Università Nazzjonali Awtonoma tal-Messiku
Data meta nħoloq | 22 Settembru 1910 |
---|---|
Native label | Universidad Nacional Autónoma de México |
Short name | UNAM |
Participant in | Event Horizon Telescope |
Rector | Enrique Graue Wiechers |
Pajjiż | Messiku |
Entità amministrattiva territorjali fejn tinstab | Belt tal-Messiku |
Koordinati | 19°19′44″N 99°11′14″W |
Post tal-kwartieri ġenerali | Coyoacán |
Premjijiet mogħtija | Princess of Asturias Award for Communications and Humanities |
Sit uffiċjali | https://www.unam.mx/, http://www.unam.mx |
L-Università Nazzjonali Awtonoma tal-Messiku jew l-UNAM (bl-Ispanjol: Universidad Nacional Autónoma de México, UNAM) hija università pubblika tar-riċerka fil-Belt tal-Messiku, il-Messiku. B'mod konsistenti tiġi kklassifikata bħala waħda mill-aqwa universitajiet fl-Amerka Latina[1][2][3], fejn hija wkoll l-ikbar f'termini ta' ammont ta' studenti.[4] Parti mill-kampus prinċipali tal-UNAM fil-Belt tal-Messiku, magħrufa bħala Ciudad Universitaria (Belt Universitarja), hija Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[5] Din il-parti ġiet iddisinjata minn uħud mill-iżjed arkitetti rinomati tal-Messiku tas-seklu 20 u ospitat il-Logħob Olimpiku tas-sajf tal-1968. Fil-kampus prinċipali ġew impittra affreski minn uħud mill-iżjed artisti rinomati fl-istorja tal-Messiku, fosthom Diego Rivera u David Alfaro Siqueiros. B'rati ta' aċċettazzjoni li normalment ikunu taħt l-10 %, l-UNAM hija magħrufa wkoll għall-proċess ta' aċċettazzjoni kompetittiv tagħha.[6] Ir-rebbieħa Messikani kollha tal-Premju Nobel kienu studenti jew għallmu fl-UNAM.[7]
L-UNAM ġiet stabbilita fil-forma moderna tagħha fit-22 ta' Settembru 1910 minn Justo Sierra[8][9][10][11] bħala alternattiva lajka għall-predeċessur tagħha, l-Università Rjali u Papali tal-Messiku (l-ewwel università bl-istil tal-Punent fl-Amerka ta' Fuq, stabbilita fl-1551).[12][13] L-UNAM kisbet awtonomija amministrattiva mill-gvern fl-1929. Dan wassal biex l-università jkollha l-libertà li tiddefinixxi l-kurrikulu tagħha stess u tamministra l-baġit tagħha mingħajr l-interferenza tal-gvern. Dan kellu effett qawwi fuq il-ħajja akkademika fl-università, fejn uħud isostnu li ta spinta lil-libertà u lill-indipendenza akkademika.[14] L-UNAM kienet ukoll il-post fejn twieled il-moviment tal-istudenti tal-1968.[15]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]L-istabbiliment tal-università jmur lura għall-1551, meta Carlos I, ir-Re ta' Spanja (Karlu V, l-Imperatur tal-Imperu Ruman Sagru) ħareġ digriet dwar l-istabbiliment tal-Università tal-Messiku.[16] L-università ngħatat isem ġdid fit-22 ta' Settembru 1910 minn Justo Sierra, li dak iż-żmien kien il-Ministru għall-Edukazzjoni fir-reġim ta' Porfirio Díaz, li pprova joħloq istituzzjoni differenti ħafna mill-prekursur tagħha tas-seklu 19, l-Università Rjali u Papali tal-Messiku, li kienet ġiet stabbilita fil-21 ta' Settembru 1551 permezz ta' digriet irjali mill-Prinċep Eredi Filippu f'isem Karlu I ta' Spanja u li ngħalqet għalkollox fl-1865 minn Massimiljanu I tal-Messiku.[17][18][19] Minflok reġa' ta l-ħajja lil istituzzjoni li hu qies bħala anakronistika b'rabtiet sfiqa mal-Knisja Kattolika Rumana, huwa kellu l-għan li joħloq fużjoni u fl-istess ħin ikabbar il-kulleġġi deċentralizzati tal-edukazzjoni għolja tal-Belt tal-Messiku (inkluż l-eks fakultajiet tal-università l-antika), u joħloq università ġdida, b'natura lajka u b'ambitu nazzjonali, li twassal għal riorganizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja fil-pajjiż, isservi bħala mudell għall-pożittiviżmu u tħaddan l-ideat tal-liberaliżmu Messikan dominanti.
Il-proġett inizjalment għaqqad flimkien il-kulleġġi tal-Belle Arti, tan-Negozju, tax-Xjenza Politika, tal-Ġurisprudenza, tal-Inġinerija, tal-Mediċina, fost oħrajn, u l-iskejjel preparatorji nazzjonali;[20] l-ewwel rettur tal-università kien Joaquin Eguía y Lis.[21]
L-isfidi tal-università l-ġdida kienu l-iktar politiċi, minħabba r-Rivoluzzjoni Messikana li kienet għaddejja u l-fatt li l-gvern federali kellu kontroll dirett fuq il-politiki u l-kurrikulu tal-università; uħud irreżistew l-istabbiliment tagħha għal raġunijiet filosofiċi. Din l-oppożizzjoni wasslet għal tfixkil fil-funzjonament tal-università meta l-instabbiltà politika obbligat ir-riżenji fil-gvern, inkluż dik tal-President Díaz. Internament, l-ewwel strajk tal-istudenti seħħ fl-1912 bi protesta kontra l-metodi ta' eżaminar introdotti mid-direttur tal-Fakultà tal-Ġurisprudenza, Luis Cabrera. Sa Lulju ta' dik is-sena, il-maġġoranza tal-istudenti tad-dritt iddeċidew li jabbandunaw l-università biex jissieħbu fl-Iskola Ħielsa tad-Dritt li kienet għadha kemm inħolqot.[21]
Fl-1914 l-isforzi inizjali biex tinkiseb l-awtonomija għall-università fallew. Fl-1920, José Vasconcelos sar ir-rettur. Fl-1921, huwa ħoloq is-siġill tal-iskola: ix-xbieha ta' ajkla u ta' kondor wara mappa tal-Amerka Latina, mill-fruntiera tat-Tramuntana tal-Messiku sa Tierra del Fuego, u l-motto, "L-Ispirtu għandu jitkellem għall-poplu tiegħi". L-isforzi biex tinkiseb l-awtonomija għall-università komplew fil-bidu tas-snin 20 tas-seklu 20. F'nofs is-snin 20 tas-seklu 20, it-tieni mewġa ta' strajkijiet tal-istudenti opponiet sistema ġdida tal-għoti tal-marki. L-istrajkijiet kienu jinkludu dimostrazzjonijiet kbar fejn bosta studenti abbandunaw il-klassijiet fl-iskola tad-dritt u kien hemm konfrontazzjonijiet mal-pulizija fl-iskola tal-mediċina. L-istudenti li ħadu sehem fl-istrajkijiet kienu appoġġati minn bosta professuri u negozjati sussegwenti eventwalment wasslu l-awtonomija għall-università. L-istituzzjoni ma baqgħetx iktar dipendenza tas-Segretarjat tal-Edukazzjoni Pubblika; ir-rettur tal-università sar l-awtorità finali, u b'hekk elimina ħafna mid-diskrepanza fl-awtorità li kienet toħloq il-konfużjoni.[22]
Matul is-snin 30 tas-seklu 20, ir-rettur tal-UNAM kien Manuel Gómez Morín. Il-gvern ipprova jimplimenta edukazzjoni soċjalista fl-universitajiet Messikani, iżda Gómez Morín, bosta professuri, u l-Kattoliċi opponew dan it-tentattiv bħala ksur tal-libertà akkademika. Gómez Morín, bl-appoġġ ta' grupp ta' studenti stabbiliti mill-Ġiżwiti, l-Unión Nacional de Estudiantes Católicos, irnexxielu jopponi l-edukazzjoni soċjalista. L-UNAM appoġġat ir-rikonoxximent taċ-ċertifikati akkademiċi mill-iskejjel preparatorji Kattoliċi, u dan ivvalida l-funzjoni edukattiva tagħhom. L-UNAM kellha rwol importanti fl-istabbiliment tal-istituzzjoni tal-Ġiżwiti fl-1943, l-Universidad Iberoamericana fl-1943.[23] Madankollu, l-UNAM opponiet inizjattivi fl-Universidad Iberoamericana fis-snin ta' wara, u opponiet l-istabbiliment ta' esponenti fir-relazzjonijiet industrijali u l-komunikazzjoni.[24]
Fl-1943 ttieħdu d-deċiżjonijiet inizjali biex l-università tiġi ttrasferita mid-diversi binjiet li kienet tokkupa fiċ-ċentru tal-belt lejn kampus ġdid u kkonsolidat; is-Ciudad Universitaria (litteralment Belt Universitarja) l-ġdida ġiet stabbilita f'San Ángel, fin-Nofsinhar tal-belt.[25] L-ewwel ġebla li tpoġġiet kienet dik tal-fakultà tax-Xjenzi, l-ewwel binja tal-Belt Universitarja. Il-President Miguel Alemán Valdés ipparteċipa fiċ-ċerimonja fl-20 ta' Novembru 1952. L-Istadjum Olimpiku Universitarju ġie inawgurat fl-istess jum. Fl-1957 il-Kunsill tad-Dottorati nħoloq biex jirregola u jorganizza l-istudji universitarji.[26]
Strajk kbir ieħor tal-istudenti, mill-ġdid minħabba r-regolamenti dwar l-eżamijiet, seħħ fl-1966. L-istudenti invadew ir-rettorat u obbligaw lir-rettur jirriżenja. Il-Bord tar-Reġġenti ma aċċettax din ir-riżenja, għaldaqstant il-professuri strajkjaw, u pparalizzaw l-università u obbligaw lill-Bord jaċċetta. Fis-sajf, seħħew protesti vjolenti f'għadd ta' kampusijiet tal-iskejjel preparatorji affiljati tal-università. Il-pulizija ħadu l-kontroll ta' diversi kampusijiet tal-edukazzjoni għolja u ndarbu xi persuni.
L-istudenti fl-UNAM, flimkien ma' universitajiet oħra tal-Belt tal-Messiku, immobilizzaw il-moviment tal-istudenti tal-Messiku tal-1968, il-protesti kontra l-Logħob Olimpiku tal-1968 fil-Belt tal-Messiku, iżda wkoll firxa sħiħa ta' tensjonijiet politiċi u soċjali. Matul Awwissu 1968, iffurmaw protesti fil-kampus prinċipali kontra l-azzjonijiet tal-pulizija fiċ-ċentru tal-belt. Il-protesti kibru f'moviment tal-istudenti li talab ir-riżenja tal-kap tal-pulizija, fost affarijiet oħra. F'Settembru saru protesti oħra, li kulma jmur saru iktar frekwenti u attiraw iktar nies. Matul laqgħa tal-mexxejja tal-istudenti, l-armata sparat fuq il-binja ta' Chihuahua f'Tlatelolco, fejn suppost kien hemm l-organizzazzjoni tal-istudenti. Fil-massakru ta' Tlatelolco, l-azzjoni tal-pulizija rriżultat f'ħafna imwiet, midruba u detenuti. Il-protesti komplew wara dan l-avveniment. Għaxart ijiem wara biss, sar il-ftuħ tal-Logħob Olimpiku tal-1968 fl-Istadjum Universitarju. L-università ngħalqet għat-tul tal-Logħob Olimpiku.[27]
Fis-snin 70 u 80 tas-seklu 20 infetħu kampusijiet anċillari f'partijiet oħra tal-Messiku u f'inħawi fil-qrib, sabiex is-sistema tiġi ddeċentralizzata. Kien hemm xi strajkijiet żgħar tal-istudenti, l-iktar minħabba s-sistema tal-għoti tal-marki u t-tagħlim.[28][29]
L-aħħar strajk kbir tal-istudenti fl-università seħħ fl-1999-2000 meta l-istudenti għalqu l-kampus għal kważi sena biex jipprotestaw kontra proposta biex l-istudenti li jkunu jifilħu jkollhom iħallsu l-ekwivalenti ta' 150 dollaru Amerikan għal kull semestru. Saru referenda kemm mill-università kif ukoll mill-università u minn dawk li kienu jipproponu u jieħdu sehem fl-istrajks, iżda l-ebda naħa ma aċċettat ir-riżultati tan-naħa l-oħra. Skont ordni ta' mħallef, il-pulizija daħlet fil-binjiet okkupati minn dawk li kienu qed jagħmlu l-istrajk fis-7 ta' Frar 2000, u temmew l-istrajk.[30][31][32]
Fl-2009 l-università ngħatat il-Premju tal-Prinċep tal-Asturias għall-Komunikazzjoni u għall-Umanitajiet[33], bħala l-bidu taċ-ċelebrazzjoni taċ-ċentenarju tagħha b'diversi attivitajiet li baqgħu sejrin sal-2011.[34]
L-UNAM b'mod attiv inkludiet il-minoranzi f'diversi oqsma edukattivi, bħat-teknoloġija.[35][36][37] Fl-2016, l-università adottat pjattaforma tan-Nazzjonijiet Uniti fil-kampusijiet kollha tagħha sabiex tappoġġa u tagħti s-setgħa lin-nisa.[38][39][40]
Siġill
[immodifika | immodifika s-sors]José Vasconcelos, li kien ir-rettur tal-universitá fl-1920, esprima l-importanza li tintemm l-oppressjoni u li ma jibqax ikun hemm tixrid tad-demm fil-konfrontazzjonijiet bħalma kien hemm fl-imgħoddi, u minflok l-università tkun post tal-kultura u tal-edukazzjoni li permezz tagħhom tinkiseb era ġdida fil-pajjiż, fejn il-Messikani jkollhom f'moħħhom il-ħtieġa li l-popli u l-kulturi jingħaqdu lil hinn mill-fatturi spiritwali, razzjali u territorjali, u jirriflettu l-unifikazzjoni tal-Amerikani Latini. Dawn l-elementi ġew riflessi fis-siġill tal-università, rappreżentata b'ajkla Messikana u kondor tal-Andes, li jiffurmaw ajkla b'żewġt irjus, appoġġata b'allegorija tal-vulkani u kaktus, li jirrappreżentaw l-għeruq tal-Messikani. Fil-parti ċentrali tat-tarka hemm il-mappa tal-Amerka Latina, mill-fruntiera tat-Tramuntana tal-Messiku sal-Kap Horn. Mal-mappa hemm il-frażi "Għall-poplu tiegħi għandu jitkellem l-ispirtu". Fil-parti ta' fuq tas-siġill hemm żigarella bil-kliem "L-Università Awtonoma Nazzjonali tal-Messiku".
Motto
[immodifika | immodifika s-sors]Il-motto tal-università nazzjonali, "Għall-poplu tiegħi għandu jitkellem l-ispirtu", jiżvela l-vokazzjoni umanistika li biha ġiet stabbilita. L-awtur ta' din il-frażi, José Vasconcelos, sar rettur fl-1920, fil-qafas tar-Riforma Universitarja tal-Amerka Latina, u fi żmien meta t-tamiet tar-Rivoluzzjoni Messikana kienu għadhom ħajjin. Kien hemm fidi kbira nazzjonalistika u l-ispirtu ta' fidwa kien estiż fl-ambjent. "Dan il-motto ifisser twemmin li r-razza tagħna se telabora kultura ta' tendenzi ġidda, ta' essenza spiritwali u ħielsa", spjega l-"Master of America" meta ppreżenta l-proposta bil-motto. Iktar 'il quddiem, jispeċifika: "Immaġinajt it-tarka tal-università li ppreżentajt lill-Kunsill, bejn wieħed u ieħor bil-kliem tal-motto, li jfisser li qomna minn lejl twil ta' oppressjoni".
Emblema
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-20 ta' April 1974, ir-rettur ta' dak iż-żmien Guillermo Soberón Acevedo ppreżenta l-emblema sportiva ġdida tal-UNAM fl-Awditorju tal-Fakultà tax-Xjenzi. L-università kkummissjonat id-disinn lil Manuel Andrade Rodríguez, bħala parti mir-rinnovazzjoni tad-Direttorat Ġenerali tal-Attivitajiet tal-Isport u tar-Rikreazzjoni. L-emblema ntgħażlet fost 16-il emblema, u kienu meħtieġa iktar minn 800 skizz.[41]
L-emblema tikkonsisti minn wiċċ puma lewn id-deheb, magħmul mill-kontorn ta' ponn magħluq, fuq triangolu blu bit-truf ittondjati. Min-naħa l-oħra, dan it-triangolu jesprimi t-tliet pilastri fundamentali tal-università: l-edukazzjoni, ir-riċerka u d-diffużjoni tal-kultura.
L-emblema tal-puma sservi bħala siġill għat-timijiet sportivi tal-università. Fl-2013, il-gazzetta Brittanika The Guardian inkludietha f'lista ta' wħud mill-iżjed emblemi notevoli fil-futbol.[42]
Kampusijiet
[immodifika | immodifika s-sors]Belt Universitarja
[immodifika | immodifika s-sors]Il-"Belt Universitarja" hija l-kampus prinċipali tal-UNAM, u tinsab fid-distrett ta' Coyoacán fil-parti tan-Nofsinhar tal-Belt tal-Messiku. Il-kostruzzjoni tal-kampus ċentrali tal-UNAM kienet l-idea ċentrali ta' żewġ studenti mill-Iskola Nazzjonali tal-Arkitettura fl-1928: Mauricio De Maria y Campos[43] u Marcial Gutiérrez Camarena. Ġiet iddisinjata mill-arkitetti Mario Pani, Armando Franco Rovira, Enrique del Moral, Eugenio Peschard, Ernesto Gómez Gallardo Argüelles, Domingo García Ramos, u oħrajn bħal Mauricio De Maria y Campos li dejjem wera interess kbir li jipparteċipa fil-proġett. L-arkitetti De Maria y Campos, Del Moral u Pani ngħataw ir-responsabbiltà bħala diretturi u koordinaturi biex kull wieħed minnhom jassenja arkitett għal kull binja jew struttura qrib l-Istadjum Olimpiku Universitarju, madwar 40 fakultà u istituti, iċ-Ċentru Kulturali, riżerva ekoloġika, il-Librerija Ċentrali, u xi mużewijiet. Inbniet matul is-snin 50 tas-seklu 20 fuq lava antika li ssolidifikat biex tissostitwixxi għadd ta' binjiet sparpaljati fil-Belt tal-Messiku, fejn kienu jingħataw il-klassijiet. Tlestiet fl-1954, u kważi hija reġjun separat fi ħdan il-Belt tal-Messiku, bir-regoli, bil-kunsilli u sa ċertu punti bil-pulizija tagħha stess, b'mod iktar fundamentali mill-biċċa l-kbira tal-universitajiet madwar id-dinja.
F'Ġunju 2007, il-kampus prinċipali tal-Belt Universitarja ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[44]
Kampusijiet anċillari
[immodifika | immodifika s-sors]Minbarra l-Belt Universitarja (Ciudad Universitaria), l-UNAM għandha diversi kampusijiet fiż-Żona Metropolitana tal-Belt tal-Messiku (Acatlán, Aragón, Cuautitlán, Iztacala u Zaragoza), kif ukoll oħrajn f'diversi postijiet madwar il-Messiku (f'Santiago de Querétaro, Morelia, Mérida, Sisal, Ensenada, Cuernavaca, Temixco u Leon), immirati l-iktar lejn ir-riċerka u l-istudji universitarji tal-ewwel lawrija. Il-Fakultà tal-Mużika tagħha, li qabel kienet l-Iskola Nazzjonali tal-Mużika, tinsab f'Coyoacán. Iċ-Ċentru tat-Tagħlim għall-Barranin għandu kampus f'Taxco, fl-istat ta' Guerrero fin-Nofsinhar tal-Messiku, li jiffoka fuq il-lingwa Spanjola u l-kultura Messikana għall-barranin, kif ukoll postijiet oħra fid-distrett lussuż ta' Polanco fiċ-ċentru tal-Belt tal-Messiku.
L-università għandha skejjel ta' estensjoni fl-Istati Uniti u fil-Kanada, li jiffukaw fuq il-lingwa Spanjola, il-lingwa Ingliża, il-kultura Messikana, u, fil-każ tal-UNAM fil-Kanada, il-lingwa Franċiża. Fl-Istati Uniti hemm l-UNAM ta' San Antonio, Texas; l-UNAM ta' Los Angeles, California; l-UNAM ta' Chicago, Illinois; u l-UNAM ta' Seattle, Washington.
Topera Ċentri għall-Istudji Messikani u/jew ĊentrI tat-Tagħlim għall-Barranin f'Beijing, iċ-Ċina (b'mod konġunt mal-Università tal-Istudji Barranin ta' Beijing); f'Madrid, Spanja (b'mod konġunt mal-Istitut Cervantes); f'San Jose, il-Costa Rica (b'mod konġunt mal-Università ta' Costa Rica); f'Londra, ir-Renju Unit (mal-King's College London); f'Pariġi, Franza (b'mod konġunt mal-Università ta' Pariġi-Sorbonne); u f'Northridge, California, l-Istati Uniti (b'mod konġunt mal-California State University Northridge).
Mużewijiet u binjiet ta' interess
[immodifika | immodifika s-sors]Palacio de Minería
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Palazz Kolonjali tax-Xogħol fil-Minjieri jinsab fiċ-ċentru storiku tal-Belt tal-Messiku u jaqa' taħt ir-responsabbiltà tal-Fakultà tal-Inġinerija tal-UNAM. Qabel kien magħruf bħala L-Iskola tal-Inġinerija, għandu tliet sulari, u jospita il-Fiera Internazzjonali tal-Kotba ("Feria Internacional del Libro" jew "FIL") u l-Jum Internazzjonali tal-Kungress tas-Sigurtà tal-Qasam tal-Kompjuters ("DISC"). Barra minn hekk, fih hemm wirja permanenti ta' kotba storiċi, l-iktar opri topografiċi u naturalisti ta' xjenzati Messikani tas-seklu 19, li tinstab fl-eks librerija tal-Iskola tal-Inġinerija. Fih ukoll diversi wirjiet marbuta max-xogħol fil-minjieri, li kien qasam ċentrali tal-inġinerija matul il-kolonizzazzjoni Spanjola. Il-binja titqies bħala wieħed mill-iżjed eżempji sinifikanti tal-arkitettura Messikana ta' żmienha, iddisinjata minn Manuel Tolsa matul it-tmexxija kolonjali Spanjola bi stil Neoklassiku tas-seklu 18.
Casa del Lago
[immodifika | immodifika s-sors]Id-Dar tal-Lag fil-Park ta' Chapultepec fil-Belt tal-Messiku hija post iddedikat għal attivitajiet kulturali, fosthom iż-żfin inġenerali, it-teatru u ż-żfin klassiku. Tintuża wkoll bħala post fejn jiltaqgħu diversi organizzazzjonijiet u kumitati universitarji.
Mużew ta' San Ildefonso
[immodifika | immodifika s-sors]Dan il-mużew u ċentru kulturali jitqies bħala l-post fejn twieled il-moviment tal-opri mal-ħitan (murales) Messikani. Il-Mużew ta' San Ildefonso inizjalment kien skola prestiġjuża tal-Ġiżwiti fejn l-istudenti kienu jgħixu u jistudjaw fiha, u wara l-Gwerra tar-Riforma, reġgħet saret prestiġjuża fil-qasam edukattiv bħala Skola Preparatorja Nazzjonali, marbuta mill-qrib mal-istabbiliment tal-UNAM. Din l-iskola u l-binja, ingħalqet għalkollox fl-1978, u mbagħad reġgħet infetħet bħala mużew u ċentru kulturali fl-1994, b'amministrazzjoni konġunt bejn l-UNAM, il-Kunsill Nazzjonali għall-Kultura u l-Arti u l-gvern tad-Distrett Federali tal-Belt tal-Messiku. Il-mużew għandu wirjiet permanenti u temporanji tal-arti u tal-arkeoloġija, kif ukol bosta affreski mpittra fuq il-ħitan tiegħu minn José Clemente Orozco, Diego Rivera u oħrajn. Il-kumpless jinsab bejn it-Triq ta' San Ildefonso u t-Triq ta' Justo Sierra fiċ-ċentru storiku tal-Belt tal-Messiku.
Mużew Universitarju ta' Chopo
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Mużew Universitarju ta' Chopo għandu arkitettura artistika, panewijiet kbar tal-kristall u żewġ torrijiet tal-ħadid iddisinjati minn Gustave Eiffel. Infetaħ b'parti mill-kollezzjoni tal-eks Mużew Pubbliku tal-Istorja Naturali, l-Arkeoloġija u l-Istorja, li eventwalment sar il-Mużew Nazzjonali tal-Kulturi. Intuża bħala l-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali għal kważi 50 sena, u issa jintuża għal wirjiet temporanji tal-arti viżiva.
Mużew Sperimentali ta' El Eco
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Museo Experimental El Eco huwa waħda miż-żewġ binjiet tal-artist modern Ġermaniż Mathias Goeritz u huwa eżempju ta' arkitettura emozzjonali. Goeritz kien kollaboratur qrib tal-arkitett Luis Barragán u awtur ta' diversi skulturi pubbliċi, inkluż it-Torres de Satélite. Il-binja ġiet akkwistata u rinnovata mill-Università Nazzjonali fl-2004 u mill-2005 tintuża għall-wiri tal-arti kontemporanja u għall-kompetizzjoni tal-arkitettura ta' Pabellón Eco li ssir kull sena.
Osservatorju Astronomiku Nazzjonali
[immodifika | immodifika s-sors]L-Osservatorju Astronomiku Nazzjonali jinsab fil-katina muntanjuża ta' Sierra San Pedro Mártir f'Baja California, madwar 130 kilometru fin-Nofsinhar tal-fruntiera bejn l-Istati Uniti u l-Messiku. Ilu jopera mill-1970, u attwalment għandu tliet teleskopji kbar ta' riflessjoni.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]L-Università Nazzjonali Awtonoma tal-Messiku (UNAM) ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2007.[5]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[5]
Rebbieħa tal-Premju Nobel
[immodifika | immodifika s-sors]It-tliet rebbieħa Messikani kollha tal-Premju Nobel kien studenti tal-UNAM:
- Alfonso García Robles - rebbieħ tal-Premju Nobel għall-Paċi tal-1982;
- Octavio Paz - rebbieħ tal-Premju Nobel għal-Letteratura tal-1990;
- Mario Molina - rebbieħ tal-Premju Nobel għall-Kimika tal-1995.
Barra minn hekk, ħdax-il għalliem tal-UNAM ħadu sehem fil-Premju Nobel għall-Paċi (Ana María Cetto darbtejn), fl-1995, fl-2005 u fl-2007; bħala membri tal-Konferenza ta' Pugwash, tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika u l-Panel Intergovernattiv dwar it-Tibdil fil-Klima.[45][46]
Nies notevoli
[immodifika | immodifika s-sors]- Carlos Slim, negozjant u wieħed mill-iżjed persuni sinjuri fid-dinja[47]
- Miguel Alcubierre, fiżiku teoriku
- Max Cetto, arkitett
- Mónica Clapp, matematika
- Adolfo Gilly, storiku
- Alejandro Corichi, astrofiżiku
- Enrique Leff, ekoloġista u ekonomista politiku
- Laura Hernández Guzmán, psikologa
- Isabel Hubard Escalera, matematika
- Erich Fromm, filosfu u psikoanalista
- Florian Luca, matematiku
- Teodoro González de León, arkitett
- Javier Corral Jurado, politiku
- Jorge González Torres, politiku
- José Gaos, filosfu
- José Miguel Insulza, politiku miċ-Ċilì u segretarju tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani
- Paul Kirchhoff, antropologu u etnostoriku
- Larry Laudan, filosfu
- Juan Carlos Laguna, mużiċist (kitarra)
- Miguel León-Portilla, storiku u riċerkatur tal-lingwa Nahuatl
- Rodrigo Medellín, ekoloġista
- Rodolfo Neri Vela, astronawta
- Edmundo O'Gorman, storiku u kittieb
- Kiyoto Ota, skultur
- Margarita Peña (1937-2018), kittieb u edukatur
- Arturo Rosenblueth, fiżjologu
- Graciela Salicrup (1935-1982), arkitett, arkeologu u matematiku
- Juan José Sánchez Sosa, psikologu[48]
- Adolfo Sánchez Vázquez, filosfu Spanjol
- Manuel Sandoval Vallarta, fiżiku u riċerkatur tar-raġġi kożmiċi
- Sara Sefchovich, kittieb
- Jesus Savage, riċerkatur tar-robotika u fundatur tal-Istitut Messikan tar-Robotika
- Bernardo Sepúlveda Amor, avukat
- Jesús A. De Loera, matematiku.
Studenti notevoli
[immodifika | immodifika s-sors]Kapijiet ta' stat
[immodifika | immodifika s-sors]- Abel Pacheco (President tal-Costa Rica fl-2002-2006)
- Alfonso Portillo (President tal-Gwatemala fl-2000-2004)
- Carlos Salinas de Gortari (President tal-Messiku fl-1988-1994)
- José López Portillo y Pacheco (President tal-Messiku fl-1976-1982)
- Luis Echeverría (President tal-Messiku fl-1970-1976)
- Miguel Alemán Valdés (President tal-Messiku fl-1946-1952)
- Miguel de la Madrid Hurtado (President tal-Messiku fl-1982-1988)
- Andrés Manuel López Obrador (Sindku tal-Belt tal-Messiku fl-2000-2005, President tal-Messiku mill-2018 sal-preżent).[49]
Politiċi
[immodifika | immodifika s-sors]- Abel Pacheco (President tal-Costa Rica)
- Alan Cranston (Senatur tal-Istati Uniti minn California għal sajf)
- Alfonso Portillo (President tal-Gwatemala)
- Álvaro García Linera (Viċi President tal-Bolivja)
- Alejandro Encinas (Sindku tal-Belt tal-Messiku)
- Antonio Carrillo Flores (Ministru tal-Kabinett f'diversi amministrazzjonijiet preċedenti, 1929, 1950)[50]
- Carlos Mendoza Davis (Gvernatur ta' Baja California Sur)
- Claudia Sheinbaum (xjenzat, politiku u sindku tal-Belt tal-Messiku)
- Fernando Baeza Melendez (senatur u gvernatur ta' Chihuahua)
- Luis Félix López (segretarju tal-gvern tal-Ekwador)
- Manlio Fabio Beltrones Rivera (Deputat, Senatur u Gvernatur ta' Sonora)
- Miguel Ángel Mancera (Sindku tal-Belt tal-Messiku)
- Mark Kirk (Senatur tal-Istati Uniti mill-Illinois, ma ggradwax fl-UNAM)[51]
- Rosario Robles (politiku Messikan li serva bħala Segretarju tal-Iżvilupp Soċjali)
- Santiago Creel (senatur)
- Veton Surroi (pubblikatur tal-Kosovo u mexxej tal-Partit tal-Kosovo ORA)
Diplomatiċi
[immodifika | immodifika s-sors]- Antonio Carrillo Flores (Ministru Messikan tal-Affarijiet Barranin matul l-amministrazzjoni ta' Díaz Ordaz)
- Jaime Torres Bodet (kittieb u politiku, Direttur-Ġenerali tal-UNESCO fl-1948-1952)
- Narciso Bassols (eks ambaxxatur għar-Russja, għal Franza u għar-Renju Unit; eks direttur tal-Fakultà tad-Dritt tal-UNAM)
- Marco Antonio Garcia Blanco (ambaxxatur tal-Messiku għan-Niġerja)
- Rosario Green (Ministru Messikan tal-Affarijiet Barranin matul l-amministrazzjoni ta' Zedillo)
Artisti, kittieba u umanisti
[immodifika | immodifika s-sors]- Abraham Cruzvillegas (artist)
- Adolfo Sánchez Vázquez (filosfu u kittieb)
- Agustín Landa Verdugo (arkitett u pjanifikatur urban)
- Alejandro Rossi (filosfu u kittieb)
- Alfonso Cuarón (reġista tal-films u rebbieħ tal-Academy Award għall-Aqwa Reġista fl-2014)
- Alfonso García Robles (diplomatiku u infurzatur tat-Trattat ta' Tlatelolco, rebbieħ tal-Premju Nobel għall-Paċi)
- Alfonso Reyes (kittieb, filosfu u diplomatiku)
- Ana Colchero (attriċi)
- Adelina Nicholls (attivista)
- Audre Lorde (kittieb, poeta u attivista)
- Emiliano Monge
- Ayako Tsuru (artist tal-affreski)
- Bolívar Echeverría (kittieb u filosfu mill-Ekwador)
- Carlos Fuentes (kittieb, saġġista, u membru ta' El Colegio Nacional)
- Carlos Monsiváis (editorjalista u kittieb)
- Carmen Aristegui (ġurnalista)
- Chespirito (xeneġġatur u ħallieq tas-sitcoms El Chavo del Ocho u El Chapulín Colorado)
- Elena Poniatowska (ġurnalista u kittieba)
- Fernando del Paso (kittieb)
- Francisco Laguna Correa (kittieb)
- Federico Reyes Heroles (kittieb politiku)
- Horst Matthai Quelle (filosfu)
- Jacobo Zabludovsky (avukat, ġurnalist, u l-ewwel xandar televiżiv tal-aħbarijiet fil-Messiku)
- Jacqueline Peschard (soċjologu)
- Jaime Maussan (ġurnalist, personalità televiżiva u ufologu Messikan)
- Javier Solorzano (ġurnalist)
- Jorge Volpi (rumanzier u saġġista; direttur attwali ta' Canal 22 fit-televiżjoni privata Messikana)
- José Emilio Pacheco (kittieb u membru ta' El Colegio Nacional)
- Josefina Muriel (kittieba, storiku, riċerkatriċi, bibljofila, akkademika; membru tal-Ordni ta' Isabella l-Kattolika tal-gvern ta' Spanja fl-1966)
- Juan García Esquivel (mużiċista)
- Juan Rulfo (kittieb)
- Julio Estrada (kompożitur, kittieb, u studjuż tal-UNAM)
- Julio Scherer García (awtur, ġurnalist u fundatur tar-rivista tal-aħbarijiet Proceso. Huwa kien l-editur tal-gazzetta ta' kuljum Excélsior iżda tkeċċa minħabba l-President Luis Echeverría)
- Ilse Gradwohl (pittur)
- Margarita Peña (kittieba u edukatriċi)
- Maruxa Vilalta (drammaturgu)
- Octavio Paz (poeta u saġġista; rebbieħ tal-Premju Nobel għal-Letteratura)
- Pablo González Casanova (soċjologu)
- Pola Weiss Álvarez (artist filmografiku)
- Ricardo Legorreta (arkitett iggradwat)
- Rosa Beltrán (kittieba, lekċerer u akkademika)
- Rosario Castellanos (kittieb, filosfu, poeta, femminista u diplomatiku)
- Salvador Elizondo (kittieb u membru ta' El Colegio Nacional)
- Is-Subkmandant Marcos magħruf ukoll bħala Rafael Sebastián Guillén Vicente (soċjologu, filosfu u fundatur tal-Armata Zapatista tal-Liberazzjoni Nazzjonali)
- Teodoro González de León (arkitett)
- Veronica Castro (star tal-films)
- William F. Buckley (kittieb u filosfu politiku; fl-1943 attenda l-UNAM qabel ma ġie kkummissjonat fl-Armata tal-Istati Uniti matul it-Tieni Gwerra Dinjija)
Tobba u kirurgi
[immodifika | immodifika s-sors]- Celia Mercedes Alpuche Aranda (viċi direttur ġenerali taċ-Ċentru għar-Riċerka dwar il-Mard Infettiv)
- Carlos Fernández del Castillo (speċjalist tal-mard fil-pankreas, tal-kirurġija pankreatobiljarja u tal-kirurġija gastrointestinali fl-Isptar Ġenerali ta' Massachusetts, l-Istati Uniti)[52]
- Fernando Antonio Bermúdez Arias (tabib, kardjologu, xjenzat, kittieb, għalliem, storiku, artist u difensur soċjali prominenti)
- Ignacio Chávez (tabib Messikan prominenti, li stabbilixxa l-ewwel żona tal-kardjoloġija fl-Isptar Ġenerali tal-Messiku. Huwa kien ir-rettur tal-Università Awtonoma Nazzjonali tal-Messiku (1965-1966). Huwa stabbilixxa diversi istituzzjonijiet Messikani tal-Kardjoloġija u nħatar tabib onorarju jew rettur ta' 95 università madwar id-dinja. Huwa kien membru fundatur ta' El Colegio Nacional fl-1943)
- Jorge Calles-Escandón (endokrinologu, li jispeċjalizza fil-bijopsija tat-tirojde, fid-dijabete tat-tip 1, fid-dijabete tat-tip 2 u fil-pompi tal-insulina fil-Wake Forest Baptist Medical Center, l-Istati Uniti)
- David Herzog, espert tal-mard relatat mal-ikel u professur onorarju tal-Psikjatrija fil-Harvard Medical School
- Anastasio López Escobedo (Hijo Predilecto de San Miguel de Allende, Benemérito de Guanajuato, Diputado Constituyente Congreso 1917)
- Alberto P. León (tabib, professur, u Segretarju tas-Saħħa tal-Messiku)
- Gerardo Jiménez Sánchez (pedjatra, president fundatur tas-Soċjetà Messikana tal-Mediċina Ġenomika)
- Mauricio Tohen, professur distint u President tad-Dipartiment tal-Psikjatrija u x-Xjenzi Komportamentali fl-Università ta' New Mexico
- Nora Volkow (direttur tal-Istitut Nazzjonali tal-Abbuż tad-Drogi)
Xjenzati
[immodifika | immodifika s-sors]- Alfonso Caso y Andrade (arkeologu)
- Antonio Lazcano (biologu u evoluzzjonista, direttur taċ-Ċentru ta' Lynn Margulis għall-Bijoloġija Evoluzzjonarja)
- Carlos Frenk (astronomu u pijunier tas-simulazzjonijiet ta' strutturi fuq skala kbira)
- Constantino Reyes-Valerio (kimiku u storiku li ħoloq it-terminu arte indocristiano u li kkontribwixxa għall-iskoperta tal-produzzjoni tal-lewn blu Maja)
- Eduardo Pareyón Moreno (arkeologu)
- Guido Münch (astronomu u direttur tal-Istitut ta' Max Planck għall-Astronomija)
- Guillermo Haro (astronomu, koskopritur tal-oġġett ta' Herbig-Haro)
- Guillermo Oliver (bijologu u professur fin-Northwestern University)
- Jerzy Rzedowski (botaniku u pijunier fil-qasam tal-istudju tal-fjuri neotropikali)
- Juan J. de Pablo (inġinier kimiku u viċi president għal-laboratorji nazzjonali, għall-istrateġija tax-xjenza, għall-innovazzjoni, u għall-inizjattivi globali fl-Università ta' Chicago)
- Luis E. Miramontes (koinventur tal-pillola kontraċettiva)
- Marcos Moshinsky (fiżiku teoriku, li bis-saħħa tax-xogħol tiegħu fil-qasam tal-partiċelli elementari rebaħ il-Premju tal-Prinċep tal-Asturias għall-Investigazzjoni Xjentifika u Teknika fl-1988 u l-Premju tax-Xjenza tal-UNESCO fl-1997)
- Mario Molina (koskopritur tad-dekompożizzjoni tal-ożonu bl-aerosols tal-klorofluworokarbonji, rebbieħ tal-Premju Nobel għall-Kimika)
- Miguel Alcubierre (fiżiku teoriku u komputazzjonali)
- Miguel de Icaza (programmatur tas-software mingħajr ħlas)
- Monica Olvera de la Cruz (teoriku tal-materja ratba)
- Nabor Carrillo Flores (espert tal-mekkanika tal-ħamrija, konsulent tal-enerġija nukleari u eks president tal-UNAM)
- Rodolfo Neri Vela (l-ewwel Messikan fl-ispazju)
- Salvador Zubirán (fiżiku, fundatur tal-Istitut Nazzjonali tan-Nutrizzjoni)
- Shlomo Eckstein (ekonomista u President tal-Università ta' Bar-Ilan)
- Víctor Neumann-Lara (pijunier fit-teorija tal-graffs fil-Messiku)
- Ricardo Miledi (newroxjenzat li ħadem fuq l-ipoteżi tal-kalċju tar-rilaxx tan-newrotrażmettituri)
Negozjanti
[immodifika | immodifika s-sors]- Carlos Slim (negozjant tal-inġinerija u r-raba' l-iktar persuna sinjura attwalment fid-dinja).
Atleti
[immodifika | immodifika s-sors]- Hugo Sánchez (plejer tal-futbol Messikan tar-Real Madrid C.F. u eks kowċ tat-tim nazzjonali tal-futbol tal-Messiku u tal-UD Almería).
- Daniel Vargas (plejer tal-volleyball u inġinier Messikan, lagħab mal-Pumas UNAM u mat-tim nazzjonali tal-volleyball tal-Messiku tal-irġiel, fejn lagħab fil-Logħob Olimpiku ta' Rio tal-2016).
Organizzazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]L-UNAM hija organizzata f'fakultajiet jew kulleġġi, iktar milli dipartimenti. Huma disponibbli l-ewwel lawriji kif ukoll studji postgradwatorji. L-UNAM hija responsabbli wkoll għall-Iskola Preparatorja Nazzjonali u għall-Kulleġġ tax-Xjenzi u l-Umanitajiet, li jikkonsistu minn diversi skejjel tal-edukazzjoni għolja fil-Belt tal-Messiku. Meta wieħed jgħodd l-istudenti kollha tal-UNAM fl-entitajiet edukattivi differenti, l-UNAM għandha iktar minn 324,413 student, u b'hekk hija waħda mill-ikbar universitajiet fid-dinja.
Fakultajiet u kulleġġi
[immodifika | immodifika s-sors]L-UNAM għandha sett ta' fakultajiet li jkopru oqsma akkademiċi differenti bħall-inġinerija jew id-dritt. Il-fakultajiet kollha tal-UNAM joffru studji tal-ewwel lawrija u studji postgradwatorji (masters u dottorati). Madankollu, l-iskejjel li fl-UNAM jissejħu "skejjel nazzjonali" joffru biss studji tal-ewwel lawrija, u dawn it-tip ta' entitajiet edukattivi normalment ikunu ffukati l-iktar fuq l-esperjenza prattika. Dan huwa l-każ tal-Iskola Nazzjonali tal-Infermerija u tal-Ostetrija, u l-Iskola Nazzjonali tax-Xogħol Soċjali.[53]
Lista ta' fakultajiet u istituti
[immodifika | immodifika s-sors]- Fakultajiet (li joffru diplomi u lawriji)
- Il-Fakultà tal-Kontabbiltà u tal-Amministrazzjoni
- Il-Fakultà tal-Arkitettura
- Il-Fakultà tal-Arti u tad-Disinn
- Il-Fakultà tal-Kimika
- Il-Fakultà tal-Ekonomija
- Il-Fakultà tal-Inġinerija
- Il-Fakultà tal-Edukazzjoni Għolja ta' Acatlán
- Il-Fakultà tal-Edukazzjoni Għolja ta' Aragón
- Il-Fakultà tal-Edukazzjoni Għolja ta' Cuautitlán
- Il-Fakultà tal-Edukazzjoni Għolja ta' Iztacala
- Il-Fakultà tal-Edukazzjoni Għolja ta' Zaragoza
- Il-Fakultà tad-Dritt
- Il-Fakultà tal-Mediċina
- Il-Fakultà tal-Mużika
- Il-Fakultà tal-Odontoloġija
- Il-Fakultà tal-Filosofija u tal-Lingwi
- Il-Fakultà tax-Xjenzi Politiċi u Soċjali
- Il-Fakultà tal-Psikoloġija
- Il-Fakultà tax-Xjenzi
- Il-Fakultà tal-Mediċina Veterinarja u tal-Annimali
- Skejjel Nazzjonali (li joffru lawriji biss)
- L-Iskola Nazzjonali tal-Infermerija u tal-Ostetrija
- L-Iskola Nazzjonali tax-Xogħol Soċjali
- L-Iskola Preparatorja Nazzjonali (b'disa' skejjel tal-edukazzjoni għolja)
- L-Iskola Nazzjonali tal-Edukazzjoni Għolja ta' Morelia (fl-istat ta' Michoacan)
- L-Iskola Nazzjonali tal-Edukazzjoni Għolja ta' León (fl-istat ta' Guanajuato)
- L-Iskola Nazzjonali tal-Edukazzjoni Għolja ta' Mérida (fl-istat ta' Yucatán)
- L-Iskola Nazzjonali tal-Edukazzjoni Għolja ta' Juriquilla (fl-istat ta' Querétaro)
- L-Iskola u l-Kulleġġ Nazzjonali tax-Xjenzi u tal-Umanitajiet (b'ħames skejjel tal-edukazzjoni għolja)
Sistema Edukattiva tal-Università Miftuħa u Fuq Distanza
[immodifika | immodifika s-sors]Is-Sistema Edukattiva tal-Università Miftuħa u Fuq Distanza jew "Sistema de Universidad Abierta y Educación a Distancia" (SUAyED) hija alternattiva għall-edukazzjoni fil-kampus tal-università. Il-programmi tal-edukazzjoni miftuħa jirrikjedu l-assitenza fil-kampus mill-inqas għal jum kull ħmistax, normalment nhar ta' Sibt (semipreżenza). Il-programmi tal-edukazzjoni fuq distanza jkunu online għalkollox u jużaw kontenut ipprovdut permezz ta' pjattaformi online, fejn l-istudenti, l-għalliema u l-pari jikkomunikaw ma' xulxin online. Madwar 32,000 student tal-UNAM isegwu programmi miftuħa jew fuq distanza.[54]
Is-SUAyED toffri korsijiet tal-ewwel lawrija u studji postgradwatorji.
Riċerka
[immodifika | immodifika s-sors]L-UNAM hija eċċellenza f'bosta oqsma tar-riċerka. L-università tospita bosta mill-istituzzjonijiet ewlenin tar-riċerka fil-Messiku. F'dawn l-aħħar snin, l-università attirat studenti u xjenzati professjonali mid-dinja kollha, l-iktar mir-Russja, mill-Indja u mill-Istati Uniti, u b'hekk inħolqot komunità xjentifika unika u diversifikata.
Ir-riċerka xjentifika fl-UNAM hija maqsuma bejn il-fakultajiet, l-istituti, iċ-ċentri u l-iskejjel, u tkopri firxa ta' dixxiplini fl-Amerka Latina. Xi istituti notevoli tal-UNAM huma l-Istitut tal-Astronomija, l-Istitut tal-Bijoteknoloġija, l-Istitut tax-Xjenzi Nukleari, l-Istitut tal-Ekoloġija, l-Istitut tal-Fiżika, l-Istitut tal-Enerġiji Rinnovabbli, l-Istitut tal-Fiżjoloġija Ċellulari, l-Istitut tal-Ġeofiżika, l-Istitut tal-Inġinerija, l-Istitut tar-Riċerka dwar il-Materjali, l-Istitut tal-Kimika, l-Istitut tax-Xjenza Bijomedika u l-Istitut tal-Matematika Applikata u r-Riċerka tas-Sistemi.
Iċ-ċentri tar-riċerka għandhom it-tendenza li jiffukaw fuq problemi multidixxiplinari li jkunu partikolarment rilventi għall-Messiku u għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari, iċ-Ċentru għax-Xjenzi Applikati u l-Iżvilupp Teknoloġiku, li jiffoka fuq ir-rabta bejn ix-xjenzi u l-problemi tad-dinja reali (eż. l-ottika u n-nanoxjenzi), u ċ-Ċentru għar-Riċerka dwar l-Enerġija, li jwettaq riċerka dinjija fl-enerġiji alternattivi.
Iċ-ċentri kollha tar-riċerka huma miftuħa għall-istudenti mid-dinja kollha. L-UNAM għandha għadd ta' programi għall-istudenti fi ħdan il-pajjiż, u jintużaw internships xjentifiċi biex titħeġġeġ ir-riċerka fil-pajjiż.
L-UNAM installat l-ewwel superkompjuter tagħha msejjaħ Sirio (Cray Y/MP) fl-1991. Mill-2013 topera superkompjuter imsejjaħ Miztli (HP) għar-riċerka xjentifika.
Studenti u fakultà
[immodifika | immodifika s-sors]Sports, klabbs u tradizzjonijiet
[immodifika | immodifika s-sors]Klabb tal-futbol professjonali
[immodifika | immodifika s-sors]Il-klabb tal-futbol tal-UNAM, Club Universidad Nacional, jipparteċipa fil-Liga MX, l-ogħla diviżjoni tal-futbol Messikan. Il-klabb rebaħ darbtejn wara xulxin l-Apertura u l-Clausura fl-2004. Il-grawnd tagħhom huwa l-Estadio Olímpico Universitario jew l-Istadjum Olimpiku Universitarju.
Tim tal-volleyball tal-Pumas
[immodifika | immodifika s-sors]It-tim tal-volleyball tal-UNAM, Pumas, kellu suċċess kbir fuq livell nazzjonali u internazzjonali. Il-kowċ tat-tim nazzjonali tal-volleyball tal-Messiku kien jilgħab mal-Pumas, u diversi plejers tat-tim nazzjonali huma wkoll studenti tal-UNAM, u wħud lagħbu fil-Logħob Olimpiku ta' Rio.[55]
Tradizzjonijiet kulturali
[immodifika | immodifika s-sors]L-università għandha tradizzjoni li kull sena jsiru offerti (bl-Ispanjol: ofrenda) f'Jum il-Mejtin fil-pjazza prinċipali tal-Belt Universitarja. Kull fakultà tagħmel offerta, u fiċ-ċentru, normalment ikun hemm offerta kbira skont tema li tikkorrispondi mal-festivitajiet tal-università għal dik is-sena partikolari.
Attiviżmu politiku
[immodifika | immodifika s-sors]L-istudenti u l-professuri tal-UNAM ġeneralment jitqiesu bħala attivi ħafna politikament fil-Messiku kollu. Mis-sena 2000, binja żgħira fil-Fakultà tal-Umanitajiet (qrib il-Librerija Ċentrali) effettivament kienet taħt il-kontroll ta' grupp ta' studenti anarkokomunisti, li bidlu isem il-post minn "Awditorju ta' Justo Sierra" għal "Awditorju ta' Che Guevara". Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-istudenti normalment ikunu qrib ideoloġiji u movimenti tax-Xellug, l-università pproduċiet ukoll diversi politiċi u negozjanti prominenti tal-Lemin u neoliberali, bħall-President Carlos Salinas de Gortari, ir-rettur Kattoliku Manuel Gómez Morín u n-negozjant għani Carlos Slim.
L-istorja tal-UNAM wasslet biex l-università taqbeż ferm għall-minoranzi, speċjalment in-nisa fil-qasam tat-teknoloġija. Il-Fakultà tal-Inġinerija organizzat flimkien ma' Google wħud mill-ikbar Hackathons tal-Amerka Latina.
Assoċjazzjonijiet tal-istudenti
[immodifika | immodifika s-sors]L-UNAM fiha diversi assoċjazzjonijiet tal-istudenti attwali li jipprovdu attivitajiet ekstrakurrikulari lill-komunità inġenerali, li jarrikkixxu l-attivitajiet universitarji b'avvenimenti kulturali, soċjali u xjentifiċi:
- Fundación UNAM;
- Nibiru Sociedad Astronomica;
- SAFIR.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ "QS Latin America University Rankings 2023". Top Universities (bl-Ingliż). Miġbur 2022-10-23.
- ^ Strauss, Karsten. "The Top 10 Universities In Latin America In 2017". Forbes (bl-Ingliż). Miġbur 2022-10-23.
- ^ "The UNAM is among the best universities in the world". El Universal (bl-Ispanjol). 2019-06-19. Miġbur 2022-10-23.
- ^ Hollander, Kurt (2008-01-27). "A Campus Serves as a Needed Oasis in a Crowded City" (bl-Ingliż). Miġbur 2022-10-23.
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Central University City Campus of the <i>Universidad Nacional Autónoma de México</i> (UNAM)". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-10-23.
- ^ Valle-Jones, Diego (2014-04-07). "Analysis of the UNAM's entrance exam". Diego Valle-Jones's Blog (bl-Ingliż). Miġbur 2022-10-23.
- ^ "History" (bl-Ingliż). Miġbur 2022-10-23.
- ^ "About UNAM". web.archive.org. 2013-05-15. Arkivjat mill-oriġinal fl-2013-05-15. Miġbur 2022-10-23.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Sierra, Justo (1910). "Discurso en el acto de la inauguración de la Universidad Nacional de México" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2008-10-03. Miġbur 2022-10-23.
- ^ Lempérière, Annick. "Los dos centenarios de la Independencia mexicana (1910–1921): de la historia patria a la antropología cultural" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2008-10-03. Miġbur 2022-10-23.
- ^ Garciadiego, Javier. "De Justo Sierra a Vasconcelos. La Universidad Nacional durante la Revolución Mexicana" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2011-08-17. Miġbur 2022-10-23.
- ^ "Universidad Nacional Autónoma de México (UNAM)". Top Universities (bl-Ingliż). Miġbur 2022-10-23.
- ^ Natasha (2022-10-21). "35 Interesting & FUN Facts About Mexico". theworldpursuit.com (bl-Ingliż). Miġbur 2022-10-23.
- ^ Elizalde, Guadalupe, Piedras en el Camino de la UNAM, EDAMEX, 1999. p. 49.
- ^ "University Officials Yield to Student Strike in Mexico". archive.nytimes.com. Miġbur 2022-10-23.
- ^ "General Direction of International Affairs - UNAM, Mexico \ History". web.archive.org. 2014-08-14. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2014-08-14. Miġbur 2022-10-23.
- ^ Méndez Arceo, Sergio (1990). La Real y Pontificia Universidad de México: antecedentes, tramitación y despacho de las reales cédulas de erección (in Spanish). Mexico City: Universidad Nacional Autónoma de México. pp. 93–100. ISBN 968-36-1704-2.
- ^ Catholic Encyclopedia (1911), Catholic Encyclopedia, Volume 10, Appleton, p. 260, ISBN 9780595392414.
- ^ Charles A. Hale (2014), The Transformation of Liberalism in Late Nineteenth-Century Mexico, Princeton University Press, p. 193, ISBN 9781400863228.
- ^ "Acerca de la UNAM". web.archive.org. 2009-09-18. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2009-09-18. Miġbur 2022-10-23.
- ^ a b "About UNAM". web.archive.org. 2009-02-01. Arkivjat mill-oriġinal fl-2009-02-01. Miġbur 2022-10-23.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "About UNAM". web.archive.org. 2008-06-04. Arkivjat mill-oriġinal fl-2008-06-04. Miġbur 2022-10-23.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ David Espinosa, Jesuit Student Groups, the Universidad Iberoamericana, and Political Resistance in Mexico, 1913-1979. Albuquerque: the University of New Mexico Press 2014, p. 11.
- ^ Espinosa, Jesuit Student Groups, pp. 96-97.
- ^ "About UNAM". web.archive.org. 2008-04-12. Arkivjat mill-oriġinal fl-2008-04-12. Miġbur 2022-10-23.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "About UNAM". web.archive.org. 2008-03-05. Arkivjat mill-oriġinal fl-2008-03-05. Miġbur 2022-10-23.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "About UNAM". web.archive.org. 2008-04-12. Arkivjat mill-oriġinal fl-2008-04-12. Miġbur 2022-10-23.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "About UNAM". web.archive.org. 2008-04-12. Arkivjat mill-oriġinal fl-2008-04-12. Miġbur 2022-10-23.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "About UNAM". web.archive.org. 2008-04-12. Arkivjat mill-oriġinal fl-2008-04-12. Miġbur 2022-10-23.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "University Officials Yield to Student Strike in Mexico". archive.nytimes.com. Miġbur 2022-10-23.
- ^ "Big Majority Votes to End Strike at Mexican University". archive.nytimes.com. Miġbur 2022-10-23.
- ^ "BBC News | AMERICAS | Mexican police storm university". news.bbc.co.uk. Miġbur 2022-10-23.
- ^ "archive.ph". archive.ph. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-08-25. Miġbur 2022-10-23.
- ^ "UNAM celebra desde ahora su centenario | Ediciones Impresas Milenio". web.archive.org. 2009-10-20. Arkivjat mill-oriġinal fl-2009-10-20. Miġbur 2022-10-23.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Torres, Karen Julibeth Quevedo (2015-03-08). "Ser ingeniera en los tiempos de Agustín Lara" (bl-Ispanjol). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2022-10-23. Miġbur 2022-10-23.
- ^ Milenio.com "’Hackatón’ une a mujeres para crear casas inteligentes"
- ^ "Facultad de Ingeniería / Coordinación de Comunicación". www.comunicacionfi.unam.mx. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2022-10-23. Miġbur 2022-10-23.
- ^ "La UNAM respalda la igualdad de género con 'He for She'". Excélsior (bl-Ispanjol). 2016-08-29. Miġbur 2022-10-23.
- ^ "UNAM se adhiere al programa He For She de la ONU". El Universal (bl-Ispanjol). 2016-08-29. Miġbur 2022-10-23.
- ^ "He for She | TVUNAM". web.archive.org. 2016-10-04. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-10-04. Miġbur 2022-10-23.
- ^ "Cumple 40 años el escudo de los Pumas de la UNAM". Excélsior (bl-Ispanjol). 2014-04-20. Miġbur 2022-10-23.
- ^ "The Joy of Six: weird and wonderful football club crests | John Ashdown". the Guardian (bl-Ingliż). 2013-12-13. Miġbur 2022-10-23.
- ^ "Creación de Ciudad Universitaria". www.comitedeanalisis.unam.mx. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2022-10-23. Miġbur 2022-10-23.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Three new sites inscribed on UNESCO's World Heritage List". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-10-23.
- ^ "All Nobel Peace Prizes". NobelPrize.org (bl-Ingliż). Miġbur 2022-10-24.
- ^ "Boletines". web.archive.org. 2007-10-18. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-10-18. Miġbur 2022-10-24.
- ^ "Forbes List Directory". Forbes (bl-Ingliż). Miġbur 2022-10-24.
- ^ "Nombra la UNAM a Bernardo Sepúlveda, investigador extraordinario, y a Juan José Sánchez Sosa, profesor emérito". www.dgcs.unam.mx. Miġbur 2022-10-24.
- ^ "Andrés Manuel López Obrador". gob.mx (bl-Ispanjol). Miġbur 2022-10-24.
- ^ "Colegio Nacional". web.archive.org. 2014-03-09. Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-03-09. Miġbur 2022-10-24.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "About Mark | Mark Kirk | Senator for Illinois". web.archive.org. 2016-05-24. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-05-24. Miġbur 2022-10-24.
- ^ "MIT Medical - Clinical Staff - Carlos Fernandez del Castillo". web.archive.org. 2007-12-18. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-12-18. Miġbur 2022-10-24.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Docencia-Unidades académicas". web.archive.org. 2010-09-24. Arkivjat mill-oriġinal fl-2010-09-24. Miġbur 2022-10-24.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Cervantes-Perez, Francisco; Vadillo, Guadalupe; Bucio, Jackeline; Herrera, Alma (2019-03-20). "Characterizing UNAM's Open Education System Using the OOFAT Model". The International Review of Research in Open and Distributed Learning (bl-Ingliż). 20 (4).
- ^ "Daniel Vargas, un ingeniero de la UNAM que competirá en los Juegos Olímpicos". deporte.unam.mx. Miġbur 2022-10-24.