Aqbeż għall-kontentut

San Mattew

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
San Mattew l-Evanġelista

San Mattew u l-Anġlu minn Guido Reni
Twelid L-aħħar snin tal-ewwel seklu w.K.
Kafarnahum
Mewt 24 ta' Jannar 70
Etjopja jew Hierapolis
Venerat Il-Knejjes kollha li jemmnu fil-kult tal-qaddisin
Kanonizzazzjoni Pre-kanonizzazzjoni
L-ikbar santwarju Salerno, Italja
Festa 21 ta' Settembru (Knisja tal-Punent)
16 ta' Novembru (Knisja tal-Lvant)
Patrun/a Kontabilisti, bankiera, Salerno

Mattew l-Evanġelista (מתי/מתתיהו, "Don ta' Jaħwe", bl-Ebrajk: Mattaj jew Mattitjaħu; bil-Grieg: Ματθαῖος, Mattios) kien wieħed mit-tnax-il appostlu ta' Ġesù u wieħed mill-erba' Evanġelisti. Mattew kien Lhudi. X'aktarx li kien mill-Galilija. Bla dubju kien raġel għani. Huwa l-istess persuna li San Mark u San Luqa jsejħulu Levi.

Bi professjoni kien pubblikan, jiġifieri wieħed li jiġbor it-taxxi mingħand il-Lhud u jgħaddihom lill-ħakkiema tagħhom ir-Rumani. Dan kien fi żmien Erodi Antipa. Il-Lhud ma kinux jaħmluhom lill-pubblikani, għax barra milli kienu aġenti tal-Gvern Ruman, kellhom il-fama li kienu rgħiba u qarrieqa. Għalhekk il-Lhud ma kinux iħalluhom jidħlu fit-tempju u fis-sinagoga. L-ebda Lhudi tal-affari tiegħu ma kien ikollu kuntatti magħhom.

B'danakollu, darba waħda Ġesù rah bilqiegħda quddiem il-mejda tat-taxxi, u qallu: "Ejja warajja." Dak qam u mar warajh. (Mt. 9:9)

Ftit wara, Mattew stieden lil Ġesù għall-ikla fid-dar tiegħu f'Kafarnahum u stieden ukoll ħafna kolletturi ħbieb tiegħu. X'ħin il-Fariżej raw dan ħaduha kontra Ġesù u qalu: "Għaliex jiekol mal-pubblikani u l-midinbin?" It-tweġiba ta' Ġesù kienet sempliċiment, "It-tabib ma jeħtiġuhx dawk li huma f'saħħithom, iżda l-morda" (Mt. 9-12).

Isem San Mattew insibuh fil-lista tal-Appostli. Flimkien mal-Appostli kien xhud tal-qawmien mill-mewt ta' Ġesù, kien magħhom ukoll meta Ġesù tela' s-sema, u wara mar magħhom ukoll Ġerusalemm jitlob u jistenna l-miġja tal-Ispirtu s-Santu. (Atti 1:13)

Dan l-Evanġelju nkiteb madwar is-sena 80. Aktarx li nkiteb f'Antjokja tas-Sirja, dik il-belt fejn id-dixxipli ta' Ġesù għall-ewwel darba bdew jissejħu "Kristjani" (Atti 11,26). Ma nkitibx minn San Mattew l-Appostlu, għalkemm hu msemmi għalih. Inkiteb minn Nisrani li baqa' anonimu. Qabel ma sar Nisrani dan l-awtur kien wieħed mill-Iskribi, jiġifieri għaref Lhudi li kien jistudja tajjeb il-Kotba Mqaddsa, imma mbagħad għaraf li t-tagħlim ta' Ġesù kien il-milja, il-perfezzjoni ta' dak li Alla kien għallem f'dawk il-Kotba, u għalhekk ħaddan ir-reliġjon Nisranija. Kien tassew "Skriba li sar dixxiplu tas-Saltna tas-Smewwiet, u għahekk mill-ħażna tiegħu seta' joħroġ sew il-ġdid u sew il-qadim" (Mt13,52).

Sas-seklu l-ieħor kienu jgħidu li dan l-Evanġelju l-ewwel inkiteb bl-Aramajk, u mbagħad xi snin wara kien maqlub għall-Grieg. Illum l-istudjużi jżommu li nkiteb l-ewwel bil-Grieg.

Minkejja li kienu għaddew 50 sena minn mindu Ġesù kien miet u rxoxta, ħafna mill-Lhud kienu baqgħu ma emmnux li Ġesù kien il-Messija. Anzi dawn il-Lhud kienu jagħmlu kull ma jistgħu biex ifixklu lil dawk in-nies ta' ġenshom li kienu saru Nsara. Kieu jgħidulhom: "Ġesù ta' Nazaret ma kienx il-Messija. Aħna għalhekk bqajna nimxu wara Mose'. Agħmlu bħalna, u temmnux iżjed f'Ġesù." Dan l-Evanġelju nkiteb biex l-Insara ma jitqarrqux u jitilqu r-reliġjon tagħhom.

Jippreżentah bħala Mose' il-Ġdid. Jekk fl-imgħoddi Alla kien kellem lill-Lhud permezz ta' Mose', issa kellimna b'wieħed aqwa, jiġifieri Ġesù, li kien tassew il-Messija li fih seħħew il-profeziji tal-Kotba Mqaddsa. Ġesù, mela, huwa l-Għalliem il-Ġdid li Alla jridna nimxu warajh. Kull min irid jogħġob lil Alla, jeħtieġ li jimxi mhux iżjed wara Mose', imma wara Ġesù. Biex jisħaq fuq din il-verita', l-Evanġelista jagħmel ħiltu biex juri x-xebħ li kien hemm bejn Ġesù u Mose'.

Taqsim tal-Evanġelju

[immodifika | immodifika s-sors]
  1. "L-Evanġelju tal-Infanzja" (kap 1 u 2)
  2. Il-Ħajja Pubblika ta' Ġesù f'ħames taqsimiet:
    1. Il-bidu tal-ħajja pubblika u d-Diskors tal-Muntanja (kap 3 sa 7)
    2. Għaxar mirakli u d-Diskors Missjunarju (8,1 – 11,1)
    3. Tfixkil u d-dDiskors bil-Parabboli (11,2 – 13,52)
    4. Il-Knisja u d-Diskors fuq il-Knisja (13,53 – 18,35)
    5. Il-Vjaġġ ta' Ġesù lejn Ġerusalemm u d-diskors dwar il-qerda ta' Ġerusalemm u t-tieni miġja ta' Ġesù (kapi 19 sa 25).
  3. Il-passjoni u l-qawmien ta' Ġesù (kap 26 sa 28).

Tradizzjoni tgħid li San Mattew mar jipprietka lil Ġesù fl-Etjopja (mhux dik tal-Afrika iżda ta' ħdejn il-baħar Kaspju) fejn miet martri.

San Mattew huwa l-qaddis patrun tal-kontabilisti, bankiera, stock brokers u tal-kolletturi tat-taxxa.