Aqbeż għall-kontentut

Via Appia

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Sezzjoni tat-triq fil-Park Reġjonali ta' Ruma.

Il-Via Appia (bit-Taljan jew bil-Latin) jew it-Triq Appjana jew il-Mogħdija Appjana) hija waħda mill-iżjed toroq jew mogħdijiet Rumani bikrin u strateġikament importanti tar-repubblika Rumana tal-qedem. Kienet tikkollega l-belt kapitali Ruma ma' Brindisi, fix-Xlokk tal-Italja.[1] L-importanza tagħha toħroġ fid-dieher mill-isem komuni tagħha, li ġie rreġistrat minn Stazju[2] bħala Appia longarum... regina viarum ("it-Triq Appjana, ir-reġina tat-toroq twal"). It-triq ingħata isem Appius Claudius Caecus,[3] iċ-ċensur Ruman li matul il-Gwerer Samniti beda u lesta l-ewwel sezzjoni bħala triq militari lejn in-Nofsinhar fit-312 Q.K.[4]

Il-Via Appia tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO f'Lulju 2024.[5][6]

Il-ħtieġa għat-toroq

[immodifika | immodifika s-sors]
Porta San Sebastiano hija d-daħla tat-Triq Appjana fi ħdan il-Ħitan Awreljani.

It-Triq Appjana kienet triq Rumana li kienet tintuża bħala rotta prinċipali għat-trasport tal-provvisti militari għall-konkwista tan-Nofsinhar tal-Italja fit-312 Q.K. u għal titjib fil-komunikazzjoni.[7][8]

It-Triq Appjana kienet l-ewwel triq twila li nbniet speċifikament għat-trasport tat-truppi 'l barra mir-reġjun żgħir taż-żona ċentrali usa' ta' Ruma (xi ħaġa essenzjali għar-Rumani). Il-ftit toroq 'il barra mill-belt bikrija kienu Etruski u prinċipalment kienu jagħtu għal Etrurja. Saż-żmien aħħari tar-Repubblika, ir-Rumani kienu nfirxu fil-biċċa l-kbira tal-Italja u kienu esperti fil-kostruzzjoni tat-toroq. It-toroq tagħhom kienu jibdew f'Ruma, fejn kien ikun hemm l-itinerarju (bil-Latin: itinerarium) ewlieni jew il-lista ta' destinazzjonijiet tul it-toroq, u kienu jestendu l-fruntieri tad-dominju tagħhom – b'hekk hemm l-espressjoni, "It-toroq kollha jagħtu għal Ruma".

Il-Gwerer Samniti

[immodifika | immodifika s-sors]
Via Appia ħdejn Ruma.

Ir-Rumani kellhom affinità man-nies ta' Campania, li bħalhom oriġinaw mill-Etruski. Il-Gwerer Samniti ġew istigati mis-Samniti meta Ruma ppruvat issir alleat tal-belt ta' Capua fil-Campania. Il-kelliema Italiċi fil-Latium kienu ilhom li baxxew rashom u ġew inkorporati fl-istat Ruman. Huma kienu responsabbli għall-bdil ta' Ruma minn stat primarjament tal-Etruski għal stat primarjament Italiku.

Popolazzjonijiet densi ta' Samniti sovrani baqgħu jgħixu fil-muntanji fit-Tramuntana ta' Capua, ftit fit-Tramuntana tal-belt Griega ta' Napli (Neapolis). Għall-ħabta tat-343 Q.K., Ruma u Capua ppruvaw jiffurmaw alleanza. Is-Samniti rreaġixxew b'qawwa militari.[9]

Ix-xkiel tal-Imraġ Pontini

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Qabar ta' Prixilla.

Bejn Capua u Ruma kien hemm l-Imraġ Pontini (bil-Latin: Pomptinae paludes), art imtajna infestata bil-malarja. Kien hemm triq kostali iebsa u sserrep bejn Ostia fil-bokka tax-xmara Tiber u Napli. Il-Via Latina jew it-Triq Latina kienet tgħaddi mill-mogħdija antika u ħarira iktar aċċessibbli qalb l-għoljiet inizjali ta' Monti Laziali u ta' Monti Lepini, li jispikkaw fuq il-post fejn qabel kien hemm l-imraġ.

Fl-Ewwel Gwerra Samnita (343–341 Q.K.), ir-Rumani sabu li ma setgħux jappoġġaw jew jerġgħu jfornu lit-truppi fil-post kontra s-Samniti minn naħa għall-oħra tal-imraġ. Rewwixta tal-Lega Latina kompliet tnaqqrilhom ir-riżorsi. B'hekk ma għamlux l-alleanza li kellhom f'moħħhom li għamlu u solvew id-diżgwid ma' Samnium.

Il-kolonizzazzjoni lejn ix-Xlokk

[immodifika | immodifika s-sors]

Ir-Rumani kienu qed jirbħu l-ħin biss sakemm jaslu għal soluzzjoni. L-ewwel tweġiba kienet il-kolonja, ġabra ta' insedjaturi minn Ruma, li kienu jistabbilixxu bażi permanenti għall-operazzjonijiet militari. It-Tieni Gwerra Samnita (327–304 Q.K.) faqqgħet meta Ruma ppruvat tistabbilixxi kolonja f'Cales fit-334 Q.K. u mill-ġdid fi Fregellae fit-328 Q.K. fuq in-naħa l-oħra tal-imraġ. Is-Samniti, li kienu laħqu saru qawwa ewlenija wara li għelbu l-Griegi ta' Tarentum, okkupaw Napli biex jippruvaw jiżguraw il-lealtà tagħha. In-Naplitani appellaw għall-għajnuna ta' Ruma, li bagħtet armata u keċċiet lis-Samniti minn Napli.

Il-bidu tax-xogħlijiet ta' Appius Claudius

[immodifika | immodifika s-sors]
Monument tal-qabar ta' Caius Rabirius Postumus Hermodorus, ta' Lucia Rabiria Demaris u ta' Usia Prima tul il-Via Appia, qrib ir-Raba' Mil.

Fit-312 Q.K., Appius Claudius Caecus sar ċensur f'Ruma. Huwa kien membru tal-gens Claudia, li kienu patrizjani dixxendenti mis-Sabini li mill-ewwel ittieħdu fl-istat Ruman bikri. Huwa kien ingħata isem l-antenat fundatur tal-ġens, Appius Claudius (Attus Clausus f'Sabina). Huwa kien populista, jiġifieri jitkellem favur in-nies komuni. Għalkemm kien magħruf bħala raġel għaqli u ta' saqajh mal-art, fis-snin ta' suċċess tiegħu jingħad li tilef il-boxxla interna tiegħu u b'hekk ingħata l-isem ta' caecus, "għami".

Mingħajr ma qagħad jistenna lis-Senat biex jgħidulu x'għandu jagħmel, Appius Claudius beda xogħlijiet pubbliċi kbar biex jindirizza l-problema tal-provvista. Akkwedott (l-Aqua Appia) aċċerta l-provvista tal-ilma tal-belt ta' Ruma. Bla dubju l-iżjed proġett magħruf kienet it-triq, tul l-Imraġ Pontini sal-kosta fil-Majjistral ta' Napli, fejn imbagħad iddur lejn it-Tramuntana lejn Capua. Permezz tagħha, kwalunkwe numru ta' truppi ġodda setgħu jintbagħtu malajr lejn l-operazzjonijiet militari, u l-provvisti setgħu jiġu ttrasportati bil-massa lejn il-bażijiet Rumani mingħajr l-ebda xkiel, la mill-għadu u lanqas mit-terren. Għaldaqstant, mhux ta' b'xejn li wara l-mandat tiegħu bħala ċensur, Appius Claudius sar konslu darbtejn, sussegwentement ingħata karigi oħra, u kien konsulent irrispettat tal-istat saħansitra fl-anzjanità tiegħu.

Is-suċċess tat-triq

[immodifika | immodifika s-sors]

It-triq laħqet l-iskop tagħha. L-eżitu tat-Tieni Gwerra Samnita fl-aħħar mill-aħħar kien favorevoli għal Ruma. F'sensiela ta' ġrajjiet, ir-Rumani rpiljaw, u wasslu biex Etrurja tikkollabora fit-311 Q.K., l-istess sena tar-rewwixta, flimkien ma' Samnium fit-304 Q.K. It-triq kienet il-fattur prinċipali li ppermettielhom jikkonċentraw il-forzi tagħhom b'biżżejjed ħeffa u jkollhom provvisti adegwati, u b'hekk imbagħad saru għadu formidabbli.

Kostruzzjoni tat-triq

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Knisja ta' San Bastjan 'il Barra mill-Ħitan, li tinsab fuq il-katakombi ta' San Bastjan.

Il-parti prinċipali tal-Via Appia nbdiet u tlestiet fit-312 Q.K.

It-triq bdiet bħala triq imħarbta mwittija u fuqha tpoġġew ġebliet żgħar u tkaħħil. Imbagħad tqiegħed iż-żrar, u finalment tpoġġa ġebel ieħor biex ikun hemm wiċċ kemm jista' jkun ċatt. L-istoriku Prokopju qal li l-ġebliet tant qagħdu pinna f'xulxin li kienu jidhru qishom ħaġa waħda u mhux tpoġġew waħda waħda f'xulxin. It-triq kellha gandott fin-nofs tagħha għall-ilma u fuq kull naħa kellha fosos protetti b'ħitan riffieda.

Bejn Ruma u l-Lag ta' Albano

[immodifika | immodifika s-sors]
Ir-rotot tal-Via Appia u tal-Via Appia Traiana.

It-triq kienet tibda fil-Forum Ruman, kienet tgħaddi minn ġol-Ħajt Servjan f'Porta Capena, kienet tgħaddi qalb il-Clivus Martis, u mbagħad kienet tibqa' ħierġa mill-belt. Għal din is-sezzjoni tat-triq, il-bennejja użaw il-Via Latina. Il-kostruzzjoni tal-Ħitan Awreljani sekli wara kienet teħtieġ it-tqegħid ta' daħla oħra, Porta Appia. 'Il barra minn Ruma, il-Via Appia ġdida kienet tgħaddi mis-subborgi għonja tul il-Via Norba, il-mogħdija antika li tagħti għall-għoljiet Albani, fejn kienet tinsab Norba. Dak iż-żmien it-triq kienet triq biż-żrar (bil-Latin: via glarea). Ir-Rumani bnew triq ta' kwalità għolja, b'saffi ta' ġebel bis-siment fuq saff ta' ġebliet żgħar, b'gandott fin-nofs għall-ilma, b'fosos tad-drenaġġ fuq kull naħa, b'ħitan riffieda baxxi fil-partijiet neżlin 'l isfel, u b'mogħdijiet laterali mħarbta. Huwa maħsub li l-Via Appia kienet l-ewwel triq Rumana li fiha ntuża s-siment tal-ġebla tal-ġir. Il-materjali kienu tal-blat vulkaniku. Jingħad li l-wiċċ tat-triq tant kienet lixxa li wieħed ma setax jagħraf fejn kienu il-ġonturi. Is-sezzjoni Rumana għadha teżisti u hija mimlija monumenti minn kull perjodu, għalkemm is-siment ittiekel mill-ġonturi bl-erożjoni, u b'hekk il-wiċċ lanqas xejn ma għadu lixx.

Iċ-Ċirku ta' Masenzju.

It-triq ma tikkonċedi xejn lill-għoljiet Albani, iżda tibqa' sejra dritta minn ġo nofshom. Il-pendil tat-triq spiss ikun wieqaf. Imbagħad tasal fejn qabel kien hemm l-Imraġ Pontini. Sezzjoni ta' madwar 31 kilometru (19-il mil) inbniet tul l-għadajjar bl-ilma qiegħed jinten li kienu jiġu bblukkati mill-baħar permezz ta' għaram tar-ramel. Appius Claudius ippjana d-drenaġġ tal-imraġ, iżda minkejja l-bosta tentattivi, ma rnexxilux. Din is-sezzjoni tat-triq u l-pontijiet tagħha sussegwentement kellhom bżonn tiswijiet kostanti. Fil-162 Q.K., Marcus Cornelius Cathegus ordna l-kostruzzjoni ta' kanal tul it-triq sabiex inaqqas it-traffiku u jipprovdi alternattiva meta kienu jsiru xi tiswijiet. Ir-Rumani kienu jippreferu jużaw il-kanal.

Il-Qabar ta' Ċeċilja Metella u l-castrum Caetani.

Il-Via Appia kienet tkompli tul ir-rotta kostali f'Tarracina (Terracina). Madankollu, ir-Rumani ddrittawha kemxejn f'xi nħawi li llum il-ġurnata jiffurmaw l-irdumijiet. Minn hemmhekk it-triq kienet taqbad lilwa lejn it-Tramuntana sa Capua, fejn għall-ewwel kienet tintemm. Il-Forki Kawdini ma tantx kienu 'l bogħod lejn it-Tramuntana. L-itinerarju kien jinkludi lil Aricia (Ariccia), Tres Tabernae, Forum Appii, Tarracina, Fundi (Fondi), Formiae (Formia), Minturnae (Minturno), Suessa, Casilinum u Capua, iżda wħud minnhom kienu kolonji li żdiedu wara l-Gwerer Samniti. Id-distanza totali kienet ta' 212-il kilometru (132 mil). It-triq oriġinali ma kellha l-ebda plier, għax kienu għadhom ma jintużawx. Hemm ftit li għadhom jeżistu li nbnew iktar 'il quddiem, inkluż l-ewwel plier qrib Porta Appia.

Estensjoni lejn Beneventum

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Via Appia fi ħdan Minturno tal-qedem.

Isem it-Tielet Gwerra Samnita (298–290 Q.K.) x'aktarx iqarraq b'dak li jkun. Kienet tentattiv ikkombinat tal-ġirien kollha ta' Ruma: l-Italiċi, l-Etruski u l-Galli, li jivverifikaw sa fejn kienet tasal is-setgħa ta' Ruma. Is-Samniti kienu minn ta' quddiem li mexxew il-konfoffa. Ruma għelbithom fil-Battalja ta' Sentinum fl-Umbria fil-295 wara li s-Samniti komplew jiġġieldu waħedhom. B'hekk Ruma kellha 13-il kolonja fil-Campania u f'Samnium. X'aktarx li kien matul dan iż-żmien li r-Rumani estendew il-Via Appia għal 35 mil lil hinn minn Capua wara l-Forki Kawdini sa post li s-Samniti kienu jseħulu Maloenton, jiġifieri "passaġġ tal-merħliet". L-itinerarju żied lil Calatia, Caudium u Beneventum (li kienet għadha ngħatatx dak l-isem).[10] Hawnhekk ukoll kienet tintemm il-Via Latina.[11]

Estensjoni lejn il-Puglia u l-Calabria

[immodifika | immodifika s-sors]

Sal-290 Q.K., is-sovranità tas-Samniti ntemmet. It-takkuna tal-Italja kienet miftuħa beraħ għall-attakki tar-Rumani. Id-dati huma kemxejn inċerti u hemm varjazzjoni konsiderevoli qalb is-sorsi, iżda matul it-Tielet Gwerra Samnita milli jidher ir-Rumani estendew it-triq sa Venusia, fejn stabbilew kolonja ta' 20,000 raġel; imbagħad waslu f'Tarentum.

It-Torri ta' Selce, torri tas-seklu 12 li nbena fuq mawżolew ferm iktar antik.

L-espansjoni Rumana allarmat lil Tarentum, il-belt ewlenija tal-preżenza Griega (Magna Graecia) fin-Nofsinhar tal-Italja. Huma qabbdu lill-merċenarju, ir-Re Pirro ta' Epiru, fil-Greċja biex jiġġieled kontra r-Rumani f'isimhom. Fil-280 Q.K., ir-Rumani ġarrbu telfa kontra Pirro fil-Battalja ta' Eraklea tul il-kosta fil-Punent ta' Tarentum. Il-battalja swiet ħafna liż-żewġ naħat, tant li Pirro rrimarka "Rebħa oħra bħal din u nitlef għal dejjem". L-armata Rumana għamlet l-aqwa użu mit-triq u attakkat ir-Rhegium Grieg u wettqet massakru tal-partiġjani ta' Pirro hemmhekk.

Minflok ħadha qatta' bla ħabel kontrihom biex ipattihielhom, Pirro baqa' sejjer dritt lejn Ruma tul il-Via Appia u mbagħad il-Via Latina. Huwa kien jaf li jekk jibqa' sejjer tul il-Via Appia kien se jinqabad fl-imraġ. Ladarba kien jaf li kien hemm intopp simili fil-Via Latina wkoll, huwa rtira mingħajr ġlied kif sab oppożizzjoni f'Anagni. Huwa qatta' x-xitwa fil-Campania u rtira lejn il-Puglia fil-279 Q.K., fejn ippersegwitat mir-Rumani, huwa rebaħ it-tieni rebħa li swietu ferm fil-Battalja ta' Asculum. Huwa rtira mill-Puglia u qatta' xi żmien fi Sqallija, u mbagħad irritorna lejn il-Puglia fil-275 Q.K. u reġa' reħielha lejn il-Campania tul it-triq Rumana.

Fornuti mill-istess triq, ir-Rumani rnexxielhom jiddefendu r-reġjun kontra Pirro, u għelbu l-armata tiegħu f'taqbida ta' jumejn fil-Battalja ta' Beneventum fil-275 Q.K. B'hekk ir-Rumani biddlu isem il-belt minn "Maleventum" ("sit tal-avvenimenti ħżiena") għal Beneventum ("sit tal-avvenimenti tajbin"). Pirro rtira lejn il-Greċja, fejn miet fi ġlieda fi triq f'Argos fil-272 Q.K. Tarentum sfat f'idejn ir-Rumani fl-istess sena, li komplew jikkonsolidaw it-tmexxija tagħhom fl-Italja kollha.[12]

Ir-Rumani estendew il-Via Appia sal-port ta' Brundisium fil-264 Q.K. L-itinerarju minn Beneventum sar jinkludi lil Aeculanum, Forum Aemilii, Venusia, Silvium, Tarentum, Uria u Brundisium. F'dak iż-żmien ir-Repubblika Rumana kienet il-gvern tal-Italja. Appius Claudius miet fil-273, iżda peress li kien estenda t-triq għadd ta' drabi, ħadd ma bidel isem it-triq li baqgħet imsemmija għalih.

Skoperta mill-ġdid

[immodifika | immodifika s-sors]
L-Imperatur Trajanu bena devjazzjoni tal-Via Appia. Din hija sezzjoni tal-Via Appia Traiana qrib Egnatia.

Il-mogħdija tat-Triq Appjana tul ir-reġjuni attwali tal-Lazio u tal-Campania minn dejjem kienet magħrufa sew, iżda l-pożizzjoni eżatta tal-parti li kienet tinsab fil-Puglia (it-triq oriġinali, mhux l-estensjoni ta' Trajanu) ma kinitx magħrufa għal żmien twil, peress li ma kien hemm l-ebda fdalijiet viżibbli tal-Via Appia f'dak ir-reġjun.

Fl-ewwel nofs tas-seklu 20, il-professur tat-topografija Rumana antika Giuseppe Lugli rnexxielu jiskopri, permezz tat-teknika tal-fotogrammetrija li dak iż-żmien kienet innovattiva, dik li x'aktarx kienet ir-rotta tal-Via Appia minn Gravina fil-Puglia (Silvium) sa Taranto. Meta analizza r-ritratti fotogrammetriċi mill-ajru tal-inħawi, Lugli nnota mogħdija (bit-Taljan: tratturo) magħrufa bħala la Tarantina, li d-direzzjoni tagħha kienet għadha influwenzata ferm miċ-ċenturjazzjoni (jiġifieri sistema ta' mmarkar ta' rqajja' ta' art f'irqajja' kwadri jew rettangolari); skont Lugli din kienet il-mogħdija tal-Via Appia. Din il-mogħdija, kif ukoll parti li tinsab fir-reġjun attwali tal-Puglia, kienu għadhom jintużaw fil-Medju Evu. Biċċa evidenza oħra tal-mogħdija proposta minn Lugli hija l-preżenza ta' għadd ta' fdalijiet arkeoloġiċi f'dak ir-reġjun, fosthom l-insedjament antik ta' Jesce.

Billi studja d-distanzi mogħtija fl-Itinerarju ta' Antonju, Lugli assenja wkoll l-istazzjonijiet tal-Via Appia ta' Blera u ta' Sublupatia (li jissemmew ukoll fit-Tabula Peutingeriana) rispettivament fl-inħawi ta' Murgia Catena u ta' Taverna (bejn il-masseria (speċi ta' razzett fuq proprjetà mdaqqsa) ta' San Filippu u l-masseria ta' San Pietru). Madankollu, it-toponimu Murgia Catena kien jiddefinixxi żona kbira wisq, u b'hekk ma kienx jippermetti l-pożizzjonament ċar tal-istazzjon tal-Via Appia. Iktar reċentement, Luciano Piepoli, abbażi tad-distanzi mogħtija fl-Itinerarju ta' Antonju u fuq sejbiet arkeoloġiċi iktar ġodda, issuġġerixxa li Silvium kellha tkun Santo Staso, żona qrib ħafna ta' Gravina fil-Puglia, Blera kellha tkun il-masseria ta' Castello, u Sublupatia kellha tkun il-masseria ta' Caione.

Arterji prinċipali

[immodifika | immodifika s-sors]

Peress li l-aħħar sezzjoni tal-Via Appia kienet pjuttost iebsa biex tgħaddi minnha, inħolqu xi arterji prinċipali: l-ewwel il-Via Aemilia, imbagħad il-Via Minucia, u finalment l-Imperatur Trajanu bena l-Via Traiana, arterja prinċipali tal-Via Appia minn Beneventum, li kienet tasal sa Brundisium minn Canusium u Barium minflok minn Tarentum. Din il-kostruzzjoni ġiet imfakkra bi ħnejja f'Beneventum.

Il-vjaġġaturi setgħu jaqsmu l-Baħar Adrijatiku permezz tal-Istrett ta' Otranto lejn l-Albanija jew billi jinżlu l-art fejn illum il-ġurnata hemm Durrës permezz tal-Via Egnatia jew billi jinżlu l-art qrib ir-raħal antik ta' Apollonia u jibqgħu sejrin fejn illum il-ġurnata hemm Rrogozhinë fl-Albanija ċentrali.[13]

Avvenimenti storiċi notevoli tul it-triq

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-kurċifissjoni tal-armata ta' Spartacus

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-kolonna f'Brindisi li timmarka t-tmiem tal-Via Appia.

Fit-73 Q.K., faqqgħet rewwixta tal-iskjavi (magħrufa bħala t-Tielet Gwerra Servili) taħt il-eks gladjatur ta' Capua, Spartacus, kontra r-Rumani. L-iskjavi kienu jammontaw għal wieħed minn kull tliet persuni fl-Italja.

Spartacus għeleb bosta armati Rumani f'kunflitt li dam għal iktar minn sentejn. Hu u jipprova jaħrab mill-Italja f'Brundisium, mingħajr ma jaf daħħal il-qawwiet tiegħu f'nassa storika fil-Puglia u fil-Calabria. Ir-Rumani kienu midħla sew tar-reġjun. Diversi leġjuni nġabu d-dar minn barra u Spartacus inqabad bejn l-armati Rumani. L-armata tal-eks skjav ġarrbet telfa max-xmara Siler kontra Marcus Licinius Crassus. L-armati ta' Pompeo qabdu u qatlu diversi eluf ta' ribelli li kienu ħarbu mill-battalja u Crassus qabad diversi eluf oħra. Ir-Rumani qatgħuha li l-iskjavi kienu tilfu d-dritt għall-ħajja. Fil-71 Q.K., 6,000 skjav ġew imsallba tul il-200 kilometru (120 mil) tal-Via Appia minn Ruma sa Capua.[14]

Il-Battalja ta' Anzio fit-Tieni Gwerra Dinjija

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1943, matul it-Tieni Gwerra Dinjija, l-Alleati sfaw fl-istess nassa li Pirro kien evita billi rtira, fl-għelieqi Pontini, is-suċċessuri tal-Imraġ Pontini. L-imraġ baqgħu jeżistu, minkejja l-bosta sforzi ta' drenaġġ, sa ma l-inġiniera ta' Benito Mussolini finalment irnexxielhom ibattlu l-ilma ta' ġo fihom (minkejja dan, l-għelieqi baqgħu infestati bin-nemus tal-malarja sal-wasla tad-DDT fis-snin 50 tas-seklu 20).

Bit-tama li javvanzaw minn Monte Cassino, l-Alleati żbarkaw tul il-kosta tal-Italja fl-inħawi ta' Anzio-Nettuno – Antium tal-qedem – nofs triq bejn Ostia u Terracina. Huma ma sabu l-ebda reżistenza. Kienu beħsiebhom javvanzaw tul il-Via Appia biex jieħdu Ruma permezz tal-manuvra minn Monte Cassino, iżda ma rnexxielhomx jagħmlu dan b'biżżejjed ħeffa. Il-Ġermaniżi okkupaw il-Monti Laziali u Lepini tul il-mogħdija tal-Via Latina antika, u minnhom tefgħu xita ta' bombi fuq Anzio. Minkejja li l-Alleati avvanzaw fl-inħawi Pontini kollha, ma qabdux art. Il-Ġermaniżi wettqu kontroattakk tul il-Via Appia mill-għoljiet Albani wesgħin erba' mili ta' quddiemha, iżda ma rnexxielhomx jerġgħu jieħdu lil Anzio. Il-battalja damet għaddejja għal erba' xhur; naħa kienet qed tiġi fornuta mill-baħar, u n-naħa l-oħra mill-art minn Ruma. F'Mejju 1944, l-Alleati rnexxielhom joħorġu minn Anzio u ħadu lil Ruma. Il-qawwiet Ġermaniżi ħarbu lejn it-Tramuntana ta' Firenze.

Logħob Olimpiku tas-sajf tal-1960

[immodifika | immodifika s-sors]

Għal-Logħob Olimpiku tas-sajf tal-1960, il-Via Appia ntużat bħala parti mill-korsa għall-maratona tal-irġiel li ntrebħet minn Abebe Bikila tal-Etjopja.[15]

Attrazzjonijiet ewlenin

[immodifika | immodifika s-sors]

Via Appia l-Antika

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Via Appia Antika, 4.1 kilometru fix-Xlokk minn Porta Appia (Porta San Sebastiano), id-daħla fi ħdan il-Ħitan Awreljani.

Wara l-waqgħa tal-Imperu Ruman tal-Punent, it-triq ma baqgħetx tintuża; il-Papa Piju VI ordna r-restawr tagħha. Fl-1784 inbniet Via Appia ġdida, parallela mat-triq l-antika, li baqgħet sejra saħansitra tar-reġjun tal-għoljiet Albani. It-Triq Appjana antika qrib Ruma issa saret attrazzjoni turistika mingħajr ħlas. Ġiet irrestawrata b'mod estensiv għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-Millenju u tal-Ġublew il-Kbir f'Ruma. L-ewwel 5 kilometri (3 mili) għadhom jintużaw sew mill-karozzi, mill-karozzi tal-linja u mill-kowċis, iżda minn hemm 'il quddiem it-traffiku ma tantx huwa intensiv u wieħed jista' jżur il-fdalijiet bil-mixi relattivament b'mod sikur. Il-Knisja tad-Domine Quo Vadis tinsab fit-tieni mil tat-triq. Tul jew qrib il-parti tat-triq li hija l-eqreb ta' Ruma, hemm tliet katakombi ta' oriġini Rumana u ta' oriġini Kristjana bikrija u waħda ta' oriġini Lhudija.

Il-kostruzzjoni tal-awtostrada mad-dawra ta' Ruma fl-1951, magħrufa bħala l-Grande Raccordo Anulare jew GRA, wasslet biex il-Via Appia tinqasam fi tnejn. Titjib li sar iktar reċentement fir-rigward tal-GRA solva din il-kwistjoni permezz tal-kostruzzjoni ta' mina taħt il-Via Appia, biex b'hekk issa huwa possibbli li wieħed jimxi l-Via Appia għal madwar 16-il kilometru (10 mili) mill-bidu tagħha qrib il-Banjijiet ta' Caracalla.

Bosta partijiet tat-triq oriġinali lil hinn mill-akkwati ta' Ruma ġew ippreservati, u wħud issa jintużaw mill-karozzi (pereżempju fl-inħawi ta' Velletri). It-triq tispira l-aħħar moviment tal-Pini di Roma ta' Ottorino Respighi. Sal-lum il-Via Appia hija l-itwal triq dritta fl-Ewropa, b'total ta' 62 kilometru (39 mil).[16]

Monumenti tul Via Appia

[immodifika | immodifika s-sors]
It-Triq Appjana skont l-immaġinazzjoni ta' Piranesi (1756).

Mill-Ewwel sar-Raba' Mil

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Porta Appia (Porta San Sebastiano), id-daħla tal-Ħitan Awreljani;
  • il-Knisja tad-Domine Quo Vadis;
  • il-Qabar ta' Prixilla;
  • il-Katakombi ta' Kallistu;
  • l-Ipoġew ta' Vibia;
  • il-Knisja ta' San Bastjan 'il barra mill-ħitan;
  • il-Katakombi ta' San Bastjan;
  • il-Katakombi tal-Lhud ta' Vigna Randanini;
  • iċ-Ċirku ta' Masenzju;
  • il-Qabar ta' Ċeċilja Metella;
  • il-Banjijiet Rumani ta' Capo di Bove;
  • il-Qabar ta' Ilarju Fosku.
Il-Mawżolew tal-Kurjazi jmur lura għal bejn tmiem ir-Repubblika u l-bidu tal-Imperu.

Il-Ħames Mil

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Il-Mawżolew tal-Orazi u tal-Kurjazi;
  • il-Villa tal-Kwintili, bin-nympheum, it-teatru u l-banjijiet;
  • il-Mawżolew ta' Casal Rotondo.

Is-Sitt Mil u lil hinn

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Il-Qabar ta' Minuċja;
  • it-Torri ta' Selce;
  • it-Tempju ta' Erkole;
  • Berrettia di Prete (qabar u iktar 'il quddiem knisja);
  • il-Mawżolew ta' Galljenju;
  • it-Tliet Taverni;
  • il-Villa ta' Publiju Klawdju Pulċer (fil-Villa ta' Santa Katerina, bis-sjieda tal-Kulleġġ Pontifiċju tal-Amerka ta' Fuq), fl-14-il mil;
  • il-Villa ta' Pompeo.

Pontijiet Rumani tul it-triq

[immodifika | immodifika s-sors]

Hemm il-fdalijiet ta' diversi pontijiet Rumani tul it-triq, inkluż il-Pont tat-Tliet Pontijiet, il-Pont ta' Vigna Capoccio, il-Pont ta' Wied Ariccia, il-Pont Għoli u l-Pont Antik.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Via Appia. Regina Viarum. ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2024.[5]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[5]

  1. L. Quilici; S. Quilici Gigli; R. Talbert; S. Gillies; T. Elliott; J. Becker. "Places: 356966898 (Via Appia)". Pleiades.
  2. Povoledo, Elisabetta (2008-04-05). "Past Catches Up With the Queen of Roads" (bl-Ingliż). Miġbur 2024-08-16.
  3. "Lewiston Morning Tribune - Google News Archive Search". news.google.com. Miġbur 2024-08-16.
  4. "Appian Way" in Chambers's Encyclopædia. Londra: George Newnes, 1961, Vol. 1, p. 490.
  5. 1 2 3 "Via Appia. Regina Viarum". whc.unesco.org. Miġbur 2024-08-16.
  6. "Italy's Ancient Roman Appian Way included in UNESCO World Heritage List". AP News (bl-Ingliż). 2024-07-27. Miġbur 2024-08-16.
  7. William Smith, Dictionary of Greek and Roman Geography (Londra, 1854), 1288.
  8. Rodgers, Nigel (2008). Roman Empire. New York, l-Istati Uniti: Metro Books. p. 116. ISBN 978-1-4351-0455-6.
  9. Fronda, Michael P. (2007). "Hegemony and Rivalry: The Revolt of Capua Revisited". Phoenix. 61 (1/2): 83–108. ISSN 0031-8299.
  10. William Smith, Dictionary of Greek and Roman Geography (Londra, 1854), 1292–93.
  11. William Smith, Dictionary of Greek and Roman Geography (Londra, 1854), 1303.
  12. The Harper Encyclopedia of Military History, p. 66.
  13. Elsie, Robert (2010). Historical Dictionary of Albania. Scarecrow Press. ISBN 978-0-8108-7380-3.
  14. Appjanu, Civil Wars, 1.120.
  15. "Logħob Olimpiku tas-sajf tal-1960" (PDF). Arkivjat mill-oriġinal fl-2008-10-31. Miġbur 2024-08-16.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  16. Magli, Giulio (2007). "Astronomical references in the planning of ancient roads".