Aqbeż għall-kontentut

Katidral ta' Amiens

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-faċċata tal-Katidral ta' Amiens.

Il-Bażilika-Katidral tal-Madonna ta' Amiens (bil-Franċiż: Basilique Cathédrale Notre-Dame d'Amiens), jew sempliċement il-Katidral ta' Amiens, huwa knisja Kattolika Rumana. Il-katidral huwa s-sede tal-Isqof ta' Amiens.[1] Jinsab fuq għolja żgħira fuq ix-xmara Somme f'Amiens, il-belt kapitali amministrattiva tar-reġjun ta' Picardie ta' Franza, madwar 120 kilometru (75 mil) fit-Tramuntana ta' Pariġi.

Il-katidral inbena kważi kollu bejn l-1220 u madwar l-1270, perjodu tassew qasir għal katidral Gotiku, u b'hekk għandha unità mhux tas-soltu fl-istil. Il-Katidral ta' Amiens huwa eżempju klassiku tal-istil Gotiku Superjuri tal-arkitettura Gotika. Għandu wkoll xi karatteristiċi tal-istil Rayonnant ta' wara fit-twieqi għoljin imkabbrin tal-kor, li ġew miżjuda f'nofs is-snin 50 tas-seklu 13.[2]

Il-bennejja tiegħu ppruvaw jimmassimizzaw id-dimensjonijiet interni sabiex jgħollu il-binja kemm jistgħu u jidħol iktar dawl. B'riżultat ta' dan, il-Katidral ta' Amiens huwa l-ikbar wieħed fi Franza[3], u fih 200,000 metru kubu, jiġifieri kbir biżżejjed bih ġo fih joqogħdu żewġ katidrali bid-daqs tal-Katidral ta' Notre Dame ta' Pariġi.[4]

Il-katidral tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1981.[5] Għalkemm tilef il-biċċa l-kbira tal-ħġieġ ikkulurit oriġinali tiegħu, il-Katidral ta' Amiens huwa rinomat għall-kwalità u għall-kwantità ta' skulturi Gotiċi bikrin tas-seklu 13 fil-faċċata prinċipali tal-Punent u fil-portal tat-transett tan-Nofsinhar, kif ukoll għall-kwantità kbira ta' skulturi polikromatiċi minn perjodi iktar 'il quddiem fuq ġewwa tal-binja.

Katidrali bikrin

[immodifika | immodifika s-sors]

Skont it-tradizzjoni lokali, il-Kristjaneżmu twassal f'Amiens fis-seklu 3 W.K. permezz ta' żewġ martri Kristjani, magħrufa bħala Firmin il-Martri u Firmin il-Kunfessur. San Martin ġie mgħammed f'Amiens fit-334. Il-knisja ġiet maħnuqa mill-invażjonijiet tal-Vandali, u ma reġgħetx irpiljat qabel tmiem is-seklu 5, permezz tal-magħmudija ta' Clovis I fl-498 jew fl-499. L-ewwel Isqof ta' Amiens kien Edibus, li pparteċipa f'Kunsill fil-511. Katidral bikri b'żewġ knejjes iddedikati liż-żewġ Firmini jingħad fid-dokumenti li eżista fis-sit tal-knisja attwali, iżda ma hemm l-ebda evidenza arkeoloġika.[6] Salvius, l-isqof ta' Amiens għall-ħabta tas-600, huwa kkreditat li bena dan il-katidral, iżda l-akkuratezza tal-Ħajja tiegħu hija dubjuża ħafna.[7]

In-nar qered iż-żewġ knejjes u l-biċċa l-kbira tar-raħal, u minflok inbena katidral Rumanesk bejn l-1137 u l-1152. Dan il-katidral ospita ż-żwieġ fl-1193 tar-Re Filippu II ta' Franza. Fl-1206 il-Katidral ta' Amiens irċieva relikwa famuża, ras Ġwanni l-Battista, li kienet inxtrat f'Kostantinopli. Din ir-relikwa wasslet biex il-Katidral ta' Amiens isir destinazzjoni ewlenija tal-pellegrinaġġi, u taha sors importanti ta' dħul. Ir-relikwarju nqered matul ir-Rivoluzzjoni Franċiża iżda replika magħmula fl-1876 minn ġojjellier minn Pariġi, li uża ftit mill-kristalli tal-blat oriġinali, tintwera sa llum il-ġurnata fit-Teżor tal-Katidral.[6]

Pjanta trasversali tal-katidral.

In-nar qered il-katidral Rumanesk fl-1218. Pjanta għal katidral ġdid tfasslet mill-arkitett Robert de Luzarches, u fl-1220 l-Isqof Evrard de Fouilloy poġġa l-ewwel ġebla. Luzarches irrivoluzzjona s-sistema tal-kostruzzjoni Gotika billi uża ġebel b'daqsijiet u b'għamliet standardizzati, minflok ma għamel blokok uniċi għal kull funzjoni differenti. Huwa kien l-arkitett sal-1228, u minfloku laħaq Thomas de Cormont sal-1258. Ibnu, Renaud de Cormont, kompla warajh sal-1288.[8]

Il-kostruzzjoni twettqet, kuntrarjament għas-soltu, mill-Punent għal-Lvant, u x-xogħol beda min-navata. De Cormont ta d-dimensjonijiet u l-armonija lill-istruttura permezz tal-kostruzzjoni tal-arkati grandjużi u t-twieqi ta' fuq. In-navata tlestiet fl-1236, u sal-1269, it-twieqi ta' fuq tal-kor tlestew ukoll. Fl-aħħar tas-seklu 13, id-"dirgħajn" tat-transett tlestew, u fil-bidu tas-seklu 14 tlestew il-faċċati u t-torrijiet ta' fuq. Sakemm kienu qed isiru dawn ix-xogħlijiet, żdiedu l-kappelli bejn id-dniefel (tipi speċifiċi ta' riffieda) u fl-angoli tat-transett.[9]

Tisħiħ (is-seklu 15)

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-katidral minn wara.

Id-disinn oriġinali tad-dniefel madwar il-kor kien poġġihom wisq fl-għoli biex jikkumpensaw għall-forza tal-ħnejja tas-saqaf li timbottahom 'il barra li tirriżulta f'forzi laterali eċċessivi fuq il-kolonni vertikali. L-istruttura ġiet salvata biss meta l-bennejja għamlu t-tieni ringiela ta' dniefel iktar b'saħħithom ikkollegati mal-ħajt ta' barra.[10]

Fl-1497 l-erba' pilastri tas-salib tat-transett, kif ukoll iż-żewġ kolonni tax-xellug tax-chevet bdew jixxaqqu u juru sinjali oħra ta' ċediment. Tim ta' esperti eżamina l-ħsara u għamel xi tiswijiet, iżda x-xquq baqgħu jiffurmaw. Il-problema finalment ġiet solvuta minn Pierre Tarisel, li fl-1498 installa katina tal-ħadid ferrobattut mad-dawra sabiex tirreżisti l-forzi li kienu qed jimbottaw il-kolonni tal-ġebel 'il barra. Il-katina ġiet installata meta kienet ħamra nar u tikwi sabiex taġixxi bħala minċott, li jorbot iktar mal-istruttura u jsaħħaħha malli jibred, u għadu fil-post. Fl-1503 Tarisel għamel l-istess ħaġa biex isaħħaħ partijiet mid-daħla tal-kor.[11]

Modifiki (is-sekli 16-18)

[immodifika | immodifika s-sors]
Ir-rużun elaborat tan-Nofsinhar (tas-seklu 16).

Fis-seklu 16, il-katidral ġarrab ħsarat min-nirien, mill-maltempati bir-riħ, u mill-isplużjoni ta' fabbrika tal-porvli, iżda mhux ħsarat estensivi. Sarulu diversi modifiki biex jakkomodaw it-tibdil fl-istili; rużun elaborat ġdid bl-istil Gotiku tpoġġa fit-transett tal-Punent. Fis-seklu 18 saru modifiki arkitettoniċi biex ikun hemm konformità mad-digrieti l-ġodda tal-Kunsill ta' Trento. Il-ħajt diviżorju Medjevali antik bejn il-kor u n-navata ġie sostitwit b'grilja diviżorja elaborata tal-ħadid, biex b'hekk il-parroċċani fin-navata setgħu jaraw l-artal. L-artal innifsu ġie mmodifikat billi tneħħew it-tnax-il kandelabru enormi u t-tnax-il sniedaq bir-relikwi tal-qaddisin li mietu martri. Twettqu wkoll xogħlijiet kbar biex jissaħħu d-dniefel.[12]

Rivoluzzjoni u s-seklu 19

[immodifika | immodifika s-sors]
Pittura tal-Katidral ta' Amiens minn ġewwa ta' Jules Victor Genisson, 1842.

Il-katidral, bħal katidrali oħra fi Franza, ġarrab ħsara konsiderevoli matul ir-Rivoluzzjoni Franċiża. Il-biċċa l-kbira tal-iskulturi ġew imfarrka bl-imrietel, u l-irjus ta' bosta statwi tkissru. Ħafna mill-għamara, mill-oġġetti u mit-teżori nsterqu; parti mill-katidral intużat bħala maħżen għal materjali li kienu jintużaw f'diversi ċelebrazzjonijiet Rivoluzzjonarji.[13]

Il-katidral reġa' beda jintuża għall-funzjoni reliġjuża tiegħu fl-1800, u l-ewwel xogħol ta' restawr beda fl-1802. Mill-bidu tal-1810, l-arkitett Neoklassiku Etienne Hyppolyte Godde tqabbad jagħmel ix-xogħol, u warajh fl-1821 kompla Francois Auguste Cheussey, li kkummissjona tliet skulturi biex jagħmlu statwi ġodda. Wara li l-istampa kkritikat xi difetti fl-iskulturi u fir-restawr, Cheussey irriżenja u ġie sostitwit fl-1849 minn Eugène Viollet-le-Duc. Viollet-le-Duc beda programm iżjed ambizzjuż bil-mira li l-binja terġa' lura kemm jista' jkun għall-ispirtu Medjevali tagħha, inkluż iż-żieda ta' gargoyles skolpiti u karatteristiċi Gotiċi tipiċi oħra. Viollet-le-Duc ħadem kważi b'mod kontinwu fuq il-katidral sal-1874.[12]

Protezzjoni u restawr (is-seklu 20)

[immodifika | immodifika s-sors]
Uħud mill-ħsarat li ġarrab il-katidral fl-Ewwel Gwerra Dinjija.

It-twieqi bil-ħġieġ ikkulurit tal-knisja tneħħew biex jiġu protetti matul l-Ewwel Gwerra Dinjija u t-Tieni Gwerra Dinjija, u l-knisja ġarrbet ħsarat żgħar biss. Madankollu, fl-1920, uħud mit-twieqi, li kienu maħżuna fl-istudjo tal-produttur ewlieni tal-ħġieġ, biex jiġu protetti, inqerdu minħabba n-nar.

Bejn l-1973 u l-1980, il-flèche jew l-ispira, ġiet irrestawrata għalkollox. Fl-1981, il-katridral ġie ddikjarat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[5] Ir-restawr tal-faċċata tal-Punent tlesta fl-2001. Fl-1992, l-istoriku tal-arti Stephen Murray inħatar mill-Ministeru Franċiż għall-Kultura fil-kumitat xjentifiku biex jissorvelja r-restawr tal-Katidral ta' Amiens. Murray sar ċittadin onorarju ta' Amiens u ngħata dottorat onorarju fl-Università ta' Picardie ta' Jules Verne, wara x-xogħol li wettaq.[14][15]

  • 346 - L-ewwel darba li ssemma isqof, Eulogius, f'Amiens.[16]
  • 1137-52 - Il-kostruzzjoni tal-katidral Rumanesk.
  • 1206 - Il-kranju ta' San Ġwann il-Battista ġie ttrasportat lejn il-katidral minn Kostantinopli.
  • 1218 - Il-katidral Rumanesk inħakem min-nirien u nqered.
  • 1220 - Tpoġġiet l-ewwel ġebla tal-katidral Gotiku.
  • Għall-ħabta tal-1240 – Tlestija tan-navata.
  • Għall-ħabta tal-1269 - Tlestija probabbli tax-chevet u installazzjoni tat-twieqi għoljin.
  • Għall-ħabta tal-1284-1305 - Inbena s-saqaf ta' fuq ix-chevet, it-transett u n-navata.
  • 1373-1375 - Inbnew il-Kappelli ta' San Ġwann il-Battista u ta' San Ġwann l-Evanġelista, u nbdiet il-kostruzzjoni tal-Beau Pilier.
  • 1498 - Żdiedu l-ktajjen tal-ħadid biex jissaħħaħ it-triforju.
  • 1508-1519 - Tpoġġew f'posthom is-sedji tal-kor.
  • 1528 - L-ispira nqerdet minn sajjetta.
  • 1755 - Il-ħajt diviżorju tal-kor tneħħa u l-kor ġie mmudellat mill-ġdid skont id-digrieti tal-Kunsill ta' Trento.
  • 1766-1768 - Il-kor ġie mżejjen mill-ġdid bl-istil Barokk u bl-istil klassiku Franċiż.
  • 1793-1794 - Wara r-Rivoluzzjoni Franċiża, ħafna mill-għamara nqerdet, u parti mill-katidral intużat biex jinħażen it-tiżjin għall-festi pubbliċi.
  • 1802 - Il-knisja ġiet irrestawrata u reġgħet bdiet tintuża esklużivament bħala Knisja Kattolika.
  • 1805 - Beda r-restawr tal-knisja.
  • 1849-1874 - Eugène Viollet-le-Duc issorvelja r-restawr tal-katidral.
  • 1854 - Il-Kappella ta' San Teodożju ġiet iddedikata fil-preżenza tal-Imperatur Napuljun III.
  • 1914-1918 - Il-ħġieġ ikkulurit tneħħa biex jiġi protett; il-faċċata tal-katidral iġġarrab ħsara żgħira matul l-Ewwel Gwerra Dinjija.
  • 1920 - Ftit mill-ħġieġ ikkulurit Gotiku li kien maħżun fi studjo biex jiġi protett jinqered bin-nar.
  • 1973-80 - Tlesta r-restawr tal-ispira.
  • 1981 - Il-katidral ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[5]
  • 2001 - Restawr ġdid tal-faċċata tal-Punent jiżvela traċċi taż-żebgħa oriġinali fuq l-iskulturi.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Dettall tal-iskulturi tal-Aħħar Ġudizzju fil-faċċata tal-katidral.

Il-Katidral ta' Amiens ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji fl-1981.[5]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; u l-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ".[5]

Apparti l-katidral kollu, fl-1999 it-torrijiet tal-Katidral ta' Amiens ġew inklużi wkoll bħala wieħed mill-komponenti tas-Sit ta' Wirt Dinji transnazzjonali tal-Kampnari tal-Belġju u ta' Franza.[17]

Il-valur universali straordinarju fir-rigward ta' dak is-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[17]

Faċċata tal-Punent u l-portali

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-portali tal-Katidral ta' Amiens.

Il-faċċata tal-Punent tal-katidral inbniet f'kampanja waħda tal-kostruzzjoni mill-1220 sal-1236, u għalhekk fiha livell mhux tas-soltu ta' unità artistika. Is-sular tar-rużun tlesta għall-ħabta tal-1240. Wara dan, il-kostruzzjoni mexiet iktar bil-mod. Il-partijiet ta' fuq tat-torrijiet ma tlestewx qabel is-seklu 14.

Il-faċċata għandha tliet zuntieri fondi b'arkati ppuntati, li jkopru t-tliet portali. Fuq il-portali hemm żewġ galleriji; dik ta' fuq hija l-Gallerija tar-Rejiet, bi 22 statwa b'daqs ta' bniedem tar-Rejiet ta' Franza. Kważi l-istatwi kollha jmorru lura għar-restawr ta' Viollet-le-Duc. Fuq il-gallerija hemm ir-rużun, b'qafas tal-ġebel li jmur lura għas-seklu 16. Fuq ir-rużun hemm il-Gallerija tal-Mużiċisti jew id-Daqqaqa tal-Qniepen, li hija rikostruzzjoni tas-seklu 19 tal-gallerija oriġinali.

Il-portal ċentrali huwa ddedikat lill-Aħħar Ġudizzju, il-portal tax-xellug lill-martri San Firmin, u l-portal tal-lemin lill-Madonna. Fuq kull portal hemm frontispizju mimli bl-iskulturi. Il-figura ċentrali tal-frontispizju tal-Aħħar Ġudizzju hija l-figura ta' Kristu, b'idejh mgħollijin, jiġġudika lil dawk ta' taħtu. Fuq in-naħa tal-lemin u tax-xellug tiegħu, il-Madonna u San Ġwann jappellaw għall-ħniena tiegħu. Il-Kristjani t-tajbin, fuq il-lemin tiegħu, jiġu eskortati lejn il-ġenna, filwaqt li l-midinbin, fuq ix-xellug tiegħu, jintefgħu fl-infern. Tindif reċenti tal-iskulturi żvela traċċi ta' marki ħomor taż-żebgħa fuq idejn l-istatwa ta' Kristu, li jirrappreżentaw fejn iddaħħlulu l-imsiemer meta ġie msallab.[18]

Fost l-istatwi tal-qaddisin fil-frontispizju hemm il-qaddisin lokali San Victoricus u San Gentian, San Domitius, Santa Ulphia u San Firmin.[19]

Il-kampnar tan-Nofsinhar.

Il-partijiet ta' fuq tat-torrijiet tal-faċċata tal-Punent, fuq ir-rużun, inbnew wara, u kull wieħed għandu għoli differenti. Il-kampnar tan-Nofsinhar fuq il-lemin li jħares lejn il-faċċata huwa iqsar u tlesta l-ewwel wieħed għall-ħabta tal-1366. Il-kampnar tat-Tramuntana tlesta fl-1406, u huwa mżejjen bl-istil Gotiku elaborat. Il-Gallerija tal-Mużiċisti, li tgħaqqad flimkien iż-żewġ kampnari fil-livell tas-saqaf, żdiedet lejn dan iż-żmien, u ġiet restawrata u rikostruwita b'mod sostanzjali fis-seklu 19 minn Viollet-le-Duc. Viollet-le-Duc iddisinja mill-ġdid il-gallerija fuq il-mudell tal-gallerija tal-Katidral ta' Chartres tal-istess perjodu.[20]

L-istatwa tar-Re Karlu I ta' Franza fuq il-Beau Pilier.

Karatteristika mhux tas-soltu tat-torrijiet hija l-Beau Pilier (il-Pilastru s-Sabiħ), riffieda ta' appoġġ li ġiet miżjuda fis-seklu 14 bejn il-kampnar tat-Tramuntana u l-ewwel waħda miż-żewġ kappelli ġodda tat-Tramuntana. Il-pilastru u l-kappelli ġew ikkummissjonati minn Jean de la Grange, l-Isqof ta' Amiens fl-1373-1375, li kien il-konsulent prinċipali tar-Re Karlu VI ta' Franza.

Il-pilastru fih disa' statwi li jirrappreżentaw figuri politiċi, reliġjużi u militari ewlenin ta' Franza ta' dak iż-żmien; isfel nett, il-Kardinal de la Grange nnifsu, iċ-Ċambellan tal-Bureau de la Riviere u l-Ammirall Jean de Vienne; fuqhom, ir-Re Karlu nnifsu fiċ-ċentru; ibnu d-Dauphin, ir-re futur Karlu VI ta' Franza, u ibnu ż-żgħir. Fuq dawn l-istatwi hemm l-istatwi ta' San Ġwann il-Battista, tal-Madonna u ta' San Firmin.[21]

L-iskulturi tal-ispira.

Il-flèche jew l-ispira oriġinali tas-seklu 13 tal-katidral, li kienet tinsab fejn it-transett jiltaqa' man-navata, inqerdet b'sajjetta fl-1528, iżda ġiet sostitwita minn spra tal-injam miksi bil-pjanċi taċ-ċomb indurati. Spiss kienet iġġarrab ħsarat minħabba xi maltempata u tissewwa fis-snin ta' wara, iżda għad-differenza tal-ispira tal-Katidral ta' Notre Dame ta' Pariġi, qatt ma ġiet iddisinjat jew mibnija mill-ġdid għalkollox. Għad għandha ħafna mill-materjal oriġinali tas-seklu 16, inkluż il-qafas tal-injam. Mill-art sas-serduq skolpit fil-pinnaklu, l-ispira tilħaq għoli ta' 112.70-il metru (369.8 pied).[22]

L-istatwi fuq l-ispira, magħmulin biċ-ċomb, jirrappreżentaw lil Kristu (iħares lejn in-navata); San Pawl, San Firmin (liebes il-mitra tal-isqof); San Ġwann l-Evanġelista; il-Madonna bil-kuruna u bil-Bambin Ġesù f'idejha; San Ġwann il-Battista; San Ġakbu l-Kbir u San Pietru.

Id-dniefel tal-Katidral ta' Amiens.

Id-dniefel huma r-riffieda arkitettoniċi li għamluha possibbli li jintlaħaq l-għoli eċċezzjonali tal-ħitan tan-navata u tal-kor. Ir-riffieda bl-arkati joħorġu 'l barra fuq il-livell estern ta' taħt tal-katidral, fejn hemm il-ħajt diviżorju tal-kor u l-kappelli, biex jistabbilizzaw il-ħitan ta' fuq tal-klerestorju. Huma jikkumpensaw għall-imbottatura 'l barra u 'l isfel tas-saqaf bil-volti, u b'hekk il-ħitan bejn ir-riffieda seta' jkun irqiq u fil-biċċa l-kbira mimli bi twieqi kbar. Ir-riffieda iktar 'il quddiem ingħataw iktar stabbiltà permezz ta' pinnakli tqal tal-ġebel fil-quċċata tal-pilastri vertikali tagħhom. Ir-riffieda tan-navata huma iktar antiki, tal-ħabta tal-1230, u kull pilastru għandu żewġ arkati, waħda fuq l-oħra. It-tnejn li huma jagħmlu "qabża" waħda lejn il-ħajt tan-navata; arkata waħda tiltaqa' mal-ħajt eżatt 'il fuq mill-punt tal-ikbar forza 'l barra mill-volta tan-navata; u l-oħra eżatt taħt dak il-punt.[23][24]

Veduta tad-dniefel.

Ir-riffieda tal-kor inbnew ftit wara u tlestew għall-ħabta tal-1260 b'disinn differenti. Kull denfil għandu żewġ pilastri vertikali, wieħed itwal mill-ieħor, u l-arkati jaslu mal-ħajt permezz ta' żewġ volti, u jiltaqgħu miegħu fil-punt tal-ikbar forza 'l barra. Dawn ir-riffieda tal-kor għandhom funzjoni addizzjonali; għandhom gandotti fuq l-arkati li minnhom jgħaddi l-ilma tax-xita u jittieħed 'il bogħod kemm jista' jkun mill-istruttura, u joħroġ minn ħalq il-qattara mnaqqxa b'għamla ta' gargoyles.

It-twieqi ta' fuq tan-navata.

In-navata u t-transett kienu l-postijiet fejn il-pubbliku kienu jqimu l-Alla, filwaqt li l-kor kien irriżervat għall-kleru. Fil-Katidral ta' Amiens, in-navata segwiet il-mudell tal-Katidral Gotiku Bikri ta' Chartres u tal-Katidral ta' Soissons. In-navata fiha tliet livelli bħala elevazzjoni: l-arkati l-kbar, it-triforju, u l-klerestorju fuq nett. L-arkati l-kbar, għad-differenza ta' katidrali iktar bikrin, jokkupaw in-nofs kollu tal-għoli tal-ħajt. Il-pilastri tal-arkata, b'għoli ta' 18-il metru, huma magħmula minn kolonni enormi mdawra minn erba' kollonni iżgħar u iktar irqaq, li jibqgħu telgħin mal-ħajt biex jirfdu s-saqaf bil-volti. L-għoli totali tal-ħitan taħt il-volti huwa ta' 42 metru, imqabbael ma' 36 metru fil-Katidral ta' Chartres u fil-Katidral ta' Reims. Dawk tal-Katidral ta' Beauvais biss huma ogħla minnhom, għalkemm il-volti tiegħu ċedew parzjalment fl-1284.[25]

Il-pulptu Barokk u n-navata.

Il-pulptu Barokk fuq in-naħa tat-Tramuntana tan-navata nbena fl-1773 u huwa magħmul bl-injam indurat u mpitter. Il-pulptu huwa mirfud permezz ta' statwi li jirrappreżentaw il-Fidi, it-Tama u l-Karità, u warajhom qisu drapp indurat tal-ġebel. Il-baldakkin huwa mnaqqax biex jidher qisu sħabiet mirfuda minn anġli tal-ġebel. Fuq is-"sħabiet" hemm anġlu ikbar, jipponta lejn is-smewwiet, u jżomm ktieb bil-kitba Hoc fac et vives (Agħmel dan u tgħix).[26]

Il-volta b'għamla ta' stilla tat-transett, fejn tiltaqa' man-navata.

It-transett minn naħa għall-oħra tal-knisja fiċ-ċentru huwa twil sebgħin metru, u huwa maqsum fi tlieta. Iċ-ċentru tat-transett, fejn jaqsam minn naħa għall-oħra tan-navata, huwa mgħotti b'volta enormi b'għamla ta' stilla, waħda mill-eqdem ta' Franza, mirfuda minn erba' pilastri kbar. L-elevazzjoni fiha tliet livelli bħan-navata; l-arkati, it-triforju u l-klerestorju fuq nett. It-triforju u l-klerestorju huma mdawra għalkollox bil-ħġieġ ikkulurit, u b'hekk iċ-ċentru tal-katidral ikun imdawwal bid-dawl naturali. Ir-rużuni żdiedu wara. Ir-rużun tat-Tramuntana għandu stil Rayonnant, filwaqt li r-rużun tan-Nofsinhar li żdied wara għandu stil Flamboyant. L-ispira fuq il-parti ċentrali tal-volta żdiedet bejn l-1529 u l-1533.[27]

Il-kor u s-sedji tal-kor fil-Lvant, faċċata tal-apsida.

Is-sedji tal-kor tal-bidu tas-seklu 16 huma fost l-ikbar teżori tal-katidral. Ir-ringieli ta' fuq kienu jkunu okkupati mill-Kanoni u dawk t'isfel mill-Iskrivana. Ir-rappreżentant tar-Re kien jokkupa l-ewwel post fis-sedji tat-Tramuntana, u d-Djaknu tal-katidral, l-iżjed wieħed b'anzjanità fil-kleru, kien jokkupa l-ewwel post fis-sedji tan-Nofsinhar.

Is-sedji huma mżejna b'diversi figuri mnaqqxa, saħansitra iktar minn erbat elef. Il-poġġamani, it-triangoli bil-kurvatura u l-pjattaforma l-baxxa tagħhom huma mżejna wkoll b'mod elaborat u rikk bi xbihat skolpiti ta' annimali reali u mitoloġiċi, figuri mit-Testment l-Antik u mit-Testment il-Ġdid, u xbihat lajċi ta' professjonisti u ħaddiema tas-sengħa tal-belt. 110 mill-120 sedja oriġinali għad għandhom it-tapizzerija u t-tinqix oriġinali tas-seklu 16.

Il-ħajt diviżorju tal-kor huwa mżejjen b'mod rikk bi skulturi polikromatiċi u maġenbu hemm diversi kappelli. Waħda mill-iżjed lussużi hija l-Kappella tal-Bejjiegħa tat-Tessuti. L-industrija tat-tessuti kienet l-iżjed komponent dinamiku tal-ekonomija Medjevali, speċjalment fit-Tramuntana ta' Franza, u l-merkanti tad-drappijiet kienu jkunu ħerqana li juru l-ġid li kellhom bi kburija ċivika. Kappella oħra li tispikka hija dik tas-seklu 13 iddedikata lil San Tumas ta' Canterbury, dedika li tikkomplementa l-lista sħiħa ta' martri tal-katidral stess.

Fuq ġewwa, il-kappella fiha opri tal-arti u tiżjin minn kull perjodu tal-kostruzzjoni tal-katidral. B'mod partikolari dawn huma pitturi Barokki tas-seklu 17, magħmula minn artisti bħal Frans II Francken u Laurent de La Hyre.[28]

Ħajt diviżorju tal-kor (għall-ħabta tas-sekli 15 u 16)

[immodifika | immodifika s-sors]
Xeni mill-ħajja ta' San Firmin u l-qabar tal-Isqof Ferry de Beauvoir (1490-1530).

Fost l-iżjed teżori tal-arti famużi tal-katidral hemm l-iskulturi polikromatiċi tal-ħajt diviżorju tal-kor, mal-ħitan ta' barra tal-kor. Juru l-ħajja ta' San Firmin (fin-naħa tan-Nofsinhar; magħmula bejn l-1490 u l-1530) u ta' Ġwanni l-Battista (fin-naħa tat-Tramuntana, north side; magħmula fl-1531). It-tnejn kellhom rabta mal-katidral: ir-relikwa ta' ras Ġwanni l-Battista kienet ferm importanti u kienet tinżamm fit-Teżor, u l-martri San Firmin kien meqjus l-ewwel isqof ta' Amiens. Grupp ieħor ta' skulturi polikromatiċi fin-naħa tat-Tramuntana juru b'mod immaġinattiv lil Kristu jkeċċi lill-merkanti mit-Tempju. L-oqbra ta' diversi isqfijiet u figuri reliġjużi oħra tal-katidral, imżejna b'mod abbundanti wkoll, jinstabu fil-partijiet t'isfel tal-ħajt diviżorju tal-kor, taħt ix-xeni skolpiti.[29]

Il-grilja Barokka tal-ħadid fil-kor.

F'nofs is-seklu 18, iċ-ċentru tal-katidral ġie ddisinjat kollu mill-ġdid bl-istiI Rokokò, f'konformità mal-bidliet ordnati fit-tagħlim tal-Knisja skont id-digriet tal-Kunsill ta' Trento u l-bidliet fil-gosti arkitettoniċi. L-art saret mill-ġdid b'irħam ikkulurit, flimkien ma' artal maġġur ġdid. Fl-1768, wara l-artal, inbena xenarju monumentali Barokk tal-injam indurat u skolpit magħruf bħala l-"Gloire", li jirrappreżenta l-ġenna mimlija kerubini u anġli.[30]

Il-labirint fuq l-art tal-katidral.

Fiċ-ċentru tal-art tan-navata hemm labirint, li kienet karatteristika komuni tal-katidrali Gotiċi Bikrin u Aħħarin; dawn il-labirinti jinstabu wkoll fil-Katidrali ta' Sens, Chartres, Arras u Reims. Il-labirint kien simbolu tal-ostakli u tal-mogħdijiet imserpin fil-vjaġġ lejn is-salvazzjoni, iżda kien juri wkoll li bid-determinazzjoni l-vjaġġ kien possibbli. F'ċerti btajjel reliġjużi, il-pellegrini kienu jsegwu l-labirint għarkopptejhom. Il-labirint tal-Katidral ta' Amiens huwa twil 240 metru u oriġinarjament ġie stabbilit fl-1288 mill-arkitett Rene de Cormont. Il-labirint attwali huwa replika eżatta li saret fis-seklu 19.[31]

Chevet u l-kappelli tal-Lvant

[immodifika | immodifika s-sors]
Ix-chevet jew in-naħa tal-Lvant tal-katidral.

In-naħa tal-Lvant jew ix-chevet tal-katidral inġenerali tippreserva d-disinn Medjevali oriġinali bil-kor, l-ispazju rriżervat għall-kleru. Hija mdawra b'ħajt diviżorju tal-injam imnaqqax b'mod mirqum u fiha seba' kappelli fl-apsida semiċirkolari. Hemm korsija li tippermetti lill-viżitaturi jżuru l-kappelli ta' wara l-kor.

Il-ħajt semiċirkolari fin-naħa tal-Lvant immarka stadju ġdid fl-iżvilupp tal-arkitettura Gotika. Il-ħitan ta' fuq tal-klerestorju, eżatt taħt il-volti, u l-ħitan tat-triforju ta' taħthom, imtlew kompletament bil-ħġieġ. Il-ħnejjiet tat-triforju u l-arkati ġew imżejna bi ħnejjiet oħra ppuntati, li jenfasizzaw l-istruttura vertikali, u li jħallu ħafna dawl naturali jidħol minn direzzjonijiet u għoli differenti, skont il-ħin tal-jum. Id-dawl kien jiffiltra wkoll mis-sulari ta' fuq.

Madwar in-naħa tal-Lvant semiċirkolari hemm seba' kappelli. Il-Kappella tal-Madonna, fit-tarf nett tal-katidral, kienet irriżervata għall-qaddejja tal-Kanoni li kienu jgħixu fil-kjostri tal-katidral. L-ewwel kappella fuq in-naħa tan-Nofsinhar tax-chevet hija ddedikata lil Sant'Eloi, u issa sservi bħala d-daħla tat-Teżor tal-katidral. It-tiżjin primarju tagħha hija sensiela ta' tmien pitturi tas-Sibilli tas-seklu 16.

Tliet kappelli tan-naħa tal-Lvant ġew mgħammra mill-ġdid għalkollox minn Viollet-le-Duc fis-seklu 19 biex jerġa' jkollhom dak li kien maħsub bħala l-aspett Medjevali preċedenti tagħhom; dawn huma l-Kappella ta' San Teodożju fit-Tramuntana, il-Kappella tal-Madonna tal-Bejjiegħa tat-Tessuti fin-nofs, u l-Kappella ta' San Ġakbu jew tal-Qalb Imqaddsa fin-Nofsinhar. Viollet-le-Duc iddisinja l-għamara kollha kif ukoll it-tiżjin tagħhom, inkluż l-artal tal-bronż indurat fil-Kappella tal-Qalb Imqaddsa.[28]

Kappelli laterali u tat-transett

[immodifika | immodifika s-sors]
It-twieqi bil-ħġieġ ikkulurit tal-Katidral ta' Amiens.

Minbarra l-kappella fin-naħa tal-Lvant, hemm kappelli żgħar ukoll li jokkupaw iż-żewġ naħat tan-navata u l-angoli tat-transett. It-tiżjin oriġinali ta' dawn il-kappelli ġie sostitwit fis-seklu 18 bit-tiżjin attwali. Kull kappella hija ddedikata lil qaddis partikolari, u hija mżejna b'pitturi kbar sat-twieqi, b'artali, u bi statwi tal-ġebel u tal-injam, kollha tas-seklu 18. Il-kappella huma magħluqa permezz ta' grilji ornamentali tal-ħadid ferrobattut.

Fit-transett tat-Tramuntana, il-Kappella ta' San Pietru tokkupa r-rokna tal-Grigal. Din inħolqot bħala rispons għall-epidemija tal-pesta li nfirxet f'Amiens fl-1667-1668, iżda ma tlestiex qabel l-1709 minn Gilles Oppenord, wieħed mill-pijunieri tal-istil Rokokò.[32]

Fuq in-naħa tal-Lvant tat-transett tat-Tramuntana hemm il-Kappella ta' San Bastjan, magħrufa wkoll bħala l-Kappella tal-Pilastru l-Aħdar. Fuq nett tagħha hemm skultura magħmula minn Nicolas Blasset ta' San Bastjan imdawwar bl-allegoriji tal-Ġustizzja, il-Paċi u San Rokku, li tlestiet fl-1627. Fl-1832, fil-kappella żdiedet skultura ta' San Alwiġi magħmula minn Louis Duthoit.

Mal-ħajt tal-Punent tat-transett tat-Tramuntana hemm erba' xeni b'riljiev għoli li juru lil Kristu jkeċċi lill-merkanti mit-Tempju, u dawn ġew magħmula fl-1523 minn Jean Wytz.

Xogħol bikri ieħor fit-transett huwa r-retablu tal-artal tal-Kappella tal-Madonna tal-Pilastru l-Aħmar, magħmul minn skulturi u pitturi madwar pilastru prinċipali. Dan tlesta fl-1627 minn Nicolas Blasset. Il-pittura tat-Tlugħ is-Sema tal-Madonna (1627) ġiet magħmula minn François Franken, filwaqt li l-iskulturi ta' San Bastjan, il-Madonna, David u Salamun, u Ġuditta u Santa Genevieve ġew magħmula minn Blasset.

It-transett tan-Nofsinhar fih il-Kappella ta' San Pietru u San Pawl, fir-rokna tax-Xlokk, bl-istatwi taż-żewġ qaddisin magħmula minn Jean-Baptiste Michel Dupuis fl-1749. Il-kappella fiha wkoll artal b'pittura tal-Adorazzjoni tal-Maġi mill-bidu tas-seklu 18.[32]

Mal-ħajt tal-Punent tat-transett tan-Nofsinhar hemm grupp ta' riljievi polikromatiċi li juru l-wegħda ta' Ġwanni l-Battista, li ġew magħmula fl-1511.

Il-portal imdawwal fl-ispettaklu tad-dwal li jsir billejl fis-sajf u fil-Fiera Milied.

Difniet u mfakar notevoli

[immodifika | immodifika s-sors]

Biblijografija

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Brisac, Catherine (1994). Le Vitrail (in French). Paris: La Martinière. ISBN 2-73-242117-0.
  • Duvanel, Maurice (1998). La Cathédrale Notre-Dame d'Amiens (bil-Franċiż). Éditions Poire-Choquet. ISBN 2-9502147-5-4.
  • Lours, Mathieu (2018). Dictionnaire des Cathédrales (bil-Franċiż). Editions Jean-Paul Gisserot. ISBN 978-27558-0765-3.
  • Mignon, Olivier (2015). Architecture des Cathédrales Gothiques (bil-Franċiż). Éditions Ouest-France. ISBN 978-2-7373-6535-5.
  • Plagnieux, Philippe (2003). Cathérale Notre Dame d'Amiens (bil-Franċiż). Éditions du Patrimoine, Centre des Monuments Nationaux. ISBN 978-27577-0404-2.
  • Sachy, Jean-Baptiste Maurice de (1770). Histoire des évesques d'Amiens (bil-Franċiż). Abbeville: Veuve de Vérité Libraire.
  • Watkin, David (1986). A History of Western Architecture. Barrie and Jenkins. ISBN 0-7126-1279-3.
  • Dusevel, Hyacinthe (1839). Notice historique et descriptive sur l'église cathédrale d'Amiens (Second ed.). Amiens: Caron, Vitet.
  • Murray, Stephen (1996). Notre Dame, Cathedral of Amiens: The Power of Change in Gothic. Cambridge: Cambridge University Press. ISBN 978-0-521-49735-0.
  • Murray, Stephen (2021). Notre-Dame of Amiens: Life of the Gothic Cathedral. New York: Columbia University Press. ISBN 9780231195768.
  1. ^ "Archbishop Jean-Luc Marie Maurice Louis Bouilleret [Catholic-Hierarchy]". www.catholic-hierarchy.org. Miġbur 2022-08-28.
  2. ^ Watkin 1986, p. 134.
  3. ^ Mignon 2015, p. 28.
  4. ^ Lours, 2018, p. 41.
  5. ^ a b ċ d e Centre, UNESCO World Heritage. "Amiens Cathedral". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-28.
  6. ^ a b Plagnieux 2003, p. 7.
  7. ^ Sachy 1770.
  8. ^ Plagnieux, 2003, p. 9.
  9. ^ Lours, 2018, p. 42.
  10. ^ "NOVA | Building the Great Cathedrals". web.archive.org. 2010-11-03. Arkivjat mill-oriġinal fl-2010-11-03. Miġbur 2022-08-28.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  11. ^ Plagnieux 2003, p. 10.
  12. ^ a b Plagnieux 2003, p. 12.
  13. ^ Plagnieux 2003, p. 93.
  14. ^ "Murray to Give 70th University Lecture". www.columbia.edu. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2022-05-09. Miġbur 2022-08-28.
  15. ^ "Department of Art History & Archaeology". arthistory.columbia.edu. Miġbur 2022-08-28.
  16. ^ Plagnieux 2003, p. 92.
  17. ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Belfries of Belgium and France". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-28.
  18. ^ Plagnieux 2003, p. 23.
  19. ^ "footnotes". web.archive.org. 2011-05-27. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-05-27. Miġbur 2022-08-28.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  20. ^ Plagnieux 2003, p. 16.
  21. ^ Plagnieux 2003, p. 32-33.
  22. ^ Plagnieux 2003, p. 79.
  23. ^ "flying buttress | Definition, Purpose, & Facts | Britannica". www.britannica.com (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-28.
  24. ^ "ARKITETTURA EKKLEŻJASTIKA" (bil-Malti). 2021-07-15. Miġbur 2022-08-28.
  25. ^ Plagnieux 2003, p. 43.
  26. ^ Plagnieux 2003, p. 43.
  27. ^ Plagnieux 2003, p. 47.
  28. ^ a b Plagnieux 2003, p. 62.
  29. ^ Plagnieux 2003, p. 56.
  30. ^ Plagnieux 2003, p. 76.
  31. ^ Plagnieux 2003, p. 45.
  32. ^ a b Plagnieux 2003, p. 72.