Arġentier (tad-deheb)

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
L-istudjo ta’ arġentier (tad-deheb) Rinaxximentali

Arġentier (tad-deheb) huwa ħaddiem tal-metall li jaħdem l-oġġetti mid-deheb u metalli prezzjużi oħra.

Illum il-ġurnata l-arġentiera (tad-deheb) jispeċjalizzaw l-iktar fil-produzzjoni tal-ġojjellerija, iżda storikament kienu jipproduċu wkoll pożati, gabarrejiet, buqari, utensili tal-ikel bħal platti, ktieli, eċċ., kif ukoll oġġetti ċerimonjali jew reliġjużi.

L-arġentiera (tad-deheb) irid ikollhom il-ħiliet sabiex jagħtu forma lill-metall permezz tal-illimar, l-issaldjar, l-issegar, l-iffurmar, l-ikkastjar u l-illostrar. Is-sengħa spiss kienet tinkludi ħiliet marbuta mal-produzzjoni tal-ġojjellerija, kif ukoll ħiliet simili ħafna għal dawk tal-arġentier (tal-fidda). It-terminu “arġentier” jintuża spiss bħala sinonimu għall-ħaddiema li jaħdmu l-oġġetti mill-fidda peress li t-tekniki, it-taħriġ, l-istorja u x-xirkiet tagħhom huma simili għal dawk tal-arġentier (tad-deheb), għalkemm il-prodott aħħari mhuwiex l-istess, tant li spiss dan jiġi speċifikat, eż. arġentier (tad-deheb).

L-Arġentier (tad-deheb) minn Baghdad ta’ Kamal-ol-molk

Tradizzjonalment, dawn il-ħiliet kienu jingħaddu lil ħaddieħor permezz tal-apprendistati; madankollu, dan l-aħħar hemm ukoll skejjel tal-arti tal-ġojjellerija, li jispeċjalizzaw fit-tagħlim tas-sengħa tal-arġentier (tad-deheb) u f’għadd ta’ ħiliet marbuta mal-arti tal-ġojjellerija. Bosta universitajiet u kulleġġi saru joffru s-snajja’ tal-arġentier (tad-deheb), tal-arġentier (tal-fidda) u tal-arti tax-xogħol bil-metalli bħala parti mill-kurrikulu tagħhom tal-belle arti.

Deheb[immodifika | immodifika s-sors]

Deheb użat bħala materja prima għall-produzzjoni tal-ġojjellerija jew bħala mezz ta’ ħlas; mill-Perjodu tal-Migrazzjoni, l-Iżvezja għall-ħabta tal-400-549

Meta mqabbel ma’ metalli oħra, id-deheb jinħadem iktar faċilment fil-forom u fl-għamliet mixtieqa, huwa rari, u huwa l-uniku element metalliku solidu ta’ lewn isfar. Barra minn hekk, jista’ jiġi maħlul, fuż, jew fondut faċilment mingħajr il-problemi ta’ ossidi u gass kif inhu l-każ b’metalli oħra bħal pereżempju l-bronż. L-“iwweldjar bil-pressa” jista’ jsiru wkoll relattivament b’ċertu ħeffa, fejn bħat-tafal, żewġ biċċiet żgħar jistgħu jiġu magħqudin flimkien biex tinħoloq biċċa ikbar. Id-deheb huwa kklassifikat bħala metall nobbli—għaliex ma jirreaġixxix mal-biċċa l-kbira tal-elementi. Normalment jinstab fil-forma nattiva tiegħu, u jdum għal żmien indefinit mingħajr ma jagħmel ossidazzjoni jew jittebba’.

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Studjo ta’ arġentier (tad-deheb) f’nofs is-seklu 17

Id-deheb ilu jinħadem mill-bniedem fil-kulturi kollha fejn il-metall huwa disponibbli, jew b’mod indiġenu jew importat, u l-istorja ta’ dawn l-attivitajiet hija waħda estensiva. Hemm bosta oġġetti magħmula b’mod mirqum mill-kulturi tal-qedem tal-Afrika, tal-Asja, tal-Ewropa, tal-Indja, tal-Amerka ta’ Fuq, tal-Mesoamerka, u tal-Amerka t’Isfel li huma l-mimmi ta’ għajnejn diversi mużewijiet u kollezzjonijiet madwar id-dinja. Xi oġġetti jmorru lura għal eluf ta’ snin u ġew prodotti permezz ta’ bosta tekniki li għadhom jintużaw sa llum mill-arġentiera (tad-deheb) moderni. It-tekniki żviluppati minn uħud minn dawk l-arġentiera (tad-deheb) kisbu livell ta’ ħila li ntilfet u li ma ntlaħqitx mill-ġenerazzjonijiet ta’ wara, xi kultant saħansitra sa żminijietna.[1] Ir-riċerkaturi li ppruvaw jitkixxfu x’tekniki kimiċi użaw l-artiġjani antiki sostnew li s-sejbiet tagħhom jikkonfermaw li “l-livell għoli ta’ kompetenzi li ntlaħqu mill-artisti u mill-artiġjani tal-qedem irnexxielhom jipproduċu ċerti affarijiet b’tekniki li ma setgħux jittejbu minn dawk li ġew warajhom”.[2]

Arġentier (tad-deheb) fis-seklu 17

Fl-Ewropa Medjevali l-arġentiera (tad-deheb) kienu organizzati f’xirkiet u s-soltu kienu jkunu wħud mill-iktar xirkiet importanti u għonja f’belt jew f’raħal. Ix-xirka kienet iżżomm rekords tal-membri u l-marki li kienu jużaw fuq il-prodotti tagħhom biex jintagħrfu. Dawn ir-rekords, meta jinzerta jaslu sa żminijietna, ikunu utli ħafna għall-istoriċi. L-arġentiera (tad-deheb) spiss kienu jaġixxu bħala bankiera, ladarba kienu jaħdmu bid-deheb u kellhom biżżejjed sigurtà għall-ħżin sikur tal-oġġetti ta’ valur, għalkemm is-soltu ma kinux jitħallew isellfu bl-imgħax, li kien jitqies bħala użura. Fil-Medjuevu, ix-xogħol tal-arġentiera (tad-deheb) normalment kien jinkludi wkoll dak tal-arġentiera (tal-fidda) ukoll, iżda l-ħaddiema tas-sengħa tar-ram isfar u l-ħaddiema tas-sengħa ta’ metalli bażi oħra normalement kienu membri ta’ xirka separata, ladarba s-snajja’ ma kinux jitħallew jitħalltu. Bosta ġojjelliera kienu wkoll arġentiera (tad-deheb).

Il-kasta tas-Sunar hija waħda mill-eqdem komunitajiet ta’ arġentiera (tad-deheb) fl-Indja, u x-xogħlijiet tal-arti tagħhom kienu ntwerew fil-Wirja l-Kbira tal-1851 f’Londra. Fl-Indja, il-Braħmini Daivadnya, il-Braħmini Viswa u s-Sunar Kshatriya huma l-kasti tal-arġentiera (tad-deheb).

It-teknika tal-produzzjoni tal-inċiżjonijiet stampati żviluppat fost l-arġentiera (tad-deheb) fil-Ġermanja għall-ħabta tal-1430, u t-teknika kienet ilha tintuża fuq oġġetti oħra tal-metall. L-inċiżuri notevoli tas-seklu 15 kienu arġentiera (tad-deheb), bħal Master E. S., jew tfal tal-arġentiera (tad-deheb), bħal Martin Schongauer u Albrecht Dürer.

Sengħa kontemporanja[immodifika | immodifika s-sors]

Arġentier (tad-deheb) modern

Arġentier (tad-deheb) jaf ikollu firxa wiesgħa ta’ ħiliet u ta’ għarfien għad-dispożizzjoni tiegħu. Id-deheb, peress li huma metall li l-iktar jippermetti li jinħadem, joffri opportunitajiet uniċi lill-ħaddiema tas-sengħa. Fid-dinja tal-lum, jistgħu jintużaw b’mod frekwenti bosta metalli oħra, speċjalment legi tad-deheb abjad. Id-deheb b’24 karat huwa deheb pur u storikament kien magħruf bħala deheb fin.[3]

Minħabba li hu daqshekk artab, madankollu, id-deheb b’24 karat qajla jintuża. Is-soltu jintuża bħala lega sabiex jissaħħaħ u jinħolqu kuluri differenti. Skont il-metalli li jintuża biex tinħoloq il-lega, il-lewn jista’ jinbidel.

Dan id-deheb bil-lega mbagħad jiġi mmarkat bil-marka “725”, li tirrappreżenta l-persentaġġ ta’ deheb fil-lega għad-deheb użat kummerċjalment. Il-maġġoranza tal-ġojjellerija ssir b’din il-lega, filwaqt li parti iżgħar tuża legi b’densità iktar baxxa ta’ deheb sabiex il-ġojjellerija tkun orħos. Id-deheb jista’ jiġi fondut f’xi oġġett, is-soltu permezz tal-proċess tal-ikkastjar bix-xama’ mitlufa, jew jista’ jintuża għall-produzzjoni tal-oġġetti direttament bil-metall.

F’dan il-każ tal-aħħar, l-arġentier (tad-deheb) juża varjetà ta’ għodod u makkinarji, inkluż romblu, pjanċa bit-toqob, u x’aktarx blokok bil-forom u għodod oħra tal-għoti tal-forma sabiex il-metall jinħadem fl-għamliet meħtieġa biex jinbena l-oġġett mixtieq. Imbagħad il-komponenti tal-oġġett jiġu prodotti permezz ta’ sensiela ta’ proċessi u jiġu assemblati bl-issaldjar. Dan kollu jixhed l-istorja u l-evoluzzjoni tas-sengħa u li dawk il-ħiliet laħqu livell estremament għoli ta’ ħiliet u kompetenzi tul iż-żmien. Arġentier (tad-deheb) kapaċi jaħdem b’tolleranza li tkun qrib dik tal-makkinarju ta’ preċiżjoni, iżda billi joqgħod fuq għajnejh biss u billi juża għodod tal-idejn biss. Sikwit l-impjieg tal-arġentier (tad-deheb) jinvolvi l-produzzjoni ta’ muntaturi għall-ħaġar prezzjuż, u f’dan il-każ spiss jiġu msejħa ġojjelliera.

Madankollu, ġojjellier huwa terminu li huwa riżervat l-iktar għall-persuni li taħdem fil-ġojjellerija (tixtri u tbigħ) u ma għandux jiġi konfuż ma’ arġentier (tad-deheb), arġentier (tal-fidda), studjuż tal-ħaġar prezzjuż, ħaddiem tas-sengħa li jaqta’ d-djamanti, u ħaddiema tas-sengħa li jqiegħdu d-djamanti fuq il-muntaturi. Ġojjellier part-time huwa ġojjellier li jwettaq ammont żgħir ta’ tiswijiet u ta’ alterazzjonijiet fil-ġojjellerija.

Arġentiera (tad-deheb) notevoli[immodifika | immodifika s-sors]

Arġentier (tad-deheb) Braħmini minn Goa, l-Indja, fis-seklu 16

Storiċi[immodifika | immodifika s-sors]

  • Il-familja Kalogjera[4]
  • Benvenuto Cellini
  • Il-familja Fabergé
  • Lorenzo Ghiberti
  • Johannes Gutenberg
  • George Heriot
  • Gaspard van der Heyden
  • Paul de Lamerie
  • Arnold Lulls
  • Jean-Valentin Morel
  • Paul Storr
  • Adrien Vachette

Kontemporanji[immodifika | immodifika s-sors]

  • Lois Betteridge
  • Jocelyn Burton
  • Andrea Cagnetti – Akelo
  • Cartier
  • William Claude Harper
  • Mary Lee Hu
  • Linda MacNeil
  • Mazlo
  • John Paul Miller (1918-2013)
  • Gary Noffke

Ara ukoll[immodifika | immodifika s-sors]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ "Ancient technology for metal coatings 2,000 years ago can't be matched even today". ScienceDaily (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-08.
  2. ^ Gabriel Maria Ingo, Giuseppe Guida, Emma Angelini, Gabriella Di Carlo, Alessio Mezzi, Giuseppina Padeletti, Ancient Mercury-Based Plating Methods: Combined Use of Surface Analytical Techniques for the Study of Manufacturing Process and Degradation Phenomena, Accounts of Chemical Research, 2013; 130705111206005 DOI: 10.1021/ar300232e.
  3. ^ McQuhae, William (17 December 2008). McQuhae's Practical Technical Instructor (3rd ed.). Lightning Source Incorporated. p. 91. ISBN 978-1-4437-8201-2.
  4. ^ Vinicije B. Lupis, Zlatarska bilježnica obitelji Kalogjera iz Blata na otoku Korčuli (Goldsmith's Book of the Kalogjera Family from Blato on the Island of Korčula) in Peristil : zbornik radova za povijest umjetnosti, Vol. 52, No. 1, tradott mill-Kroat, Institut društvenih znanosti "Ivo Pilar", Područni centar Dubrovnik, 2009.