Aqbeż għall-kontentut

Katidral ta' Reims

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-faċċata tal-Katidral ta' Reims.

Il-Katidral ta' Reims (bil-Franċiż magħruf uffiċjalment bħala Notre-Dame de Reim; pronunzjata [nɔtʁə dam də ʁɛ̃s]; li tfisser il-"Madonna ta' Reims") huwa katidral Kattoliku Ruman fil-belt Franċiża ta' Reims, is-sede arċiveskovali tal-Arċidjoċesi ta' Reims. Il-katidral ġie ddedikat lill-Madonna u kien il-post tradizzjonali għall-inkurunament tar-rejiet ta' Franza.

Huwa maħsub li l-katidral ġie stabbilit mill-isqof Nicasius fil-bidu tas-seklu 5. Clovis ġie mgħammed bħala Kristjan fil-katidral minn San Remigius, l-isqof ta' Reims, madwar seklu wara. Huwa kien l-ewwel re tal-Franki li ngħata dan is-sagrament. Il-kostruzzjoni tal-Katidral ta' Reims attwali beda fis-seklu 13 u ġie konkluż fis-seklu 14. Bħala eżempju prominenti ta' arkitettura Gotika Aħħarija, il-katidral inbena biex jissostitwixxi knisja preċedenti li nqerdet min-nirien fl-1210. Għalkemm ġarrab ftit ħsarat matul ir-Rivoluzzjoni Franċiża, il-katidral attwali sarlu restawr estensiv fis-seklu 19. Ġarrab ħsarat estensivi matul l-Ewwel Gwerra Dinjija u l-knisja ġiet restawrata mill-ġdid fis-seklu 20.

Mil-liġi tal-1905 dwar is-separazzjoni tal-knisja u l-istat, is-sjieda tal-katidral għaddiet għand l-istat Franċiż, filwaqt li l-knisja Kattolika għandha ftehim għall-użu esklużiv. L-istat Franċiż iħallas għar-restawr u għaż-żamma tal-katidral.[1] Il-katidral bħala destinazzjoni turistika ewlenija jilqa' madwar miljun viżitatur kull sena. Ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1991.[2]

Seklu 5 – Katidral Merovinġjan

[immodifika | immodifika s-sors]

L-insedjament ta' tribù ta' Galli msejħa r-Remes, imsejjaħ Durocortorum, kien ġie rreġistrat minn Ġulju Ċesri fir-rakkonti tiegħu dwar il-Gwerer Galliċi.[3] Matul l-Imperu Ruman Aħħari, sar il-belt kapitali ta' provinċja estiża sad-delta tax-xmara Renu, u fis-seklu 3 W.K. kienet il-belt kapitali tal-provinċja Rumana magħrufa bħala t-Tieni Belġju. L-ewwel knisja Kristjana hemmhekk ġiet stabbilita mill-ewwel isqof, San Sestu ta' Reims bejn il-250 u t-300 W.K.

Fil-bidu tas-seklu 5, fil-perjodu Merovinġjan, l-Isqof Nicasius ittrasferixxa l-katidral lejn il-post attwali tiegħu, li huwa s-sit li qabel kien okkupat mill-banju Gallo-Ruman mibni mill-Imperatur Kostantinu.[4][5] Il-knisja l-ġdida ġiet iddedikata lill-Madonna, qabel id-deċiżjoni tal-Kunsill ta' Efesu fl-431 li stabbilixxa l-istatus imsaħħaħ tagħha.[6] Il-katidral il-ġdid, bil-pjanta ta' għamla kwadra fuq barra u ċirkolari fuq ġewwa[7][8], kien bejn wieħed u ieħor 20 metru (66 pied) b'55 metru (180 pied). Fis-snin 90 tas-seklu 20, il-Battisterju ta' din il-knisja Merovinġjana oriġinali, eżatt taħt il-katidral attwali, ġie skavat u nstabu frammenti tal-istruttura antika.[9]

Clovis I, ir-Re tal-Franki, ġie mgħammed hemmhekk għall-ħabta tal-496 W.K. minn San Remiġju (magħruf ukoll bħala San Remi). Dan kien l-avveniment li ispira t-tradizzjoni twila ta' inkurunamenti rjali f'Reims.[10][11][12]

Seklu 9 – Katidral Karolinġju

[immodifika | immodifika s-sors]

Fit-816, Lwiġi d-Devot, ir-Re tal-Franki u Imperatur tal-Imperu Ruman Sagru, ġie inkurunat f'Reims mill-Papa Stiefnu IV. L-inkurunament u ċ-ċelebrazzjonijiet li saru wara ħarġu fid-dieher il-kundizzjoni batuta u d-daqs mhux adegwat tal-katidral bikri. Mill-bidu ta' bejn wieħed u ieħor it-818, l-arċisqof Ebbo u l-arkitett irjali Rumaud bdew jibnu knisja ferm ikbar fl-istess post, u użaw il-ġebel mis-swar antiki tal-belt.[13]

Ix-xogħol ġie interrott fit-835, u mbagħad reġa' kompla taħt arċisqof ġdid, Hincmar, bl-appoġġ tal-Imperatur Karlu l-Fartas. Il-knisja fuq ġewwa ġiet imżejna bl-indurar, bil-mużajk, bil-pitturi, bl-iskulturi u bit-tapizzeriji. Fit-18 ta' Ottubru 862, fil-preżenza tal-Imperatur, Hincmar iddedika l-knisja l-ġdida, li kienet kbira 86 metru (282 pied) u kellha żewġ transetti.[14]

Fil-bidu tas-seklu 10, ġiet skoperta mill-ġdid kripta antika taħt il-knisja oriġinali. Taħt l-arċisqof Heriveus, il-kripta (li kienet iċ-ċentru inizjali tal-knejjes preċedenti li nbnew fuqha) ġiet ikklirjata, rinnovata, u mbagħad iddedikata mill-ġdid lill-qaddis isqof Remiġju. L-artal tal-katidral għadu fl-istess post, eżatt fuq il-kripta, bħal dawn l-aħħar 15-il seklu.[15]

Mill-bidu tad-976, l-arċisqof Adalbero beda jkabbar il-katidral Karolinġju. L-istoriku Richerus, student ta' Adalbero, jagħti deskrizzjoni preċiża ħafna tax-xogħol li twettaq mill-arċisqof:

"Huwa qered għalkollox l-arkati, estiżi mid-daħla sa kważi kwart tal-bażilika, sa fuq nett, biex il-knisja kollha, imsebbħa, tikseb iktar kobor u għamla iktar adattata (...). Huwa żejjen l-artal prinċipali tal-kurċifiss tad-deheb u ħaddnu f'qisha kannizzata tleqq (...). Huwa dawwal l-istess knisja bi twieqi bi ġrajjiet differenti fuqhom u taha qniepen li kienu jdoqqu qishom ragħad". — Richerus ta' Reims.[16]

Il-prestiġju tal-Ampulla Sagra, il-vjala sagra mimlija bil-mirra li biha ġew midluka r-Rejiet Franċiża, il-fatt li Clovis I kien ġie mgħammed hemmhekk, u l-poter politiku tal-arċisqof ta' Reims wassal biex Reims issir il-post regolari fejn isir l-inkurunament tal-monarka Franċiż. Enriku I ta' Franza ġie inkurunat f'Reims fl-1027, u dan stabbilixxa t-tradizzjoni. Ir-Rejiet futuri kollha ta' Franza għajr seba' minnhom ġew inkurunati f'Reims. Barra minn hekk, il-katidral ospita ċerimonji rjali oħra wkoll. Fid-19 ta' Mejju 1051, Enriku I ta' Franza u Anna ta' Kiev iżżewġu fil-katidral.[17] Fl-1131 filwaqt li kien qed iwettaq il-Kunsill ta' Reims, il-Papa Innoċenti II dilek bil-mirra u inkuruna lil Lwiġi VII, iben ir-re renjanti Lwiġi VI, fil-katidral.[18][19]

Seklu 12 – Katidral Gotiku Bikri

[immodifika | immodifika s-sors]

Sas-seklu 12, il-katidral Karolinġju ġie meqjus żgħir wisq għall-ambizzjonijiet tal-Arċisqof, Sansun ta' Mauvoisin (1140-1160). Huwa ppreserva n-navata u t-transett eżistenti iżda reġa' bena u kabbar iż-żewġ trufijiet tal-katidral.[20] Huwa ġarraf il-faċċata tal-Punent u t-torri mehmuż sabiex jibni par torrijiet maġenb xulxin, simili għal dawk tal-Abbazija Rjali ta' Saint Denis barra Pariġi, u kien iddedika kor lill-Arċisqof Sansun innifsu xi ftit snin ilu. Il-knisja l-ġdida kienet itwal mill-katidral l-antik, b'tul ta' 110 metru (360 pied). Fuq in-naħa tal-Lvant, huwa ħoloq kor ikbar u ambulatorju, kif ukoll ċirku ta' kappelli radjanti.[21] Fi tmiem is-seklu, in-navata u t-transett kienu għadhom bl-istil Karolinġju filwaqt li l-apsida u l-faċċata kienu bl-istil Gotiku Bikri.[22]

Sekli 13-14 – Katidral Gotiku Aħħari

[immodifika | immodifika s-sors]

Fis-6 ta' Mejju 1210[23][24], il-katidral Gotiku Bikri Karolinġju nqered min-nirien, allegatament minħabba "traskuraġni". Sena eżatt wara, l-arċisqof Aubrey poġġa l-ewwel ġebla tal-apsida b'ambulatorju tal-katidral il-ġdid. Ix-xogħol fuq il-katidral il-ġdid sar b'ħeffa eċċezzjonali, minħabba li l-Katidral ta' Reims kien wieħed mill-ewwel binjiet fejn intuża ġebel u materjal ieħor b'daqsijiet standardizzati, biex b'hekk kull ġebla ma kellhiex għalfejn toqgħod tinqata' skont il-bżonn. F'Lulju 1221, il-kappella fit-tarf tal-Lvant tal-katidral bdiet tintuża. Fl-1230 beda x-xogħol fuq il-faċċata tal-Punent, u dan jindika li n-navata kienet kważi kompluta.[25]

Wara bidu mgħaġġel, ix-xogħol ġie mdewwem bejn l-1233 u l-1236 minħabba kunflitt serju bejn il-kleru tal-katidral u l-klassi l-għolja sinjura tal-belt. Madankollu, fl-1241, il-membri tal-kleru setgħu jiltaqgħu fil-kor, u dan juri li l-volti tal-apsida u l-ħames l-aħħar traversi tan-navata fil-Lvant, fejn kien hemm is-sedji, kienu tlestew.[26]

In-naħa tal-Punent inbniet iktar bil-mod. Ix-xogħol fuq il-faċċata tal-Punent ma bediex qabel l-1252, u l-portali ma tlestewx qabel l-1260. Minn hemm 'il quddiem ix-xogħol mexa mill-Punent għal-Lvant, bit-tlestija tan-navata; is-sular tar-rużuni tlesta għall-ħabta tal-1275-1280. Is-saqaf tan-navata u l-galleriji ta' fuq tlestew fl-1299.[27]

Ix-xogħol twettaq minn erba' arkitetti wara xulxin sat-tlestija tax-xogħol strutturali tal-katidral fl-1275: Jean d'Orbais, Jean-le-Loup, Gaucher de Reims u Bernard de Soissons. Iżda l-katidral kien għadu ma tlestiex. Il-Gallerija tar-Rejiet fil-faċċata tal-Punent, u t-torrijiet ottagonali ta' fuq ma tlestewx qabel is-snin 60 tas-seklu 15. Spira għolja ħafna tal-injam u taċ-ċomb inbniet fuq it-transett, iżda nqered min-nirien fl-1481 minħabba n-negliġenza tal-ħaddiema. L-aħħar xogħlijiet li tlestew kienu fil-galleriji ta' fuq tan-navata, li tlestew fl-1505. Dawn tant kienu swew flus li l-kumplament tal-proġetti ppjanati, inkluż kampnar għoli 170 metru fuq it-transett, spiri fuq il-faċċata tal-Punent u t-torrijiet ippjanati ta' fuq maġenb it-transett, qatt ma nbnew.[27]

L-inkurunament ta' Karlu VII fl-1429 immarka żvolta fil-Gwerra ta' Mitt Sena, minħabba parzjalment l-azzjonijiet ta' Ġovanna t'Arc. Fil-Katidral ta' Reims tiġi mfakkra b'saħansitra żewġ statwi: statwa riekba żiemel fuq barra tal-knisja u oħra fi ħdan il-knisja. Minn rekords fid-dokumenti jidher ċar li l-akkwist tal-art fil-Punent tas-sit tal-katidral sar fl-1218, u ġie ssuġġerit li l-katidral il-ġdid kien sostanzjalment ikbar minn dawk ta' qablu. X'aktarx li t-tkabbir tan-navata kienet adattament li sar biex ikun hemm iktar spazju għall-folol li kienu jattendu l-inkurunamenti.[28] Fl-1233 diżgwid li dam għaddej bejn il-kleru u ċ-ċittadini tal-belt (rigward kwistjonijiet marbuta mat-tassazzjoni u mal-ġurisdizzjoni legali) spiċċa saħansitra f'rewwixta fil-beraħ.[29] Diversi membri tal-kleru nqatlu jew indarbu matul il-vjolenza li faqqgħet u l-kleru kollu tal-katidral ħarab mill-belt, u ħallih b'interdett (li effettivament ipprojbixxa l-qima pubblika u s-sagramenti). Ix-xogħol fuq il-katidral il-ġdid ġie sospiż għal tliet snin, u kompla biss fl-1236 wara li l-kleru reġa' lura fil-belt u l-interdett tneħħa wara medjazzjoni mir-re u mill-Papa. Il-kostruzzjoni mbagħad saret ferm iktar bil-mod. Iż-żona mis-salib tal-pjanta lejn il-Lvant kien qed jintuża mill-1241 iżda n-navata ma ġietx imsaqqfa qabel l-1299 (meta r-re Franċiż neħħa t-taxxa fuq iċ-ċomb użat għal dak l-iskop). Ix-xogħol fuq il-faċċata tal-Punent twettaq f'diversi fażijiet, u dan huwa rifless fl-istili differenti ħafna ta' wħud mill-iskulturi. Il-partijiet ta' fuq tal-faċċata tlestew fis-seklu 14, iżda milli jidher skont disinni tas-seklu 13, u b'hekk il-Katidral ta' Reims ingħata unità mhux tas-soltu fl-istil.[30]

Għad-differenza tas-soltu, l-ismijiet tal-arkitetti oriġinali tal-katidral huma magħrufa. Labirint mibni fl-art tan-navata fil-mument tal-kostruzzjoni jew ftit wara (simili għal eżempji fil-Katidral ta' Chartres u fil-Katidral ta' Amiens) kien jinkludi l-ismijiet tal-erba' arkitetti (Jean d'Orbais, Jean-le-Loup, Gaucher de Reims u Bernard de Soissons) u l-għadd ta' snin li ħadmu fuq il-katidral, għalkemm l-istoriċi tal-arti ma jaqblux dwar min kien responsabbli għall-partijiet differenti tal-binja. Il-labirint innifsu nqered fl-1779 iżda d-dettalji u l-kitbiet tiegħu huma magħrufa minn tpinġijiet tas-seklu 18. L-assoċjazzjoni ċara hawnhekk bejn labirint u l-arkitetti tal-katidral issostni l-argument li tali disinni kienu allużjoni għall-istatus emerġenti tal-arkitetti (minkejja l-assoċjazzjoni tagħhom mal-arkitett mitiku Dedalu, li bena l-labirint ta' Minos f'Kreta). Il-katidral fih ukoll evidenza ulterjuri taż-żieda fl-importanza tal-istatus tal-arkitetti fil-qabar ta' Hugues Libergier (li miet fl-1268 u li kien l-arkitett tal-Knisja ta' San Nicaise ta' Reims li nqerdet). Mhux talli jingħata ġieħ b'lapida mnaqqxa fil-katidral, talli jidher ukoll b'minjatura tal-knisja tiegħu (unur li fl-imgħoddi kien irriżervat għad-donaturi nobbli) u liebes ilbies ta' akkademiku li jixraq lil intellettwali.[31]

It-torrijiet, għoljin 81 metru (266 pied), oriġinarjament kienu ġew iddisinjati biex ikunu għoljin 120 metru (390 pied). It-torri tan-Nofsinhar jesa' żewġ qniepen kbar biss; waħda minnhom, imsejħa "Charlotte" minn Karlu, il-Kardinal ta' Lorraine fl-1570, tiżen iktar minn 10,000 kilogramma (10 tunnellati).

Wara l-mewt tar-Re Ġwanni I li kien għadu tarbija, zijih Filippu malajr ġie inkurunat f'Reims, fid-9 ta' Jannar 1317.[32]

Matul il-kampanja militari ta' Reims tal-Gwerra ta' Mitt Sena, il-belt kienet taħt assedju mill-Ingliżi mill-1359 sal-1360, iżda l-assedju ma rnexxiex.[33] Fl-1380, il-Katidral ta' Reims kien il-post fejn sar l-inkurunament ta' Karlu VI, u tmien snin wara Karlu sejjaħ kunsill f'Reims fl-1388 biex personalment jieħu l-kontroll mid-diversi zijiet tiegħu.[34] Wara li Enriku V tal-Ingilterra rebaħ kontra l-armata ta' Karlu VI fil-Battalja ta' Agincourt, Reims flimkien mal-biċċa l-kbira tat-Tramuntana ta' Franza spiċċat f'idejn l-Ingliżi.[35] L-Ingliżi żammew lil Reims u l-katidral tagħha sal-1429, meta mbagħad inqabdet minn Ġovanna t'Arc, u b'hekk Karlu d-dauphin ġie inkurunat re fis-17 ta' Lulju 1429.[36] Wara l-mewt ta' Francis I, Enriku II ġie inkurunat Re ta' Franza fil-25 ta' Lulju 1547 fil-Katidral ta' Reims.[37]

Fl-24 ta' Lulju 1481, reġa' kien hemm nirien ikkawżati min-negliġenza tal-ħaddiema fis-saqaf li ħakmu l-istruttura, u kkawżaw il-qerda tal-qafas, tal-kampnar ċentrali, u tal-galleriji fil-bażi tas-saqaf, u minħabba f'hekk iċ-ċomb tas-saqaf dab, u kkawża iktar danni. Madankollu, l-irkupru sar malajr permezz tar-rejiet Karlu VIII u Lwiġi XII li għamlu donazzjonijiet għar-rikostruzzjoni tal-katidral. B'mod partikolari, eżentaw il-katidral fir-rigward tat-taxxa mhux popolari ta' Gabelle. Bħala ringrazzjament, is-saqaf il-ġdid ġie mżejjen bl-istemma rjali tal-fleur-de-lis "fil-quċċata tal-faċċata". Madankollu, dan ix-xogħol ġie sospiż qabel it-tlestija fl-1516.[38]

Fis-seklu 18 saret l-ewwel rikostruzzjoni kbira fuq ġewwa tal-katidral. Bejn l-1741 u l-1749, it-twieqi t'isfel u l-għamara Medjevali, l-artal prinċipali, is-sedji tal-kor, u l-ħajt diviżorju tal-kor kollha ġew sostitwiti b'għamara li ssegwi iktar ir-rekwiżiti teoloġiċi u l-gosti ta' dak iż-żmien. L-iskulturi tal-portali ġew irrestawrati wkoll.[39]

Fl-1793, matul ir-Rivoluzzjoni Franċiża, il-katidral ingħalaq u għal żmien qasir ġie kkonvertit f'maħżen għall-qmugħ, u mbagħad għal xi żmien ġie kkonverti f'Tempju tar-Raġuni. Il-biċċa l-kbira tal-kumplament tal-għamara u tal-monumenti funebri nqerdu, il-relikwarji fit-teżor ġew imdewba għad-deheb, u l-qniepen ġew imdewba biex jiġi prodott kanun. Saru attakki bl-imrietel fuq il-biċċa l-kbira tal-iskulturi tal-portal il-kbir u fuq l-iżjed simboli evidenti tal-monarkija, bħall-emblemi tal-fleur-de-lis, u l-Id tal-Ġustizzja rjali ngħataw in-nar. Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-iskulturi Medjevali waslu intatti sa żminijietna.[40]

Meta reġgħet lura l-monarkija Franċiża wara l-waqgħa ta' Napuljun, il-prattika tal-inkurunamenti rjali fil-Katidral ta' Reims issoktat, iżda għal ftit biss. L-aħħar re ta' Franza li ġie inkurunat hemmhekk kien Karlu X fl-1825. Ir-renju tiegħu kien tassew mhux popolari. Huwa tneħħa fir-Rivoluzzjoni tal-1830 u ġie sostitwit b'monarkija kostituzzjonali, Lwiġi Filippu I, li ħa l-ġurament fil-Parlament ta' Pariġi minflok ġie inkurunat f'Reims.[41]

Sensiela ta' proġetti ta' restawr twettqu iktar 'il quddiem fis-seklu 19, u ffukaw l-ewwel fuq is-saqaf forfċi u fuq l-istatwi tal-faċċata tal-Punent (1826-1830), u mbagħad fuq il-galleriji ta' fuq, it-twieqi u t-torrijiet (1845-1860), taħt Jean-Jacques Arveuf. Fl-1860 dan l-arkitett ġie sostitwit b'Eugène Viollet-le-Duc, li mmodifika l-gallerija tal-kor u l-apsida u għamilhom iktar qrib id-dehra Medjevali oriġinali tagħhom. Warajh komplew żewġ arkitetti oħra, Eugene Millet u Victor Ruprich-Robert, li ma ħasbuhiex darbtejn biex jirrimudellaw il-galleriji tan-navata bi stil Gotiku iktar immaġinattiv. Fl-1888 minflok dawn l-arkitetti laħqu Denis Darcy u Paul Gout, li segwew iktar mill-qrib l-arkitettura storika, b'mod partikolari fir-restawr tar-rużun tal-faċċata tal-Punent.[42]

Seklu 20 – l-Ewwel Gwerra Dinjija u restawr

[immodifika | immodifika s-sors]

Meta faqqgħet l-Ewwel Gwerra Dinjija, il-katidral ġie kkonvertit fi sptar, u t-truppi u l-armi tneħħew minn qribu.[43][44] Fl-4 ta' Settembru 1914, it-XII-il Korp Sassonu wasal fil-belt u iktar tard dakinhar l-Armata Ġermaniża Imperjali bdiet tibbumbardja l-belt. L-artillerija, li kienet tinsab seba' kilometri (4.3 mili) 'il bogħod f'Les Mesneux, waqfet tispara meta it-XII-il Korp Sassonu bagħat żewġ uffiċjali u impjegat mill-belt biex jitolbuhom jieqfu milli jibbumbardjaw il-belt.[45]

Fit-12 ta' Settembru, l-Armata Ġermaniża li kienet qed tokkupa l-belt iddeċidiet tqiegħed il-midruba tagħha fil-katidral wara protesti ta' Maurice Landrieux[46], u 15,000 munzell tiben tqiegħdu mal-art tal-katidral għal dan l-iskop. L-għada, is-suldati Franċiżi taħt il-Ġeneral Franchet d'Esperey reġgħu daħlu fil-belt, iżda l-Ġermaniżi midruba tħallew fil-katidral.[47]

Sitt ijiem wara, il-palazz tal-isqof intlaqat mill-bumbardamenti, u nqatlu tlieta u ndarbu 15-il ruħ.[48] Fit-18 ta' Settembru beda bumbardament twil u fid-19 ta' Settembru l-bumbardamenti laqtu l-"foresta" ta' zkuk tal-injam taħt is-saqaf miksi biċ-ċomb, u b'hekk is-saqaf ħa n-nar u nqered għalkollox. Il-qniepen dabu, it-twieqi splodew, u l-iskulturi u partijiet mill-ħitan ġarrbu ħsarat estensivi. Iċ-ċomb tas-saqaf dab u qattar miż-żennuni tal-ħluq tal-gargoyles tal-ġebel, u b'hekk ikkawżaw ħsara lill-palazz tal-isqof mehmuż mal-katidral. Ritratti tal-katidral imġarraf intwerew matul il-gwerra mill-Franċiżi rrabjati, li akkużaw lill-Ġermaniżi li kienu qed jeqirdu l-binjiet tal-wirt nazzjonali u kulturali apposta[49], filwaqt li l-propaganda Ġermaniża sostniet li l-mewt tal-priġunieri kienet tort tal-Franċiżi, li ppuntaw l-armi kontrihom u ma ħallewhomx jaħarbu min-nirien.[50] Il-binja mġarrfa tal-katidral baqgħet tintlaqat mill-bumbardamenti għal diversi snin, minkejja t-talbiet ripetuti tal-Papa Benedittu XV.[51]

Fl-aħħar tal-gwerra, ġie propost li l-katidral jinżamm fl-istat imġarraf li kien bħala monument għall-vittmi tal-gwerra, iżda din l-idea finalment ma ġietx aċċettata. Fl-1919 inbeda proġett kbir ta' restawr, immexxi minn Henri Deneux, l-arkitett prinċipali li kien jieħu ħsieb il-monumenti storiċi Franċiżi. Ir-restawr irċieva finanjamenti kbar mill-Fondazzjoni Rockefeller, u xi kultant intużaw tekniki u materjali moderni, inkluż konkos rinfurzat, biex tissaħħaħ l-istruttura. Fis-snin 20 tas-seklu 20, il-pedamenti tal-knisja ta' qabel mill-perjodu Karolinġju ġew skoperti taħt il-katidral u ġew skavati. Ix-xogħol tlesta u l-katidral reġa' nfetaħ fl-1938.[13]

Ix-xogħol ta' restawr fuq il-knisja kompla wara l-1938, sabiex tissewwa l-ħsara kkawżata mill-gwerra u mit-tniġġis. Fl-1955 Georges Saupique għamel kopja tal-Inkurunament tal-Madonna, li wieħed jista' jara fuq id-daħla tal-katidral u flimkien ma' Louis Leygue wettaq kopji tal-iskulturi l-oħra tal-faċċata tal-katidral. Huwa ħoloq ukoll statwa ta' San Tumas għat-torri tat-Tramuntana.

Mill-1967, bosta mill-istatwi fuq barra, bħal dik tal-anġlu jitbissem, tneħħew u tpoġġew fuq ġewwa tal-Palazz ta' Tau għall-protezzjoni, u ġew sostitwiti b'kopji.

Ir-rikonċiljazzjoni bejn Franza u l-Ġermanja ġiet formalizzata simbolikament f'Lulju 1962 mill-President Franċiż Charles de Gaulle u mill-Kanċillier Ġermaniż Konrad Adenauer, fejn, fl-1914, l-Armata Ġermaniża Imperjali bbumbardjat il-katidral apposta sabiex il-moral tal-Franċiżi jbatti.[52]

Il-Katidral ta' Reims, l-eks Abbazija ta' San Remi u l-Palazz ta' Tau tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1991.[2]

Fl-74 Żjara Pastorali tiegħu, il-Papa Ġwanni Pawlu II żar il-Katidral ta' Reims nhar is-26 ta' Settembru 1996 għall-1,500 anniversarju tal-magħmudija ta' Clovis.[53] Meta kien hemm, il-Papa talab fl-istess kappella fejn Jean-Baptiste de La Salle kien iċċelebra l-ewwel quddiesa tiegħu fl-1678.[54]

Fit-8 ta' Ottubru 2016, plakka bl-ismijiet tal-31 re inkurunati fil-Katidral ta' Reims tpoġġiet fil-katidral fil-preżenza tal-arċisqof Thierry Jordan u l-Prinċep Louis-Alphonse, id-Duka ta' Anjou, wieħed mill-bosta eredi għat-tron Franċiż.

Kronoloġija tal-Katidral ta' Reims

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Għall-ħabta tal-250-300 - San Sestu ta' Reims ġie rreġistrat bħala l-ewwel isqof ta' Reims;[55]
  • 314 - il-Katidral tal-Appostli Mqaddsa, mibni mill-Isqof Bétause, irreġistrat fis-sit tal-Knisja ta' San Symphorien;
  • 420 - l-Isqof Nicasius bena katidral ġdid, iddedikat lill-Madonna, fis-sit attwali;
  • 496 - Clovis ir-Re tal-Franki jiġi mgħammed mill-Isqof Remi;
  • 816 - ir-Re Lwiġi d-Devot jiġi inkurunat fil-katidral;
  • 848 - tibda l-kostruzzjoni tal-katidral il-ġdid;
  • 862 - il-konsagrazzjoni tal-katidral il-ġdid;
  • 1140-1160 - l-Arċisqof Sansun jibni mill-ġdid il-faċċata tal-Punent u l-kor;
  • 1208 - titpoġġa l-ewwel ġebla tal-katidral il-ġdid mill-Arċisqof Aubry de Humbert;
  • 1241 - tlestija tal-kor, tal-apsida, tal-parti tal-Lvant tan-navata, tal-portal tat-Tramuntana u l-biċċa l-kbira tat-transett;
  • 1252 - tiġi akkwistata l-art għall-faċċata l-ġdida tal-Punent;
  • 1299 - tlestija tas-saqaf tan-navata;
  • 1300-1350 - tinbena l-Gallerija tar-Rejiet;
  • 1430-1460 - il-kostruzzjoni tat-torrijiet ta' fuq tal-faċċata tal-Punent;
  • 1481 - in-nirien jeqirdu s-saqaf u l-ispira tat-transett;
  • 1504 - it-tlestija tar-rikostruzzjoni wara n-nirien;
  • 1580 - ir-rużun tan-Nofsinhar jinqered minn uragan;
  • 1611 - ir-restawr tal-portali tal-Punent;
  • 1737 - it-tiswija tal-iskulturi u tal-faċċata tal-Punent;
  • 1741–1749 - it-tneħħija tal-għamara Medjevali u tiżjin mill-ġdid bl-istil Klassiku;
  • 1793 - matul ir-Rivoluzzjoni Franċiża, insteraq it-teżor tal-katidral, u l-katidral ġie kkonvertit f'maħżen tal-għalf tal-annimali;
  • 1825–1830 - ir-restawr tal-portali tal-Punent;
  • 1845–1860 - ir-restawr tal-parti ta' fuq tal-knisja u tat-torrijiet;
  • 1850–1879 - l-apsida ġiet irrestawrata minn Eugène Viollet-le-Duc;
  • 1875–1880 - ir-restawr tal-galleriji tan-navata;
  • 1914–1918 - il-katidral, qrib il-trunċieri tal-Ewwel Gwerra Dinjija, intlaqat minn iktar minn tliet mitt bumbardament tal-artillerija;
  • 1918–1937 - it-tiswija tad-danni kkawżati mill-gwerra u skavi arkeoloġiċi ġodda;
  • 1962 - il-President Charles de Gaulle u l-Kanċillier Ġermaniż Konrad Adenauer jikkommemoraw ir-rikonċiljazzjoni bejn Franza u l-Ġermanja fil-Katidral;
  • 1986 - jitlesta r-restawr tal-portal tat-Tramuntana;
  • 1996 - il-Papa Ġwanni Pawlu II jikkommemora l-1,500 anniversarju tal-magħmudija ta' Clovis fil-katidral;[56]
  • 2011 - inbeda r-restawr tal-portali tal-Punent;
  • 2014 - inbeda r-restawr tar-rużun tal-faċċata tal-Punent.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Katidral ta' Reims, l-Eks Abbazija ta' San Rémi u l-Palazz ta' Tau f'Reims ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1991.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[2]

  1. Kurmann, Peter; Villes, Jean-Alain (2001). Cathédrale Notre-Dame de Reims. Éditions du Patrimoine, Centre des Monuments Nationaux. ISBN 978-2-7577-0405-9. p. 23.
  2. 1 2 3 4 Centre, UNESCO World Heritage. "Cathedral of Notre-Dame, Former Abbey of Saint-Rémi and Palace of Tau, Reims". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-12-19.
  3. Kurmann, Peter; Villes, Jean-Alain (2001). Cathédrale Notre-Dame de Reims. Éditions du Patrimoine, Centre des Monuments Nationaux. ISBN 978-2-7577-0405-9. p. 8.
  4. Demouy, Patrick (1995). Notre-Dame de Reims : Sanctuaire de la monarchie sacrée. CNRS Éditions. ISBN 2-271-05258-0. p. 11.
  5. Sadler, Donna L. (2017). Reading the Reverse of Façade of Reims: Royalty and Ritual in Thirteenth-Century France. Routledge. ISBN 978-1351552165. p. 17.
  6. Demouy, Patrick (1995). Notre-Dame de Reims : Sanctuaire de la monarchie sacrée. CNRS Éditions. ISBN 2-271-05258-0. p. 10.
  7. Lambert, Élie (1959). "La cathédrale de Reims et les cathédrales qui l'ont précédée sur le même emplacement". Comptes-rendus des Séances de l'Académie des Inscriptions et Belles-Lettres. 103 (2): 241–250. p. 244.
  8. Bourassé, Jean-Jacques (1872). Les plus belles cathédrales de France. A. Mame et fils. p. 45.
  9. Demouy, Patrick (1995). Notre-Dame de Reims : Sanctuaire de la monarchie sacrée. CNRS Éditions. ISBN 2-271-05258-0. pp. 11-12.
  10. Demouy, Patrick (1995). Notre-Dame de Reims : Sanctuaire de la monarchie sacrée. CNRS Éditions. ISBN 2-271-05258-0. p. 10.
  11. Demouy, Patrick (Mejju 2011). "Genèse d'une cathédrale royale". Historia. p. 9.
  12. Bordonove, Georges (1988). Clovis et les Mérovingiens. Pygmalion. ISBN 2857042825. p. 97.
  13. 1 2 Kurmann, Peter; Villes, Jean-Alain (2001). Cathédrale Notre-Dame de Reims. Éditions du Patrimoine, Centre des Monuments Nationaux. ISBN 978-2-7577-0405-9. p. 13.
  14. Demouy, Patrick (1995). Notre-Dame de Reims : Sanctuaire de la monarchie sacrée. CNRS Éditions. ISBN 2-271-05258-0. p. 12.
  15. Demouy, Patrick (1995). Notre-Dame de Reims : Sanctuaire de la monarchie sacrée. CNRS Éditions. ISBN 2-271-05258-0. p. 14.
  16. Barral i Altet, Xavier (1987). Le Paysage monumental de la France autour de l'an mil: avec un appendice Catalogne. Picard. ISBN 2708403370. p. 105.
  17. McLaughlin, Megan (2010). Sex, Gender, and Episcopal Authority in an Age of Reform, 1000–1122. Cambridge University Press. ISBN 978-0521870054. p. 56.
  18. Robinson, I. S. (1990). The Papacy, 1073–1198: Continuity and Innovation. Cambridge University Press. ISBN 9781139167772. pp. 22, 135.
  19. Brown, Elizabeth A. R. (1992). "Franks, Burgundians, and Aquitanians" and the Royal Coronation Ceremony in France. The American Philosophical Society. ISBN 978-0871698278. p. 43.
  20. Kurmann, Peter; Villes, Jean-Alain (2001). Cathédrale Notre-Dame de Reims. Éditions du Patrimoine, Centre des Monuments Nationaux. ISBN 978-2-7577-0405-9. p. 14.
  21. Lambert, Élie (1959). "La cathédrale de Reims et les cathédrales qui l'ont précédée sur le même emplacement". Comptes-rendus des Séances de l'Académie des Inscriptions et Belles-Lettres. 103 (2): 241–250. doi:10.3406/crai.1959.11054. p. 224.
  22. Demouy, Patrick (May 2011). "Genèse d'une cathédrale royale". Historia. p. 10.
  23. Branner, Robert (Jannar 1961). "Historical Aspects of the Reconstruction of Reims Cathedral, 1210–1241". Speculum. 36 (1): 23–37. p. 23.
  24. Lillich, Meredith Parsons (2011). The Gothic Stained Glass of Reims Cathedral. Penn State University Press. ISBN 978-0271037776. p. 1.
  25. Kurmann, Peter; Villes, Jean-Alain (2001). Cathédrale Notre-Dame de Reims. Éditions du Patrimoine, Centre des Monuments Nationaux. ISBN 978-2-7577-0405-9. p. 17.
  26. Kurmann, Peter; Villes, Jean-Alain (2001). Cathédrale Notre-Dame de Reims. Éditions du Patrimoine, Centre des Monuments Nationaux. ISBN 978-2-7577-0405-9. pp. 17-19.
  27. 1 2 Kurmann, Peter; Villes, Jean-Alain (2001). Cathédrale Notre-Dame de Reims. Éditions du Patrimoine, Centre des Monuments Nationaux. ISBN 978-2-7577-0405-9. p. 19.
  28. P. Frankl / P. Crossley, Gothic Architecture, Yale University Press, 2001 (edizzjoni reveduta), p. 322; in-noti 10-14.
  29. Raguin, Virginia Chieffo; Brush, Kathryn; Draper, Peter (1995). Artistic Integration in Early Gothic Churches. University of Toronto Press. ISBN 9780802074775. pp. 214-235.
  30. Branner, Robert (Jannar 1961). "Historical Aspects of the Reconstruction of Reims Cathedral, 1210–1241". Speculum. 36 (1): 23–37. p. 36.
  31. Branner, Robert (1962). "The Labyrinth of Reims Cathedral". Journal of the Society of Architectural Historians. 21 (1). pp. 18-25.
  32. Jordan, William Chester (2005). Unceasing Strife, Unending Fear: Jacques de Therines and the Freedom of the Church in the Age of the Last Capetians. Princeton University Press. ISBN 978-0691121208. p. 69.
  33. Prestwich, Michael (1999). Armies and Warfare in the Middle Ages: The English Experience. Yale University Press. p. 301.
  34. Sumption, Jonathan (2009). The Hundred Years War: Divided Houses. Vol. III. University of Pennsylvania Press. ISBN 9780571138975. pp. 397, 665-666.
  35. Santosuosso, Antonio (2004). Barbarians, Marauders, and Infidels. MJF Books. ISBN 978-0813391533. pp. 245-246.
  36. Tucker, Spencer C. (2010). A Global Chronology of Conflict: From the Ancient World to the Modern Middle East. ABC-CLIO. ISBN 978-1-85109-672-5. pp. 333-335.
  37. Thevet, André (2010). Benson, Edward; Schlesinger, Roger (eds.). Portraits from the French Renaissance and the Wars of Religion. Truman State University Press. ISBN 9781931112987. pp. 24-25.
  38. Demouy, Patrick (1995). Notre-Dame de Reims : Sanctuaire de la monarchie sacrée. CNRS Éditions. ISBN 2-271-05258-0. p. 20.
  39. Kurmann, Peter; Villes, Jean-Alain (2001). Cathédrale Notre-Dame de Reims. Éditions du Patrimoine, Centre des Monuments Nationaux. ISBN 978-2-7577-0405-9. p. 20.
  40. Souchal, François (1993). Le Vandalisme de la Révolution. Nouvelles Éditions latines. ISBN 9782723304764. pp. 61, 68.
  41. Kurmann, Peter; Villes, Jean-Alain (2001). Cathédrale Notre-Dame de Reims. Éditions du Patrimoine, Centre des Monuments Nationaux. ISBN 978-2-7577-0405-9. p. 27.
  42. Auzas, Pierre-Marie (1982). Actes du Colloque international Viollet-le-Duc, Paris, 1980. Nouvelles Éditions latines. ISBN 9782723301763. p. 158.
  43. Rubin, Richard (2015-12-04). "The Legend and Lore of Notre-Dame de Reims" (bl-Ingliż). Miġbur 2022-12-20.
  44. "Reims Cathedral Burns". Mental Floss (bl-Ingliż). 2014-09-19. Miġbur 2022-12-20.
  45. Landrieux, Maurice (1920). The Cathedral of Reims: The Story of a German Crime. K. Paul, Trench, Trubner & Company. p. 13.
  46. Landrieux, Maurice (1920). The Cathedral of Reims: The Story of a German Crime. K. Paul, Trench, Trubner & Company. p. 22.
  47. Landrieux, Maurice (1920). The Cathedral of Reims: The Story of a German Crime. K. Paul, Trench, Trubner & Company. pp. 23-24.
  48. Landrieux, Maurice (1920). The Cathedral of Reims: The Story of a German Crime. K. Paul, Trench, Trubner & Company. p. 28.
  49. Landrieux, Maurice (1920). The Cathedral of Reims: The Story of a German Crime. K. Paul, Trench, Trubner & Company. pp. 14-17.
  50. Landrieux, Maurice (1920). The Cathedral of Reims: The Story of a German Crime. K. Paul, Trench, Trubner & Company. p. 48.
  51. Landrieux, Maurice (1920). The Cathedral of Reims: The Story of a German Crime. K. Paul, Trench, Trubner & Company. pp. 144-148.
  52. Auzias, Dominique; Labourdette, Jean-Paul (2011). Le Petit Futé Champagne-Ardenne. Le Petit Futé. ISBN 978-2746935181. p. 14.
  53. Diblik, Jean (1998). Reims: Comment lire une cathédrale. Editions d'art et d'histoire ARHIS. ISBN 2906755133. p. 7.
  54. footstepsadmin. "Reims Cathedral" (bl-Ingliż). Miġbur 2022-12-20.
  55. Kurmann, Peter; Villes, Jean-Alain (2001). Cathédrale Notre-Dame de Reims. Éditions du Patrimoine, Centre des Monuments Nationaux. ISBN 978-2-7577-0405-9. p. 92.
  56. Kurmann, Peter; Villes, Jean-Alain (2001). Cathédrale Notre-Dame de Reims. Éditions du Patrimoine, Centre des Monuments Nationaux. ISBN 978-2-7577-0405-9. p. 93.