Fruntieri Rumani tad-Danubju
Il-Fruntieri Rumani tad-Danubju (bil-Ġermaniż: Donaulimes; bl-Ingliż: Danube Limes) jirreferu għall-fruntiera militari Rumana jew limes tul ix-xmara Danubju fl-istat federali Ġermaniż tal-Bavarja, fl-Awstrija, fis-Slovakkja, fl-Ungerija, fil-Kroazja, fis-Serbja, fil-Bulgarija u fir-Rumanija.
Id-Danubju mhux dejjem kien jintuża mir-Rumani, jew ma kinux jużaw it-tul kollu tax-xmara. Il-fruntiera militari ġiet imċaqilqa lejn it-Tramuntana jew lejn in-Nofsinhar f'xi postijiet skont il-ħakmiet militari, iżda f'bosta postijiet il-fruntiera nżammet bħala struttura difensiva permanenti għal perjodi twal. Il-fruntiera ġiet imsaħħa b'diversi torrijiet tal-għassa, kampijiet tal-leġjuni (castra) u fortijiet (castella). Minħabba n-natura mifruqa u mtajna tax-xtut tax-xmara Danubju ma nbnewx ħitan difensivi kullimkien, bħalma sar fil-każ tal-Fruntieri Rumani ta' Neckar-Odenwald fil-Ġermanja. Il-kampijiet inbnew f'nofs is-seklu 1. Iktar 'il quddiem, taħt Trajanu, il-kampijiet, li oriġinarjament kienu mdawrin biss b'trunċieri u tumbati bil-ħamrija, kienu mdawra b'ħitan tal-ġebel.
Triq Rumana magħrufa bħala t-Triq tad-Danubju (bil-Latin: Via Istrum) ġiet imwittija tul il-Fruntieri Rumani tad-Danubju, u kienet tikkollega l-istazzjonijiet, il-kampijiet u l-fortijiet saħansitra sad-Delta tad-Danubju.[1]
Fl-2021, is-segment tal-Punent tal-Fruntieri Rumani tad-Danubju tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bħala parti mis-sett ta' Siti ta' Wirt Dinji tal-"Fruntieri tal-Imperu Ruman".[2]
Sottodiviżjonijiet
[immodifika | immodifika s-sors]Minħabba t-tul kbir ta' din il-fruntiera, il-Fruntieri Rumani tad-Danubju spiss jinqasmu f'sottodiviżjonijiet li ġejjin:
- il-Fruntieri Rumani Retiċi (il-partijiet biss tul ix-xtut tad-Danubju)
- il-Fruntieri Rumani Noriċi
- il-Fruntieri Rumani Pannonjani (fil-partijiet ta' Fuq u t'Isfel tal-Pannonja)
- il-Fruntieri Rumani Moesjani
Ġermanja u Awstrija
[immodifika | immodifika s-sors]L-eqdem kamp Ruman fl-Awstrija kien dak ta' Carnuntum. Erbatax-il kilometru 'l bogħod, lejn il-Punent, inbena forti awżiljarju (Hilfskastelle) qrib Schlögen (illum il-ġurnata fil-muniċipalità ta' Haibach ob der Donau) fl-Awstrija l-Għolja. Dak iż-żmien, il-limes kienu estiżi minn Vjenna sa Linz, bejn wieħed u ieħor tul il-Wiener Straße (B1) ta' żminijietna.
Peress li d-Danubju mhux dejjem kien joffri protezzjoni adegwata, inbnew irjus il-pont tul ix-xtut tat-Tramuntana tiegħu kontra l-Marcomanni, bħal dak fi Stillfried jew fl-Oberleiser Berg. Madankollu, l-irjus il-pont tneħħew mill-ġdid taħt iben Marku Awrelju, Commodus, u nbniet "strixxa tal-mewt" wiesgħa seba' kilometri tul ix-xmara Danubju.
L-għadd dejjem jiżdied ta' fortifikazzjonijiet li kienu bdew jiġu żdingati ġew rinnovati taħt l-Imperatur Valentinjanu I (364-375) u msaħħa biex jiġu konformi mal-iktar tattiki militari aħħarin. Il-ħitan tkabbru mill-wisa', u l-ħniedaq difensivi ġew rinnovati. Barra minn hekk, inbnew torrijiet tul il-ħitan, bħal torri tal-għassa li ġie skopert qrib Oberranna fl-1960. Dawn il-fortifikazzjonijiet damu xi mitt sena oħra biss qabel il-waqgħa tal-Imperu Ruman. Fl-488, it-territorju li llum huwa tal-Awstrija ġie lliberat mill-istrutturi kollha għajr xi pedamenti. Il-fortifikazzjonijiet Rumani tul il-partijiet t'isfel tad-Danubju nbnew u ssaħħew mill-ġdid, speċjalment taħt Anastasios I u Ġustinjanu I. Finalment intużaw fil-kampanji militari fil-Balkani ta' Maurice u s-suċċessur tiegħu Phocas, bħala bażi għal operazzjonijiet militari ikbar u wħud minnhom saritilhom il-manutenzjoni fil-provinċja ta' Moesia Secunda sal-invażjoni tal-Bulgar fis-679.
Ftit torrijiet difensivi għadhom eżistenti sa llum: f'Bacharnsdorf fl-Awstrija t'Isfel, f'Mautern (Favianis) u f'Traismauer (Augustiana). F'Tulln u f'Zeiselmauer ukoll għad hemm xi fdalijiet tat-torrijiet. Fil-Foresta ta' Kürnberg qrib Linz għad hemm fdalijiet ta' torri tal-għassa mill-perjodu Ruman.
Kampijiet tal-leġjuni ġew stabbiliti f'dawn li ġejjin:[3]
- Lauriacum (Enns)
- Albing
- Vindobona (Wien)
- Carnuntum
Kampijiet (castra) u fortijiet (castella) fl-Awstrija mill-Punent għal-Lvant:[3]
- Stanacum (Engelhartszell)
- Ioviacum (Schlögen)
- Ad Mauros (Eferding)
- Lentia (Linz)
- Ad Iuvense (Wallsee)
- Arelape (Pöchlarn)
- Namare (Melk an der Donau)
- Favianis (Mautern)
- Barbaricum (Fels am Wagram – nördlich der Donau)
- Augustianis (Traismauer)
- Asturis (Zwentendorf)
- Comagena (Tulln)
- Cannabiaca (Zeiselmauer)
- Arrianis/Asturis (Klosterneuburg)
- Ala Nova (Schwechat)
- Mikulov-Tschechien
- Aequinoctium (Fischamend)
- Forti Ruman, Höflein (Höflein)
- Forti Ruman, Stopfenreuth (Engelhartstetten)
Il-Parti t'Isfel tal-Pannonja
[immodifika | immodifika s-sors]Fil-103 W.K., l-Imperatur Trajanu qasam il-provinċja tal-Pannonja f'żewġ partijiet: il-Pannonja ta' Fuq u l-Pannonja t'Isfel. Il-provinċja tal-Pannonja t'Isfel kienet estiża tul in-naħa tal-Lvant tad-Danubju, illum parti mill-Ungerija, mis-Serbja, mill-Kroazja u mill-Bożnja-Ħerzegovina. Il-kolonji u l-irħula nbnew fiż-żona kollha fuq iż-żewġ naħat tad-Danubju, flimkien mal-fortijiet, mal-gwarniġjoni u mal-bażijiet Rumani. Uħud mill-iktar notevoli kienu:
- Transaquincum, Contra Aquincum (Pest)
- Matrica (Százhalombatta)
- Vetus Salina (Adony)
- Intercisa (Dunaújváros)
- Lussonium (Dunakömlőd)
- Alisca ad latus (Őcsény)
- Ad Statuas (Várdomb)
- Lugio/Florentia (Dunaszekcső)
- Altinum (Kölked)
- Ad Militare (Batina)
- Ad Novas (Zmajevac)
- Colonia Aelia Mursa (Osijek)
- Teutoburgium (Dalj)
- Cuccium (Ilok)
- Cusum (Petrovaradin)
- Burgenae (Novi Banovci)
- Colonia Singidunum (Belgrad)
Il-Parti t'Isfel tad-Danubju
[immodifika | immodifika s-sors]Fil-Parti t'Isfel tad-Danubju, fiż-żona li llum hija maqsuma bejn il-Bulgarija u r-Rumanija, inbniet it-Triq tal-Parti t'Isfel tad-Danubju taħt l-Imperatur Tiberju fis-seklu 1 W.K. fuq in-naħa Bulgara tax-xmara.
Fuq iż-żewġ naħat tad-Danubju nbnew kampijiet, gwarniġjoni iżgħar u torrijiet tal-għassa Rumani. Inbnew ukoll insedjamenti ċivili, b'mod predominanti għall-veterani u għall-eks leġjonarji. Il-gwarniġjoni Rumani li ġejjin kienu l-ewwel li ġew stabbiliti matul is-seklu 1 fil-parti t'isfel tad-Danubju:
- Augustae (ħdejn il-villaġġ ta' Hurlets)
- Valeriana (ħdejn il-villaġġ ta' Dolni Vadin)
- Variana (ħdejn il-villaġġ ta' Leskowez)
- Almus (ħdejn ir-raħal ta' Lom)
- Regianum (ħdejn ir-raħal ta' Kozloduy)
- Sexaginta Prista (ħdejn ir-raħal ta' Ruse)
- Dorostorum (ħdejn ir-raħal ta' Silistra)
- Ratiaria (ħdejn ir-raħal ta' Artschar)
- Novae (ħdejn ir-raħal ta' Svishtov)
- Viminatium
- Singidunum (Belgrad)
- Oescus
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Fruntieri Rumani tad-Danubju ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2021.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[2]
Biblijografija
[immodifika | immodifika s-sors]- Ralph F. Hoddinott: Bulgaria in Antiquity. An archeological introduction. Ernest Benn Ltd., London, 1975, ISBN 0-510-03281-8, pp. 111–142.
- Kurt Genser: Der Donaulimes in Österreich (= Schriften des Limesmuseums Aalen. Vol. 44). Württembergisches Landesmuseum, Stuttgart, 1990.
- Gerda von Bülow et al. (eds.): Der Limes an der unteren Donau von Diokletian bis Heraklios. Vorträge der Internationalen Konferenz Svištov, Bulgarien (1–5 September 1998). Verlag NOUS, Sofia, 1999, ISBN 954-90387-2-6.
- Susanne Biegert (ed.): Von Augustus bis Attila. Leben am ungarischen Donaulimes (= Schriften des Limesmuseums Aalen. Vol. 53). Theiss, Stuttgart, 2000, ISBN 3-8062-1541-3.
- Herwig Friesinger et al. (eds.): Der römische Limes in Österreich. Führer zu den archäologischen Denkmälern. 2nd, revised edition. Verlag der Österreichischen Akademie der Wissenschaften, Vienna, 2002, ISBN 3-7001-2618-2.
- Sonja Jilek: Grenzen des Römischen Reiches: Der Donaulimes, eine römische Flussgrenze. Uniwersytet Warszawski, Warsaw, 2009, ISBN 978-83-928330-7-9.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ L-isem mifrux tal-partijiet t'isfel tax-xmara Danubju fi żmien ir-Rumani kien l-Ister.
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Frontiers of the Roman Empire – The Danube Limes (Western Segment)". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-22.
- ^ a b "The FRE Project". limes.univie.ac.at. Miġbur 2022-04-22.