José Nasazzi

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
José Nasazzi
Jose nasazzi urug.jpg
José Nasazzi fl-1937
Informazzjoni personali
Isem sħiħJosé Nasazzi Yarza[1]
Twelid24 ta' Marzu 1901(1901-03-24)
Montevideo, Urugwaj
Mewt17 ta' Ġunju 1968 (67 sena)
Montevideo
Tul1.82 m
RwolDifensur
Karriera professjonali
SninKlabb
1918–1920Lito
1921Rolando Moor
1922–1932Bella Vista
1923–1938Nacional
Tim nazzjonali
1923–1936Urugwaj
Timijiet ikkowċjati
1942–1945Urugwaj

José Nasazzi Yarza (twieled fl-24 ta' Marzu 1901 – miet fis-17 ta' Ġunju 1968) kien plejer tal-futbol Urugwajan li kien jilgħab bħala difensur. Hu kien il-kaptan tat-tim nazzjonali li rebaħ l-edizzjoni inawgurali tat-Tazza tad-Dinja.

Bijografija[immodifika | immodifika s-sors]

Bidu tal-karriera[immodifika | immodifika s-sors]

José Nasazzi twieled nhar l-24 ta' Marzu 1901,[a] iben Jacinta Yarza, Urugwajana b'oriġini Baski Spanjoli, u Giuseppe Nasazzi, emigrant Taljan oriġinarjament mil-Lombardija. Ta' seba' snin miet missieru u l-familja mxiet lejn il-viċinanzi ta' Bella Vista.[3] Hemmhekk studja fi skola Sależjana fejn ġie introdott għal-logħba tal-futbol.[4]

Wara li telaq mill-iskola, hu sab xogħol fil-Compañía de Materiales de Construcción fejn kien jaħdem fl-irħam.[5] Hu baqa' jipprattika l-futbol fejn ingħaqad ma' Centro Atlético Lito fl-1918, ftit żmien wara li twaqqaf il-klabb.[2][3][4] Huma rebħu l-kampjonat tat-Tielet Diviżjoni (Divisional Extra) fl-1919[6] u dak tat-Tieni Diviżjoni (Divisional Intermedia) fl-1920.[7]

F'Ottubru tal-1920, il-Club Atlético Bella Vista ġie maħluq fil-viċinanzi fejn trabba José Nasazzi u dan tal-aħħar ried jissieħeb magħhom.[3] L-amministrazzjoni ta' CA Lito irrifjutat li tħallih jitlaq u għal din ir-raġuni kellu jagħmel sena ma' klabb f'kampjonat minuri,[8] CA Rolando Moor fil-Liga Nacional, qabel ma kien ħieles li jitlaq mill-klabb.[4][3]

Bella Vista[immodifika | immodifika s-sors]

Bħal CA Lito sentejn qabel, CA Bella Vista kienu rebħu d-Divisional Extra fl-1921 u Nasazzi ġie magħhom meta kienu għadhom kif ġew promossi għad-Divisional Intermedia. Hu kien jilgħab b'mod regulari bħala attakkant[3] jew difensur ċentrali.[9][b] Il-Papales, kif kienu msejħa l-plejers tal-klabb minħabba l-kuluri bojod u sofor tagħhom, rebħu l-kampjonat u ġew promossi għall-Primera División, l-ogħla livell tal-futbol Urugwajan.[7] Nasazzi skorja l-ewwel gowl ta' Bella Vista fl-ogħla diviżjoni fl-1923.[3] Bella Vista spiċċaw it-tielet fil-kampjonat u fl-1924 temmew it-tieni, żewġ punti biss taħt iċ-ċampjins Nacional b'sittax-il rebħa u telfa waħda minn 22 logħba.[10]

Il-gvern Urugwajan issospenda l-kompetizzjonijiet domestiċi fl-1925 sabiex jipperswadi r-riżoluzzjoni tal-kunflitt li kien inqala' meta Peñarol kienu ġew esklużi milli jikkompetu, u dawn tal-aħħar kien waqqfu federazzjoni u kampjonat separat.[11] Nacional ħadu l-opportunità ta' dan il-waqfien biex jorganizzaw xi logħob fl-Ewropa għal perjodu ta' ħames xhur.[2] Minħabba li Pedro Petrone kien weġġa' serjament u l-akkwist il-ġdid José Andrade, ukoll minn Bella Vista, ma kienx disponibbli għal xahrejn, Nacional ftehmu ma' Bella Vista għas-self ta' Nasazzi. Magħhom lagħab kemm fid-difiża kif ukoll f'pożizzjonijiet avvanzati[12][13][14] u ħalla rendiment ta' disa' gowls fi sbatax-il logħba.[15] Il-kompetizzjonijiet uffiċjali fl-Urugwaj irritornaw fl-1927. Nasazzi, li kien irritorna ma' Bella Vista wara l-esperjenza ma' Nacional, irnexxielu jwassal lit-tim biss sa nofs il-klassifika fl-istaġuni ta' wara, hekk kif il-kampjonat beda jiġi ddominat miż-żewġ klabbs il-kbar tal-Urugwaj ta' Nacional u Peñarol.[10]

Rikonoxximent mat-tim nazzjonali[immodifika | immodifika s-sors]

It-tim nazzjonali tal-Urugwaj fl-1923. Nasazzi huwa l-ewwel wieħed bil-wieqfa mix-xellug.

Il-kwalitajiet li wera Nasazzi ma' Bella Vista laqqtu l-għajn ta' Leonardo De Lucca, kowċ tat-tim nazzjonali tal-Urugwaj. Hu ġie mgħajjat f'Ottubru tal-1923 fl-okkażjoni tal-Kampjonat Sud-Amerikan li sar fl-Urugwaj stess. Nasazzi ifforma koppja difensiva ma' Fermín Uriarte, plejer ta' CA Lito, u lagħab it-tliet logħbiet tal-Urugwaj li rriżultaw għalih fir-rebħ tal-ewwel titlu internazzjonali.[16][17] Fi tmiem il-kampjonat, hu ġie innominat bħala l-aqwa plejer.[18]

Ir-rebħ tat-titlu wassal biex l-Urugwaj jirrappreżentaw lill-Amerika t'Isfel fil-Logħob Olimpiku tas-sajf tal-1924 f'Pariġi, l-ewwel kompetizzjoni uffiċjali internazzjonali li qatt laqqgħet timijiet nazzjonali Ewropej u Amerikani.[19] Sabiex jieħu sehem fil-kompetizzjoni, Nasazzi ħalla xogħlu fil-kumpanija tal-irħam. Mal-wasla tagħhom fil-belt Pariġina, La Celeste ħallew impressjoni kbira fejn rebħu l-ħames logħbiet tagħhom u skorja għoxrin gowl u sofrew żewġ gowls biss.[20][21][22] Nasazzi lagħab il-logħbiet kollha bħala kaptan b'Pedro Arispe jieħu post Uriarte biswit Nasazzi fil-qalba tad-difiża.[19]

Mar-ritorn tagħhom mill-esperjenza Ewropea, f'Ottubru tal-1924, l-Urugwaj ħadu sehem mill-ġdid f'edizzjoni oħra tal-Kampjonat Sud-Amerikan. Nasazzi lagħab it-tliet logħbiet u għal darb'oħra l-Urugwaj irnexxielhom jiddefendu it-titlu mirbuħ fl-edizzjoni preċedenti tas-sena ta' qabel.[2] Minħabba s-sospensjoni fuq il-futbol Urugwajan, it-tim nazzjonali reġa' ħa sehem f'din il-kompetizzjoni fl-edizzjoni tal-1926. Nasazzi, li kien għadu pedina importanti mal-ewwel ħdax u kaptan tat-tim, lagħab l-erba' logħbiet u għen biex jikseb titlu ieħor kontinentali.[23][24] Għat-turnew tal-1927, Nasazzi naqas milli jagħmel il-vjaġġ lejn il-Perù u postu ħadu minn Adhemar Canavesi. L-Urugwaj tilfu l-kompetizzjoni b'telfa fil-logħba deċiżiva kontra l-Arġentina b'riżultat ta' 3–2, fejn Canavesi kellu jkun l-awtur tal-awtogowl li wassal għal din it-telfa.[25]

Il-kaptani u r-referis tal-finali Olimpika tal-1928. Nasazzi jidher fuq ix-xellug.

Wara din id-delużjoni, l-Urugwaj ħadu sehem fl-Olimpjadi tas-sajf tal-1928 li saru ġewwa Amsterdam, fin-Netherlands. Wara rebħa diffiċli kontra l-ospitu tan-Netherlands,[26] fit-tieni logħba kontra l-Ġermanja, l-Urugwaj rebħu bl-iskor ta' 4–1. Madanakollu, lejn tmiem il-logħba, l-attakkant Ġermaniż Richard Hofmann u Nasazzi tlewmu bejniethom u r-referì keċċa lit-tnejn li huma. Minkejja li ma kienx hemm regola għaliha, l-Assoċjazzjoni Urugwajana għażlet li tissospendi lil Nasazzi għal-logħba ta' wara.[27] Canavesi ħa postu u Arispe libes il-faxxa ta' kaptan għas-semifinali kontra l-Italja.[26] L-Urugwaj batew mhux ftit biex rebħu 3–2 u Nasazzi reġa' sab postu mal-ewwel ħdax għall-finali kontra r-rivali tal-Arġentina. Wara li l-ewwel logħba spiċċat fi dro ta' 1–1, kellha tiġi organizzata logħba oħra tliet ijiem wara. L-Urugwaj biddlu nofs it-tim u l-freskezza fil-plejers dehret hekk kif huma rebħu l-logħba deċiżiva 2–1.[26]

L-Urugwaj u l-Arġentina reġa' affaċjaw ruħhom fil-Campeonato Sudamericano tal-1929, organizzat din id-darba fl-Arġentina. Mingħajr Nasazzi, l-Urugwaj tilfu l-ewwel logħba kontra l-Paragwaj u r-ritorn tiegħu għal-logħba kontra l-Arġentina ma kienx biżżejjed hekk kif l-Arġentina pattew għad-diżappunt fl-Olimpjadi bir-rebħ ta' dan it-titlu kontinentali.[28] It-telfa ta' 2–0 kontra l-Arġentina kienet l-ewwel telfa ta' Nasazzi f'turnew mat-tim nazzjonali, sitt snin wara d-debutt tiegħu.[29]

It-tim Urugwajan fit-Tazza tad-Dinja tal-1930. Nasazzi jidher bil-wieqfa, it-tieni wieħed mix-xellug.

Fis-sajf ta' wara, l-Urugwaj ospitaw l-ewwel edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja, fl-okkażjoni tal-mitt sena mill-indipendenza. Nasazzi baqa' punt fiss fit tim flimkien ma' ħames plejers li miegħu rebħu l-Olimpjadi għal darbtejn: José Andrade, Pedro Cea, Pedro Petrone, Héctor Scarone u Santos Urdinarán.[2] Is-sieħeb difensiv tiegħu Arispe kien irtira mil-logħba u postu ħadu ż-żgħażugħ Ernesto Mascheroni. Bin-nuqqas ta' bosta timijiet rinomati Ewropej, l-Urugwaj u l-Arġentina reġgħu ħabtuha ma' xulxin fil-finali tal-Estadio Centenario.[30]

Il-finali kienet ta' importanza kbira għall-Urugwaj u Nasazzi enfasizza dan il-punt meta lill-iskwadra tenna: "Jekk ma nirbħux illum, aħna mejtin".[31] Fl-ewwel taqsima, il-kaptan wettaq żball fuq tqassima twila ta' Luis Monti li witta t-triq għal Guillermo Stábile biex jiskorja t-tmien gowl personali fil-kompetizzjoni.[32] Quddiem 70,000 spettatur, minkejja li daħlu għall-mistrieħ 2–1 minn taħt, l-Urugwajani għamlu rimonta fit-tieni taqsima biex rebħu 4–2. Għalkemm ma kienx fost il-lista tal-iskorers, Nasazzi ħalla impressjoni bil-mod kif mexxa lil sħabu.[2][33] B'differenza tal-edizzjonijiet suċċessivi tat-Tazza tad-Dinja, Nasazzi bħala kaptan tat-tim rebbieħ ma kellux l-opportunità li jirċievi t-trofew u minflok dan ingħata lill-president tal-Assoċjazzjoni Urugwajana.[34][35]

Wara t-Tazza tad-Dinja tal-1930, l-Arġentina irrifjutaw li jipparteċipaw f'kompetizzjonijiet uffiċjali oħra mal-Urugwaj u għalhekk il-Kampjonat Sud-Amerikan ġie sospiż. Minbarra hekk, l-Urugwaj irrifjutaw li jidħlu jiddefendu t-titlu fit-Tazza tad-Dinja tal-1934 li saret fl-Italja bi protesta għan-nuqqas ta' Ewropej li wrew interess fl-edizzjoni preċedenti.[36][37] Nasazzi ħa sehem fl-aħħar kompetizzjoni internazzjonali, il-Campeonato Sudamericano tal-1935. B'Mascheroni jilgħab l-Italja, il-koppja difensiva tal-Urugwaj kienet magħmula minn Nasazzi u Agenor Muñiz. Nasazzi lagħab it-tliet logħbiet u rebaħ ir-raba' titlu kontinentali. Fl-età ta' 34 sena ġie magħżul għat-tieni darba bħala l-plejer tat-turnew.[18]

L-aħħar logħba ta' Nasazzi mat-tim nazzjonali kienet l-erbgħin waħda tiegħu u seħħet f'Settembru tal-1936 kontra l-Arġentina, avversarju li kontrihom lagħab tmintax-il darba.[16]

Club Nacional[immodifika | immodifika s-sors]

F'April tal-1932, l-Urugwaj adottaw il-professjonaliżmu b'mod uffiċjali.[38] Għaxar klabbs ħadu sehem fl-ewwel edizzjoni tal-kampjonat il-ġdid li kien mingħajr sistema ta' relegazzjoni.[39] Fl-1933, Nasazzi tħalla ingħaqad ma' Club Nacional, li f'dak iż-żmien kienu l-aktar klabb titolat fil-pajjiż.[16]

Fl-ewwel staġun, fl-1933, Nacional u Peñarol temmew l-istaġun bl-istess punti wara 27 logħba. Logħba ta' spareġġ ġiet organizzata f'Mejju tal-1934. Wara sebgħin minuta, Peñarol fetħu l-iskor meta l-ballun ħabat ma' bagalja li kienet barra l-grawnd. Nasazzi lmenta mhux ħażin mar-referì u dan keċċieh flimkien ma' tnejn minn sħabu.[40] Ir-riżultat kien li l-logħba ġiet sospiża b'dan l-avveniment jibqa' mfakkar fl-istorja tal-futbol Urugwajan bħala el gol de la valija.[41] Nasazzi ġie sospiż għal sena mill-Assoċjazzjoni. Il-gowl ġie mħassar xahrejn wara u l-logħba reġgħet intlagħbet fil-25 ta' Awwissu. Din intemmet mingħajr gowls, u wara żewġ finali oħra li saru f'Settembru u Novembru tal-1934, Nacional eventwalment ġew intitolati rebbieħa tal-kampjonat tal-1933,[40] ġimgħat wara r-rebħ tal-kampjonat tal-1934. Is-sospensjoni ta' Nasazzi tneħħiet f'Diċembru tal-1934.[41]

Nasazzi lagħab l-aħħar logħba tiegħu ma' Nacional kontra l-klabb ta' qalbu, Bella Vista, fit-2 ta' Mejju 1937 fl-Estadio Centenario.[12]

Karatteristiċi tekniċi[immodifika | immodifika s-sors]

Nasazzi kien kapaċi jilgħab bħala difensur laterali fuq il-lemin u anke ċentrali. Kien fiżikament b'saħħtu u insormontabbli fl-arja. Sal-lum għadu meqjus bħala fost l-aqwa difensuri li qatt lagħbu l-logħba tal-futbol.[42]

Unuri[immodifika | immodifika s-sors]

Nacional
Bella Vista
  • Divisional Intermedia: 1922
Urugwaj

Noti[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ Xi sorsi jagħtu d-data tat-twelid fl-24 ta' Mejju 1901,[2] però s-sorsi uffiċjali jaqblu fuq l-24 ta' Marzu 1901.
  2. ^ F'dak iż-żmien, tim tal-futbol kien ikun strutturat f'formazzjoni ta' 2-3-5: żewġ difensuri laterali, wieħed fuq il-lemin u ieħor fuq ix-xellug, tliet mediani (illum imsejħa midfilders) u ħames attakkanti.

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ "José Nasazzi Biography and Olympic Results" (bl-Ingliż). Sports-reference.com. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2020-04-18. Miġbur 2010-12-21.
  2. ^ a b c d e f Lecigne, Jérôme. "José Nasazzi, le grand capitaine". lucarne-opposee.fr (bil-Franċiż).
  3. ^ a b c d e f "José Nasazzi" (bl-Ispanjol). CA Bella Vista. 2017-01-04. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2017-01-04.
  4. ^ a b c Redacción EG (2018-08-17). "1968. El día que se fue Nasazzi" (bl-Ispanjol). El Gráfico.
  5. ^ Goldblatt, David (2007-08-30). The Ball is Round (bl-Ingliż). Penguin Books Limited. p. 209. ISBN 9780141911540.
  6. ^ Schöggl, Hans. "Uruguay - List of Champions División Extra". rsssf.com (bl-Ingliż). Rec.Sport.Soccer Statistics Foundation (RSSSF).
  7. ^ a b Fernández, Francisco. "Uruguay - List of Champions Third Division (Primera C/Intermedia/Liga Amateur Metropolitana)". rsssf.com (bl-Ingliż). Rec.Sport.Soccer Statistics Foundation (RSSSF).
  8. ^ López, Ismael (2000-06-01). "Jose Nasazzi: El inventor de la garra charrua". El Norte (bl-Ispanjol): 48–49.
  9. ^ Grupo Filatelico Tematico del Club Filatelico del Uruguay (2002). "José Nasazzi: El Capitán Histórico" (PDF). Tematica Nro 28 (bl-Ispanjol).
  10. ^ a b Abbink, Dinant; Tabeira, Martín. "Uruguay - List of Final Tables 1900-2000". rsssf.com (bl-Ingliż). Rec.Sport.Soccer Statistics Foundation (RSSSF).
  11. ^ Mazza, Bruno (2021-11-14). "El cisma del fútbol uruguayo" (bl-Ispanjol). Padre y Decano - El Sitio del Pueblo.
  12. ^ a b "Nasazzi, José" (bl-Ispanjol). Comisión Historia - Club Nacional de Football.
  13. ^ Robert Le Brun (1925-05-17). "France-Uruguay et France-Belgique". La Presse (bil-Franċiż) (3696).
  14. ^ "Dernière exhibition de Montevideo à Paris". La Presse (bil-Franċiż) (3745). 1925-05-17.
  15. ^ Ciullini, Pablo. "European trip of Club Nacional de Football 1925 - Match Details". rsssf.com (bl-Ingliż). Rec.Sport.Soccer Statistics Foundation (RSSSF).
  16. ^ a b c "José Nasazzi" (bl-Ispanjol). Asociación Uruguaya de Fútbol.
  17. ^ Tabeira, Martín. "Southamerican Championship 1923". rsssf.com (bl-Ingliż). Rec.Sport.Soccer Statistics Foundation (RSSSF).
  18. ^ a b Tabeira, Martín. "The Copa América Archive - Trivia". rsssf.com (bl-Ingliż). Rec.Sport.Soccer Statistics Foundation (RSSSF).
  19. ^ a b Stokkermans, Karel. "Football Tournament 1924 Olympiad". rsssf.com (bl-Ingliż). Rec.Sport.Soccer Statistics Foundation (RSSSF).
  20. ^ Hanot, Gabriel (1924-05-28). "Vie sportive : L'intérêt du tournoi olympique de football s'accroit". L'Intransigeant (bil-Franċiż).
  21. ^ "When Uruguay dominated the world of football" (bl-Ingliż). Kumitat Olimpiku Internazzjonali. 2021-09-13.
  22. ^ "José Andrade, Paris à ses pieds". SOFOOT.com (bil-Franċiż).
  23. ^ "Noveno Campeonato Sudamericano de Fútbol de 1926". Los Sports (bl-Ispanjol). 1926.
  24. ^ Tabeira, Martín. "Southamerican Championship 1926". rsssf.com (bl-Ingliż). Rec.Sport.Soccer Statistics Foundation (RSSSF).
  25. ^ Tabeira, Martín. "Southamerican Championship 1927". rsssf.com (bl-Ingliż). Rec.Sport.Soccer Statistics Foundation (RSSSF).
  26. ^ a b c Petrossian, Shahan (2018-04-01). "Soccer Nostalgia: Soccer at the Olympics-Part 5 (1928-Amsterdam, Holland)" (bl-Ingliż). Soccer Nostalgia.
  27. ^ Stokkermans, Karel. "Football Tournament 1928 Olympiad". rsssf.com (bl-Ingliż). Rec.Sport.Soccer Statistics Foundation (RSSSF).
  28. ^ Tabeira, Martín. "Southamerican Championship 1929". rsssf.com (bl-Ingliż). Rec.Sport.Soccer Statistics Foundation (RSSSF).
  29. ^ Duluc, Vincent (2014-04-10). "Petites et grandes histoires de la Coupe du monde" (bil-Franċiż). Groupe Robert Laffont: 11–12. ISBN 9782221145227. Ċitazzjoni journal għandha bżonn |journal= (għajnuna)
  30. ^ "FIFA World Cup origin" (PDF). FIFA.com (bl-Ingliż). FIFA. Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2004-05-26.
  31. ^ McColl, Graham (2010-06-10). How to Win the World Cup (bl-Ingliż). Transworld. p. 267. ISBN 9781407057323.
  32. ^ Wilson, Jonathan (2016-03-10). Angels With Dirty Faces (bl-Ingliż). Orion. p. 79. ISBN 9781409144441.
  33. ^ "A world first for Uruguay". FIFA.com (bl-Ingliż). FIFA. 2016-02-26. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-02-26.
  34. ^ ""El Gran Mariscal": when José Nasazzi won the World Cup". fifamuseum.com (bl-Ingliż). 2021-04-09.
  35. ^ Ghemmour, Chérif (2020-07-30). "Uruguay 1930, à jamais la première". SOFOOT.com (bil-Franċiż).
  36. ^ Freddi, Cris (2006). Complete Book of the World Cup 2006 (bl-Ingliż). Londra: HarperCollins. p. 15. ISBN 0-00-722916-X.
  37. ^ Glanville, Brian (2005). The Story of the World Cup (bl-Ingliż). Londra: Faber and Faber. p. 25. ISBN 978-0-571-22944-4.
  38. ^ Dietschy, Paul (2010). Histoire du football (bil-Franċiż). Perrin. ISBN 978-2-262-02710-0.
  39. ^ Antognazza, Diego; Tabeira, Martín. "Uruguay 1932 Championship". www.rsssf.com (bl-Ingliż). Rec.Sport.Soccer Statistics Foundation (RSSSF).
  40. ^ a b Antognazza, Diego; Tabeira, Martín. "Uruguay 1933 Championship". rsssf.com (bl-Ingliż). Rec.Sport.Soccer Statistics Foundation (RSSSF).
  41. ^ a b Prats, Luis (2020-12-06). "Los 10 clásicos entre Nacional y Peñarol más calientes de la historia" (bl-Ispanjol). El País.
  42. ^ Chiesa, Carlo F. (1999). "We are the champions - I 150 fuoriclasse che hanno fatto la storia del calcio". Calcio 2000 (bit-Taljan). Milan: Action Group S.r.l. (22): 122.

Ħoloq esterni[immodifika | immodifika s-sors]