Donatello
| Donatello | |
|---|---|
|
| |
| Ħajja | |
| Isem propju | Donato di Niccolò di Betto Bardi |
| Twelid | Firenze, c. 1386 |
| Nazzjonalità | Repubblika ta' Firenze |
| Grupp etniku | Taljani |
| Mewt | Firenze, 13 Diċembru 1466 (Gregorian) |
| Post tad-dfin |
Basilica of San Lorenzo (en) |
| Edukazzjoni | |
| Lingwi | Taljan |
| Għalliema |
Bicci di Lorenzo (mul) Giovanni d'Ambrogio (mul) |
| Studenti |
uri |
| Okkupazzjoni | |
| Okkupazzjoni |
skultur pittur |
| Post tax-xogħol |
Firenze Padova Ruma Ferrara Lucca Mantova Modena Napli Pisa Prato Siena |
| Impjegaturi |
Lorenzo Ghiberti (mul) |
| Xogħlijiet importanti |
Tomb of Giovanni Pecci (en) Candelabra Angels (en) David (en) Donatello's Crucifix of Santa Croce (en) Zuccone (en) Bearded Head (en) Crucifixion (en) Saint Massimo and Saint Prosdocimo (en) Forzori Altar (en) Martelli coat of arms (en) Donatello's Marzocco replica (en) Replica of Protome (en) Winged Putto with a Fantastic Fish (en) Saint John the Evangelist (en) |
| Moviment | Rinaxximent Bikri |
| Moviment artistiku |
arti reliġjuża ritratt ekwestri ritratt pittura mitoloġika |
Donato di Niccolò di Betto Bardi (twieled għall-ħabta tal-1386 – miet fit-13 ta' Diċembru 1466), magħruf aħjar bħala Donatello (pronunzja: [donaˈtɛllo])[1], kien skultur minn Firenze tal-perjodu Rinaxximentali.[2] Imwieled f'Firenze, huwa studja l-iskultura klassika u użaha biex jiżviluppa stil Rinaxximentali komplut fl-iskultura. Huwa qatta' żmien fi bliet oħra, u meta kien fihom huwa ħadem fuq kummissjonijiet u għallem lill-oħrajn; il-perjodi li qatta' f'Ruma, f'Padova u fi Siena introduċew it-tekniki tiegħu f'partijiet oħra tal-Italja, li ġew żviluppati matul karriera twila u produttiva. Iffinanzjat minn Cosimo de' Medici, id-David ta' Donatello kien l-ewwel skultura wieqfa ta' raġel għerwien mill-antikità.
Huwa ħadem bil-ġebel, bil-bronż, bl-injam, bit-tafal, bl-istukko u bix-xama', u kellu diversi assistenti, għalkemm tipikament jissemmew erba' l-iktar. Għalkemm l-iżjed xogħlijiet magħrufa tiegħu kienu l-istatwi, huwa żviluppa tip ġdid ħafif ħafna ta' bassoriljiev għal xogħlijiet żgħar, u għadd kbir tax-xogħol tiegħu kienu riljievi arkitettoniċi ferm ikbar.
Ħajja bikrija
[immodifika | immodifika s-sors]Donatello kien iben Niccolò di Betto Bardi, li kien membru tal-Arti tas-Suf ta' Firenze. Huwa twieled f'Firenze, x'aktarx fl-1386. Donatello kiseb l-edukazzjoni tiegħu fid-dar tal-familja Martelli.[3] Milli jidher ingħata t-taħriġ artistiku bikri tiegħu fi studjo ta' arġentier (tad-deheb), u mbagħad ħadem għal żmien qasir fl-istudjo ta' Lorenzo Ghiberti.[4]
F'Pistoia fl-1401, Donatello ltaqa' ma' Filippo Brunelleschi. X'aktarx marru Ruma flimkien għall-ħabta tal-1403, u baqgħu hemmhekk sas-sena ta' wara, biex jistudjaw il-fdalijiet arkitettoniċi. Brunelleschi informalment għallem lil Donatello fl-arti tal-iskultura u tal-arġentiera (tad-deheb).[5] Il-binjiet ta' Brunelleschi u l-iskulturi ta' Donatello jitqiesu bħala espressjonijiet supremi tal-ispirtu ta' din l-epoka fl-arkitettura u fl-iskultura, u eżerċitaw influwenza qawwija fuq l-artisti ta' dak iż-żmien.
Firenze
[immodifika | immodifika s-sors]F'Firenze, Donatello għen lil Lorenzo Ghiberti bl-istatwi tal-profeti għall-bieb tat-Tramuntana tal-Battisterju tal-Katidral ta' Firenze, u tħallas tagħhom f'Novembru 1406 u fil-bidu tal-1408. Fl-1409-1411 huwa wettaq figura bilqiegħda kolossali ta' San Ġwann l-Evanġelista, li kienet tokkupa niċċa tal-faċċata tal-katidral l-antik sal-1588, u li issa tinstab fil-Mużew tal-Opri tal-Bażilika. Dan ix-xogħol jimmarka pass deċiżiv 'il quddiem mill-Manjeriżmu Gotiku Aħħari fit-tfittxija għan-naturaliżmu u għall-ħolqien mill-ġdid tas-sentimenti umani. Il-wiċċ, l-ispallejn, u l-bust kienu għadhom idealizzati, filwaqt li l-idejn u d-drapp fuq ir-riġlejn huma iktar realistiċi.
Fl-1411-1413, Donatello ħadem fuq statwa ta' San Mark għall-knisja tax-xirka ta' Orsanmichele. Fl-1417 huwa lesta l-istatwa ta' San Ġorġ għall-Konfraternità tal-produtturi tal-armaturi. Mill-1423 ħadem fuq l-istatwa ta' San Alwiġi ta' Toulouse għal Orsanmichele, li issa tinsab fil-Mużew tal-Bażilika ta' Santa Croce. Donatello skolpixxa wkoll il-gwarniċ klassiku għal din l-opra, li għadu jeżisti, filwaqt li l-istatwa ġiet imċaqilqa fl-1460 u ssostitwita bl-Inkredulità ta' San Tumas ta' Verrocchio.[6]
Bejn l-1415 u l-1426, Donatello ħoloq ħames statwi għall-kampnar tal-Knisja ta' Santa Maria del Fiore f'Firenze, magħrufa wkoll bħala l-Bażilika jew il-Katidral. Dawn ix-xogħlijiet jinkludu l-Profeta bla Daqna; il-Profeta bid-Daqna (it-tnejn mill-1415); is-Sagrifiċċju ta' Iżakk (1421); Habbakuk (1423-1425); u Ġeremija (1423-1426); li jsegwu l-mudelli klassiċi għall-oraturi u huma kkaratterizzati minn dettalji qawwijin minn ritratti. Fis-snin 20 tas-seklu 15 holoq ir-riljiev tal-Pazzi Madonna f'Berlin. Fl-1425, huwa wettaq il-Kurċifiss notevoli għal Santa Croce; dan ix-xogħol juri lil Kristu f'mument ta' agunija, b'għajnejh u ħalqu parzjalment miftuħin, u b'ġismu f'poża mhux grazzjuża.
Mill-1425 sal-1427, Donatello kkollabora ma' Michelozzo fuq il-monument funebri tal-Antipapa Ġwanni XXIII għall-Battisterju ta' Firenze. Donatello għamel il-figura tal-bronż tad-deċedut taħt arzella. Fl-1427, huwa kkompleta f'Pisa riljiev tal-irħam għall-monument funebri tal-Kardinal Rainaldo Brancacci fil-Knisja ta' Sant'Angelo a Nilo f'Napli. Fl-istess perjodu, huwa wettaq ir-riljiev tal-Festa ta' Erodi (għall-ħabta tal-1427) u l-istatwi tal-Fidi u t-Tama għall-Battisterju ta' San Ġwann fi Siena. Il-Festa ta' Erodi hija fil-biċċa l-kbira stiacciato (bassoriljiev ħafif ħafna), b'figuri ta' bassoriljiev fuq quddiem, u hija waħda mill-ewwel eżempji ta' perspettiva minn punt wieħed fl-iskultura.
Donatello rrestawra wkoll skulturi antiki għal Palazzo Medici.[7]
David tal-bronż
[immodifika | immodifika s-sors]Id-David tal-bronż ta' Donatello, li issa jinsab fil-mużew tal-Bargello, hija l-iżjed opra famuża tiegħu, u l-ewwel statwa wieqfa magħrufa ta' raġel għerwien mill-antikità. Ikkonċepita għalkollox mingħajr ebda sfond arkitettoniku, u tirrappreżenta l-iktar allegorija tal-virtujiet ċiviċi li jittrijonfaw fuq il-brutalità u l-irrazzjonalità, x'aktarx li hija l-ewwel opra maġġuri tal-iskultura Rinaxximentali. Ġiet ikkummissjonata minn Cosimo de' Medici għall-bitħa interna tal-Palazzo Medici tiegħu, iżda d-data meta ġiet magħmula għadha soġġett ta' dibattitu. Spiss tiġi datata fis-snin 40 tas-seklu 15, iżda ġieli ġiet datata fis-snin 60 tas-seklu 15 minn xi studjużi. Ma għandhiex tiġi konfuża mad-David tal-ġebel tiegħu, imlibbes, tal-ħabta tal-1408-1409.
Uħud sostnew li d-David għandu kwalitajiet omoerotiċi u li dan jirrefletti l-orjentazzjoni tal-artist stess.[8] L-istoriku Paul Strathern isostni li Donatello ma kienx jaħbi li kien omosesswali, u li l-imġiba tiegħu kienet tollerata minn ħbiebu.[9] L-evidenza prinċipali ġejja minn anedotti ta' Angelo Poliziano fid-"Detti piacevoli" tiegħu, fejn jikteb dwar Donatello mdawwar b'"assistenti sbieħ" u li wieħed minnhom ħarablu minn l-istudjo tiegħu.[10] Dan x'aktarx li mhux daqshekk sorprendenti fil-kuntest tal-attitudnijiet prevalenti fir-Repubblika ta' Firenze tas-sekli 15 u 16. Madankollu, ma tantx hemm ċertezza dwar il-ħajja privata tiegħu, u ma nstabet l-ebda referenza dwar is-sesswalità tiegħu fl-arkivji ta' Firenze[11] għalkemm il-perjodu ta' ħajtu ma kienx komplut.[12]
Ruma, Prato u Venezja
[immodifika | immodifika s-sors]Meta Cosimo ġie eżiljat minn Firenze, Donatello mar Ruma, u baqa' hemm sal-1433. Iż-żewġ xogħlijiet li jixhdu l-preżenza tiegħu f'din il-belt, il-Qabar ta' Giovanni Crivelli fil-Knisja ta' Santa Marija in Aracoeli, u ċ-Ciborium fil-Bażilika ta' San Pietru, għandhom marka qawwija ta' influwenza klassika.
Ir-ritorn ta' Donatello f'Firenze kważi inzerta kien ma' dak ta' Cosimo. F'Mejju 1434, huwa ffirma kuntratt għall-pulptu tal-irħam tal-faċċata tal-Katidral ta' Prato, l-aħħar proġett imwettaq f'kollaborazzjoni ma' Michelozzo. Dan ix-xogħol, bħala żifna mqanqla, pagana, ritmika Bakkanaljana ta' putti nofshom għerwenin, kien l-opra ta' quddiem tal-Cantoria l-grandjuża, jew it-tribuna tal-kantanti, fil-Katidral ta' Firenze li Donatello ħadem fuqu minn żmien għal żmien mill-1433 sal-1440 u kien ispirat minn sarkofagi antiki u minn sniedaq tal-avorju Biżantini. Fl-1435, huwa wettaq it-Tħabbira għall-artal ta' Cavalcanti fil-Knisja ta' Santa Croce, ispirata mill-ikonografija tas-seklu 14, u fl-1437-1443, huwa ħadem fis-Sagristija l-Antika ta' San Lorenzo f'Firenze, fuq żewġ bibien u lunetti bil-qaddisin, kif ukoll tmien tondi tal-istukko. Fl-1438 wettaq l-istatwa tal-injam ta' San Ġwann il-Battista għall-Knisja ta' Santa Marija Glorjuża f'Venezja.
Padova
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1443, Donatello ġie msejjaħ lejn Padova mill-werrieta ta' Erasmo da Narni (magħruf bħala Gattamelata), li kien miet dik is-sena. Imlesti fl-1450 u mqiegħed fil-pjazza faċċata tal-Bażilika ta' Sant'Antnin, il-Monument Ekwestri ta' Gattamelata tiegħu kien l-ewwel eżempju ta' tali monument minn żmien il-qedem. Statwi ekwestri oħra mis-seklu 14 ma kinux saru bil-bronż u kienu tqiegħdu fuq l-oqbra iktar milli weqfin waħedhom fi spazju pubbliku. Dan ix-xogħol sar il-prototip għal monumenti ekwestri oħra mwettqa fl-Italja u fl-Ewropa fis-sekli ta' wara.
Għall-Bażilika ta' Sant'Antnin, Donatello ħoloq il-Kurċifiss famuż tal-bronż tal-1444-1447 u statwi addizzjonali għall-kor, inkluż Madonna bil-Bambin u sitt qaddisin, li jikkostitwixxu Konversazzjoni Mqaddsa, li ma għadhiex viżibbli wara r-rinnovazzjoni ta' Camillo Boito fl-1895. Il-Madonna bil-Bambin turi lil Ġesù lill-fidili, fuq tron b'żewġ sfinġijiet, wieħed fuq kull naħa, bħala figuri allegoriċi tal-għarfien. Fuq il-wara tat-tron hemm riljiev ta' Adam u Eva. Matul dan il-perjodu — fl-1446-1450 — Donatello wettaq ukoll erba' riljievi mix-xeni tal-ħajja ta' Sant'Antnin għall-artal maġġuri. Huwa baqa' f'Padova sal-1453, meta reġa' lura f'Firenze.
Xogħlijiet
[immodifika | immodifika s-sors]| Isem | Għamla | Materjal | Sena | Post oriġinali | Post attwali |
|---|---|---|---|---|---|
| Amor-Attys | Statwa | Bronż | għall-ħabta tal-1440 | Firenze | Firenze, il-Mużew Nazzjonali tal-Bargello |
| Tħabbira ta' Cavalcanti | Riljiev, fil-għoli, f'aedicula | Pietra serena (ħaġra) u terrakotta, bl-abjad u indurata | għall-ħabta tal-1435 | Firenze, Santa Croce | Firenze, Santa Croce |
| Kurċifiss | Statwa | Injam, polikromatiku | 1407–1408 | Firenze, Santa Croce | Firenze, Santa Croce, Kappella Bardi di Vernio |
| David (b'ras Gulija) | Statwa | Bronż, parzjalment indurat | 1430s–1450s (?) | Firenze, Casa Vecchia de' Medici | Firenze, il-Mużew Nazzjonali tal-Bargello |
| David (b'ras Gulija) | Statwa (oriġinarjament bl-isbandola) | Irħam | 1408–1409 | Firenze, Santa Maria del Fiore, ippjanata għar-riffieda, Palazzo Vecchio (1416) | Firenze, il-Mużew Nazzjonali tal-Bargello |
| Dovizia (fuq il-Kolonna tal-Abbondanza) | Statwa fuq kolonna | Irħam (b'qanpiena operattiva) | 1431 | Firenze, Piazza della Repubblica | deterjorata u meqruda minħabba waqgħa fl-1721 (sostitwita b'verżjoni ta' Giovanni Battista Foggini li ġiet sostitwita b'kopja) |
| Monument Ekwestri ta' Gattamelata | Statwa, monument ekwestri | Bronż | 1445–1450 | Padova, Piazza Sant'Antonio | Padova, Piazza Sant'Antonio |
| Artal maġġuri bil-Madonna u l-Bambin, sitt statwi ta' qaddisin u erba' episodji tal-ħajja ta' Sant'Antnin | Statwi (seba') u 21 riljiev | Bronż (u riljiev tal-ġebel) | wara l-1446 | Padova, Basilica di Sant'Antonio | Padova, il-Bażilika ta' Sant'Antnin (rikostruzzjoni) |
| Ġeremija | Statwa f'niċċa (it-tielet minn erba') | Irħam | għall-ħabta tal-1423 | Firenze, Santa Maria del Fiore, Kampnar | Firenze, il-Mużew tal-Opri tal-Bażilika |
| Ġwanni l-Evanġelista | Statwa f'niċċa, bilqiegħda | Irħam | 1408–1415 | Firenze, Santa Maria del Fiore, il-faċċata | Firenze, il-Mużew tal-Opri tal-Bażilika |
| Ġwanni l-Battista | Statwa | Injam, miżbugħ u parzjalment indurat | 1438 | Venezja, Santa Maria Gloriosa dei Frari | Venezja, Santa Maria Gloriosa dei Frari |
| Ġwanni l-Battista | Statwa | Bronż | għall-ħabta tal-1455 | Siena, il-Katidral | Siena, il-Katidral |
| Ġoxwa | Statwa (għolja 5.5 metri) | Terrakotta, bl-abjad | qabel l-1410 | Firenze, Santa Maria del Fiore, tribuna tat-Tramuntana | diżintegrata |
| Ġuditta u Oloferne | Grupp ta' statwi | Bronż | 1453–1457 | Firenze, Palazzo Medici, ġnien | Firenze, Palazzo Vecchio |
| Madonna u l-Bambin | Bassoriljiev | Terrakotta, miżbugħa | 1445 (1455) | mhux magħruf | Pariġi, Louvre |
| Madonna tas-Sħab | Riljiev | Bronż | 1425-1435 | mhux magħruf | Boston, il-Mużew tal-Belle Arti, Boston |
| Marzocco | Statwa | Ġebla tar-ramel | 1418–1420 | Firenze, Santa Maria Novella, appartament Papali | Firenze, il-Mużew Nazzjonali tal-Bargello |
| Sagristija Antika (bibien, lunetti, tondi u freġju) | Bassoriljievi | Bronż (bibien), stukko polikromatiku | 1434–1443 | Firenze, San Lorenzo | Firenze, San Lorenzo |
| Pazzi Madonna | Bassoriljiev | Irħam | għall-ħabta tal-1420 | mhux ċert | Berlin, Bode Museum, Kollezzjoni tal-Iskulturi |
| Maddalena Tindem | Statwa | Injam u stukko miżbugħa u indurata | 1440–1442 (?) | Firenze | Firenze, il-Mużew tal-Opri tal-Bażilika |
| Profeta | Statwa | Irħam | qabel l-1410 | Firenze, Santa Maria del Fiore, Porta della Mandorla | Firenze, il-Mużew tal-Opri tal-Bażilika |
| Profeti | Statwi fin-niċċa (tnejn minn erba') | Irħam | 1415 u 1418–1420 | Firenze, Santa Maria del Fiore, il-Kampnar | Firenze, il-Mużew tal-Opri tal-Bażilika |
| Pulptu, Cantoria | Pulptu b'riljievi għoljin | Irħam, mużajk, bronż | 1433–1438 | Firenze, Santa Maria del Fiore | Firenze, il-Mużew tal-Opri tal-Bażilika |
| Pulptu, estern | Riljievi | Irħam | 1434–1438 | Prato, il-katidral | Prato, il-Mużew tal-Katidral |
| Pulpti, waħda mix-xeni tal-Passjoni, waħda bix-xeni ta' wara l-Passjoni | Riljievi | Bronż | wara l-1460 | Firenze, San Lorenzo | Firenze, San Lorenzo |
| San Mark | Statwa f'niċċa | Irħam | 1411–1413 | Firenze, Orsanmichele | Firenze, il-mużew ta' Orsanmichele |
| Relikwarju ta' San Rossore | Bust | Bronż, indurat | 1422–1427 | Firenze, Ognissanti | Pisa, il-Mużew Nazzjonali ta' San Mattew |
| San Ġorġ (b'San Ġorġ Jeħles il-Prinċipessa) | Statwa u niċċa b'riljiev ta' predella | Irħam | għall-ħabta tal-1416 | Firenze, Orsanmichele | Firenze, il-Mużew Nazzjonali tal-Bargello (b'niċċa) |
| San Alwiġi ta' Toulouse | Statwa f'niċċa | Bronż, indurata (ormolu) | 1411–1415 | Firenze, Orsanmichele | Firenze, Santa Croce (mis-snin 50 tas-seklu 15) |
| Il-Festa ta' Erodi | Riljiev | Bronż | 1423–1427 | Siena, il-Battisterju ta' San Ġwann, fonti tal-magħmudija | Siena, il-Battisterju |
| Qabar tal-Kardinal Rainaldo Brancacci | Monument u qabar bi statwi, riljievi, indurati u polikromatiċi | Irħam | 1426–1428 | Napli, Sant'Angelo a Nilo | Napli, Sant'Angelo a Nilo |
| Il-Madonna bil-Bambin u Erba' Anġli ta' Chellini | Bassoriljiev, tondo | Bronż, indurata | 1456, before | Firenze | Londra, Victoria and Albert Museum |
| Zuccone (il-Profeta Habakkuk) | Statwa f'niċċa (l-aħħar waħda minn erba') | Irħam | 1423–1425 | Firenze, Santa Maria del Fiore, il-Kampnar | Firenze, il-Mużew tal-Opri tal-Bażilika |
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]- San Ġwann l-Evanġelista (1408-1415), li sal-1588 kienet f'niċċa tal-faċċata tal-Katidral l-Antik ta' Firenze, issa tinsab fil-Mużew tal-Opri tal-Bażilika.
- Id-David ta' Donatello, in-naħa tax-xellug ta' quddiem tar-ras u l-ispallejn.
- Madonna bil-Bambin, terrakotta miżbugħa, għall-ħabta tal-1440, Louvre.
- Il-Monument Ekwestri ta' Gattamelata (1445-1450), Padova.
- Statwa ta' San Ġwann il-Battista fil-Katidral ta' Siena, għall-ħabta tal-1455.
- Maddalena Tindem, injam, għall-ħabta tal-1440-1442, il-Mużew tal-Opri tal-Bażilika, Firenze.
- Il-Kristu ta' Sant'Angelo di Legnaia.
Iktar qari
[immodifika | immodifika s-sors]- Avery, Charles, Donatello: An Introduction, New York, 1994.
- Avery, Charles, Donatello. Catalogo completo delle opere, Firenze 1991.
- Avery, Charles and McHam, Sarah Blake, "Donatello". Grove Art Online. Oxford Art Online. Oxford University Press.
- Bennett, Bonnie A. u Wilkins, David G., Donatello, Oxford 1984.
- Coonin, A. Victor, Donatello and the Dawn of Renaissance Art, Reaktion Books, Londra, 2019.
- Greenhalgh, Michael, Donatello and His Sources, Holmes & Meier Pub., 1982.
- Hartt, Frederick u Wilkins, David G., History of Italian Renaissance Art (7th ed.), Pearson, 2010.
- Janson, Horst W., The Sculpture of Donatello, Princeton University Press, 1957.
- Leach, Patricia Ann, Images of Political Triumph: Donatello's Iconography of Heroes, Princeton University Press, 1984.
- Olson, Roberta J.M., Italian Renaissance Sculpture, 1992, Thames & Hudson (World of Art), ISBN 978-0500202531.
- Randolph, Adrian W.B., Engaging Symbols: Gender, Politics, and Public Art in Fifteenth-Century Firenze. Yale University Press, 2002.
- Vasari, Giorgio, Le vite de' più eccellenti pittori, scultori e architettori Lives of the Most Excellent Painters, Sculptors, and Architects, Firenze 1568, edizzjoni ta' R. Bettarini u P. Barocchi, Firenze, 1971.
- Wilson, Carolyn C., Renaissance Small Bronze Sculpture and Associated Decorative Arts, 1983, National Gallery of Art (Washington), ISBN 0894680676.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ↑ Wells, John (3 April 2008). Longman Pronunciation Dictionary (3rd ed.). Pearson Longman. ISBN 978-1-4058-8118-0.
- ↑ "Cinq maîtres de la Renaissance florentine | Petite Galerie - musée du Louvre". petitegalerie.louvre.fr. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2022-12-11. Miġbur 2022-12-13.
- ↑ Rubin, Patricia Lee (Jannar 1995). Giorgio Vasari: Art and History. p. 350. ISBN 9780300049091.
- ↑ Walker, Paul Robert (2003). The Feud That Sparked the Renaissance. New York: William Morrow. pp. xi. ISBN 9780061743559.
- ↑ Walker, Paul Robert (2003). The Feud That Sparked the Renaissance. New York: William Morrow. pp. 26, 30, 34. ISBN 9780061743559.
- ↑ Horst W. Janson, The Sculpture of Donatello, Princeton, 1963.
- ↑ Hesson, Robert (2022-07-04). "Collections and restoration of antiquities - Ancient Monuments". Northern Architecture (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2022-12-13. Miġbur 2022-12-13.
- ↑ H.W. Janson, The Sculpture of Donatello, Princeton, 1957, II, 77–86; Laurie Schneider, "Donatello's Bronze David," The Art Bulletin, 55 (1973) 213–216.
- ↑ Paul Strathern, The Medici: Godfathers of the Renaissance, Londra, 2003.
- ↑ Michael Rocke, Forbidden Friendships: Homosexuality and Male Culture in Renaissance Florence.
- ↑ Joachim Poeschke, Donatello and His World. Sculpture of the Italian Renaissance, Volume 1, Harry N Abrams, New York, 1993.
- ↑ Louis Crompton, Homosexuality and Civilization, Harvard Press, 2003, p. 264.