Ferenc Puskás
Puskás bħala kowċ ta' Panathinaikos fl-1971 | |||
Informazzjoni personali | |||
---|---|---|---|
Isem sħiħ | Ferenc Purczeld | ||
Twelid | 1 ta' April 1927 Budapest, Renju tal-Ungerija | ||
Mewt | 17 ta' Novembru 2006 (79 sena) Budapest | ||
Tul | 1.72 m | ||
Rwol | Attakkant | ||
Mixtliet | |||
1940–1943 | Kispest Honvéd | ||
Karriera professjonali | |||
Snin | Klabb | ||
1943–1956 | Budapest Honvéd[a] | ||
1958–1966 | Real Madrid | ||
Tim nazzjonali | |||
1945–1956 | Ungerija | ||
1961–1962 | Spanja | ||
Timijiet ikkowċjati | |||
1966–1967 | Hércules | ||
1967 | San Francisco Golden Gate Gales | ||
1968 | Vancouver Royals | ||
1968–1969 | Deportivo Alavés | ||
1970–1974 | Panathinaikos | ||
1975 | Real Murcia | ||
1975–1976 | Colo-Colo | ||
1976–1977 | Arabja Sawdija | ||
1978–1979 | AEK Athens | ||
1979–1982 | Al Masry | ||
1985–1986 | Sol de América | ||
1986–1989 | Cerro Porteño | ||
1989–1992 | South Melbourne Hellas | ||
1989–1992 | Ungerija |
Ferenc Puskás (twieled fl-1 ta' April 1927 – miet fis-17 ta' Novembru 2006) kien plejer u kowċ tal-futbol Ungeriż, rikonoxxut fost l-aqwa plejers ta' kull żmien u fost l-ewwel stilel sportivi internazzjonali. Bħala attakkant hu skorja 84 gowl fi 85 logħba għall-Ungerija u lagħab erba' logħbiet internazzjonali f'isem Spanja. Hu rebaħ il-midalja tad-deheb fl-Olimpjadi mat-tim nazzjonali fl-1952 u wassal lil pajjiżu għall-finali tat-Tazza tad-Dinja tal-1954. Fuq livell ta' klabb rebaħ tliet Tazez Ewropej (1959, 1960, 1966), għaxar kampjonati nazzjonali (ħamsa Ungeriżi u ħamsa Spanjoli) u tmien unuri personali. Is-702 gowls f'705 logħbiet uffiċjali matul il-karriera tiegħu jagħmluh il-ħames l-aqwa skorer ta' kull żmien.[1]
Bijografija
[immodifika | immodifika s-sors]Tfulija
[immodifika | immodifika s-sors]Ferenc Puskás twieled nhar l-1 ta' April 1927 f'Budapest, il-kapitali tal-Ungerija, f'familja Ġermaniża.[2] Ommu, Margit Biró (1904–1976), kienet ħajjata. Hu trabba tefa' ta' ġebla 'l bogħod mill-klabb ta' Kispest Athletic Club fid-distrett li jġib l-istess isem.[3] Puskás ġie introdott għal-logħba tal-futbol minn missieru, Ferenc Puskás (1903–1952), li kien plejer u iktar tard kowċ ta' Kispest. Ma' ħbiebu kien iħobb iqatta' numru ta' sigħat jilgħab b'ballun taċ-ċarruta; fost dawn kien hemm il-ħabib tal-qalb József Bozsik li aktar tard kien sieħeb fit-tim nazzjonali. Bozsik, li kien sena u nofs ikbar minn Puskás, beda jilgħab mat-tim taż-żgħar ta' Kispesti AC ta' tnax-il sena. Meta ra dan, Puskás ittallab mal-kowċ tal-klabb sabiex jinkludih mat-tim taħt l-identità falza ta' Miklós Kovács minħabba li l-età minima kienet ta' tnax-il sena.[4]
Puskás issieħeb mat-tim tal-kbar ta' sittax-il sena.[5] Hu ngħata l-opportunità għad-debutt tiegħu fl-1943 kontra Nagyváradi AC minħabba li numru ta' plejers kienu mardu kawża ta' epidemija tal-influwenza. Minkejja din l-età tenera hu mal-ewwel sar pedina importanti mal-ewwel ħdax tal-klabb Ungeriż.
Budapest Honvéd u s-suċċessi man-nazzjonal
[immodifika | immodifika s-sors]Puskás lagħab rwol importanti mal-klabb. Fl-1949, il-klabb ingħadda taħt l-awspiċji tal-Ministeru tad-Difiża Ungeriż u t-tim sar dak tal-armata Ungeriża. Il-klabb ingħata l-isem ġdid ta' Budapest Honvéd u l-plejers ġew mogħtija gradi militari. Puskás sar maġġuri fejn minn hemmhekk ħareġ il-laqam "Száguldó Órnagy" (Il-Maġġuri tal-Galopp). Bħala klabb tal-armata, Budapest Honvéd użaw il-lieva sabiex jiksbu l-aqwa plejers Ungeriżi, fosthom lil Zoltán Czibor u Sándor Kocsis.[6] Fl-ewwel sena taħt l-isem il-ġdid, Puskás skorja ħamsin gowl u rebaħ wieħed mill-erba' kampjonati Ungeriżi mal-klabb.[6] Apparti minn hekk hu spiċċa l-aqwa skorer erba' darbiet oħra. Matul dan iż-żmien iżżewweġ lil Erzsébet Hunyadvári u fl-1952 kellhom tarbija, tifla bl-isem ta' Anikó.
Fl-20 ta' Awwissu 1945 iddebutta mat-tim nazzjonali Ungeriż u skorja fir-rebħa ta' 5–2 fuq l-Awstrija. Din il-logħba, l-ewwel waħda għall-Ungerija wara t-Tieni Gwerra Dinjija, immarkat il-bidu tal-karriera eċċezzjonali ta' Puskás fuq livell internazzjonali.[7] B'kollox lagħab 85 logħba u skorja 84 gowl man-nazzjonal, li kienu jinkludu żewġ tripletti kontra l-Awstrija, tripletta kontra l-Lussemburgu u erba' gowls kontra l-Albanija.[7] Flimkien ma' Zoltán Czibor, Sándor Kocsis, József Bozsik u Nándor Hidegkuti hu fforma parti mill-qalba tat-Tim tad-Deheb li bejn l-14 ta' Mejju 1950 u l-4 ta' Lulju 1954 baqgħu mhux megħluba għal total ta' 32 logħba (erba' minnhom spiċċaw fi dros).[8]
Fl-1952, Puskás kien il-kaptan tat-tim Ungeriż li rebaħ il-midalja tad-deheb fl-Olimpjadi ta' Ħelsinki. Matul il-kampjonat Puskás skorja erba' gowls, fosthom il-gowl tal-ftuħ fil-finali mirbuħa kontra l-Jugożlavja b'riżultat ta' 2–0.[9] Dan is-suċċess ġie ripetut is-sena ta' wara bir-rebħ tat-Tazza Internazzjonali meta l-Ungeriżi rebħu l-kompetizzjoni fuq iċ-Ċekoslovakkja, l-Awstrija, l-Italja u l-Iżvizzera. Puskás skorja għaxar gowls, b'doppjetta fl-aħħar logħba kontra t-Taljani fir-rebħa ta' 3–0 li kkonfermat it-titlu.[10]> Il-logħba li baqgħet immarkat fl-annali tal-istorja bħala "Il-Logħba tas-Seklu" waslet fil-25 ta' Novembru 1953 f'Wembley Stadium.[11] Sa dak iż-żmien, l-Ingilterra kienet għadha qatt ma tilfet logħba kontra t-tim barra r-Renju Unit. Madanakollu, Puskás u sħabu ttrijonfaw bi skor kbir ta' 6–3. Quddiem preżenza ta' 100,000 spettatur, l-Ungeriżi ddominaw il-logħba b'formazzjoni ta' 4–2–4 lii kienet waħda rivoluzzjonarja meta mqabbla mat-3–2–5 li kienet użata ta' spiss. Puskás ħalla l-marka b'żewġ gowls.[12] Dan is-suċċess reġa' ġie ripetut sitt xhur wara meta din id-darba fin-Népstadion ġewwa Budapest, l-Ungeriżi kkonfermaw li r-riżultat f'Londra ma kienx anomalija b'rebħa konvinċenti ta' 7–1.[11][13]
Il-favoriti għat-Tazza tad-Dinja
[immodifika | immodifika s-sors]L-Ungeriżi daħlu għat-Tazza tad-Dinja tal-1954 fl-Iżvizzera bħala l-favoriti wara l-ebda telfa f'erba' snin.[14] Fl-ewwel żewġ logħbiet għamlu festa ta' gowls meta rebħu lill-Korea t'Isfel u lill-Ġermanja tal-Punent 9–0 u 8–3 rispettivament. Madanakollu, fil-logħba kontra l-Ġermaniżi, Puskás weġġa' l-għaksa wara intervent tad-difensur Werner Liebrich u kellu jitlef il-kwarti tal-finali u s-semifinali. Bl-assenza tiegħu, l-Ungerija xorta waħda rnexxielhom jegħlbu lill-Brażil u 'l-Urugwaj b'riżultati identiċi ta' 4–2.
Għall-finali, li ntlagħbet fl-4 ta' Lulju quddiem folla ta' 62,000 ruħ, l-Ungerija sabu mill-ġdid lill-Ġermanja tal-Punent. Minkejja li kien għadu jħoss uġigħ fl-għaksa, Puskás għażel li jibda l-logħba. Kien hu li fetaħ l-iskor wara sitt minuti u l-Ungerija sabu t-tieni gowl żewġ minuti wara permezz ta' Czibor. Qalb xita qalila, il-Ġermaniżi rrispondew mal-ewwel u ż-żewġ timijiet daħlu jistrieħu wara l-ewwel taqsima bl-iskor indaqs. Lejn tmiem il-logħba, sitt minuti qabel it-tisfira finali, Helmut Rahn skorja dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa għall-Ġermanja tal-Punent.[15] Dan ir-riżultat jibqa' fost l-ikbar sorpriżi fl-istorja tat-Tazza tad-Dinja[16] u minbarra li temm serje ta' 31 logħba mingħajr telfa għall-Ungerija, din it-telfa sarrfet f'numru ta' dimostrazzjonijiet fit-toroq ta' Budapest mhux biss kontra t-tim imma wkoll kontra r-reġim Komunista tal-pajjiż.[17]
Il-ħarba mill-Ungerija
[immodifika | immodifika s-sors]Ferenc Puskás kompla l-karriera tiegħu ma' Budapest Honvéd. Mal-bidu tar-rivoluzzjoni Ungeriża tal-1956, it-tim ta' Honvéd kien beda sehmu fit-Tazza taċ-Ċampjins tal-istaġun 1956–57 kontra Athletic Bilbao. Wara l-ewwel leg, li ntlagħab fi Spanja, f'nofs kriżi politika fl-Ungerija, Puskás u sħabu ddeċidew li ma jmorrux lura pajjiżhom iżda li jilgħabu t-tieni leg fi Brussell. Minkejja l-oppożizzjoni tal-FIFA u l-awtoritajiet tal-futbol Ungeriżi, huma organizzaw tour tal-Italja, il-Portugall, Spanja u l-Brażil. Mar-ritorn lura fl-Ewropa, xi plejers reġgħu lura l-Ungerija, filwaqt li oħrajn bħal Czibor, Kocsis u Puskás sabu klabbs ġodda fl-Ewropa tal-Punent.[18]
Fl-1957, Puskás iffirma kuntratt preliminarju ma' Wiener Sportklub, però, bħal plejers emigranti oħrajn, hu ma kellux permess u għalhekk il-karriera tiegħu kellha tieqaf temporanjament. Wara s-sospsensjoni mil-logħob ta' tmintax-il xahar li ngħatatlu mill-FIFA, wara l-indħil tal-federazzjoni Ungeriża, Puskás l-ewwel mar l-Italja u wara Spanja sabiex jerġa' jilgħab imma ma kienx offrut kuntratt minn ħafna klabbs minħabba li issa kellu iktar minn tletin sena u kien rebba' l-piż.
Qawmien mill-ġdid fi Spanja
[immodifika | immodifika s-sors]Emil Oesterreicher, li preċedentament kien teżorier ta' Budapest Honvéd u li fl-1956 laħaq direttur tekniku ta' Real Madrid, iddeċieda li jġib miegħu mal-klabb Spanjol lil Puskás li issa kellu 31 sena. Din l-istorja kienet ta' sorpriża fi Spanja hekk kif ħafna kienu tal-ħsieb li plejer ta' dik l-età ma kienx post ma' klabb tal-istatura ta' Real Madrid. Però Puskás mal-ewwel sikket il-kritika. L-ikona Ungeriża beda t-tieni fażi tal-karriera tiegħu fi dwett mal-Arġentin Alfredo Di Stéfano.[19]
Id-debutt tiegħu seħħ fl-14 ta' Settembru 1958 f'rebħa ta' 2–1 kontra Las Palmas u ġimgħa wara skorja l-ewwel gowls tiegħu bi tripletta fir-rebħa ta' 5–1 kontra Real Gijón.[20] Din kellha tkun waħda minn erba' tripletti li skorja fil-kampjonat għal total ta' 21 gowl, tnejn inqas minn Di Stéfano, u t-tnejn li huma spiċċaw l-aqwa skorers. Għalkemm fallew li jirbħu l-kampjonat, b'Barcelona jittrijonfaw wara battalja bejn iż-żewġ klabbs tul l-istaġun kollu,[21] Real Madrid rebħu r-raba' Tazza taċ-Ċampjins meta fil-finali għelbu lil Reims.[22] Puskás ikkontribwixxa fil-kompetizzjoni b'żewġ gowls fis-semifinali kontra Atlético Madrid, però ma lagħabx il-finali.[23]
L-istaġun sussegwenti tal-1959–60, Puskás sploda hekk kif kien l-aqwa skorer tal-klabb Madrilen fit-tliet kompetizzjonijiet bi 48 gowl f'36 logħba. Għal Puskás il-konsagrazzjoni waslet fil-finali tat-Tazza taċ-Ċampjins meta Real Madrid iddominaw fuq Eintracht Frankfurt f'Hampden Park ġewwa l-Iskozja, quddiem folla ta' 130,000 ruħ. Di Stéfano skorja tripletta u Puskás skorja erbgħa f'rebħa ta' 7–3. Ir-rebħ ta' dan it-titlu kien il-ħames wieħed konsekuttiv tal-klabb li jibqa' l-aqwa tragward fl-istorja tal-kompetizzjoni.[24] Grazzi għal din ir-rebħa l-klabb ingħata ċans li jilgħab fil-kompetizzjoni ġdida tat-Tazza Interkontinentali. It-trofew kien ikkontestat bejn iċ-ċampjin Ewropew u dak Sud-Amerikan rebbieħ tal-Copa Libertadores. Real Madrid ħarġu rebbieħa 5–1 fuq l-Urugwajani ta' Peñarol b'Puskás jiskorja darbtejn fit-tieni leg.[25]
Wara li kiseb iċ-ċittadinanza Spanjola fl-1961,[26] Puskás issejjaħ mat-tim nazzjonali Spanjol u lagħab l-ewwel logħba tiegħu kontra l-Marokk f'Settembru tal-istess sena. B'kollox lagħab erba' logħbiet mat-tim nazzjonali li tlieta minnhom wasslu fit-Tazza tad-Dinja tal-1962 li saret fiċ-Ċili. L-Ispanjoli ddiżappuntaw fil-kompetizzjoni meta rebħu logħba waħda biss u spiċċaw l-aħħar fil-grupp.
Fl-1962, f'Amsterdam, Puskás lagħab il-finali tat-Tazza taċ-Ċampjins. Hu ħalla l-marka bi tripletta imma l-avversarji ta' Benfica rebħu t-trofew b'riżultat ta' 5–3.[27] Sentejn wara, fi Vjenna, Puskás u Real Madrid għal darb'oħra sfaw telliefa fil-finali, din id-darba kontra l-Inter.[28] Din l-aħħar finali kellha tkun tmiem il-koppja tal-attakk ta' Di Stéfano u Puskás hekk kif l-Ispanjol-Arġentin irtira. Puskás baqa' jilgħab u fl-1966 għen lill-klabb jasal għat-tmien finali tat-Tazza taċ-Ċampjins fi ħdax-il sena. Fit-triq lejn il-finali hu skorja ħames gowl f'żewġ logħbiet kontra Feyenoord. B'tim magħmul minn żgħażagħ Spanjoli, il-klabb Madrilen rebaħ il-finali kontra Partizan. Puskás kien nieqes għal din il-logħba minħabba li reġa' sofra minn uġigħ li kien qed isir pjuttost rikorrenti matul l-aħħar staġuni.
Puskás lagħab l-aħħar logħba tiegħu ta' 38 sena, fit-8 ta' Mejju 1966, b'bilanċ ta' 242 gowl f'262 logħba u medja ta' 0.92 gowls kull logħba.[1][19]
Statistika
[immodifika | immodifika s-sors]Internazzjonali
[immodifika | immodifika s-sors]Tim nazzjonali | Sena | Preżenzi | Gowls |
---|---|---|---|
Ungerija[7] | 1945 | 2 | 3 |
1946 | 3 | 3 | |
1947 | 5 | 5 | |
1948 | 6 | 7 | |
1949 | 8 | 11 | |
1950 | 6 | 12 | |
1951 | 3 | 4 | |
1952 | 12 | 10 | |
1953 | 7 | 6 | |
1954 | 11 | 8 | |
1955 | 12 | 10 | |
1956 | 9 | 4 | |
Total | 85 | 84 |
Tim nazzjonali | Sena | Preżenzi | Gowls |
---|---|---|---|
Spanja[7] | 1961 | 1 | 0 |
1962 | 3 | 0 | |
Total | 4 | 0 |
Unuri
[immodifika | immodifika s-sors]Plejer
[immodifika | immodifika s-sors]- Budapest Honvéd
- Nemzeti Bajnokság I: 1949–50, 1950, 1952, 1954, 1955
- Real Madrid
- La Liga: 1960–61, 1961–62, 1962–63, 1963–64, 1964–65
- Copa del Generalísimo: 1961–62
- Tazza Ewropea: 1958–59, 1959–60, 1965–66
- Tazza Interkontinentali: 1960
- Ungerija
- Logħob Olimpiku tas-sajf: 1952
- Tazza Internazzjonali: 1948–53
- Individwali
- L-aqwa skorer tal-kampjonat Ungeriż: 1947–48, 1949–50, 1950, 1953
- L-aqwa skorer tat-Tazza Internazzjonali: 1948–53
- Plejer tas-Sena tal-Federazzjoni Ungeriża tal-Futbol: 1950
- Ballun tad-Deheb tat-Tazza tad-Dinja: 1954
- All-Star Team tat-Tazza tad-Dinja: 1954
- L-aqwa skorer tal-kampjonat Spanjol: 1959–60, 1960–61, 1962–63, 1963–64
- L-aqwa skorer tat-Tazza Ewropea: 1959–60, 1963–64
- Imdaħħal fl-ewwel ħdax tar-rivista World Soccer: 1960, 1961, 1962, 1963[29]
- UEFA Jubilee Awards: Ungerija
- Membru tal-FIFA 100
- L-aqwa plejer Ewropew tas-seklu 20 skont il-gazzetta L'Équipe
- L-aqwa plejer Ungeriż tas-seklu 20 skont l-IFFHS[30]
- Imdaħħal fost l-aqwa għaxar plejers tas-seklu 20 (#6) skont l-IFFHS[30]
- Imdaħħal fost l-aqwa għaxar plejers Ewropej tas-seklu 20 (#4) skont l-IFFHS[30]
Kowċ
[immodifika | immodifika s-sors]- Panathinaikos
- Super League: 1969–70, 1971–72
- Sol de América
- Primera División: 1986
- South Melbourne Hellas
- National Soccer League: 1990–91
- NSL Cup: 1989–90
- Dockerty Cup: 1989, 1991
- Individwali
- L-aqwa kowċ tal-kampjonat Grieg: 1969–70, 1971–72
Noti
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Qabel l-1950 l-isem tal-klabb kien Kispesti AC.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b Kolos, Vladimir (2022-06-30). "Prolific Scorers Data - Official matches" (bl-Ingliż). RSSSF. Miġbur 2022-10-18.
- ^ "Isten futballistának teremtette" (bl-Ungeriż). Nemzeti Sport Online. 2006-11-27. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-07-14. Miġbur 2022-10-19.
- ^ Jack, Bell (2006-11-18). "Ferenc Puskas, 79, International Soccer Star, Dies" (bl-Ingliż). The New York Times. ISSN 0362-4331. Miġbur 2022-10-19.
- ^ István, Maruzsa (2011-04-01). "84 éve született a Száguldó Őrnagy" (bl-Ungeriż). Hatharom. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-04-03. Miġbur 2022-10-19.
- ^ "Kovács Miklós legendája" (bl-Ungeriż). Csak a Kispest!. 2018-04-02. Miġbur 2022-10-19.
- ^ a b "FERENC PUSKAS - International Football Hall of Fame" (bl-Ingliż). IFHOF. Miġbur 2022-10-19.
- ^ a b ċ d Mamrud, Roberto (2011-04-21). "Ferenc Puskás - Goals in International Matches" (bl-Ingliż). RSSSF.
- ^ Halliday, Stephen. "Galloping Major gave us finest hour at Hampden" (bl-Ingliż). Scotsman. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-10-16.
- ^ "Olympic Football Tournament Helsinki 1952: Yugoslavia - Hungary" (bl-Ingliż). FIFA. Miġbur 2022-10-21.
- ^ Reyes, Macario (2011-04-21). "5th International Cup" (bl-Ingliż). RSSSF. Miġbur 2022-10-21.
- ^ a b "England v Hungary - a football match that started a revolution" (bl-Ingliż). BBC. 2013-11-23. Miġbur 2022-10-21.
- ^ Corkhill, Barney (2020-04-09). "A tribute to Ferenc Puskás" (bl-Ingliż). Bleacher Report. Miġbur 2022-10-21.
- ^ "Hungary defeated England 7-1 on this day in 1954" (bl-Ingliż). Federazzjoni tal-Futbol Ungeriża. 2020-05-23. Miġbur 2022-10-21.
- ^ "Best teams never to win a World Cup: Hungary 1954" (bl-Ingliż). ESPNFC. 2014-05-06. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-12-20. Miġbur 2022-10-22.
- ^ "1954 FIFA World Cup Switzerland™" (bl-Ingliż). FIFA. Miġbur 2022-10-22.
- ^ Masters, James (2014-06-16). "World Cup: the top 10 matches" (bl-Ingliż). CNN. Miġbur 2022-10-22.
- ^ Majundar, Amlan (2012-10-11). "The miracle of Bern – a game that changed Germany and Hungary forever" (bl-Ingliż). theHardTackle. Miġbur 2022-10-22.
- ^ Wilson, Jonathan (2006). Behind the Curtain: Football in Eastern Europe (bl-Ingliż). ISBN 978-0752879451.
- ^ a b "Puskas" (bl-Ingliż). Real Madrid CF. Miġbur 2022-10-24.
- ^ "On a day like today Puskas made his debut" (bl-Ingliż). Real Madrid CF. Miġbur 2022-10-24.
- ^ "First Division 1958-59" (bl-Ingliż). BDFutbol. Miġbur 2022-10-24.
- ^ "Real Madrid's Fourth European Cup" (bl-Ingliż). Real Madrid CF. Miġbur 2022-10-26.
- ^ Zea, Antonio; Haisma, Marcel (2007-05-18). "European Champions' Cup 1958-59 - Details" (bl-Ingliż). RSSSF. Miġbur 2022-10-26.
- ^ "Madrid win a fifth consecutive title" (bl-Ingliż). UEFA. 2014-09-01. Miġbur 2022-10-24.
- ^ Gorgazzi, Osvaldo José (1999-04-14). "Intercontinental Club Cup 1960" (bl-Ingliż). RSSSF. Miġbur 2022-10-26.
- ^ "Ferenc Puskas dies aged 79" (bl-Ingliż). Londra: The Guardian. 2006-11-17. Miġbur 2022-10-28.
- ^ "Eusébio stars in Benfica's second triumph" (bl-Ingliż). UEFA. 2014-09-01. Miġbur 2022-10-26.
- ^ "Inter keep European honours in Milan" (bl-Ingliż). UEFA. 2014-09-01. Miġbur 2022-10-26.
- ^ "Eric Batty's World XI - The Sixties" (bl-Ingliż). Beyond The Last Man. 2013-04-29.
- ^ a b ċ Stokkermans, Karel (2000-01-30). "IFFHS' Century Elections" (bl-Ingliż). RSSSF.
Ħoloq esterni
[immodifika | immodifika s-sors]- Ferenc Puskás fuq National-Football-Teams.com
- Ferenc Puskás – rekord kompetittiv tal-FIFA (arkivjat)
- Profil fuq is-sit ta' Real Madrid