Aqbeż għall-kontentut

Katidral ta' Chartres

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Katidral ta' Chartres mill-ġenb

Il-Katidral ta' Chartres, magħruf ukoll bħala l-Katidral tal-Madonna ta' Chartres (bil-Franċiż: Cathédrale Notre-Dame de Chartres), huwa knisja Kattolika Rumana f'Chartres, Franza, madwar 80 km (50 mil) fil-Lbiċ ta' Pariġi, u huwa s-sede tal-Isqof ta' Chartres. Mibni fil-biċċa l-kbira bejn l-1194 u l-1220, jinsab fis-sit fejn kien hemm mill-inqas ħames katidral li okkupaw l-istess sit minn meta d-Djoċesi ta' Chartres ġiet iffurmata bħala sede episkopali fis-seklu 4. Il-katidral huwa mibni bi stil Gotiku Għoli u bi stil Rumanesk.[1]

Il-katidral tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1979 għaliex tqies bħala "l-ogħla punt tal-arti Gotika Franċiża" u "kapulavur".[2]

Il-katidral huwa ppreservat u rrestawrat sew: il-biċċa l-kbira tat-twieqi bil-ħġieġ ikkulurit oriġinali għadhom intatti, filwaqt li l-arkitettura sarulha biss ftit bidliet mill-bidu tas-seklu 13 'l hawn. Minn barra, il-binja hija ddominata minn dniefel (bl-Ingliż: flying buttresses) tqal li permezz tagħhom l-arkitetti setgħu jżidu d-daqs tat-twieqi b'mod sinifikanti, filwaqt li n-naħa tal-Punent hija ddominata minn żewġ spiri differenti – waħda ta' 105 metri (349 pied) b'għamla ta' piramida sempliċi li tlestiet għall-ħabta tal-1160 u oħra Gotika Aħħarija ta' 113-il metru (377 pied) tal-bidu tas-seklu 16 fuq torri iktar antik. Huma notevoli wkoll it-tliet faċċati kbar, kull waħda mżejna b'mijiet ta' figuri skolpiti b'temi u bi ġrajjiet teoloġiċi ewlenin.[3]

Mill-inqas mis-seklu 12, il-katidral kien destinazzjoni importanti għall-vjaġġaturi. Għadu hekk sa llum il-ġurnata, u jattira għadd kbir ta' pellegrini Kristjani; ħafna minnhom jiġu biex iqimu r-relikwa famuża tiegħu, is-Sancta Camisa, li jingħad li kienet il-velu milbus mill-Madonna fit-twelid ta' Kristu; kif ukoll għadd kbir ta' turisti lajċi li jiġu biex jammiraw l-arkitettura u l-mertu storiku tal-katidral.[4]

Il-Madonna Sewda meqjuma fil-katidral ġiet inkurunata b'mod pontifiċju mill-Papa Piju IX fil-31 ta' Mejju 1855.

Il-faċċata ewlenija tal-katidral.

Katidrali iktar bikrin

[immodifika | immodifika s-sors]

Kien hemm mill-inqas ħames katidrali iktar bikrin fl-istess sit tal-katidral attwali, wieħed jissostitwixxi lill-ieħor ta' qablu li jkun inqered b'xi gwerra jew bin-nirien. L-ewwel knisja tmur lura saħansitra għas-seklu 4 u kienet tinsab fil-bażi ta' ħajt Gallo-Ruman; din ingħatat in-nar fis-743 fuq ordni tad-Duka ta' Aquitaine. It-tieni knisja fis-sit ingħatat in-nar minn pirati Daniżi fit-858. Din imbagħad ġiet rikostruwita u mkabbra mill-Isqof Gislebert, iżda nqerdet ukoll min-nirien fl-1020. Il-fdalijiet ta' din il-knisja, issa magħrufa bħala l-Kappella ta' Saint Lubin, għadhom preżenti taħt l-apsida tal-katidral attwali. Ħadet isimiha minn Lubinus, l-Isqof ta' Chartres ta' nofs is-seklu 6. Tinsab iktar fil-baxx mill-kumplament tal-kripta u jaf kienet is-santwarju ta' xi qaddis lokali, qabel ma l-knisja ġiet iddedikata mill-ġdid lill-Madonna.[5]

Fid-962 il-knisja ġarrbet ħsarat minħabba nar ieħor u ġiet rikostruwita għal darb'oħra. Nar ikbar ħa fis-7 ta' Settembru 1020, u mbagħad l-Isqof Fulbert (isqof mill-1006 sal-1028) iddeċieda li jibni katidral ġdid. Huwa appella għall-għajnuna mill-familji rjali tal-Ewropa, u rċieva donazzjonijiet ġenerużi għar-rikostruzzjoni, inkluż rigal minn Kanut il-Kbir, ir-Re tan-Norveġja, tad-Danimarka u tal-biċċa l-kbira tal-Ingilterra. Il-katidral il-ġdid inbena fuq u fl-inħawi tal-fdalijiet tal-knisja tas-seklu 9. Kien jikkonsisti minn ambulatorju madwar il-kappella bikrija, imdawwar bi tliet kappelli kbar b'saqaf Rumanesk bil-volta b'għamla ta' bittija u b'soqfa bil-volti bil-gavdi, li għadhom jeżistu. Fuq din l-istruttura huwa bena l-knisja ta' fuq, twila 108 metri u wiesgħa 34 metru.[6] Ir-rikostruzzjoni kompliet f'fażijiet matul is-seklu ta' wara, u laħqet il-qofol tagħha fl-1145 f'wirja ta' entużjażmu pubbliku mlaqqam il-"Kult tal-Karrettuni" – wieħed minn diversi avvenimenti li ġew irreġistrati f'dak iż-żmien. Intqal li matul dan iż-żmien ta' devozzjoni reliġjuża, folla ta' iktar minn elf penitent ġibdu l-karrettuni mimlija provvisti tal-kostruzzjoni bħal ġebel, injam, qmuħ, eċċ. lejn is-sit.[7]

Fl-1134, nar ieħor fir-raħal wassal għal ħsarat fil-faċċata u fil-kampnar tal-katidral. Il-kostruzzjoni diġà kienet bdiet fit-torri tat-Tramuntana f'nofs is-snin 20 tas-seklu 12[8], u t-torri kien ġie msaqqaf bi spira tal-injam għall-ħabta tal-1142. Is-sit tat-torri tan-Nofsinhar kien okkupat mill-Hotel Dieu li ġarrab ħsarat min-nirien. It-tħaffir għal dak it-torri beda minnufih. Matul il-kostruzzjoni, l-iskulturi għall-Portal Irjali (il-biċċa l-kbira skolpiti qabel) ġew integrati mal-ħitan tat-torri tan-Nofsinhar. L-għamla kwadra tat-torri ġiet mibdula għal ottagonu għall-ispira eżatt wara t-Tieni Kruċjata. It-torri tlesta għall-ħabta tal-1165 u kienet tlaħħaq għoli ta' 105 metri (345 pied), wieħed mill-ogħla fl-Ewropa. Kien hemm narthex bejn it-torrijiet u kappella ddedikata lil San Mikiel. Traċċi tal-volti u tax-xaftijiet li kienu jirfduhom għadhom viżibbli fiż-żewġ niċeċ tal-Punent. Il-ħġieġ ikkulurit fit-tliet twieqi ppuntati fuq il-portali jmur lura għal qabel l-1145. Il-Portal Irjali fil-faċċata tal-Punent, bejn it-torrijiet, li huwa d-daħla primarja tal-katidral, x'aktarx li tlesta xi sena wara l-1140.[9]

Nirien u rikostruzzjoni (1194-1260)

[immodifika | immodifika s-sors]
Pittura tan-nirien tal-1836 li ħakmu l-Katidral ta' Chartres, ta' François-Alexandre Pernot (1837).

Fl-10 ta' Ġunju 1194 billejl, nar kbir ieħor qered il-katidral. Baqgħu jeżistu biss il-kripta, it-torrijiet u l-faċċata l-ġdida. Il-katidral diġà kien magħruf mal-Ewropa kollha bħala destinazzjoni għall-pellegrinaġġi, minħabba r-relikwi tal-Madonna ta' ġo fih. Legat tal-Papa inzerta kien qiegħed f'Chartres meta kien hemm in-nirien, u xerred l-aħbar. Inġabru fondi minn patruni rjali u nobbli mill-Ewropa kollha, kif ukoll donazzjonijiet żgħar mill-popolin. Ir-rikostruzzjoni bdiet kważi mill-ewwel. Xi partijiet tal-binja baqgħu jeżistu, inkluż iż-żewġ torrijiet u l-Portal Irjali fuq in-naħa tal-Punent, u dawn ġew inkorporati fil-katidral il-ġdid.[5]

In-navata, il-korsiji u l-livelli l-baxxi tat-transett tal-katidral il-ġdid x'aktarx li tlestew l-ewwel, imbagħad il-kor u l-kappelli tal-apsida; u fl-aħħar il-partijiet ta' fuq tat-transett. Sal-1220 is-saqaf kien tlesta. Il-partijiet maġġuri tal-katidral il-ġdid, bil-ħġieġ ikkulurit u l-iskulturi, fil-biċċa l-kbira kienu lesti għalkollox fi żmien ħamsa u għoxrin sena biss, li kienet kostruzzjoni tassew rapida għal dak iż-żmien. Il-katidral ġie kkonsagrat mill-ġdid b'mod formali f'Ottubru 1260, fil-preżenza tar-Re Lwiġi IX ta' Franza, u l-istemma tiegħu ġiet impittra fuq id-daħla li twassal għall-apsida.[10]

Modifiki li saru iktar tard (is-sekli 13-18) u l-Inkurunazzjoni ta' Enriku IV ta' Franza

[immodifika | immodifika s-sors]
L-Inkurunazzjoni ta' Enriku IV ta' Franza fil-katidral fis-27 ta' Frar 1594.

Wara dan iż-żmien saru relattivament ftit tibdiliet. Ġew proposti seba' spiri addizzjonali fil-pjanti oriġinali, iżda dawn qatt ma nbnew. Fl-1326, kappella ġdida ta' żewġ sulari, iddedikata lil San Piatus ta' Tournai u bir-relikwi tiegħu, ġiet miżjuda mal-apsida. L-aċċess għas-sular ta' fuq ta' din il-kappella kien permezz ta' taraġ li jagħti għall-ambulatorju. Il-kappella normalment tkun magħluqa għall-viżitaturi, għalkemm okkażjonalment tospita xi wirjiet temporanji. Kappella oħra nfetħet fl-1417 minn Lwiġi, il-Konti ta' Vendôme, li kien inqabad mill-Ingliżi fil-Battalja ta' Agincourt u li ġġieled spalla ma' spalla ma' Ġovanna t'Arc fl-assedju ta' Orléans. Tinsab fil-ħames niċċa tal-korsija tan-Nofsinhar u hija ddedikata lill-Madonna. L-istil Gotiku Aħħari elaborat ħafna tagħha toħloq kuntrast mal-kappelli iktar bikrin.[6]

Fl-1506, is-sajjetti qerdu l-ispira tat-Tramuntana, li reġgħet inbniet bl-istil Gotiku Aħħari mill-1507 sal-1513 mill-arkitett Jean Texier. Wara li lesta l-ispira, huwa beda jibni ħajt diviżorju ġdid fuq ġewwa tal-katidral li kien jissepara l-ispazju tal-kor ċerimonjali min-navata fejn kien joqogħdu bilqiegħda l-fidili.[6]

Fis-27 ta' Frar 1594, ir-Re Enriku IV ta' Franza ġie inkurunat fil-Katidral ta' Chartres, minflok fil-Katidral ta' Reims kif kien isir tradizzjonalment, peress li kemm Pariġi kif ukoll Reims dak iż-żmien kienu okkupati mil-Lega Kattolika. Iċ-ċerimonja saret fil-kor tal-knisja, u mbagħad ir-Re u l-Isqof telgħu mal-ħajt diviżorju biex ikunu jistgħu jarawhom in-nies preżenti fin-navata. Wara ċ-ċerimonja u quddiesa, marru lejn ir-residenza tal-isqof ħdejn il-katidral għal bankett.[11]

Fl-1753, saru iktar modifiki fuq ġewwa tal-katidral biex jiġi adattat għall-prattiki teoloġiċi l-ġodda. Il-pilastri tal-ġebel ġew miksija bl-istukko, u t-tapizzeriji fuq wara tas-sedji ġew sostitwiti b'riljievi tal-irħam. Il-ħajt diviżorju li kien jissepara l-kor liturġiku min-navata tneħħa u nbnew is-sedji attwali minfloku. Fl-istess żmien, xi ħġieġ ikkulurit fil-klerestorju tneħħa u ġie sostitwit bi ħġieġ grisaille, u b'hekk żdied ferm id-dawl fuq l-artal maġġuri fiċ-ċentru tal-knisja.[6]

Rivoluzzjoni Franċiża u seklu 19

[immodifika | immodifika s-sors]
L-ispazju intern tas-saqaf tal-katidral magħruf bħala charpente de fer, li nbena għall-ħabta tal-1840.

Fil-bidu tar-Rivoluzzjoni Franċiża kien hemm attakk fuq il-katidral li beda jeqred l-iskulturi mal-portal tat-Tramuntana, iżda twaqqaf minn folla kbira ta' ċittadini ta' Chartres. Il-Kumitat Rivoluzzjonarju lokali ddeċieda li jeqred il-katidral permezz ta' splussivi u staqsa lil arkitett lokali biex isib l-aqwa post fejn kellhom jitpoġġew l-isplussivi. Huwa salva l-binja billi indika li l-ammont kbir ta' radam mit-tiġrif tal-binja tant kien jibblokka t-toroq li kienu jdumu s-snin biex ineħħuh. Il-katidral, bħall-Katidral tal-Madonna ta' Pariġi u katidrali maġġuri oħra, sar proprjetà tal-istat Franċiż u ċ-ċerimonji ta' qima ġo fih twaqqfu sa żmien Napuljun, iżda ma ġarrabx iktar ħsarat.

Fl-1836, minħabba t-traskuraġni tal-ħaddiema, qabad nar li qered is-saqaf tal-injam miksi biċ-ċomb u ż-żewġ kampnari, iżda l-istruttura tal-binja u l-ħġieġ ikkulurit baqgħu intatti. Is-saqaf l-antik ġie ssostitwit minn saqaf miksi bir-ram fuq qafas tal-ħadid. Dak iż-żmien, il-qafas fuq it-transett kien l-ikbar wieħed fl-Ewropa.[6]

Tieni Gwerra Dinjija

[immodifika | immodifika s-sors]

Fi Franza, it-Tieni Gwerra Dinjija kienet battalja bejn l-Alleati u l-Ġermaniżi. F'Lulju 1944, il-Brittaniċi u l-Kanadiżi sabu ruħhom imrażżna lejn in-Nofsinhar ta' Caen. L-Amerikani u l-ħames diviżjonijiet tagħhom ippjanaw rotta alternattiva lejn il-Ġermaniżi. Filwaqt li xi Amerikani marru lejn il-Punent u n-Nofsinhar, oħrajn sabu ruħhom maqbuda f'attakk fil-Lvant ta' Caen li wassalhom wara t-trunċiera tal-front tal-forzi Ġermaniżi. Hitler ordna lill-Kummissarju Ġermaniż Kluge biex javvanza lejn il-Punent biex iwaqqaf lill-Amerikani. Dan fl-aħħar mill-aħħar wassal biex l-Alleati jidħlu f'Chartres f'nofs Awwissu 1944.[12]

Fis-16 ta' Awwissu 1944, il-katidral ġie salvat mill-qerda bis-saħħa tal-kurunell Amerikan Welborn Barton Griffith Jr. (1901-1944), li mar kontra l-ordni li ngħata biex jimmira l-attakk tiegħu lejn il-katidral. L-Amerikani kienu jemmnu li l-ispiri u l-kampnari kienu qed jintużaw bħala postijiet ta' osservazzjoni għall-artillerija Ġermaniża.[13]

Griffith, akkumpanjat minn suldat voluntier, minflok iddeċieda li jmur u jivverifika jekk il-Ġermaniżi kinux tassew qed jużaw il-katidral b'dak il-mod. Griffith sab li l-katidral kien vojt, u b'hekk ordna li l-qniepen tal-katidral jindaqqu bħala sinjal għall-Amerikani biex ma jisparawx. Malli sema' l-qniepen, il-kmand Amerikan neħħa l-ordni ta' sparar. Il-Kurunell Griffith miet fil-ġlied dakinhar stess fir-raħal ta' Lèves, qrib Chartres. Wara mewtu ngħata l-Croix de Guerre avec Palme (Salib tal-Gwerra bil-Palm 1939-1945), il-Légion d'Honneur (Leġjun tal-Unur) u l-Ordre National du Mérite (Ordni Nazzjonali tal-Mertu) tal-gvern Franċiż kif ukoll is-Salib tas-Servizz Distint tal-gvern Amerikan.[14]

Restawr fl-2009

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-2009, id-diviżjoni tal-Monuments Historiques tal-Ministeru Franċiż għall-Kultura beda programm ta' xogħlijiet fuq il-katidral li sewa $18.5-il miljun, bit-tindif fuq ġewwa u fuq barra tal-katidral, il-protezzjoni tal-ħġieġ ikkulurit b'kisja protettiva, u t-tindif u t-tibjid fuq ġewwa b'kulur bajdani b'dettalji ta' trompe-l'œil taparsi rħam u ndurar, kif x'aktarx kienet id-dehra tal-katidral minn ġewwa fis-seklu 13. Dan kien ħoloq kontroversja sħiħa.

Il-katidral huwa s-sede tal-Isqof ta' Chartres tad-Djoċesi ta' Chartres. Id-djoċesi hija parti mill-provinċja ekkleżjastika ta' Tours.

Kull filgħaxija mill-avvenimenti tal-11 ta' Settembru 2001, jiġu kantati vespri mill-Komunità ta' Chemin Neuf.

  • 743 - L-ewwel darba li l-Katidral ta' Chartres issemma f'test.[15]
  • Għall-ħabta tat-876 - Karlu l-Fartas ta relikwa sagra importanti lill-katidral, il-velu tal-Madonna, u b'hekk il-katidral sar destinazzjoni importanti għall-pellegrinaġġi.
  • 1020 - In-nirien jaħkmu lill-katidral. L-Isqof Fulbert jibda r-rikostruzzjoni.[16]
  • 1030 - Katidral ġdid iddedikat lill-Isqof Thierry, is-suċċessur ta' Fulbert.
  • 1134 - Il-kostruzzjoni tal-portal irjali.
  • 1170 - It-tlestija tat-torri tal-kampnar tan-Nofsinhar.
  • 1194 – In-nirien jeqerdu l-biċċa l-kbira tal-belt u parti kbira mill-katidral, iżda l-kripta u l-faċċata l-ġdida jibqgħu intatti. Il-ġbir tal-fondi u r-rikostruzzjoni jibdew minnufih.
  • 1221 - Jitlestew il-volti l-ġodda. Il-kleru jieħu s-sjieda tal-kor il-ġdid.
  • 1210-1250 - Installazzjoni maġġuri ta' twieqi bil-ħġieġ ikkulurit fil-kor u fin-navata.
  • 1260 - Il-konsagrazzjoni tal-katidral il-ġdid fil-preżenza ta' Lwiġi IX (San Lwiġi). Inbena saqaf fuq ix-chevet, it-transett u n-navata.
  • 1270-1280 - It-tlestija tas-sagristija.
  • 1324-1353 - Il-kostruzzjoni tal-Kappella ta' San Piatus.
  • 1417 - It-tlestija tal-Kappella tal-Annunzjata.
  • 1507-1513 - It-torri tat-Tramuntana jġarrab ħsarat min-nirien u jinbena mill-ġdid bi stil Gotiku Aħħari.
  • 1513 - Jibda x-xogħol fuq it-torri tal-kor minn Jehan de Beuce.
  • 1520- Il-loġġa tat-torri tal-arloġġ tibda tinbena fuq in-naħa tat-Tramuntana.
  • 1594 - Peress li l-Katidral ta' Reims kien okkupat mil-Lega Kattolika, l-Inkurunazzjoni ta' Enriku IV ta' Franza ssir fil-Katidral ta' Chartres.
  • 1789 - Wara r-Rivoluzzjoni Franċiża, il-proprjetà tal-knisja nħatfet u l-qima Kattolika ġiet ipprojbita.
  • 1792- It-teżor tal-katidral ġie kkonfiskat mill-gvern rivoluzzjonarju.
  • 1802 - Il-knisja reġgħet bdiet tintuża b'mod esklużiv bħala Knisja Kattolika.
  • 1805 - Jibda r-restawr tal-knisja.
  • 1836 - In-nirien jeqirdu x-xorok tas-saqaf u s-saqaf inġenerali. Dawn jiġu sostitwiti bi struttura tal-metall u b'saqaf tar-ram.
  • 1840 - Il-katidral ġie kklassifikat bħala monument storiku nazzjonali.
  • 1857 - It-tlestija ta' Notre-Dame-du-Pilier.
  • 1908 - Il-katidral jingħata status ta' bażilika.
  • 1979 - Il-katidral tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2]
  • 1992 - Jiġi installat artal maġġuri ġdid fil-kor mill-iskultur Franċiż-Georgjan Goudji.
  • 1994 - Il-katidral jiċċelebra t-800 anniversarju mill-ewwel rikostruzzjoni.
  • 2009 - Kampanja ġdid ta' restawr, inkluż it-tindif u t-tibjid tal-ħitan bil-kuluri ċari u bl-atmosfera oriġinali.[17]
  • Tul: 130 metru (430 pied)
  • Wisa': 32 metru (105 pied) / 46 metru (151 pied)
  • Navata: għolja 37 metru (121 pied); wiesgħa 16.4-il metru (54 pied)
  • Erja: 10,875 metru kwadru (117,060 pied kwadru)
  • Għoli tat-torri tal-Lbiċ: 105 metri (344 pied)
  • Għoli tat-torri tal-Majjistral: 113-il metru (371 pied)
  • 176 tieqa bil-ħġieġ ikkulurit
  • Kor: 200 statwa f'41 xena

Pjanta u elevazzjoni – dniefel

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-pjanta, bħal f'katidrali Gotiċi oħra, għandha għamla ta' salib u ġiet iddeterminata mill-għamla u mid-daqs tal-fdalijiet tal-pedamenti tal-katidral Rumanesk tas-seklu 11 li jinsabu taħtu. Narthex b'żewġ niċeċ fin-naħa tal-Punent tiftaħ f'navata b'seba' niċeċ li twassal sat-transett ewlieni, u minnu transetti wesgħin jestendu fi tliet niċeċ fuq kull naħa fit-Tramuntana u fin-Nofsinhar. Fil-Lvant tat-transett ewlieni hemm erba' niċeċ rettangolari magħluqa b'apsida semiċirkolari. Maġenb in-navata u t-transetti hemm korsiji uniċi, li jitwessgħu f'ambulatorju b'żewġ korsiji madwar il-kor u l-apsida. Mill-ambulatorju joħorġu tliet kappelli semiċirkolari fondi (fuq il-kappelli fondi tal-kripta tal-Isqof Fulbert tas-seklu 11).[18]

Filwaqt li l-pjanta tal-katidral kienet tradizzjonali, l-elevazzjoni tiegħu kienet tispikka iktar u kienet iktar oriġinali, bis-saħħa tal-użu tad-dniefel biex jirfdu l-ħitan ta' fuq. Dan kien l-ewwel użu magħruf tagħhom f'katidral Gotiku. Dawn il-kolonni tqal tal-ġebel ġew ikkollegati mal-ħitan permezz ta' ħnejjiet doppji tal-ġebel, u msaħħa permezz ta' kolonni, bħall-imgħażel ta' rota. Kull waħda minn dawn il-kolonni hija magħmula minn blokka waħda tal-ġebel. Il-ħnejjiet jagħfsu mal-ħitan, u joħolqu kontrobilanċ fil-konfront tal-forza 'l barra mill-volti fuq ġewwa tal-katidral. Dawn il-volti kienu innovattivi wkoll, peress li kellhom erba' kompartimenti biss, għad-differenza tal-volti b'sitt kompartimenti tal-knejjes Gotiċi iktar bikrin. Kienu eħfef u setgħu jaqsmu distanza ikbar. Peress li d-dniefel kienu sperimentali, l-arkitett bi prudenza żieda dniefel addizzjonali moħbija taħt is-soqfa tal-korsiji.[18]

L-elevazzjonijiet tal-katidrali Gotiċi iktar bikrin normalment kellhom erba' livelli biex ikollhom solidità; arkata ta' kolonni kbar tul il-pjanta, li tappoġġa gallerija jew tribuna wiesgħa bil-ħnejjiet, taħt triforju b'arkata idjaq; imbagħad, taħt is-saqaf, mal-ħitan ogħla u irqaq, jew il-klerestorju, kien hemm it-twieqi. Bis-saħħa tad-dniefel, l-arkitetti tal-Katidral ta' Chartres setgħu jeliminaw il-gallerija għalkollox, jagħmlu t-triforju dejjaq ħafna, u jkollhom ħafna iktar spazju għat-twieqi ta' fuq. Il-Katidral ta' Chartres ma kienx l-ewwel katidral fejn intużat din l-innovazzjoni, iżda fih intużat b'mod ferm iktar konsistenti u effettiv. Din it-tip ta' pjanta bid-dniefel ġiet adottata mill-katidrali maġġuri tas-seklu 13, b'mod partikolari l-Katidral ta' Amiens u l-Katidral ta' Reims.[18]

Innovazzjoni arkitettonika oħra fil-Katidral ta' Chartres kienet id-disinn tal-pilastri prinċipali enormi li jirfdu l-piż tas-saqaf permezz tal-kompartimenti rqaq tal-ġebel tal-volti ta' fuq. Il-piż tas-saqaf jinġarr mill-kompartimenti rqaq tal-ġebel tal-volti 'l barra lejn il-ħitan, fejn jiġi kontrobbilanċjat mid-dniefel, u 'l isfel, l-ewwel mill-kolonni kkollegati flimkien mill-kompartimenti tal-volta, imbagħad mill-pilastri tondi u ottagonali magħmula minn erba' nofs kolonni magħqudin flimkien. Dan id-disinn tal-pilastri, magħruf bħala pilier cantonné, kien b'saħħtu, sempliċi u eleganti, u kien jippermetti l-użu ta' twieqi kbar bil-ħġieġ ikkulurit fil-klerestorju.

Għalkemm l-iskulturi mal-portali tal-Katidral ta' Chartres ġeneralment huma ta' standard għoli, id-diversi elementi mnaqqxa fuq ġewwa, bħall-kapitelli u tiżjin ieħor, għandhom lavur pjuttost batut (meta mqabbel pereżempju ma' dawk tal-Katidrali ta' Reims jew ta' Soissons) – ir-raġuni hija sempliċementi li l-portali ġew imnaqqxa bl-ifjen ġebla tal-ġir ta' Pariġi, filwaqt li l-kapitelli fuq ġewwa ġew imnaqqxa mill-ġebla lokali ta' Berchères, li hija iebsa biex tinħadem u tista' tkun dgħajfa.[18]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Katidral ta' Chartres ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1979 u fl-2009 saret modifika minuri fiż-żona ta' lqugħ tas-sit.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[2]

  1. ^ "Cathédrale de Chartres - Site officiel". Cathédrale de Chartres (bil-Franċiż). Miġbur 2022-09-06.
  2. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Chartres Cathedral". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-06.
  3. ^ "Chartres". Tours de la cathédrale de Chartres (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-06.
  4. ^ "Memoire". www2.culture.gouv.fr.
  5. ^ a b Jan van der Meulen, Notre-Dame de Chartres: Die vorromanische Ostanlage, Berlin, 1975.
  6. ^ a b ċ d e Houvet, Étienne. Chartres Guide of the Cathedral (2019), pp. 12-13.
  7. ^ Honour, H. u Fleming, J. The Visual Arts: A History, 7th ed., Saddle River, New Jersey: Pearson Prentice Hall, 2005.
  8. ^ Philippe Debaud, ' 'Les Maitres Tailleurs de Pierre de la Cathédrale de Chartres, leurs marques identitaires dans les chantiers du XIIème siècle' ', mhux ippubblikat, 2021.
  9. ^ John James, La construction du narthex de la cathédrale de Chartres, Bulletin de la Société Archéologique d’Eure-et-Loir, lxxxvii 2006, 3–20. In Search of the unknown in medieval architecture, 2007, Pindar Press, Londra.
  10. ^ Favier, Jean. The World of Chartres. New York: Henry N. Abrams, 1990. p. 160. ISBN 978-0-8109-1796-5.
  11. ^ Prache u Jouanneaux (2000), p. 94
  12. ^ Footitt, Hilary. (1988). France: 1943-1945. Homes & Meier. ISBN 0841911754.
  13. ^ "A Short History of the Cathédrale Notre-Dame de Chartres, France". francetravelplanner.com. Miġbur 2022-09-07.
  14. ^ "Welborn Griffith - Recipient -". valor.militarytimes.com (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-07.
  15. ^ Prache u Jouanneaux, Chartres - la Cathédrale Notre Dame, (2000), Centre des Monuments Nationaux, Éditions du Patrimoine, p. 94.
  16. ^ Lours, Dictionnaire des Cathédrales (2018), p. 131.
  17. ^ "Let there be light? Chartres Cathedral caught in clean-up row". The Independent (bl-Ingliż). 2015-10-23. Miġbur 2022-09-07.
  18. ^ a b ċ d Houvet (2019) p. 20.