Manchester United FC
Isem sħiħ | Manchester United Football Club | |||
---|---|---|---|---|
Ismijiet oħra |
The Red Devils Setan Merah | |||
Fundazzjoni | 1878 | |||
Grawnd | Old Trafford (en) | |||
Proprjetarju | Manchester United Limited (en) | |||
President |
Joel Glazer (en) Avram Glazer (en) Frederick Attock (en) | |||
Kowċ | Rúben Amorim (mul) | |||
Kampjonat | Premier League | |||
| ||||
Sit uffiċjali |
Manchester United Football Club huwa klabb tal-futbol professjonali Ingliż ibbażat ġewwa Old Trafford, Greater Manchester. Il-klabb ifforma ruħu taħt l-isem ta' Newton Heath fl-1878, ingħaqad fil-Football League fl-1892, sakemm biddel ismu għal Manchester United fl-1902. Hu hu wkoll wieħed mill-membri fundaturi tal-Premier League fl-1992.
Manchester United huma r-rebbieħa tal-iktar numru ta' trofej fost il-klabbs Ingliżi, b'20 kampjonat, 12-il FA Cup, ħames League Cups u rekord ta' 21 FA Community Shields. Manchester United rebħu wkoll tliet UEFA Champions Leagues, UEFA Europa League waħda, Tazza tat-Tazzi Ewropej waħda, Super Cup Ewropea waħda, Tazza Interkontinentali u t-Tazza tad-Dinja għal-Klabbs. Fl-1998–99, il-klabb sar l-ewwel wieħed fl-istorja tal-futbol Ingliż li għamlu t-treble li tikkonsisti mill-Premier League, l-FA Cup u l-UEFA Champions League. Bir-rebħ tal-UEFA Europa League fl-istaġun 2016–17, huma saru fost ħames klabbs li rebħu t-tliet kompetizzjonijiet għall-klabbs prinċipali tal-UEFA.
Manchester United huwa wieħed mill-iktar klabbs segwiti u sinjuri fid-dinja, b'valur stmat ta' £2.86 biljun.[1] F'Mejju tal-2005 il-klabb inxtara minn Malcolm Glazer għas-somma ta' madwar £800 miljun.[2]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Snin tal-bidu (1878–1945)
[immodifika | immodifika s-sors]Manchester United ġie ffurmat fl-1878 bħala Newton Heath LYR Football Club minn grupp ta' ħaddiema fil-Lancashire and Yorkshire Railway fi Newton Heath.[3] Għall-bidu t-tim kien jilgħab logħbiet kontra dipartimenti oħra u kumpaniji ferrovjarji, imma fl-20 ta' Novembru 1880, huma ħadu sehem fl-ewwel logħba magħrufa; lebsin bil-kuluri tal-kumpanija – strixxi ħodor u kulur id-deheb – huma sofrew telfa ta' 6–0 kontra t-tim tar-riservi ta' Bolton Wanderers.[4] Sal-1888 il-klabb sar membru fundatur ta' The Combination, kampjonat reġjonali tal-futbol. Wara li dan il-kampjonat ġie xolt wara biss staġun, Newton Heath ingħaqdu mal-Football Alliance, li kellha sservi għal tliet staġuni qabel ma ġiet magħquda mal-Football League. Dan wassal lill-klabb sabiex jibda l-istaġun 1892–93 fil-First Division; sadanittant it-tim sar indipendenti mill-kumpanija u neħħew "LYR" mill-isem.[3] Wara żewġ staġuni, il-klabb ġie relegat għas-Second Division.[3]
F'Jannar 1902, b'dejn ta' £2,670 – ekwivalenti għal £250,000 tal-2013[a] – il-klabb intefa' f'likwidazzjoni.[5] Il-kaptan Harry Stafford sab erba' negozjanti tal-post, fosthom John Henry Davies (li aktar tard serva bħala president tal-kalbb), li kienu lesti li jinvestu £500 u jingħataw lura parteċipazzjoni fil-ġestjoni tal-klabb. Nhar l-24 ta' April 1902, twieled uffiċjalment l-isem il-ġdid Manchester United.[6][b] Taħt Ernest Mangnall, li ħa f'idejh it-tim fl-1903, it-tim spiċċa fit-tieni post tas-Second Division fl-1906 u assigura l-promozzjoni għall-First Division, li kellhom jirbħu fl-1908 – l-ewwel titlu tal-kampjonat tal-klabb. L-istaġun ta' wara beda bir-rebħ tal-ewwel Charity Shield[7] u spiċċa bl-ewwel titlu tal-FA Cup. Manchester United rbeħu l-First Division għat-tieni darba fl-1911, però fit-tmiem tal-istaġun ta' wara, Mangnall ħalla 'l-klabb sabiex jingħaqad ma' Manchester City.[8]
Fl-1922, tliet snin wara li reġa' beda l-futbol wara l-Ewwel Gwerra Dinjija, il-klabb ġiet relegat għas-Second Division, fejn baqa' hemmhekk sal-promozzjoni tal-1925. Għal darb'oħra relegat fl-1931, Manchester United sar tim inkosistenti, fejn laħaq l-agħar pożizzjoni tiegħu bl-20 post fis-Second Division fl-1934. Wara l-mewt tal-benefattur prinċipali tal-klabb, J. H. Davies, f'Ottubru tal-1927, il-finanzi tal-klabb marru għall-agħar tant li Manchester United kienu fiċ-ċans li jispiċċaw falluti li ma kienx għal James W. Gibson, li f'Diċembru tal-1931 investa £2,000 u assuma l-kontroll tal-klabb.[9] Fl-istaġun 1938–39, l-aħħar sena ta' futbol qabel it-Tieni Gwerra Dinjija, il-klabb spiċċa fl-erbatax-il post fil-First Division.[9]
Is-snin ta' Busby (1945–1969)
[immodifika | immodifika s-sors]F'Ottubru tal-1945, mat-tkomplija tal-futbol wara l-gwerra wassal għall-ħatra ta' Matt Busby bħala l-kowċ il-ġdid. Hu talab li jkollu kontroll sħiħ fuq l-għażla tat-tim, it-trasferimenti ta' plejers u s-sessjonijiet ta' taħriġ.[10] Busby wassal lit-tim għat-tieni post fl-1947, l-1948 u l-1949, u għar-rebħ tal-FA Cup fl-1948. Fl-1952, il-klabb rebaħ il-First Division, l-ewwel titlu tal-kampjonat għal 41 sena.[11] B'età medja ta' 22 sena, l-istampa laqqmet lil dan it-tim rebbieħ ta' żewġ kampjonati infila fl-1956 bħala l-"Busby Babes", xhieda tal-importanza li Busby kien jagħti lill-plejers iż-żgħar.[12] Fl-1957, Manchester United saru l-ewwel tim Ingliż li ħa sehem fit-Tazza taċ-Ċampjins, minkejja oġġezzjonijiet min-naħa tal-Football League, li kienu ċaħdu lil Chelsea mill-istess opportunità s-sena ta' qabel.[13] Fit-triq lejn is-semifinali, li huma tilfu kontra Real Madrid, it-tim irreġistra rebħa ta' 10–0 fuq iċ-ċampjins Belġjani ta' Anderlecht, li tibqa' sal-lum il-ġurnata bħala l-ikbar rebħa tal-klabb fl-Ewropa.[14]
L-istaġun ta' wara, fit-triq lura mir-rebħa fil-kwarti tal-finali tat-Tazza taċ-Ċampjins kontra Red Star Belgrade, l-ajruplan li kien qiegħed iġorr il-plejers u l-uffiċċjali ta' Manchester United, u l-ġurnalisti kkraxxja meta kien se jitlaq wara waqfa fi Munich, il-Ġermanja. Id-diżastru tal-ajru ta' Munich tas-6 ta' Frar 1958 ħa l-ħajja ta' 23 persuna, fosthom tmien plejers - Geoff Bent, Roger Byrne, Eddie Colman, Duncan Edwards, Mark Jones, David Pegg, Tommy Taylor u Liam "Billy" Whelan - filwaqt li weġġgħu bosta oħrajn.[15][16]
Il-kowċ tat-tim tar-riservi Jimmy Murphy ħa post Busby waqt li dan kien qiegħed jirkupra u t-tim b'diversi uċuħ ġodda rnexxielu jagħmilha sal-finali tal-FA Cup, li tilfu kontra Bolton Wanderers. B'solidarjetà għat-traġedja, il-UEFA stiednet li jikkompetu fit-Tazza taċ-Ċampjins 1958–59 flimkien mar-rebbieħa tal-kampjonat Wolverhampton Wanderers. Minkejja li ġiet approvata mill-FA, il-Football League stabilixxiet li ma kellhomx jieħdu sehem minħabba li ma kienux ikkwalifikaw.[17][18] Busby reġa' bena t-tim matul is-sittinijiet billi ffirma plejers bħal Denis Law u Pat Crerand li flimkien mal-ġenerazzjoni l-ġdid ta' żgħażagħ – fosthom George Best – rebħu l-FA Cup tal-1963. L-istaġun ta' wara huma spiċċaw it-tieni fil-kampjonat, sakemm rebħuh fl-1965 u għal darb'oħra fl-1967. Fl-1968, Manchester United saru l-ewwel klabb Ingliż (u t-tieni wieħed Brittaniku) li jirbħu t-Tazza taċ-Ċampjins meta għelbu lil Benfica 4–1 fil-finali,[19] b'tim li kien jinkludi tliet Futbolers Ewropej tas-Sena: Bobby Charlton, Denis Law u George Best.[20] Matt Busby irriżenja bħala kowċ fl-1969 u postu ħadu l-kowċ tar-riservi, l-eks-plejer ta' United Wilf McGuinness.[21]
1969–1986
[immodifika | immodifika s-sors]Wara li spiċċaw fit-tieni post fl-istaġun 1969–70 u għamlu bidu fqir għall-istaġun ta' wara, Busby ġie persważ sabiex jerġa' jieħu post, filwaqt li McGuinness irritorna bħala kowċ tat-tim tar-riservi. F'Ġunju tal-1971, Frank O'Farrell inħatar bħala kowċ ġdid, imma dam biss 18-il xahar qabel ma ġie sostitwit minn Tommy Docherty f'Diċembru tal-1972.[23] Docherty salva lil Manchester United mir-relegazzjoni dak l-istaġun, għalkemm kellhom isofru din l-isfortuna xorta waħda fl-1974; sa dak iż-żmien it-triju ta' Best, Law, u Charlton kien ħalla 'l-klabb.[19] Mal-ewwel tentattiv it-tim rebaħ il-promozzjoni u wasal sal-finali tal-FA Cup fl-1976, imma tilfuha għad-danni ta' Southampton. Huma reġgħu għamluha sal-finali fl-1977 fejn għelbu lil Liverpool 2–1. Docherty tkeċċa ftit wara, wara li kien ġie żvelat li kellu relazzjoni mal-mara tal-fiżjoterapista tal-klabb.[21][24]
Daxe Sexton ħa post Docherty fis-sajf tal-1977. Minkejja n-numru ta' plejers ġodda ta' kalibru, bħal Joe Jordan, Gordon McQueen, Gary Bailey, u Ray Wilkins, it-tim naqas milli jimpressjona; huma spiċċaw fit-tieni post fl-istaġun 1979–80 u tilfu l-finali tal-FA Cup 1979 kontra l-Arsenal. Sexton tkeċċa fl-1981, anke jekk it-tim rebaħ l-aħħar seba' logħbiet taħt il-gwida tiegħu.[25] Minflok Sexton inġab Ron Atkinson, li immedjatament kiser ir-rekord Brittaniku għal trasferiment ta' plejer bl-akkwist ta' Bryan Robson minn West Bromwich Albion. Taħt Atkinson, Manchester United rebħu l-FA Cup darbtejn fi tliet snin – fl-1983 u fl-1985. Fl-istaġun 1985–86, wara 13-il rebħa u żewġ dros fl-ewwel 15-il logħba, il-klabb kien favorit li jirbaħ il-kampjonat, però spiċċa fir-raba' post. L-istaġun ta' wara, bil-klabb f'periklu li jispiċċa relegat minn Novembru, Atkinson tkeċċa.[26]
L-era ta' Ferguson (1986–2013)
[immodifika | immodifika s-sors]Alex Ferguson u l-assistent tiegħu Archie Knox waslu minn Aberdeen dakinhar tat-tkeċċija ta' Atkinson, u wasslu lill-klabb għall-ħdax-il post finali fil-kampjonat. Minkejja li spiċċaw it-tieni fl-1987–88, il-klabb reġa' spiċċa fil-ħdax-il post fl-istaġun ta' wara. B'għajdut kontinwu li kien se jitneħħa, rebħa fuq Crystal Palace f'replay tal-finali tal-FA Cup 1990 (wara dro ta' 3–3) salvat il-karriera ta' Ferguson.[27][28] Fl-istaġun sussegwenti, Manchester United kisbu l-ewwel titlu tat-Tazza tat-Tazez Ewropej u kkompetew fis-Super Cup Ewropea 1991 fejn għelbu lil Red Star Belgrade 1–0 fil-finali li ntlagħbet ġewwa Old Trafford. Għat-tieni sena konsekuttiva t-tim wasal sal-finali tal-League Cup fl-1992, fejn ġewwa Wembley rebħu 1–0 lil Nottingham Forest.[26] Fl-1993, il-klabb rebaħ l-ewwel kampjonat tiegħu mill-1967, u sena wara, għall-ewwel darba mill-1957, rebaħ it-tieni titlu konsekuttiv – flimkien mal-FA Cup – sabiex ikkompleta l-ewwel "Doppjetta" fl-istorja tal-klabb.[26]
Fl-istaġun 1998–99, Manchester United saru l-ewwel tim li rebaħ il-Premier League, l-FA Cup u l-UEFA Champions League – "It-Tripletta" – fl-istess staġun.[30] Minn taħt 1–0 fil-finali tal-UEFA Champions League 1999, Teddy Sheringham u Ole Gunnar Solskjær skorjaw żewġ gowls fil-ħin miżjud sabiex taw rebħa drammatika kontra Bayern Munich, f'dik li hi meqjusa bħala waħda mill-aqwa rimonti fl-istorja.[31] Il-klabb rebaħ ukoll it-Tazza Interkontinentali b'rebħa ta' 1–0 fuq Palmeiras f'Tokjo.[32] Ferguson ġie nominat kavallier għas-servizzi tiegħu lil-logħba.[33]
Manchester United reġgħu rebħu l-kampjonat fl-istaġun 1999–2000 u 2000–01. Wara li spiċċaw it-tieni fl-2001–02, huma kisbu lura t-titlu tal-kampjonat fl-2002–03. Huma rebħu l-FA Cup 2003–04 meta għelbu lil Millwall 3–0 fil-finali li ntlagħbet fil-Millenium Stadium, f'Cardiff.[34] Aktar titli tal-kampjonat segwew fl-istaġuni 2006–07 u 2007–08, u rnexxielu jagħmlu d-doppjetta Ewropea meta għelbu lil Chelsea 6–5 wara l-għoti tal-penalties fil-finali tal-UEFA Champions League 2007–08 fil-Luzhniki Stadium, ġewwa Moska. F'dik l-istess logħba, Ryan Giggs kiser ir-rekord ta' dehriet bil-flokk tal-klabb li kien preċedentament miżmum minn Bobby Charlton, bis-759 logħba tiegħu.[35] F'Diċembru tal-2008, il-klabb rebaħ it-Tazza tad-Dinja tal-Futbol 2008, u segwewha bil-Football League Cup 2008–09 u t-tielet titlu tal-Premier League.[36][37] Dak is-sajf, Cristiano Ronaldo ġie mibjugħ lil Real Madrid għas-somma rekord ta' £80 miljun.[38] Fl-2010, Manchester United għelbu lil Aston Villa 2–1 ġewwa Wembley sabiex irnexxielhom iżommu l-League Cup, l-ewwel darba li żammew titlu ta' kompetizzjoni eliminatorja.[39]
Wara li spiċċaw fit-tieni post wara Chelsea fl-istaġun 2009–10, United ugwaljaw ir-rekord ta' 19-il titlu tal-kampjonat fl-istaġun 2010–11 bi dro ta' 1–1 barra minn darhom kontra Blackburn Rovers fl-14 ta' Mejju 2011.[40] Huma kisru r-rekord ta' kampjonati, bir-rebħ tal-20 titlu fl-2012–13.[41]
2013–preżent
[immodifika | immodifika s-sors]Fit-8 ta' Mejju 2013, Ferguson ħabbar li kien se jirtira minn kowċ fi tmiem tal-istaġun, imma se jibqa' mal-klabb bħala direttur u ambaxxatur. Il-klabb ħabbar fil-ġurnata ta' wara li l-eks-kowċ ta' Everton, David Moyes, kien se jieħu post Ferguson mill-1 ta' Lulju, wara l-iffirmar ta' kuntratt ta' sitt snin.[42][43]
Emblema u kuluri tal-klabb
[immodifika | immodifika s-sors]L-emblema tal-klabb ġejja mill-istemma tal-Manchester City Council (kunsill komunali), għalkemm dak li għad baqa' fuq l-emblema attwali huwa l-ġifen.[44] Ix-xitan ġej mil-laqam tal-klabb "The Red Devils"; dan kien jiġi inkluż fil-programmi u x-xalel tal-klabb fis-sittinijiet, u ġie mdaħħal fl-emblema fl-1970, għalkemm l-emblema ma tpoġġietx fuq il-flokk sal-1971 (sakemm it-tim ma kienx se jilgħab finali ta' tazza).[44]
Ritratt tat-tim ta' Newton Heath meħud fl-1892 jidher juri l-plejers lebsin flokkijiet maqsumin fi kwarti bil-kuluri ħomor u bojod, u xortsijiet blu.[45] Bejn l-1894 u l-1896, il-plejers kienu jilgħabu bi flokkijiet kulur aħdar u deheb[45] li mbiddlu fl-1896 bi flokkijiet bojod, li kienu jintlibsu b'xortsijiet blu.[45] Wara l-bidla fl-isem fl-1902, il-kuluri tal-klabb inbiddlu għal flokk aħmar, xorts abjad u kalzetti suwed, li saret l-uniformi standard ta' Manchester United.[45] Ftit li xejn saru bidliet fuq l-ilbies sal-1922 meta l-klabb adotta flokkijiet bojod b'"V" fonda madwar l-għonq, simili għall-flokk milbus fil-finali tal-FA Cup 1909. Dawn baqgħu parti mill-ilbies għal-logħob ġewwa darhom sal-1927.[45] Fl-1934 libsu flokkijiet bi strixxi bojod u kulur iċ-ċirasa, però fl-istaġun ta' wara reġa' rritorna l-flokk l-aħmar wara l-agħar pożizzjoni fil-kampjonat tal-20 post fis-Second Division.[45] Il-kalzetti suwed ġew mibdula għal dawk bojod mill-1959 sal-1965, fejn kienu mibdula b'kalzetti ħomor sal-1971, meta l-klabb qaleb għal uħud suwed. L-uniformi attwali ġewwa darhom hija flokk aħmar b'kullar iswed, flimkien ma' xorts abjad u kalzetti suwed.
L-ilbies għal-logħbiet barra minn darhom ħafna drabi kien jikkonsisti minn flokk abjad, xorts iswed u kalzetti bojod, imma kien hemm diversi eċċezzjonijiet. Dawn jinkludi flokk kollu iswed bi sfumaturi blu u kulur id-deheb bejn l-1993 u l-1995, il-flokk blu navy bi strixxi żgħar kulur il-fidda milbus fl-istaġun 1999–2000,[46] u l-flokk tal-2011–12 li kien flokk bi strixxi ħoxnin blu u blu skur, b'xorts iswed u kalzetti blu.[47] Uniformi kollha griża ġiet milbusa għall-istaġun 1995–96, però tneħħiet wara ħames logħbiet wara li l-plejers stqarrew li kellhom problema jsibu lil sħabhom.[48] Fl-2001, sabiex jiġi ċċelebrat l-100 sena bħala "Manchester United", inħarġet uniformi riversibbli bajda u kulur id-deheb.[49]
Evoluzzjonijiet tal-ilbies
[immodifika | immodifika s-sors]Stadju
[immodifika | immodifika s-sors]- Biex tapprofondixxi, ara l-artiklu: Old Trafford.
Meta l-klabb ta' Newton Heath kien fundat, it-tim lagħab il-partiti interni tiegħu f'kamp ta' North Road f'Newton Heath. Però, it-timijiet viżitaturi gergru frekwentament fuq l-istat tal-grawnd. Barra minn hekk, il-kmamar fejn kienu jbidlu ma tantx kienu wkoll ta' min jiftaħar bihom, fejn kienu jinsabu għaxar minuti 'l bogħod fil-pub Three Crowns f'Oldham Road.
Il-klabb baqa' fil-grawnd North Road għal ħmistax-il sena mill-1878 u l-1893, sena wara li daħlu fil-Football League, qabel ma marru għall-istadju l-ġdid f'Bank Street qrib Clayton. Fl-1902, il-klabb marru qrib il-falliment u l-grawnd ta' Bank Street kien magħluq minħabba fl-insolvenzà tiegħu. Il-klabb kien salvat fl-aħħar minuta mill-kaptan Harry Stafford, li rnexxielu jiġbor flus biżżejjed biex iħallas lill-partita tal-klabb barra minn darhom kontra Bristol City u sab grawnd temporanju qrib Harpurhey għal partita interna ta' wara kontra Blackpool.[50]
Sitt ġimgħat qabel l-ewwel titlu tal-FA Cup għal United f'April 1909, Old Trafford kien imsejjaħ bħala d-dar ta' Manchester United, wara li xtraw l-art għal madwar £60,000. L-arkitett Archibald Leitch kien mikri mill-president ta' United John Henry Davies, u ngħata baġitt ta' £30,000 għall-kostruzzjoni. Pjanijiet oriġinali indikaw li l-istadju kellu jkollu kapaċità ta' madwar 100,000, imma dan ġie mnaqqas għal 77,000. Minkejja dan, attendenza rekord ta' 76,962 kienet rikordjata, li hi aktar milli l-istadju kurrenti jżomm fih. Il-partita inawgurali ntlagħbte fid-19 ta' Frar 1910 kontra Liverpool, u rriżultat f'rebħa ta' 4–3 għall-viżitaturi
Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, fil-11 ta' Marzu 1941, bumbardament qered parti kbira tal-istadju. Sakemm ir-rikostruzzjoni kienet qed issir fl-1949, Manchester United lagħbu l-logħob tagħhom f'Maine Road, l-istadju ta' Manchester City.
Hu stmat li se jkun żvilupp ieħor fl-istadju, speċjalment fis-South Stand, fejn hu mistenni li dan ikollu spiża ta' madwar £114 miljun. Il-kapaċità proġettata tal-istadju kompluta hi stmata li se tkun madwar 96,000, aktar mill-Wembley Stadium il-ġdid.[51]
Kowċis
[immodifika | immodifika s-sors]Dati | Isem | Noti |
---|---|---|
1878–1892 | Mhux magħruf | |
1892–1900 | A. H. Albut | |
1900–1903 | James West | |
1903–1912 | Ernest Mangnall | |
1912–1914 | John Bentley | |
1914–1922 | Jack Robson | |
1922–1926 | John Chapman | L-ewwel kowċ minn barra l-Ingilterra |
1926–1927 | Lal Hilditch | |
1927–1931 | Herbert Bamlett | |
1931–1932 | Walter Crickmer | |
1932–1937 | Scott Duncan | |
1937–1945 | Walter Crickmer | |
1945–1969 | Matt Busby | |
1969–1970 | Wilf McGuinness | |
1970–1971 | Matt Busby | |
1971–1972 | Frank O'Farrell | L-ewwel kowċ minn barra r-Renju Unit |
1972–1977 | Tommy Docherty | |
1977–1981 | Dave Sexton | |
1981–1986 | Ron Atkinson | |
1986–2013 | Alex Ferguson | Rebbieħ tal-iktar unuri u l-iktar kowċ li ta servizz lil Manchester United |
2013–2014 | David Moyes | |
2014 | Ryan Giggs | Plejer-kowċ temporanju |
2014–2016 | Louis van Gaal | |
2016– | José Mourinho |
Rivalità
[immodifika | immodifika s-sors]- Biex tapprofondixxi, ara l-artikli: Rivalità bejn Liverpool FC u Manchester United FC, Id-derby ta' Manchester u Rivalità bejn Leeds United FC u Manchester United FC.
L-ikbar rivalità ta' Manchester United diffiċli tiġi definita. Tradizzjonalment, l-ikbar rivali kienu Liverpool, Manchester City u Leeds United,[52] għalkemm Arsenal ġabu rivalità kbira f'dawn l-aħħar snin.[53] Preżentament, il-partitarji jaraw lil Liverpool bħala l-ikbar rivali, minħabba s-suċċessi li dawn iż-żewġ timijiet kisbu fl-istorja tagħhom,[54] waqt li ħafna jsostnu li l-ikbar rivalità tinsab bejn il-klabb tal-istess belt, Manchester City. Ir-rivalità bejn Unitd u Liverpool bdiet lejn is-sittinijiet meta ż-żewġ klabbs kienu fost l-aqwa fl-Ingilterra, u kienu jikkompetu ma' xulxin kull sena. Ma' Manchester City, ir-rivalità tmur lura lejn l-era ta' Newton Heath, lejn l-1890, u baqgħet b'saħħitha hekk kif iż-żewġ timijiet kienu dejjem fl-istess diviżjoni għal ħafna mis-snin.
Ir-rivalità ma' Leeds United bdiet lejn is-sittinijiet meta Leeds ħarġu bħala tim qawwi, u kompliet ir-rivalità lejn is-sebgħinijiet u t-tmenijiet fejn Leeds kien irnexxielhom jisirqu t-titlu lil United fl-1992. Ma' Arsenal, ir-rivalità bdiet aktar fl-aħħar snin fejn iż-żewġ timijiet qed ikunu f'kompetizzjoni diretta għal rebħ ta' diversi trofej.
Unuri
[immodifika | immodifika s-sors]Kompetizzjonijiet domestiċi
[immodifika | immodifika s-sors]- Kampjonat Ingliż: 20 (rekord)
- L-Ewwel Diviżjoni: 7
- 1907–08, 1910–11, 1951–52, 1955–56, 1956–57, 1964–65, 1966–67
- Premier League: 13
- 1992–93, 1993–94, 1995–96, 1996–97, 1998–99, 1999–2000, 2000–01, 2002–03, 2006–07, 2007–08, 2008–09, 2010–11, 2012–13
- 1935–36, 1974–75
- FA Cup: 12
- 1908–09, 1947–48, 1962–63, 1976–77, 1982–83, 1984–85, 1989–90, 1993–94, 1995–96, 1998–99, 2003–04, 2015–16
- League Cup: 5
- 1991–92, 2005–06, 2008–09, 2009–10, 2016–17
- FA Charity/Community Shield: 21 (rekord)
- 1908, 1911, 1952, 1956, 1957, 1965*, 1967*, 1977*, 1983, 1990*, 1993, 1994, 1996, 1997, 2003, 2007, 2008, 2010, 2013, 2016 (* maqsumin)
Kompetizzjonijiet internazzjonali
[immodifika | immodifika s-sors]- 1967–68, 1998–99, 2007–08
- 1990–91
- 2016–17
- 1991
- 1999
- 2008
Noti
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Skont ir-rati ta' inflazzjoni disponibbli fuq What Were the British Earnings and Prices Then? (New Series)
- ^ Is-sorsi huma maqsuma fuq id-data eżatta tal-laqgħa u d-deċiżjoni sussegwenti li jinbidel l-isem. Filwaqt li sorsi uffiċjali tal-klabb jisħqu li dan seħħ fis-26 ta' April, il-laqgħa ġiet rappurtata mill-Manchester Evening Chronicle fl-edizzjoni tagħha tal-25 ta' April, fejn issuġġeriet li din seħħet fl-24 ta' April.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ "The Business Of Soccer" (bl-Ingliż). Forbes. Miġbur 2019-08-16.
- ^ "Glazer gets 98% of Man Utd shares" (bl-Ingliż). BBC News. 2005-06-23. Miġbur 2010-06-24.
- ^ a b ċ Barnes et al. (2001), pġ. 8
- ^ James (2008), pġ. 66.
- ^ Tyrrell & Meek (1996), pġ. 99.
- ^ James (2008), pġ. 92.
- ^ Barnes et al. (2001), pġ. 118.
- ^ Barnes et al. (2001), pġ. 11.
- ^ a b Barnes et al. (2001), pġ. 12.
- ^ Barnes et al. (2001), pġ. 13.
- ^ Barnes et al. (2001), pġ. 10.
- ^ Murphy (2006), pġ. 71.
- ^ Glanville, Brian (2005-04-27). "The great Chelsea surrender" (bl-Ingliż). The Times. Miġbur 2010-06-24.
- ^ Barnes et al. (2001), pġ. 14–15.
- ^ "1958: United players killed in air disaster" (bl-Ingliż). BBC News. Miġbur 2007-08-12.
- ^ Barnes et al. (2001), pġ. 16–17.
- ^ Jim White (2008), pġ. 136.
- ^ Barnes et al. (2001), pġ. 17.
- ^ a b Barnes et al. (2001), pġ. 18–19.
- ^ Moore, Rob; Stokkermans, Karel (2009-12-11). "European Footballer of the Year ("Ballon d'Or")" (bl-Ingliż). Rec.Sport.Soccer Statistics Foundation. Miġbur 2010-06-24.
- ^ a b Barnes et al. (2001), pġ. 19.
- ^ Barnes et al. (2001), pġ. 110.
- ^ Murphy (2006), pġ. 134.
- ^ "1977: Manchester United sack manager" (bl-Ingliż). BBC News. 1977-07-04. Miġbur 2010-04-02.
- ^ Barnes et al. (2001), pġ. 20.
- ^ a b ċ Barnes et al. (2001), pġ. 20–21.
- ^ "Arise Sir Alex?" (bl-Ingliż). BBC News. 1999-05-27. Miġbur 2010-04-02.
- ^ Bevan, Chris (2006-11-04). "How Robins saved Ferguson's job" (bl-Ingliż). BBC Sport. Miġbur 2010-04-02.
- ^ "Ryan Giggs wins 2009 BBC Sports Personality award" (bl-Ingliż). BBC Sport. 2009-12-13. Miġbur 2010-06-11.
- ^ "United crowned kings of Europe" (bl-Ingliż). BBC Sport. 1999-05-26. Miġbur 2010-06-22.
- ^ Nick Hoult (2007-08-28). "Ole Gunnar Solskjaer leaves golden memories" (bl-Ingliż). The Daily Telegraph. Miġbur 2011-07-23.
- ^ Magnani, Loris; Stokkermans, Karel (2005-04-30). "Intercontinental Club Cup" (bl-Ingliż). Rec.Sport.Soccer Statistics Foundation. Miġbur 2010-06-24.
- ^ Rob Hughes (2004-03-08). "Ferguson and Magnier: a truce in the internal warfare at United" (bl-Ingliż). The New York Times. Miġbur 2010-06-24.
- ^ "Man Utd win FA Cup" (bl-Ingliż). BBC Sport. 2004-05-22. Miġbur 2010-07-09.
- ^ Shuttleworth, Peter (2008-05-21). "Spot-on Giggs overtakes Charlton" (bl-Ingliż). BBC Sport. Miġbur 2010-07-09.
- ^ Phil McNulty (2009-03-01). "Man Utd 0–0 Tottenham (aet)" (bl-Ingliż). BBC Sport. Miġbur 2009-03-01.
- ^ McNulty, Phil (2009-05-16). "Man Utd 0–0 Arsenal" (bl-Ingliż). BBC Sport. Miġbur 2009-05-16.
- ^ Ogden, Mark (2009-06-12). "Cristiano Ronaldo transfer: World-record deal shows football is booming, says Sepp Blatter" (bl-Ingliż). The Daily Telegraph. Miġbur 2011-01-09.
- ^ "Rooney the hero as United overcome Villa" (bl-Ingliż). ESPN. 2010-02-28. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-10-21. Miġbur 2010-04-02.
- ^ Simon Stone (2011-05-14). "Manchester United clinch record 19th english title" (bl-Ingliż). The Independent. Miġbur 2011-05-14.
- ^ "How Manchester United won the 2012–13 Barclays Premeir League" (bl-Ingliż). Premier League. 2013-04-22. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-04-25. Miġbur 2013-04-22.
- ^ "David Moyes: Manchester United appoint Everton boss" (bl-Ingliż). BBC Sport. 2013-05-09. Miġbur 2013-05-09.
- ^ "Manchester United confirm appointment of David Moyes on a six-year contract" (bl-Ingliż). Sky Sports. 2013-05-09. Miġbur 2013-05-09.
- ^ a b Barnes et al. (2001), pġ. 49.
- ^ a b ċ d e f Barnes et al. (2001), pġ. 48.
- ^ Devlin (2005), pġ. 157.
- ^ "Reds unveil new away kit" (bl-Ingliż). Manchester United FC. 2011-07-15. Miġbur 2011-07-16.
- ^ "13.04.96 Manchester United's grey day at The Dell" (bl-Ingliż). The Independent. 2006-04-15. Miġbur 2012-01-21.
- ^ Devlin (2005), pġ. 158.
- ^ Murphy, Alex (2006). "1878-1915: From Newton Heath to Old Trafford". The Official Illustrated History of Manchester United (bl-Ingliż). Londra: Orion Books. p. 15. ISBN 0-7528-7603-1.
- ^ "Old Trafford 1909-2006". ManUtdZone.com (bl-Ingliż). Miġbur 2008-07-08.
- ^ "Bitter rivals do battle" (bl-Ingliż). Daily Telegraph. Miġbur 2008-05-06.
- ^ "United's rivalries" (bl-Ingliż). Manchester Evening News. Miġbur 2007-12-23.
- ^ "Liverpool v Manchester United preview" (bl-Ingliż). Sky Sports. Miġbur 2007-12-23.
Ħoloq esterni
[immodifika | immodifika s-sors]Wikimedia Commons għandha fajls multimedjali li għandhom x'jaqsmu ma': Manchester United FC |
- (AR, CN, EN, FR, JA, KO, ES) Sit uffiċjali
- (EN) Manchester United fuq is-sit uffiċjali tal-Premier League