Aqbeż għall-kontentut

Gary Neville

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
(Rindirizzat minn Garry Neville)
Gary Neville
Informazzjoni personali
Isem sħiħGary Alexander Neville
Twelid18 ta' Frar 1975 (1975-02-18) (49 sena)
BuryIngilterra
Tul1.80 m
RwolDifensur
Mixtliet
1991–1992Manchester United
Karriera professjonali
SninKlabb
1992–2011Manchester United
Tim nazzjonali
1995–2007Ingilterra
Timijiet ikkowċjati
2012–2016Ingilterra (assistent)
2015–2016Valencia

Gary Neville (Bury, 18 ta' Frar 1975) huwa eks-plejer tal-futbol u kummentatur sportiv Ingliż. Hu qatta' l-karriera tiegħu mat-tim minn Old Trafford, Manchester Unitedklabb. Id-debutt internazzjonali wasal fl-1995 u għal aktar minn għaxar snin hu kien l-ewwel għażla fuq il-faxxa leminija tad-difiża għall-klabb u anki għall-pajjiż.

Hu għandu ħuh, Phil Neville li wkoll qatta' perjodu bejn l-1993 u l-2005 mat-tim ta' Manchester United.

Gary Neville iddebutta mat-tim ta' United f'Settembru 1992 kontra Torpedo Moscow fit-Tazza UEFA. Gary kien fost il-komponenti tal-iskwadra żagħżugħa tas-snin disgħin ta' Alex Ferguson li kienet tinkludi lil ħuh Phil, Ryan Giggs, David Beckham, Nicky Butt u Paul Scholes, magħrufin bħala Fergie's Fledglings. Mill-istaġun 1994–95 sar figura regulari mal-ewwel tim, minħabba l-problemi fiżiċi li laqtu lil Paul Parker.

F'Diċembru tal-2005, Gary inħatar il-kaptan il-ġdid ta' Manchester United, wara t-tluq ta' Roy Keane.

F'Jannar tal-2006, l-azzjonijiet tiegħu kienu suġġett għal kontroversja bejn il-partitarji ta' Manchester United u dawk ta' Liverpool, avversarji storiċi tar-Red Devils. Wara l-gowl ta' Rio Ferdinand fid-90 minuta, Neville mar jiċċelebra taħt is-settur tal-partitarji ta' Liverpool li kienu f'Old Trafford. Dawn il-ġesti kienu kkritikati mill-plejer ta' Liverpool Jamie Carragher, sezzjonijiet tal-istampa, u anki mill-pulizija li tawh it-tort talli ħoloq inkwiet bejn il-partitarji fil-logħba. Sussegwentament, hu ġie immultat mill-Football Association. Neville ikkontesta din id-deċiżjoni, però kien xorta waħda immultat £5,000 u mwiddeb fuq il-kondotta tal-futur.

Sa issa, Gary Neville rebaħ tmien titli tal-Premiership, tliet FA Cups, żewġ Champions Leagues, Tazza Interkontinentali, Tazza tad-Dinja tal-Klabbs u League Cup, fejn din tal-aħħar kien l-ewwel trofew bħala kaptan.

Fid-9 ta' April 2008, Nevilla għamel ir-ritorn tant mistenni kontra Roma fit-tieni leg tal-kwarti tal-finali taċ-Champions League f'Old Trafford meta ssostitwixxa lil Anderson. Neville kien milqugħ lura fil-grawnd permezz ta' ovazzjoni kbira mis-sostenituri, u mal-ewwel ingħata l-faxxa tal-kaptan. Din kienet id-99 dehra ta' Neville fiċ-Champions League.

Neville beda l-ewwel partita fi sbatax-il xahar meta mexxa lil Manchester United għar-rebħ tal-FA Community Shield kontra Portsmourth, fl-10 ta' Awwissu 2008. Fil-21 ta' Settembru 2008, Neville beda l-ewwel partita tiegħu fil-kampjonat għal madwar tmintax-il xahar meta lagħab kontra Chelsea. F'Ġunju tal-2009 estenda l-kuntratt li se jżommu mal-klabb sal-2013.[1]

Nhar it-28 ta' Frar, 2010, daħal bħala sostitut fit-tieni taqsima tal-finali tal-League Cup kontra Aston Villa, li United rebħu bl-iskor ta' 2–1. Wara serje ta' problemi fiżiċi li tappnu l-involviment regulari tiegħu mal-ewwel tim, f'Settembru 2010 iddeċieda li ma jibqax aktar kaptan tat-tim biex il-faxxa titieħħed minn plejers li huma involuti iktar b'mod regulari fit-tim bħal Rio Ferdinand, Nemanja Vidić jew Patrice Evra. Fit-2 ta' Frar, 2011, ħabbar li rtira għal kollox mill-futbol milgħub.[2]

Internazzjonali

[immodifika | immodifika s-sors]

Gary Neville għamel id-debutt mat-tim nazzjonali Ingliż fl-1995, fejn kien issostitwixxa lil Terry Venables f'logħba ta' ħbiberija kontra l-Ġappun. Hu kien id-difensur lemini regulari tat-tim nazzjonali, fejn lagħab għal ħames kowċis differenti. Hu kien l-uniku plejer 'il fuq minn 30 sena li kien magħżul fl-ewwel tim ta' Steve McClaren fl-2006, wara li David Beckham, David James u Sol Campbell ma ġewx imsejħa.

Fl-1996 sar l-iktar plejer żagħżugħ li pparteċipa fil-Kampjonati Ewropej 1996, fejn lagħab fil-partiti kollha minbarra s-semifinali minħabba skwalifika. Ħa sehem ukoll fit-Tazza tad-Dinja 1998 u fil-Kampjonati Ewropej 2000. Ix-xewqat li jilgħab fit-Tazza tad-Dinja 2002 sfumaw hekk kif kiser saqajh, imma hu mal-ewwel irritorna lura fl-iskwadra u kien regulari anki waqt il-Kampjonati Ewropej 2004.

Neville tilef l-aħħar stadji ta' kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja 2006 minħabba uġigħ. Hu rritorna mat-tim Ingliż f'Marzu 2006 f'logħba ta' ħbiberija kontra l-Urugwaj.

Kif kien mistenni, Neville kien magħżul għal mal-iskwadra Ingliża għat-Tazza tad-Dinja 2006. Hu lagħab fin-naħa leminija tad-difiża fil-partita ta' ftuħ ta' Grupp B kontra l-Paragwaj. Madanakollu, Neville weġġa' l-parti ta' wara ta' saqajh taħt l-irkoppa waqt taħriġ filgħaxija qabel it-tieni logħba tat-tim kontra t-Trinidad u Tobago. Hu kien imġiegħel jitlef il-logħba, l-aħħar partita tal-fażi tal-grupp kontra l-Iżvezja u l-logħba kontra l-Ekwador fir-rawnd tal-aħħar sittax.

Wara l-eliminazzjoni kontra l-Portugall Gary Neville iddeċieda li jkompli l-avventura mat-tim nazzjonali. Kien anki kandidat biex jakkwista l-faxxa ta' kaptan flimkien ma' Steven Gerrard u John Terry, bil-faxxa tingħata lil dan tal-aħħar.

Fil-11 ta' Ottubru, 2006, fil-fażi ta' kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej 2008 Gary Neville skorja awtogowl, it-tieni wieħed fil-karriera tiegħu. Fis-7 ta' Frar, 2007 Gary Neville kiseb il-85 preżenza mat-tim nazzjonali f'logħba ta' ħbiberija kontra Spanja, fejn laħaq ir-rekord ta' Kenny Sansom. Dan ir-rekord kien mistenni li jegħlbu fil-partiti kontra l-Andorra u l-Iżrael, imma kellu jieqaf għal madwar disa' xhur.

Neville iżomm xi rekords miksub mat-tim nazzjonali:

  • Fil-logħba ta' ħbiberija kontra l-Italja li ntlagħbet f'Leeds fl-2002, Gary ittotalizza l-preżenza numru 51 fejn għeleb ir-rekord ta' difensur lemini tal-passat, Phil Neal.
  • Il-ħdax-il apparenza fil-fażi finali tal-Kampjonati Ewropej (tliet edizzjonijiet) huma rekord.
  • Bħal Jack u Bobby Charlton, anki Gary Neville u ħuh Phil lagħbu flimkien fit-tim nazzjonali, u għamlu total kombinat ta' 142 apparenza.
  • Gary Neville iżomm ir-rekord tal-aktar preżenzi mingħajr ma skorja gowl għat-tim Ingliż. Dan ir-rekord l-inqas prestiġjuż kien miksur fl-2004, fejn qabel kien f'idejn Ray Wilson.
Manchester United
  1. ^ "New deal for 'amazing' Neville" (bl-Ingliż). Manchester United FC. 2009-02-20. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2009-02-24. Miġbur 2009-02-20.
  2. ^ "Neville announces retirement" (bl-Ingliż). Manchester United FC. 2011-02-02. Miġbur 2011-02-02.

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]