Gebel Barkal

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
L-għolja tal-blat ta' Gebel Barkal.

Gebel Barkal (bl-Għarbi: جبل بركل, b'ittri Rumani: Jabal Barkal, spelluta wkoll Jebel Barkal jew Ġebel Barkal) huwa għolja tal-blat, madwar 400 kilometru fit-Tramuntana tal-belt kapitali Khartoum, qrib Karima fl-Istat tat-Tramuntana tas-Sudan, max-xmara Nil, fir-reġjun li xi kultant jissejjaħ Nubja. Gebel Barkal huwa għoli 104 metri, għandu quċċata ċatta, u beda jkollu importanza reliġjuża kemm għall-abitanti ta' Kux kif ukoll għall-abitanti tal-Eġittu Antik. Fl-2003, l-għolja, flimkien mas-sit arkeoloġiku estensiv eżatt taħtha (Napata tal-qedem), tniżżlu bħala l-qalba ta' Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1] Fl-inħawi ta' Gebel Barkal hemm ukoll il-Mużew ta' Gebel Barkal.

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Statwa tal-Faragħun Taharqa minn Gebel Barkal (3.6 metri) li issa tinsab fil-Mużew Nazzjonali tas-Sudan.

L-iżjed okkupazzjoni bikrija ta' Gebel Barkal kienet dik tal-kultura ta' Kerma li kienet magħrufa wkoll bħala Kux, iżda din l-okkupazzjoni sa issa hija magħrufa biss permezz ta' bċejjeċ tal-fuħħar sparpaljati biss.

Għall-ħabta tal-1450 Q.K., il-Faragħun Eġizzjan Thutmose III ħakem Gebel Barkal u bena insedjament iffortifikat (menenu Eġizzjan) hemmhekk bħala l-limitu tan-Nofsinhar tal-imperu Eġizzjan. Il-belt u r-reġjun tal-madwar bdew jissejħu Napata, u l-okkupazzjoni Eġizzjana ta' Gebel Barkal kienet estiża sal-biċċa l-kbira tar-Renju l-Ġdid tal-Eġittu. L-Eġizzjani bnew kumpless ta' tempji fis-sit, iċċentrat fuq Tempju ta' Amun ta' Napata — forma lokali b'ras ta' muntun tad-divinità prinċipali tal-belt kapitali Eġizzjana ta' Tebe, l-Eġittu. Fl-aħħar snin tar-Renju l-Ġdid u wara l-waqgħa tiegħu fl-1169 Q.K., ma tantx kien hemm kostruzzjoni f'Gebel Barkal. Apparti t-tempji, ma nstabet l-ebda traċċa ta' dan l-insedjament Eġizzjan fis-sit.

Gebel Barkal kienet il-belt kapitali tar-Renju ta' Kux meta reġa' kiseb il-poter fis-snin ta' wara t-800 Q.K. bħala d-Dinastija ta' Napata. Ir-rejiet Kuxiti li ħakmu u rrenjaw fl-Eġittu bħala l-25 Dinastija, fosthom Kashta, Piankhy (jew Piye), u Taharqa, kollha bnew, irrinnovaw u kabbru l-istrutturi monumentali fis-sit.

Wara l-ħakma Assirjana tal-Eġittu f'nofs is-seklu 7 Q.K., il-Kuxiti komplew jirrenjaw lil Kux u Gebel Barkal u l-belt ta' Meroë baqgħu l-iżjed ċentri urbani importanti ta' Kux. Il-palazzi u t-tempji ta' Gebel Barkal baqgħu jiġu rinnovati mis-seklu 7 sal-bidu tas-seklu 3 Q.K. Il-biċċa l-kbira tal-piramidi għad-difniet irjali tar-rejiet u tal-irġejjen ta' Kux f'dan iż-żmien inbnew fis-sit ta' Nuri, disa' kilometri lejn il-Grigal ta' Gebel Barkal.

Fil-270 Q.K., is-sit tad-difniet irjali Kuxiti ġie ttrasferit lejn Meroë, u dan inawgura l-perjodu Meroitiku tar-Renju ta' Kux. Gebel Barkal baqgħet belt importanti ta' Kux matul il-perjodu Meroitiku. Inbnew sensiela ta' palazzi u l-iktar wieħed notevoli kien dak li nbena mir-Re Natakamani. Barra minn hekk, inbnew ukoll tempji ġodda, filwaqt li t-tempji antiki ġew rinnovati. Matul is-seklu 1 Q.K. sas-seklu 1 W.K., inbnew tmien piramidi għad-difniet irjali f'Gebel Barkal (minflok f'Meroë), għal raġunijiet li għadhom mhux magħrufa, iżda x'aktarx bħala riflessjoni tal-prominenza ta' xi familja jew iktar mill-belt.

Wara l-waqgħa ta' Kux matul is-seklu 4 W.K., Gebel Barkal baqgħet tiġi okkupata fil-perjodu Medjevali (Kristjan) ta' Nubja, kif joħroġ fid-dieher mill-fdalijiet arkitettoniċi, mill-istrutturi funebri u mill-kitbiet funebri mnaqqxa fuqhom.

Tempji[immodifika | immodifika s-sors]

Fdalijiet tat-Tempju ta' Amun f'Gebel Barkal.

Il-fdalijiet madwar Gebel Barkal jinkludu mill-inqas 13-il tempju li nbnew, ġew rinnovati u tkabbru matul perjodu ta' iktar minn 1,500 sena. It-tempji ġew deskritti għall-ewwel darba minn sensiela ta' esploraturi Ewropej mill-bidu tas-snin 20 tas-seklu 19. It-tpinġijiet u d-deskrizzjonijiet tagħhom, b'mod partikolari dawk ta' Frédéric Cailliaud (1821), Louis Maurice Adolphe Linant de Bellefonds (1821), u Karl Richard Lepsius (1844), jirreġistraw dettalji arkitettoniċi sinifikanti li minn dak iż-żmien 'l hawn għebu. Fl-1862 ġew irkuprati ħames kitbiet imnaqqxa tat-Tielet Perjodu Intermedju minn uffiċjal Eġizzjan u dawn ġew ittrasportati lejn il-Mużew tal-Kajr. Madankollu, saru skavi arkeoloġiċi xjentifiċi fl-1916 minn spedizzjoni konġunta tal-Università ta' Harvard u l-Mużew tal-Belle Arti ta' Boston taħt it-tmexxija ta' George Reisner. Mis-snin 70 tas-seklu 20, l-esplorazzjonijiet komplew minn tim mill-Università La Sapienza ta' Ruma, taħt it-tmexxija ta' Sergio Donadoni, flimkien ma' tim ieħor mill-Mużew ta' Boston, fis-snin 80 tas-seklu 20, taħt it-tmexxija ta' Timothy Kendall.[2]

Tempju ta' Amun u Tempju ta' Mut[immodifika | immodifika s-sors]

It-tempji l-kbar, bħat-Tempju ta' Amun, għadhom sal-lum jitqiesu bħala sagri għall-popolazzjoni lokali. Il-kompartimenti b'ħitan imnaqqxa u mpittra tat-Tempju ta' Mut għadhom ippreservati sew.

Tempju B700[immodifika | immodifika s-sors]

It-Tempju ta' Amun f'Gebel Barkal, li nbena oriġinarjament matul ir-Renju l-Ġdid Eġizzjan iżda li tkabbar ferm minn Piye.

It-Tempju B700, li nbena minn Atlanersa u żżejjen minn Senkamanisken, issa nqered kważi għalkollox. Kien jingħata l-qoxra sagra ta' Amun mit-Tempju B500 fil-qrib f'ċerti okkażjonijiet ritwali, u jaf intuża matul l-inkurunazzjoni tar-rejiet tal-perjodu bikri ta' Napatan, f'nofs is-seklu 7 Q.K. It-tempju żżejjen minn Senkamanisken, li jidher qed isawwat l-għedewwa tiegħu b'għuda.[3]

Il-ġeroglifiċi mnaqqxa fit-tempju jiddeskrivu r-rwol tad-divinità Amun fl-għażla ta' Sekamanisken bħala re:

Meta kont għadek f'ġuf ommok, kont għidt li kellek tkun il-mexxej ta' Kemet ["l-Art Sewda", x'aktarx li tfisser l-Eġittu jew Kux]. Kont naf diġà meta kont għadek trid tiġi kkonċeput mis-semen u l-bajda tal-ġenituri tiegħek, li kellek issir mexxej. Rajt li tingħata l-Kuruna l-Kbira, li Ra wassallek mal-ewwel opportunità tajba. Għalkemm missier iwassal biex ibnu jkun eċċellenti, kont jien li għamiltek Re. Għaldaqstant min se jaqsam ir-renju miegħek? Għaliex jien il-Mulej tas-Smewwiet. Bħalma jien nagħti lil Ra, hekk hu jagħti lil uliedu, mid-divinitajiet għall-irġiel. Kont jien li tajtek il-karta rjali.... Ħadd iktar ma jista' jiddeċiedi min se jkun ir-re. Jien biss nagħti r-renju lil min irrid. —  Kitba mnaqqxa ta' Amun, fil-freġju ta' Sekamanisken tat-Tempju B700.[4]

Piramidi[immodifika | immodifika s-sors]

Piramida f'Gebel Barkal.

Gebel Barkal intużat bħala ċimiterju rjali matul ir-Renju Meroitiku. L-iżjed difniet bikrin imorru lura għas-seklu 3 Q.K.[6]

  • Difna 1, Re minn nofs is-seklu 1 Q.K;
  • Difna 2, ir-Re Teriqas (għall-ħabta tad-29-25 Q.K.);
  • Difna 4, ir-Reġina Amanirenas (is-seklu 1 Q.K.);
  • Difna 6, ir-Reġina Nawidemak (is-seklu 1 Q.K.);
  • Difna 7, ir-Re Sabrakamani (is-seklu 3 Q.K.);
  • Difna 9, ir-Re jew ir-Reġina tal-bidu tas-seklu 2 W.K.;
  • Difna 11, ir-Re Aktisanes (is-seklu 3 Q.K.);
  • Difna 14, ir-Re Aryamani (is-seklu 3 Q.K.);
  • Difna 15, ir-Re Kashmerj Imen (is-seklu 3 Q.K.).[7]

Storja ta' Skavi fis-Sit[immodifika | immodifika s-sors]

Il-fdalijiet urbani ta' Napata għadhom ma ġewx skavati b'mod sinifikanti, iżda t-tumbati tar-radam jindikaw li fl-inħawi x'aktarx fil-qedem kien hemm insedjament kbir. Ma hemm l-ebda traċċa ta' insedjament pre-Eġizzjan, għalkemm dan jaf jinbidel iktar ma jsiru skavi fis-sit. L-iżjed binjiet bikrin li nstabu f'Napata jmorru lura għal nofs it-18-il Dinastija. L-ewwel arkeologu li ħadem fis-sit kien George A. Reisner, li ħadem hemmhekk fl-1916-1920 u skava għadd ta' binjiet. L-ewwel skavi tiegħu f'Napata żvelaw struttura Meroitika kbira (imsejħa "B100") li kienet tmur lura għas-seklu 1 W.K. Għall-ewwel, Reisner assuma li kienet "binja amministrattiva", għalkemm issa nafu li kienet palazz.[8]

Artefatti fil-Mużewijiet[immodifika | immodifika s-sors]

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Gebel Barkal u s-Siti tar-Reġjun ta' Napata ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2003.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' ħames kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Gebel Barkal and the Sites of the Napatan Region". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-17.
  2. ^ A. Reisner, "Historical Inscriptions from Gebel Barkal", Sudan Notes and Records, 4 (1921), pp. 59-75.
  3. ^ Sudan: Ancient Treasures: an Exhibition of Recent Discoveries from the Sudan National Museum. British Museum Press. p. 160. ISBN 978-0-7141-1960-1.
  4. ^ "Gwida ta' Gebel Barkal. p. 97" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2020-11-26. Miġbur 2023-10-17.
  5. ^ "Gwida ta' Gebel Barkal. pp. 97-98" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2020-11-26. Miġbur 2023-10-17.
  6. ^ László Török, The kingdom of Kush: handbook of the Napatan-Meroitic Civilization.
  7. ^ Welsby, Derek A. (1998). The Kingdom of Kush: The Napatan and Meroitic Empires. Princeton: Markus Weiner Publishers. p. 208. ISBN 1-55876-182-9.
  8. ^ Kendall, Timothy (2016). A Visitor's Guide to The Jebel Barkal Temples. pp. 10-15.