil-Kamra tal-Miżżewġin (bit-Taljan: Camera degli Sposi), kamra mimlija affreski magħmula minn Andrea Mantegna.
  • il-Bażilika ta’ Sant'Indrija: il-kostruzzjoni tagħha nbdiet fl-1462 skont id-disinni ta’ Leon Battista Alberti iżda tlestiet biss fis-seklu 18 meta nbniet il-koppla enormi ddisinjata minn Filippo Juvarra.
  • id-Duomo (il-Katidral ta’ San Pietru l-Appostlu)
  • ir-Rotunda ta’ San Lawrenz
  • it-Teatru Bibiena: magħruf ukoll bħala t-Teatru Xjentifiku, ġie ddisinjat minn Antonio Bibiena fl-1767-1769. It-teatru ġie inawgurat uffiċjalment fit-3 ta’ Diċembru 1769 u fis-16 ta’ Jannar 1770, Wolfgang Amadeus Mozart, li kellu 13-il sena, għamel kunċert fih.
  • il-Knisja ta’ San Bastjan
  • il-Palazz tal-Isqof
  • il-Palazzo degli Uberti
  • il-Palazzo d'Arco: palazz Neo-Klassiku li nbena fl-1746 minn familja nobbli minn Trento li tat isimha lill-binja. Fil-palazz attwalment hemm mużew u gallerija ta’ pitturi bix-xogħlijiet ta’ Bernardino Luini, Alessandro Magnasco, Frans Pourbus iż-Żgħir, Anthony van Dyck u ċiklu ta’ pitturi ta’ Giuseppe Bazzani.
  • it-Torre della Gabbia (it-Torri tal-Gaġġa)
  • il-Palazz tal-Podestà
  • il-Palazzo della Ragione bit-Torri tal-Arloġġ
  • il-Palazz Bonacolsi
  • il-Palazz Valenti Gonzaga: eżempju ta’ arkitettura u tiżjin Barokki, b’affreski li ġew attribwiti lill-pittur Fjamming Frans Geffels. Il-faċċata tal-palazz ġiet iddisinjata minn Nicolò Sebregondi.
  • il-Casa del Mercato (id-Dar tas-Suq): binja Rinaxximentali mimlija affreski li ġiet iddisinjata minn Luca Fancelli fl-1462 u li iktar ’il quddiem intużat minn Andrea Mantegna.
  • id-Dar ta’ Mantegna: faċċata tal-Knisja ta’ San Bastjan. Din bdiet tinbena minn Mantegna fl-1476, skont pjanta b’bitħa interna ċirkolari inkluża fi ħdan binja kwadra esterna. Attwalment tintuża għal wirjiet temporanji.
  • il-Mużew Djoċesan ta’ Francesco Gonzaga: mużew tal-arti fejn jintwerew oġġetti sagri, armaturi, muniti, tapizzeriji, oġġetti tal-fuħħar, u pitturi antiki u kontemporanji.
  • il-Knisja ta’ Santa Pawla: knisja li nbniet fil-bidu tas-seklu 15 skont ir-rieda tal-Markiża Paola Malatesta, il-mara ta’ Francesco II. Arkitetti bħal Luca Fancelli u Giulio Romano kkollaboraw fil-kostruzzjoni tagħha. Il-knisja fiha l-oqbra ta’ ħames membri tal-familja Gonzaga, fosthom dawk ta’ Paola Malatesta u Francesco II.
  • il-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Gradaro: knisja li bdiet tinbena mill-1256 fuq is-sit fejn skont it-tradizzjoni kien midfun San Lonġinu. Fl-1772 il-knisja saret maħżen, u reġgħet ġiet ikkonsagrata biss fis-snin 50 tas-seklu 20.

Trasport[immodifika | immodifika s-sors]

Veduta ta’ Mantova billejl bil-Kastell ta’ San Ġorġ mixgħul

Karozza[immodifika | immodifika s-sors]

Bil-karozza, wieħed jista’ jasal Mantova bl-awtostrada A4 (Milan-Venezja) sa Verona, imbagħad jaqbad l-awtostrada A22 (Brennero-Modena). Inkella, wieħed jista’ jasal Mantova minn Milan fuq it-triq statali 415 (Milan-Cremona) sa Cremona u minn hemm jaqbad it-triq statali 10 (Cremona-Mantova), jew minn Verona fuq it-triq statali 62.

Ferrovija[immodifika | immodifika s-sors]

L-istazzjon ferrovjarju ta’ Mantova, li nfetaħ fl-1873, jinsab fuq ir-rotot ferrovjarji ta’ Milan-Codogno-Cremona-Mantova u Verona-Mantova-Modena. L-istazzjon huwa l-venda għal tliet linji reġjonali, lejn Cremona u Milan, lejn Monselice, u lejn Verona Porta Nuova u Modena. Trenitalia topera kollegament ta’ veloċità għolja ta’ kuljum ma’ Ruma.

Ajru[immodifika | immodifika s-sors]

L-eqreb ajruport huwa dak ta’ Verona-Villafranca. Is-servizz privat dirett bil-karozzi tal-linja li kien jikkollega l-ajruport mal-istazzjon ferrovjarju ta’ Mantova ġie kkanċellat fl-1 ta’ Jannar 2015. Attwalment hemm kollegament pubbliku bil-karozzi tal-linja li huwa pprovdut mill-ajruport sal-istazzjon ferrovjarju ta’ Verona Porta Nuova, u mbagħad wieħed jista’ jaqbad il-ferrovija minn Verona sa Mantova.

Tal-linja[immodifika | immodifika s-sors]

Is-servizzi lokali bil-karozzi tal-linja pprovdut minn APAM huwa maqsum fuq żewġ livelli: is-servizz urban fi ħdan iż-żona taċ-ċentru u s-subborgi) u dak interurban fi ħdan l-irħula u l-villaġġi tal-madwar.

Mixxellanji[immodifika | immodifika s-sors]

  • Stħarriġ annwali ta’ Legambiente (moviment ekoloġista tal-Italja) fl-2005 iddikjara li Mantova kienet l-iktar belt “tajba biex tgħix fiha” fl-Italja. L-istħarriġ kien ibbażat fuq il-livelli ta’ tniġġis, il-kwalità tal-ħajja, it-traffiku, u t-trasport pubbliku, fost kriterji oħra.
  • Il-ġisem ta’ San Lonġinu, li ġie rkuprat u ntilef darbtejn, jingħad li nstab għal darb’oħra f’Mantova fl-1304, flimkien mal-Isponża Mqaddsa mtebba’ bid-demm ta’ Kristu.
  • Il-kompożitur Claudio Monteverdi ġie impjegat minn Vincenzo Gonzaga, id-Duka ta’ Mantova, il-mexxej tad-Dukat ta’ Mantova, meta kiteb il-Vespro della Beata Vergine, ippubblikat fl-1610. Iben Vincenzo u s-suċċessur tiegħu, Francesco IV Gonzaga, id-Duka ta’ Mantova, fl-1612 keċċa lil Monteverdi, li kiseb pożizzjoni iktar prestiġjuża fil-Bażilika ta’ San Mark f’Venezja.
  • Mill-1997, Mantova ospitat il-Festivaletteratura, wieħed mill-iktar avvenimenti letterarji rinomati fl-Ewropa.
  • Fl-2007, il-fdalijiet ta’ żewġ katavri, magħrufa bħala l-Maħbubin ta’ Valdaro, ġew skoperti waqt il-kostruzzjoni ta’ fabbrika. Huwa maħsub li l-fdalijiet għandhom bejn 5,000 u 6,000 sena. Ġie spekulat ukoll li l-fdalijiet huma ta’ żewġ żgħażagħ maħbubin għaliex iż-żewġ skeletri nstabu qishom kienu mgħannqin.[10]
  • F’Mejju 2012, terremot kbir heżżeż it-Tramuntana tal-Italja u kkawża ħsarat lil xi binjiet storiċi ta’ Mantova, fosthom il-Palazz Dukali. Wara xhur ta’ tiswija, il-Palazz Dukali reġa’ nfetaħ f’Settembru 2012.
  • Il-kompożitur Antonio Vivaldi ġie impjegat mill-Gvernatur ta’ Mantova bejn l-1718 u l-1720. Mantova ispiratu biex jikteb l-Erba’ Staġuni u l-belt baqgħet magħrufa fl-Italja li tgawdi minn varjazzjonijiet staġonali.

Gvern[immodifika | immodifika s-sors]

Mill-organizzazzjoni politika mill-ġdid tal-gvern lokali fl-1993, Mantova ġiet iggvernata mill-Kunsill tal-Belt ta’ Mantova. Il-votanti jeleġġu direttament lil 33 kunsillier u lis-Sindku ta’ Mantova kull ħames snin. Is-Sindku ta’ Mantova attwali huwa Mattia Palazzi (PD), li ġie elett fil-15 ta’ Ġunju 2015 u mill-ġdid fl-2020 għal mandat ieħor.

Ġemellaġġ[immodifika | immodifika s-sors]

Mantova hija ġemellata ma’:[11]

  • Charleville-Mézières, Franza, 1959
  • Nevers, Franza, 1959
  • Pushkin, ir-Russja, 1993
  • Weingarten, il-Ġermanja, 1998
  • Madison, l-Istati Uniti, 2001
  • Ōmihachiman, il-Ġappun, 2005
  • Oradea, ir-Rumanija, 2005

Ċittadini notevoli[immodifika | immodifika s-sors]

  • Marcus Antonius Antimachus (għall-ħabta tal-1473 – 1552), pijunier tat-tagħlim Rinaxximentali tal-lingwa Griega.
  • Giovanni Battista Bertani (1516–1576), arkitett.
  • Giacomo Benefatti (1304–1332), isqof Kattoliku Ruman.
  • Constanzo Beschi, (it-8 ta’ Novembru 1680 – 1742), poeta Tamil magħruf sew. Huwa magħruf bħala Vīramāmunivar bit-Tamil.
  • Baldassare Castiglione (is-6 ta’ Diċembru 1478 – it-2 ta’ Frar 1529), il-Konti ta’ Casatico, uffiċjal, diplomatiku, suldat u awtur.
  • Gino Fano (1871–1952), matematiku.
  • San Alwiġi Gonzaga (1568-1591), Ġiżwita.
  • Pietro Giovanni Guarneri (1655–1720), produttur tal-vjolini tal-familja Guarneri; telaq minn Cremona fl-1679 u eventwalment stabbilixxa ruħu f’Mantova.
  • Learco Guerra (1902–1963), ċiklista professjonista; fil-1931 rebaħ il-kampjonat tad-dinja taċ-ċikliżmu.
  • Alfredo Guzzoni (1877–1965), Ġeneral tal-Armata Taljana fit-Tieni Gwerra Dinjija
  • Alberto Jori, filosfu Neo-Aristoteljan.
  • Maħbubin ta’ Valdaro
  • Claudio Monteverdi (għall-ħabta tal-1567 – 1643), kompożitur.
  • Tazio Nuvolari (1892–1953), motoċiklista u sewwieq tal-karozzi tat-tlielaq.
  • Ippolito Nievo (1831–1861), kittieb, ġurnalist u patrijott.
  • Dave Rodgers (1963–), mużiċista u kantant.
  • Pietro Pomponazzi (1462–1525), filosfu Taljan. Xi kultant huwa magħruf bl-isem Latin tiegħu Petrus Pomponatius.
  • Samuel Romanelli (1757–1814), intellettwali Lhudi u kittieb dwar il-vjaġġi li ppubblikat l-ewwel etnografija moderna tal-Marokkini Lhud.
  • Salamone Rossi (ca. 1570 – 1630), vjolinista u kompożitur Lhudi li kien direttur tal-kunċerti f’Mantova mill-1587 sal-1628.
  • Giuseppe Sarto (1835–1914), maħtur Isqof fl-1884 qabel ma sar il-Papa Piju X fl-1903.
  • Stefano Scarampella (1843–1925), produttur tal-vjolini; telaq minn Brescia u stabbilixxa ruħu f’Mantova fl-1886.
  • Ada Sacchi Simonetta (1874–1944), librar u attivista għad-drittijiet tan-nisa.
  • Leone de' Sommi (għall-ħabta tal-1525 – għall-ħabta tal-1590), direttur teatrali u kittieb.
  • Sordello jew Sordel, troubadour tas-seklu 13 mil-Lombardia; twieled fil-muniċipalità ta’ Goito fil-provinċja ta’ Mantova.
  • Franca Sozzani, editur kap ta’ Vogue Italia twieldet f’Mantova.
  • Virġilju (70 Q.K.–19 Q.K.), poeta klassiku Ruman.

Fizzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

  • F’Romeo u Ġuljetta ta’ William Shakespeare, Romeo jiġi kkastigat talli qatel lil Tybalt: huwa jiġi eżiljat minn Verona għal Mantova. Il-pjan kien li kemm Romeo kif ukoll Ġuljetta jaħarbu minn Verona wara li Ġuljetta tqum mill-mewta taparsi tagħha, iżda dan qatt ma seħħ, għaliex Romeo miet, u hi qatlet lilha nnifisha b’sejf.
  • F’The Taming of the Shrew ta’ William Shakespeare, is-surmast tal-iskola li jagħmilha taparsi ta’ missier Lucentio, Vincentio, huwa minn Mantova. Hortensio jiġi ppreżentat bħala "Licio, imwieled f’Mantova". Karattru ieħor bl-isem ta’ "Pedant" jiddikjara wkoll li huwa minn Mantova.[12]
  • L-opra Rigoletto ta’ Giuseppe Verdi (ibbażata fuq Le roi s'amuse ta’ Victor Hugo) hija ambjentata f’Mantova. L-awtoritajiet Awstrijaki-Ungeriżi f’Venezja ġegħluh jiċċaqlaq minn Franza lejn Mantova. Binja Medjevali b’portiku u loġġa tas-seklu 15 f’Mantova jingħad li hija d-“dar ta’ Rigoletto". Fil-verità kienet id-dar ta’ dawk li kienu jattendu l-katidral regolarment. Din intgħażlet mill-familja Gonzaga bħala r-residenza tal-ġifa leġġendarja li mbagħad intużat minn Verdi fl-opra tiegħu.

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ "Portale istituzionale del Comune di Mantova". www.comune.mantova.gov.it. Miġbur 2021-07-15.
  2. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Mantua and Sabbioneta". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-15.
  3. ^ "Mantua | Encyclopedia.com". www.encyclopedia.com. Miġbur 2021-07-15.
  4. ^ "Ecosistema Urbano • Legambiente" (bit-Taljan). 2020-11-06. Miġbur 2021-07-15.
  5. ^ Fagles, Robert, ed.: The Aeneid (2006), 10.242, Penguin Group, ISBN 0-670-03803-2.
  6. ^ Lucchini, Daniele: Rise and fall of a capital. The history of Mantua in the words of who wrote about it (2013), ISBN 978-1-291-78388-9.
  7. ^ Conte, Gian Biagio. Trans. Joseph B. Solodow Latin Literature: A History Johns Hopkins University Press, 1994.
  8. ^ Henry S. Lucas, The Renaissance and the Reformation (Harper & Bros. Publishers: New York, 1960) pp. 42-43.
  9. ^ "Mantua: Italy's sleeping beauty city". the Guardian (bl-Ingliż). 2013-03-29. Miġbur 2021-07-15.
  10. ^ "Prehistoric Romeo and Juliet discovered : thewest.com.au". web.archive.org. 2007-09-27. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-09-27. Miġbur 2021-07-15.
  11. ^ "Gemellaggi". www.comune.mantova.gov.it. Miġbur 2021-07-15.
  12. ^ "Taming of the Shrew: Entire Play". shakespeare.mit.edu. Miġbur 2021-07-15.