Meroe

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Uħud mill-Piramidi ta' Meroe.

Meroe (/ˈmɛroʊiː/;[1] spelluta wkoll Meroë;[2] bil-Meroitiku: Medewi; bl-Għarbi: مرواه, b'ittri Rumani: Meruwah u مروي, Meruwi; bil-Grieg Antik: Μερόη, b'ittri Rumani: Meróē) kienet belt antika max-xatt tal-Lvant tan-Nil madwar sitt kilometri fil-Grigal tal-istazzjon ta' Kabushiya qrib Shendi, is-Sudan, bejn wieħed u ieħor 200 kilometru fil-Grigal tal-belt kapitali Khartoum. Ħdejn is-sit hemm grupp ta' villaġġi msejħa Bagrawiyah (bl-Għarbi: البجراوية). Din il-belt kienet il-belt kapitali tar-Renju ta' Kux għal diversi sekli mill-ħabta tal-590 Q.K. sal-waqgħa tiegħu fis-seklu 4 W.K. Ir-Renju ta' Kux ta' Meroë ta ismu lill-"Gżira ta' Meroë", li kienet ir-reġjun modern ta' Butana, reġjun ikkonfinat min-Nil (mix-xmara Atbarah sa Khartoum), mill-Atbarah u min-Nil Blu.[3]

Il-belt ta' Meroë kienet tinsab fit-tarf ta' Butana. F'Butana kien hemm żewġ bliet Meroitiċi oħra: Musawwarat es-Sufra u Naqa. L-ewwel minn dawn iż-żewġ siti ngħata l-isem ta' Meroë mir-Re Persjan Kambise, f'ġieħ oħtu li kellha l-istess isem tas-sit. Il-belt oriġinarjament kienet tissejjaħ Saba, f'ġieħ il-fundatur oriġinali tal-pajjiż.[4] L-isem Saba jew Seba, ingħata f'ġieħ wieħed mit-tliet ulied subien ta' Kux (ara l-Ġenesi 10:7). Il-preżenza ta' bosta siti Meroitiċi fi ħdan ir-reġjun tal-Punent ta' Butana u fil-fruntiera ta' Butana stess hija sinifikanti għall-insedjament tal-qalba tar-reġjun żviluppat. L-orjentazzjoni ta' dawn l-insedjamenti toħroġ fid-dieher l-eżerċitar tas-setgħa statali fuq il-produzzjoni għall-għajxien.[5]

Ir-Renju ta' Kux, bil-belt ta' Meroë, jirrappreżenta wieħed minn sensiela ta' stati bikrin fi ħdan in-nofs tan-Nil. Huwa wieħed mill-iżjed stati bikrin u l-iktar avvanzati fil-kontinent Afrikan. Meta wieħed iqis l-ispeċifiċità tal-istati bikrin tal-madwar fi ħdan nofs in-Nil, wieħed jista' japprezza iktar il-belt ta' Meroë flimkien mal-iżviluppi storiċi ta' stati storiċi oħra permezz tal-iżvilupp tal-poter fi ħdan stati oħra tal-Wied tan-Nil.

Is-sit tal-belt ta' Meroë fih iktar minn mitejn piramida maqsuma fi tliet gruppi, u bosta minnhom jinsab fi stat ta' fdalijiet. Għandhom id-daqs u l-proporzjonijiet distintivi tal-piramidi Nubjani.

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Meroë kienet il-belt kapitali tan-Nofsinhar tar-Renju ta' Kux. Ir-Renju ta' Kux kien jeżisti mill-ħabta tat-800 Q.K. sal-ħabta tat-350 W.K. Inizjalment, il-belt kapitali prinċipali tiegħu kienet tinsab iktar lejn it-Tramuntana f'Napata.[6] Ir-Re Aspelta ttrasferixxa l-belt kapitali lejn Meroë, konsiderevolment iktar lejn in-Nofsinhar minn Napata, x'aktarx għall-ħabta tal-591 Q.K., eżatt wara s-serqa tar-rikkezzi ta' Napata mill-Faragħun Eġizzjan Psamtik II.[7]

Martin Meredith jistqarr li l-mexxejja Kuxiti għażlu lil Meroë, bejn il-Ħames u s-Sitt Kataratti, minħabba li kienet fit-tarf tal-preċipitazzjoni tas-sajf, u l-inħawi kienu rikki fil-minerali tal-ħadid u l-injam iebes għall-produzzjoni tal-ħadid. Il-pożizzjoni tal-belt kienet tagħti aċċess ukoll għar-rotot kummerċjali lejn il-Baħar l-Aħmar. Il-belt ta' Meroë kienet tinsab tul in-nofs tan-Nil li kien ta' importanza kbira minħabba l-għargħar annwali tal-wied tax-xmara Nil u l-kollegament ma' bosta sistemi ta' xmajjar ewlenin bħan-Niġer li kienu siewja għall-produzzjoni tal-bċejjeċ tal-fuħħar u l-ħadid li kienu karatteristiċi tar-Renju Meroitiku u li wasslu għall-ksib tal-poter. Skont testi Meroitiċi parzjalmet deċifrati, isem il-belt kien Medewi.

L-Ewwel Perjodu Meroitiku (542-315 Q.K.)[immodifika | immodifika s-sors]

Ir-Rejiet irrenjaw fuq Napata u Meroë. Is-sede tal-gvern u l-palazz irjali kienu jinsabu f'Meroë. It-tempju prinċipali ta' Amun kien jinsab f'Napata. Ir-rejiet u bosta rġejjen indifnu f'Nuri, u xi rġejjen indifnu f'Meroë, fiċ-Ċimiterju tal-Punent. L-ewwel re kien Analmaye (542-538 Q.K.) u l-aħħar re tal-ewwel fażi kien Nastasen (335-315 Q.K.).[8]

Fis-seklu 5 Q.K., l-istoriku Grieg Erodotu ddeskriviha bħala "belt kbira... li jingħad li hija l-belt omm ta' Etjopjani oħra".[9][10]

L-iskavi żvelaw evidenza ta' difniet Kuxiti importanti ta' livell għoli mill-Perjodu ta' Napatan (mill-ħabta tat-800 sal-ħabta tal-280 Q.K.) qrib l-insedjament imsejjaħ iċ-Ċimiterju tal-Punent. L-importanza tal-belt gradwalment żdiedet mill-bidu tal-Perjodu Meroitiku, speċjalment mir-renju ta' Arakamani (għall-ħabta tal-280 Q.K.) meta s-sit tad-dfin irjali ġie ttrasferit minn Napata (Gebel Barkal) għal Meroë. Id-difniet irjali ffurmaw il-Piramidi ta' Meroë, li kien fihom il-fdalijiet tar-Rejiet u tal-Irġejjen ta' Meroë mill-ħabta tat-300 Q.K. sal-ħabta tat-350 W.K.[11]

Ir-"Re Arċier", re mhux magħruf ta' Meroë, is-seklu 3 Q.K., li issa jinsab fil-Mużew Nazzjonali tas-Sudan.

It-Tieni Perjodu Meroitiku (Seklu 3 Q.K.)[immodifika | immodifika s-sors]

Is-sede tal-gvern u l-palazz irjali kienu jinsabu f'Meroë. Ir-rejiet u l-irġejjen indifnu f'Meroë, fiċ-Ċimiterju tan-Nofsinhar. Napata baqgħet rilevanti għat-Tempju ta' Amun. L-ewwel re tal-perjodu kien Aktisanes (fil-bidu tas-seklu 3 Q.K.) u l-aħħar re tal-perjodu kien Sabrakamani (l-ewwel nofs tas-seklu 3 Q.K.).

It-Tielet Perjodu Meroitiku (270 Q.K. – is-Seklu 1 W.K.)[immodifika | immodifika s-sors]

Is-sede tal-gvern u l-palazz irjali jinsabu f'Meroë. Ir-rejiet indifnu f'Meroë, fiċ-Ċimiterju tat-Tramuntana, u l-irġejjen indifnu fiċ-Ċimiterju tal-Punent. Napata baqgħet rilevanti għat-Tempju ta' Amun. Il-belt ta' Meroë ffjorixxiet u twettqu bosta proġetti tal-kostruzzjoni. L-ewwel re tal-perjodu kien Arakamani (270-260 Q.K.), u l-aħħar mexxejja tal-perjodu kienet ir-Reġina Amanitore (fin-nofs u l-aħħar tas-seklu 1 W.K.).

Instabu bosta artefatti fl-oqbra Meroitiċi ta' dan il-perjodu.

Kunflitt ma' Ruma[immodifika | immodifika s-sors]

Il-ħakma tal-Eġittu min-naħa ta' Ruma wasslet għal taqbid fil-fruntieri kif ukoll għal inkursjonijiet minn Meroë lil hinn mill-fruntieri Rumani. Fit-23 Q.K., b'rispons għal attakk Nubjan fuq in-Nofsinhar tal-Eġittu, il-gvernatur Ruman tal-Eġittu, Publiju Petronju, invada lin-Nubja sabiex itemm l-attakki Meroitiċi. Huwa seraq ir-rikkezzi tat-Tramuntana tan-Nubja u seraq ir-rikkezzi ta' Napata (22 Q.K.) qabel ma reġa' lura Ruma. Sabiex jirritaljaw, in-Nubjani qasmu l-fruntiera t'isfel tal-Eġittu u serqu bosta statwi mill-irħula Eġizzjani qrib l-ewwel kataratta tan-Nil f'Aswan. Iktar 'il quddiem il-qawwiet Rumani użaw ħafna mill-istatwi intatti, u oħrajn ġew irritornati wara t-trattat ta' paċi ffirmat fit-22 Q.K. bejn Ruma u Meroë taħt Awgustu u Amanirenas, rispettivament. Ras minn statwa tal-imperatur Awgustu li kienet insterqet, indifnet taħt it-taraġ ta' tempju u issa tinżamm fil-Mużew Brittaniku.

Il-kuntatt irreġistrat ta' wara bejn Ruma u Meroë kien fil-ħarifa tal-61 W.K. L-Imperatur Neruni bagħat grupp ta' suldati Pretorjani taħt il-kmand ta' tribuna u żewġ ċenturjuni f'dan il-pajjiż, u dawn meta waslu fil-belt ta' Meroë ngħataw skorta, u mbagħad ipproċedew lejn in-Nil Abjad sa ma waslu fl-artijiet imtajna tas-Sudd. Dawn immarkaw il-limitu tal-penetrazzjoni Rumana fl-Afrika.

Il-perjodu ta' wara l-ispedizzjoni punittiva ta' Petronju huwa mmarkat minn abbundanza ta' sejbiet kummerċjali fis-siti ta' Meroë. L. P. Kirwan jipprovdi lista qasira ta' sejbiet mis-siti arkeoloġiċi f'dak il-pajjiż. Il-poter tar-renju ta' Meroë beda jbatti mas-seklu 1 jew 2 W.K., l-iktar minħabba l-gwerra mal-Eġittu Ruman u d-deklin tal-industriji tradizzjonali tiegħu.

Meroë tissemma fil-qosor fis-seklu 1 W.K. fil-Periplus tal-Baħar Eritrew:

2. Fil-kosta tan-naħa tal-lemin taħt Berenice hemm il-pajjiż tal-Berberi. Tul il-kosta hemm il-Wikkiela tal-Ħut, li jgħixu f'għerien sparpaljati fil-widien dojoq. Iktar 'il ġewwa hemm il-Berberi, u lil hinn minnhom hemm il-Wikkiela tal-Laħam Nej u l-Wikkiela tal-Għoġġiela, u kull tribù huwa mmexxi mill-kap tiegħu; u warajhom, iktar 'il ġewwa, fil-pajjiż lejn il-Punent, hemm belt jisimha Meroe. —  Periplus Maris Erythraei, Kap. 2 (traduzzjoni mhux uffiċjali).

Ir-Raba' Perjodu Meroitiku (is-Seklu 1 – is-Seklu 4 W.K.)[immodifika | immodifika s-sors]

Ir-rejiet indifnu f'Meroë, fiċ-Ċimiterju tat-Tramuntana, u l-Irġejjen indifnu fiċ-Ċimiterju tal-Punent. Fit-350 W.K. Meroë nqerdet minn Aksum. L-ewwel re tar-raba' perjodu kien Shorkaror (is-seklu 1 W.K.), filwaqt li l-aħħar mexxejja jaf kienu r-Re Yesebokheamani jew ir-Re Talakhidamani fis-seklu 4 W.K. Il-preżenza Aksumita ma tantx damet qabel ma Meroë ma reġgħet ittieħdet mir-Renju ta' Alodija.

Stele ta' Ge'ez ta' mexxej bla isem tar-Renju ta' Aksum, maħsub li kien Ezana, instabet fis-sit ta' Meroë; mid-deskrizzjoni tagħha bil-Grieg, huwa kien "Re tal-Aksumiti u tal-Omeriti", (jiġifieri ta' Aksum u ta' Himyar) u x'aktarx li dan ir-re rrenja għall-ħabta tat-330. Kitba oħra mnaqqxa bil-Grieg tagħti d-deskrizzjoni rjali ta' Ezana:

Jien, Ezana, ir-Re tal-Aksumiti u tal-Omeriti kif ukoll ta' Reeidan u tas-Sabaiti u ta' Sileel u ta' Hasa u tal-Bugaiti u ta' Taimo... —  Kitba mnaqqxa ta' Ezana.

Filwaqt li xi awtoritajiet jinterpretaw dawn il-kitbiet imnaqqxa bħala prova li l-Aksumiti qerdu r-Renju ta' Kux, oħrajn isostnu li l-evidenza arkeoloġika tindika deklin ekonomiku u politiku f'Meroë għall-ħabta tat-300. Barra minn hekk, uħud iħarsu lejn l-istele bħala għajnuna militari minn Aksum lil Meroë sabiex itaffu r-rewwixta u r-ribelljoni min-Nuba. Madankollu, evidenza konklużiva dwar liema fehma hija korretta ma teżistix attwalment.

Meroë fil-leġġendi Lhud[immodifika | immodifika s-sors]

Skont it-tradizzjoni orali Lhudija, Mosè meta kien żgħir kien mexxa spedizzjoni militari Eġizzjana lejn is-Sudan (Kux), saħansitra sal-belt ta' Meroë, li dak iż-żmien kienet imsejħa Saba. Il-belt kienet mibnija qrib il-konfluwenza ta' żewġ xmajjar kbar u kienet imdawra b'ħajt imponenti, u mmexxija minn re rinnegat. Sabiex jiżgura s-sikurezza tal-irġiel tiegħu li qasmu dak id-deżert, Mosè kien ivvinta strateġemma li permezz tagħha l-armata Eġizzjana ġarret magħha qfief tas-sogħda, kollha kemm huma b'velleran ġo fihom, li mbagħad kienu jinħelsu ladarba joqorbu lejn il-pajjiż tal-għadu. L-iskop tal-għasafar kien li joqtlu s-sriep velenużi li kienu jinsabu jgħixu ħielsa f'dak il-pajjiż. Wara assedju ta' suċċess fil-belt, eventwalment il-belt ċediet bis-saħħa tat-tradiment ta' bint ir-re, li qablet li tgħaddi r-riedni tal-belt lil Mosè bil-kundizzjoni ta' ġurament li jiżżewwiġha.

Ċivilizzazzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Meroë kienet il-bażi ta' renju li ffjorixxa u li l-ġid tiegħu kien iċċentrat fuq industrija b'saħħitha tal-ħadid, kif ukoll fuq kummerċ internazzjonali li kien jinvolvi lill-Indja u liċ-Ċina. Il-produzzjoni tal-metalli x'aktarx li kienet preżenti f'Meroë, permezz ta' fran tal-ibblastjar. Archibald Sayce jingħad li rrefera għaliha bħala "l-Birmingham tal-Afrika", minħabba l-produzzjoni kbira u l-kummerċ tal-ħadid ipperċepiti (xi ħaġa li ħolqot dibattitu kbir fost l-istudjużi moderni).

Il-kontroll iċċentralizzat tal-produzzjoni fi ħdan l-imperu Meroitiku u d-distribuzzjoni ta' ċerti artiġjani u manifatturi jaf kienu importanti politikament u b'hekk l-industrija tal-ħadid u l-artiġjanat tal-bċejjeċ tal-fuħħar x'aktarx li kisbu importanza sinifikanti. L-insedjamenti Meroitiċi kienu orjentati lejn savanna b'insedjamenti agrikoli permanenti u inqas permanenti skont l-isfruttament tal-artijiet misqija bix-xita u l-forom ta' għajxiex orjentati lejn is-savanna.

Dak iż-żmien, il-ħadid kien wieħed mill-iżjed metalli importanti fid-dinja, u l-produtturi tal-metalli Meroitiċi kienu fost l-aqwa fid-dinja. Meroë kienet tesporta wkoll it-tessuti u l-ġojjellerija. It-tessuti tagħhom kienu bbażati fuq il-qoton u l-ħidma ta' dan il-prodott laħqet il-qofol tagħha fin-Nubja għall-ħabta tal-400 Q.K. Barra minn hekk, in-Nubja kienet rikka ħafna fid-deheb. X'aktarx li l-kelma Eġizzjana għal deheb, nub, kienet is-sors ta' isem Nubja. Il-kummerċ tal-annimali "eżotiċi" minn iktar lejn in-Nofsinhar fl-Afrika kienet karatteristika oħra tal-ekonomija tagħhom.

Apparti l-kummerċ tal-ħadid, il-produzzjoni tal-bċejjeċ tal-fuħħar kienet industrija prominenti u mifruxa fir-renju ta' Meroë. Il-produzzjoni ta' oġġetti fini u mżejna b'mod elaborat kienet tradizzjoni b'saħħitha fi ħdan in-nofs tan-Nil. Dawn il-produzzjonijiet kellhom importanza soċjali konsiderevoli u huwa maħsub li kienu involuti fir-riti mortwarji. L-istorja twila ta' oġġetti importati fl-imperu Meroitiku u d-distribuzzjoni sussegwenti tagħhom jagħtu ħjiel dwar il-ħajja soċjali u politika tal-istat Meroitiku. Il-varjabbli ewlenija tal-produzzjoni kienet id-disponibbiltà tal-ħaddiema iktar milli l-poter politiku assoċjat mal-art. Il-poter kien assoċjat mal-kontroll tan-nies iktar minn mal-kontroll tat-territorju.

Is-sakia kienet tintuża għaċ-ċaqliq tal-ilma, flimkien mal-irrigazzjoni, biex tiżdied il-produzzjoni tal-għelejjel.

Fil-qofol tagħhom, il-mexxejja ta' Meroë kienu jikkontrollaw il-Wied tan-Nil mit-Tramuntana san-Nofsinhar, tul distanza ta' linja dritta ta' iktar minn 1,000 kilometru (620 mil).

Ir-Re ta' Meroë kien mexxej awtokratiku li kkondivida l-awtorità tiegġu biss mar-Reġina Omm. Madankollu, ir-rwol tar-Reġina Omm mhuwiex ċar x'kien. L-amministrazzjoni kienet tikkonsisti minn teżoriera, dawk li kienu jżommu s-siġilli, kapijiet tal-arkivji u skribi ewlenin, fost l-oħrajn.

Għalkemm in-nies ta' Meroë kellhom divinitajiet ukoll tan-Nofsinhar bħal Apedemak, l-iben-iljun ta' Sekhmet (jew Bast, skont ir-reġjun), huma baqgħu jqimu lill-allat tal-Eġittu Antik. Fost dawn id-divinitajiet kien hemm Amun, Tefnut, Horus, Isis, Thoth u Satis, għalkemm ftit inqas mill-oħrajn.

Il-kollass tal-kummerċ barrani ma' stati oħra tal-Wied tan-Nil jista' jitqies bħala waħda mill-kawżi primarji tad-deklin tal-poter irjali u d-diżintegrazzjoni tal-istat Meroitiku fis-sekli 3 u 4 W.K.

Lingwa[immodifika | immodifika s-sors]

Il-lingwa Meroitika kienet mitkellma f'Meroë u fis-Sudan matul il-perjodu Meroitiku (attestata mit-300 Q.K.). Din saret estinta għall-ħabta tal-400 W.K. Il-lingwa kienet miktuba b'żewġ forom tal-alfabett Meroitiku: il-Magħqud Meroitiku, li kien jinkiteb b'pinna u kien jintuża għaż-żamma tar-rekords ġenerali; u l-Ġeroglifiċi Meroitiċi, li kienu mnaqqxa fil-ġebel jew kienu jintużaw għal dokumenti irjali jew reliġjużi. Mhuwiex mifhum sew minħabba l-iskarsezza ta' testi bilingwi. L-iżjed kitba Meroitika bikrija tmur lura għal bejn il-180 u l-170 Q.K. Dawn il-ġeroglifiċi kienu mnaqqxin fit-Tempju tar-Reġina Shanakdakhete. Il-Magħqud Meroitiku kien miktub b'mod orizzontali, u jinqara mil-lemin għax-xellug bħall-biċċa l-kbira tal-ortografiji Semitiċi.

Sas-seklu 3 Q.K., alfabett indiġenu ġdid, il-Meroitiku, li kien jikkonsisti minn 23 ittra, issostitwixxa l-kitba Eġizzjana. Il-kitba Meroitika hija kitba alfabetika li oriġinarjament żviluppat mill-ġeroglifiċi Eġizzjani, li kienet tintuża biex tinkiteb il-lingwa Meroitika tar-Renju ta' Kux. Ġiet żviluppata fil-Perjodu ta' Napatan (għall-ħabta tas-700 – 300 Q.K.), u tfaċċat għall-ewwel darba fis-seklu 2 Q.K. Għal xi żmien, kienet tintuża possibbilment ukoll għall-kitba tal-lingwa Nubjana tar-renji Nubjani suċċessivi.

Mhuwiex ċert x'inhi r-rabta lingwistika tal-lingwa Meroitika. Kirsty Rowan tissuġġerixxi li l-Meroitiku, bħal-lingwa Eġizzjana, hija parti mill-familja Afro-Asjatika. Dan tibbażah fuq l-inventarju tal-ħsejjes u l-fonotattiki, li tipproponi li huma simili għal dawk tal-lingwi Afro-Asjatiċi u differenti dawk tal-lingwi tan-Nil u tas-Saħara. Claude Rilly, abbażi tas-sintassi, tal-morfoloġija u tal-vokabularju magħruf tagħha, jipproponi li l-Meroitiku, bħal-lingwa Nobiin, minflok tagħmel parti mill-fergħa tal-Lvant tas-Sudan tal-familja tal-lingwi tan-Nil u tas-Saħara.

Arkeoloġija[immodifika | immodifika s-sors]

Is-sit ta' Meroë sar magħruf fost l-Ewropej fl-1821 bis-saħħa tal-mineraloġista Franċiż Frédéric Cailliaud (1787-1869), li ppubblika dokument bl-illustrazzjonijiet fejn iddeskriva l-fdalijiet tal-belt. Ix-xogħol tiegħu kien jinkludi l-ewwel pubblikazzjoni magħrufa tal-kitba tal-Latin l-iktar fin-Nofsinhar.

Bħalma jinnota Margoliouth fl-1911 fl-enċiklopedija Britannica, fl-1834 saru xi skavi fuq skala żgħira, immexxija minn Giuseppe Ferlini, li kif jistqarr Margoliouth, "skopra (jew sostna li skopra) diversi antikitajiet, l-iktar ġojjellerija, li issa tinsab fil-mużewijiet ta' Berlin u Munich". Margoliouth ikompli jistqarr:

Il-fdalijiet ġew eżaminati fl-1844 minn C. R. Lepsius, li ġab miegħu bosta pjanijiet, skizzi u kopji, apparti l-antikitajiet infushom, lejn Berlin. Saru iktar skavi minn E. A. Wallis Budge fl-1902 u fl-1905, u r-riżultati tagħhom ġew irreġistrati fix-xogħol tiegħu The Egyptian Sudan: its History and Monuments… Sir Reginald Wingate, il-gvernatur tas-Sudan, ipprovda truppi li ħejjew mogħdijiet lejn il-piramidi u bejniethom, u li stabbilew xaftijiet u affarijiet oħra. Instab li l-piramidi kienu mibnija regolarment fuq kompartimenti b'sepolkri, li kien fihom il-fdalijiet ta' katavri maħruqa jew midfuna mingħajr mummifikazzjoni. L-iżjed oġġetti interessanti li nstabu kienu r-riljievi mal-ħitan tal-kappella, deskritti diġà minn Lepsius, li kien fihom l-ismijiet bir-rappreżentazzjonijiet tal-irġejjen u ta' xi rejiet, flimkien ma' xi kapitli tal-Ktieb tal-Mejtin; xi steli bil-kitbiet imnaqqxa bil-lingwa Meroitika, u xi reċipjenti tal-metall u tat-tajn. L-aqwa riljievi tneħħew ġebla ġebla fl-1905, u tpoġġew għall-wiri parzjalment fil-Mużew Brittaniku u parzjalment fil-Mużew ta' Khartoum. Fl-1910, wara rapport mill-Professur Archibald Sayce, inbdew skavi fit-tumbati tal-belt u fin-nekropoli minn John Garstang f'isem l-Università ta' Liverpool, u ġew skoperti l-fdalijiet ta' palazz u diversi tempji tar-rejiet Meroitiċi. (traduzzjoni mhux uffiċjali)

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Is-Siti Arkeoloġiċi ta' Meroë ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO f'Ġunju 2011.[3]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[3]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ Publishers, HarperCollins. "The American Heritage Dictionary entry: Meroe". www.ahdictionary.com. Miġbur 2023-10-16.
  2. ^ Meroe. Volume 18. Miġbur 2023-10-16.
  3. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Archaeological Sites of the Island of Meroe". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-16.
  4. ^ Josephus, Titus Flavius, Antiquities of the Jews, it-Tieni Ktieb, il-Kapitlu 10, it-Tieni Taqsima, il-paragrafi 245–247 u 249.
  5. ^ Edwards, David N. (1998). "Meroe and the Sudanic Kingdoms". The Journal of African History. 39 (2): 175–193.
  6. ^ Török, László (1997). The Kingdom of Kush: Handbook of the Napatan-Meroitic Civilization. Handbuch der Orientalistik. Erste Abteilung, Nahe und der Mittlere Osten. Vol. 31. Leiden: Brill. ISBN 90-04-10448-8.
  7. ^ Festus Ugboaja Ohaegbulam (1 October 1990). Towards an understanding of the African experience from historical and contemporary perspectives. University Press of America. p. 66. ISBN 978-0-8191-7941-8.
  8. ^ Dows Dunham, Notes on the History of Kush 850 B. C. – A. D. 350, American Journal of Archaeology, Vol. 50, No. 3 (July – September , 1946), pp. 378–388.
  9. ^ Herodotus (1949). Herodotus. Translated by J. Enoch Powell. Tradott bl-Ingliż minn Enoch Powell. Oxford: Clarendon Press. pp. 121–122.
  10. ^ Connah, Graham (1987). African Civilizations: Precolonial Cities and States in Tropical Africa: An Archaeological Perspective. Cambridge University Press. p. 24. ISBN 978-0-521-26666-6.
  11. ^ George A. Reisner, The Pyramids of Meroë and the Candaces of Ethiopia, Museum of Fine Arts Bulletin, Vol. 21, No. 124 (Apr., 1923), pp. 11–27.