Aqbeż għall-kontentut

Fruntieri tal-Imperu Ruman

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
L-Imperu Ruman fl-aqwa tiegħu fil-117 W.K. (il-vassalli bir-roża)

Il-Fruntieri tal-Imperu Ruman, li varjaw matul l-istorja tal-imperu, twettqu bħala kombinament ta' toroq militari u fortijiet ikkollegati, fruntieri naturali (b'mod partikolari x-xmajjar Renu u d-Danubju) u fortifikazzjonijiet magħmula mill-bniedem li kienu jisseparaw l-artijiet tal-imperu mill-pajjiżi lil hinn minnu.

It-terminu limes xi kultant jintuża mill-istudjużi moderni biex jirreferu għall-fruntieri tal-Imperu Ruman iżda ma kienx jintuża mir-Rumani. Wara s-seklu 3 W.K. kien terminu amministrattiv, li kien jindika distrett militari, ikkmandat minn dux limitis.

Mappa tal-Imperu Ruman fil-125 matul ir-renju tal-Imperatur Adrijanu.

In-nom Latin limes kellu għadd ta' tifsiriet differenti: mogħdija li timmarka l-konfini tal-għelieqi; linja jew markatur ta' konfini; kwalunkwe triq jew mogħdija; kwalunkwe kanal, pereżempju kanal ta' nixxiegħa; jew kwalunkwe distinzjoni jew differenza bejn żewġ affarijiet.

Fil-Brittanja, l-Imperu bena żewġ ħitan wieħed wara l-ieħor; għall-Mawretanja (illum il-Magreb) kien hemm ħajt wieħed bil-fortijiet fuq kull naħa. F'postijiet oħra, bħas-Sirja u l-Arabia Petraea, ma kienx hemm ħajt kontinwu; minflok kien hemm network ta' insedjamenti u fortijiet fil-fruntiera okkupati mill-armata Rumana. F'Dacia, il-limes bejn il-Baħar l-Iswed u d-Danubju kienu taħlita ta' dawn tal-aħħar u difiżi bil-ħitan: il-Limes Moesiae kienu l-amalgamazzjoni tat-tnejn li huma, u xi kultant anke tliet linji ta' vallum, b'Kamp Kbir u bosta kampijiet żgħar mifruxa tul il-fortifikazzjonijiet.

Fruntieri tat-Tramuntana

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-limes li pproteġew l-imperu mill-attakki Ġermaniżi.

Fl-Ewropa kontinentali, il-fruntieri ġeneralment kienu ddefiniti sew. Normalment kienu jsegwu x-xmajjar ewlenin bħar-Renju u d-Danubju. Minkejja dan, mhux dejjem kienu l-linji finali tal-fruntiera; il-provinċja ta' Dacia, illum il-ġurnata r-Rumanija, kienet kompletament fl-iktar parti 'l bogħod tad-Danubju, u l-provinċja ta' Germania Magna, li ma għandhiex tiġi konfuża ma' Germania Inferior u ma' Germania Superior, kienet l-art bejn ir-Renu, id-Danubju u l-Elbe, għalkemm din il-provinċja ntilfet fil-Battalja tal-Foresta ta' Teutoburg tliet snin wara li nħolqot.

Fir-Renju Unit, kemm Adrijanu kif ukoll Antoninus Pius bnew difiżi biex jipproteġu l-provinċja ta' Brittanja mill-Kaledonjani. Il-Ħajt ta' Adrijanu, li nbena fil-122 kellu gwarniġjon ta' 10,000 suldat, filwaqt li l-Ħajt ta' Antoninu, li nbena bejn il-142 u l-144, ġie abbandunat sal-164 u okkupat mill-ġdid għal perjodu qasir fil-208, fir-renju ta' Septimius Severus.

Fruntieri Pannonjani

[immodifika | immodifika s-sors]
Mappa tal-limes fl-Awstrija, fis-Slovakkja, fl-Ungerija, fil-Kroazja u fis-Serbja.

Il-fruntieri jew limes Pannonjani (bil-Latin: Limes Pannonicus, bil-Ġermaniż: Pannonischer Limes) hija dik il-parti tal-fruntiera ffortifikata Rumana antika magħrufa bħala l-Fruntieri Rumani tad-Danubju li tibqa' sejra għal madwar 420 km (260 mil) mill-kamp Ruman ta' Klosterneuburg fil-Baċir ta' Vjenna, l-Awstrija, sal-castrum f'Singidunum, illum il-ġurnata Belgrad, is-Serbja. Il-gwarniġjuni ta' dawn il-kampijiet kienu jipproteġu l-provinċji Pannonjani mill-attakki mit-Tramuntana minn żmien Awgustu (31 Q.K.-14 W.K.) sal-bidu tas-seklu 5. F'xi postijiet, din is-sezzjoni tal-limes Rumani kienet taqsam ix-xmara wkoll fit-territorju tal-barbari (Barbaricum).

Il-pożizzjoni tal-Ħajt ta' Adrijanu u tal-Ħajt ta' Antoninu fl-Iskozja u fit-Tramuntana tal-Ingilterra.

Fruntieri tal-Lvant

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-fruntieri tal-Lvant inbidlu bosta drabi, peress li l-Imperu Ruman kien qed jiffaċċja żewġ qawwiet kbar, l-Imperu Partiku u l-Imperu tas-Sassanidi. Il-Partiċi kienu grupp ta' popli Iranjani li kellhom f'idejhom il-biċċa l-kbira tar-Reġjun il-Kbir tal-Iran, li llum il-ġurnata huwa l-Iran, il-Punent tal-Iraq, l-Armenja u l-Kawkażu. Is-Sassanidi ħadu post il-Partiċi fil-224-226 u ġew rikonoxxuti bħala waħda mill-ikbar qawwiet dinjin biswit l-arċirivali ġar tagħhom, l-Imperu Ruman (Biżantin) għal perjodu ta' iktar minn 400 sena.

Fruntieri tan-Nofsinhar

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-aqwa żmien tal-Imperu Ruman, il-fruntiera tan-Nofsinhar kienet tinsab tul id-deżerti tal-Arabja fil-Lvant Nofsani u tas-Saħara fit-Tramuntana tal-Afrika, li kienu jirrappreżentaw fruntiera naturali kontra l-espansjoni. L-Imperu Ruman ikkontrolla x-xtut tal-Mediterran u l-ktajjen muntanjużi iktar 'il ġewwa. Ir-Rumani ppruvaw darbtejn jokkupaw l-Oażi ta' Siwa u fl-aħħar mill-aħħar użaw lil Siwa bħala post ta' tkeċċija. Madankollu, ir-Rumani kkontrollaw in-Nil għal bosta kilometri fl-Afrika sa Syena, Berenice, Hyerasykaminos u saħansitra Qasr Ibrim (l-iżjed fin-Nofsinhar), qrib il-fruntiera moderna bejn l-Eġittu u s-Sudan, dak iż-żmien Meroe, qrib ħafna tat-tropiku. Il-perjodu fejn kull waħda mill-bliet imsemmija hawn fuq kienet tirrappreżenta l-fruntiera finali ta' Ruma mhuwiex ċert.

Il-Limes Africanus taħt Septimius Severus, il-fruntiera tal-Afrika Rumana (bl-iktar skur) fl-aħħar tas-seklu 2 W.K.

Fl-Afrika r-Rumani kkontrollaw iż-żona fit-Tramuntana tas-Saħara, mill-Oċean Atlantikusal-Eġittu, u l-fruntieri kienu kkontrollati permezz ta' bosta sezzjonijiet ta' fortifikazzjonijiet bħal-Limes Arabicus (imsejħa wkoll Limes Uranus), il-Limes Mauretaniae, il-Fossatum Africae, il-Fossa regia, il-Limes Tripolitanus, il-Limes Numidiae, eċċ.

Fin-Nofsinhar ta' Mauritania Tingitana, ir-Rumani għamlu limes fis-seklu 3 W.K., lejn it-Tramuntana taż-żona li llum il-ġurnata hija Casablanca qrib Sala u li kienu jibqgħu sejrin sa Volubilis.

Septimius Severus espanda l-Limes Tripolitanus b'mod drammatiku, u saħansitra żamm preżenza militari fil-belt kapitali ta' Garama fil-203. Il-biċċa l-kbira tas-suċċess inizjali fit-twettiq ta' kampanji nkiseb minn Quintus Anicius Faustus, il-legat ta' Legio III Augusta.

Wara l-konkwisti Afrikani tiegħu, l-Imperu Ruman jaf laħaq l-ikbar kobor tiegħu matul ir-renju ta' Septimius Severus, fejn l-imperu kien jinkludi erja ta' 5 miljun kilometru kwadru (2 miljun mil kwadru).

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Fruntieri tal-Imperu Ruman ewlenin ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1987 bħala sit transnazzjonali tal-Ġermanja u tar-Renju Unit. Fl-2005 u fl-2008 saru xi modifiki fiż-żona ta' lqugħ tas-sit. Fl-2021 il-Fruntieri Rumani tad-Danubju[1] u l-Fruntieri Ġermaniċi Inferjuri (bil-Latin: Limes ad Germaniam inferiorem)[2] tniżżlu bħala żewġ Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO separati minn dan is-sit.[3]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[3]

  • De Agostini (2005). Atlante Storico De Agostini. Novara: Istituto Geografico De Agostini. ISBN 88-511-0846-3.
  • Camer, Augusto and Renato Fabietti. Corso di storia antica e medievale 1 (seconda edizione). ISBN 88-08-24230-7.
  • Grant, Michael (1994). Atlas of Classical History (5th edition). New York: Oxford Univ. Press. ISBN 0-19-521074-3.
  • Scarre, Chris (1995). The Penguin Historical Atlas of Ancient Rome. London: Penguin. ISBN 0-14-051329-9.
  • Breeze, David J. 2011. The Frontiers of Imperial Rome. Barnsley, UK: Pen & Sword.
  • Cordovana, Orietta Dora. 2012. "Historical Ecosystems. Roman Frontier and Economic Hinterlands in North Africa." Historia 61.4: 458-494.
  • Dyson, Stephen. 1985. The Creation of the Roman Frontier. Princeton, NJ: Princeton Univ. Press.
  • Gambash, Gil. 2015. Rome and Provincial Resistance. London: Routledge.
  • Heckster, Olivier, and Ted Kaizer, eds. 2011. Frontiers in the Roman World: Proceedings of the Ninth Workshop of the International Network Impact of Empire. Leiden, The Netherlands: Brill.
  • Hingley, Richard. 2012. Hadrian’s Wall: A Life. Oxford: Oxford Univ. Press.
  • Isaac, Benjamin. 2000. The Limits of Empire: The Roman Army in the East. Rev. ed. Oxford: Oxford Univ. Press.
  • Keppie, Lawrence. 2012. The Antiquarian Rediscovery of the Antonine Wall. Edinburgh: Society of Antiquaries of Scotland.
  • Sterk, Andrea. 2010. "Mission from Below: Captive Women and Conversion on the East Roman Frontier." Church History 79.1:1-39.
  • Zietsman, J.C. 2009. "Crossing the Roman frontier: Egypt in Rome (and beyond)." Acta Classica 52: 1-21.
  1. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Frontiers of the Roman Empire – The Danube Limes (Western Segment)". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-17.
  2. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Frontiers of the Roman Empire – The Lower German Limes". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-17.
  3. ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Frontiers of the Roman Empire". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-17.