Aqbeż għall-kontentut

Tebe (Eġittu)

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Pilastri tas-Sala l-Kbira tal-Ipostili, f'L-Art Imqaddsa, is-Sirja, l-Idumea, l-Arabja, l-Eġittu u n-Nubja.

Tebe (bl-Għarbi: طيبة, bil-Grieg Antik: Θῆβαι, Thēbai), magħrufa fost l-Eġizzjani tal-qedem bħala Waset, kienet belt Eġizzjana antika max-xmara Nil madwar 800 kilometru (500 mil) fin-Nofsinhar tal-Mediterran. Il-fdalijiet tagħha jinsabu fi ħdan il-belt Eġizzjana moderna ta' Luxor. Tebe kienet il-belt prinċipali tar-raba' diviżjoni tal-Eġittu ta' Fuq (id-diviżjoni tax-Xettru) u kienet il-belt kapitali tal-Eġittu għal perjodi twal matul l-epoki tar-Renju Nofsani u r-Renju l-Ġdid. Kienet qrib Nubja u d-Deżert tal-Lvant, b'bosta riżorsi minerali ta' valur u rotot kummerċjali siewja. Kienet ċentru reliġjuż u l-iżjed belt venerata matul bosta perjodu tal-istorja Eġizzjana tal-qedem. Is-sit ta' Tebe jinkludi diversi nħawi kemm fix-xatt tal-Lvant tan-Nil, fejn hemm it-tempji ta' Karnak u ta' Luxor u fejn kien hemm il-belt, kif ukoll fix-xatt tal-Punent, fejn kien hemm nekropoli b'ċimiterji rjali u kumplessi funebri privati u rjali kbar. Fl-1979, il-fdalijiet u n-nekropoli ta' Tebe tal-qedem ġew ikklassifikati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]

L-isem Eġizzjan antik għal Tebe kien wꜣs.t, "il-Belt tal-wꜣs", ix-xettru tal-faragħuni, ħatar twil b'ras ta' annimal u b'bażi li tofroq fi tnejn. Mill-aħħar tar-Renju l-Ġdid, Tebe kienet magħrufa bl-Eġizzjan antik bħala niwt-'imn, "il-Belt ta' Amun", il-kap tat-Trijade ta' divinitajiet ta' Tebe, flimkien ma' Mut u Khonsu. Dan l-isem ta' Tebe jidher fil-Bibbja bħala "Nōʼ ʼĀmôn" (נא אמון) fil-Ktieb ta' Nahum[2] u bħala "No" (נא) fil-Ktieb ta' Eżekjel[3] u Ġeremija.[4][5]

Xi kultant Tebe jingħad li hija l-forma Latinizzata tal-Grieg Antik: Θῆβαι, li min-naħa l-oħra hija l-forma Griega tal-Eġizzjan demotiku tꜣ jpt ("it-tempju"), b'referenza għal jpt-swt; it-tempju li issa huwa magħruf bl-isem Għarbi tiegħu, Karnak ("villaġġ iffortifikat"), fix-xatt tal-Grigal tal-belt. Madankollu, peress li Omeru jirreferi għall-metropoli b'dan l-isem, u peress li l-kitba demotika ma tfaċċatx qabel għadd ta' snin oħra, l-etimoloġija hija kemxejn dubjuża. Diġà minn żmien l-Ilijade ta' Omeru, il-Griegi kienu jiddistingwu lil Tebe tal-Eġittu bħala "Tebe tal-Mitt Daħla" (Θῆβαι ἑκατόμπυλοι, Thēbai hekatómpyloi), għad-differenza tat-"Tebe tas-Seba' Daħliet" (Θῆβαι ἑπτάπυλοι, Thēbai heptápyloi) f'Boeotia, il-Greċja.

Fl-interpretatio graeca, Amun ġie spjegat bħala Żews Ammon. Għaldaqstant l-isem ġie tradott bil-Grieg bħala Diospolis, "il-Belt ta' Żews". Sabiex tiġi distinta mill-bosta bliet oħra b'dan l-isem, kienet magħrufa bħala d-"Diospolis il-Kbira" (Διόσπολις Μεγάλη, Diospolis Megálē; bil-Latin: Diospolis Magna). L-ismijiet Griegi bdew jintużaw b'mod iktar mifrux wara l-ħakma tal-Eġittu minn Alessandru l-Kbir, meta l-pajjiż tmexxa mid-dinastija Tolemajka tal-Maċedonja.

Karatteristiċi

[immodifika | immodifika s-sors]

Tebe kienet tinsab tul ix-xtut tax-xmara Nil fil-parti tan-nofs tal-Eġittu ta' Fuq, madwar 800 kilometru fin-Nofsinhar tad-delta. Fil-biċċa l-kbira tagħha nbniet fuq il-pjanuri tax-xmara tal-wied tan-Nil tul lilwa kbira tal-istess xmara. B'konsegwenza naturali ta' dan, il-belt ġiet stabbilita f'assi mill-Grigal għal-Lbiċ, b'mod parallel mal-kanal kontemporanju tax-xmara. Tebe kellha erja ta' 93 km2 (36 mil kwadru), li kienet tinkludi partijiet mill-Għoljiet ta' Tebe fil-Punent li kienu jlaħħqu sa massimu ta' 420 metru (1,378 pied) fl-Għolja sagra ta' al-Qurn. Fil-Lvant kien hemm id-Deżert tal-Lvant muntanjuż bil-wadis tiegħu li kienu jnixxu fil-wied. Fost dawn il-wadis, l-iżjed sinifikanti kien Wadi Hammamat qrib Tebe. Dan kien jintuża bħala rotta kummerċjali fuq l-art li kienet tibqa' sejra sal-kosta tal-Baħar l-Aħmar.

Irħula fil-qrib fir-raba' distrett tal-Eġittu ta' Fuq kienu Per-Hathor, Madu, Djerty, Iuny, Sumenu u Imiotru.

Il-popolazzjoni ta' Tebe fl-2000-900 Q.K.

Skont George Modelski, Tebe kellha madwar 40,000 abitant fl-2000 Q.K. (meta mqabbla mas-60,000 abitant f'Memphis, l-ikbar belt fid-dinja f'dak iż-żmien). Sal-1800 Q.K., il-popolazzjoni ta' Memphis naqset għal madwar 30,000 abitant, u b'hekk Tebe saret l-ikbar belt fl-Eġittu f'dak iż-żmien. L-istoriku Ian Morris stima li sal-1500 Q.K., Tebe x'aktarx li kibret bħala l-ikbar belt fid-dinja, b'popolazzjoni ta' madwar 75,000 ruħ. Żammet din il-pożizzjoni sal-ħabta tad-900 Q.K., meta qabżitha Nimrud (fost bliet oħra).[6]

Il-fdalijiet arkeoloġiċi ta' Tebe joffru xhieda notevoli dwar iċ-ċivilizzazzjoni Eġizzjana fl-aqwa tagħha. Il-poeta Grieg Omeru ddeskriva l-ġid ta' Tebe fid-Disa' Ktieb tal-Ilijade (għall-ħabta tas-seklu 8 Q.K.): "... f'Tebe tal-Eġittu, it-Tebe tal-Mitt Daħla, hemm munzelli ta' ingotti prezzjużi jleqqu fix-xemx".[7][8]

Iktar minn sittin festival annwali kienu jiġu ċċelebrati f'Tebe. L-iżjed festivals importanti fosthom, skont it-Test Ġeografiku ta' Edfu, kienu: il-Festa mill-Isbaħ ta' Opet, il-Festival ta' Khoiak, il-Festival ta' I Shemu, u l-Festival ta' II Shemu. Festival popolari ieħor kien il-Festival Sabiħ tal-Wied li kien qisu xi Halloween.[9]

Renju l-Antik

[immodifika | immodifika s-sors]
In-nekropoli ta' Tebe.

Tebe kienet abitata minn madwar it-3200 Q.K. Kienet magħrufa wkoll bħala l-belt kapitali ta' Waset, ir-raba' distrett tal-Eġittu ta' Fuq. F'dak iż-żmien kienet għadha post kummerċjali żgħir, filwaqt li Memphis kienet ir-residenza rjali tal-faragħuni tar-Renju l-Antik. Għalkemm ma fadal l-ebda binja f'Tebe li hija eqdem minn partijiet tal-kumpless tat-Tempju ta' Karnak li x'aktarx li jmorru lura għar-Renju Nofsani, il-parti t'isfel ta' statwa tal-faragħun Nyuserre tal-ħames dinastija nstabet f'Karnak. Statwa oħra li kienet iddedikata mill-faragħun Senusret tat-12-il dinastija jaf insterqet u reġgħet intużat, peress li l-istatwa fiha cartouche ta' Nyuserre fuq iċ-ċintorin tagħha. Peress li jidhru seba' mexxejja mir-raba' sas-sitt dinastiji fuq il-lista tal-faragħuni ta' Karnak, x'aktarx li kien hemm mill-inqas tempju wieħed fl-inħawi ta' Tebe fi żmien ir-Renju l-Antik.

L-Ewwel Perjodu Intermedju

[immodifika | immodifika s-sors]

Sal-2160 Q.K., nisel ġdid ta' faragħuni (id-disa' u l-għaxar dinastiji) ikkonsolidaw il-kontroll tal-Eġittu t'Isfel u tal-partijiet tat-Tramuntana tal-Eġittu ta' Fuq mill-belt kapitali tagħhom f'Herakleopolis Magna. Nisel rivali (il-ħdax-il dinastija), ibbażat f'Tebe, irrenja fil-kumplament tal-Eġittu ta' Fuq. Milli jidher il-mexxejja ta' Tebe kienu dixxendenti tal-prinċep ta' Tebe, Intef il-Kbir. X'aktarx li n-neputi tiegħu Intef I kien l-ewwel wieħed fil-familja li f'ħajtu ħa titlu parzjalment ta' faragħun, għalkemm il-poter tiegħu ma kienx estiż iktar lil hinn mir-reġjun ġenerali ta' Tebe.

Renju Nofsani

[immodifika | immodifika s-sors]
Serekh ta' Intef I, inċiża għalih minn Mentuhotep II.

Finalment sal-ħabta tal-2050 Q.K., iben Intef III, Mentuhotep II (li jfisser "Montu s-sodisfatt"), ħa lil Herakleopolis bil-forza u reġa' unifika l-Eġittu taħt mexxej wieħed, u b'hekk beda l-perjodu issa magħruf bħala r-Renju Nofsani. Mentuhotep II irrenja għal 51 sena u bena l-ewwel tempju funebri f'Deir el-Bahri, li x'aktarx serva bħala ispirazzjoni għat-tempju ikbar u li nbena iktar 'il quddiem ħdejh minn Hatshepsut fit-18-il dinastija. Wara dawn l-avvenimenti, il-11-il dinastija ma tantx damet teżisti, peress li għaddew inqas minn għoxrin sena bejn il-mewt ta' Mentuhotep II u dik ta' Mentuhotep IV, li mietu f'ċirkostanzi misterjużi.

Matul it-12-il dinastija, Amenemhat I ittrasferixxa s-sede tal-poter lejn it-Tramuntana f'Itjtawy. Tebe baqgħet tistagħna bħala ċentru reliġjuż peress li l-alla lokali Amun kulma jmur beda jsir prominenti fl-Eġittu kollu. L-eqdem fdalijiet ta' tempju ddedikat lil Amun imorru lura għar-renju ta' Senusret I. Fir-Renju Nofsani, Tebe kienet diġà raħal b'daqs konsiderevoli. L-iskavi madwar it-Tempju ta' Karnak urew li r-raħal tar-Renju Nofsani kellu pjanta qisha grilja. Il-belt kienet mill-inqas twila kilometru u kellha erja ta' 50 ettaru. Instabu wkoll il-fdalijiet ta' żewġ binjiet li x'aktarx kienu palazzi.[10]

Mill-bidu tal-aħħar parti tat-12-il dinastija, grupp ta' Kananiti bdew jinsedjaw in-naħa tal-Lvant tad-delta tan-Nil. Eventwalment stabbilew l-14-il dinastija f'Avaris għall-ħabta tal-1805 Q.K. jew għall-ħabta tal-1710 Q.K. B'hekk, l-Asjatiċi stabbilew eġemonija fuq il-maġġoranza tar-reġjun tad-delta, u serqu dawn it-territorji mill-influwenza tat-13-il dinastija li sadanittant kienet laħqet minflok it-12-il dinastija.[11]

It-Tieni Perjodu Intermedju

[immodifika | immodifika s-sors]
Tpinġija ta' nies Asjatiċi (xellug) u Eġizzjani (lemin). Il-mexxej Asjatiku jissejjaħ bħala l-"Mexxej ta' artijiet barranin", Ibsha.

It-tieni mewġa ta' Asjatiċi msejħa Hyksos (minn Heqa-khasut, jiġifieri "mexxejja ta' artijiet barranin", kif l-Eġizzjani kienu jsejħu lill-mexxejja tagħhom) emigraw fl-Eġittu u għelbu liċ-ċentru tal-poter tal-Kananiti f'Avaris, u bdew il-15-il dinastija hemmhekk. Ir-rejiet Hyksos kisbu l-kontroll ukoll tal-Eġittu t'Isfel fil-bidu tat-Tieni Perjodu Intermedju (1657-1549 Q.K.). Meta l-Hyksos ħadu lil Memphis matul jew ftit wara r-renju ta' Merneferre Ay (għall-ħabta tal-1700 Q.K.), il-mexxejja tat-13-il dinastija ħarbu lejn in-Nofsinhar u marru f'Tebe, li saret il-belt kapitali.[12]

Il-prinċpijiet ta' Tebe (issa magħrufa bħala s-16-il dinastija) kellhom kontroll stabbli tar-reġjun fil-qrib, filwaqt li l-Hyksos avvanzaw mid-delta lejn in-Nofsinhar sal-Eġittu Nofsani. Iċ-ċittadini ta' Tebe rreżistew l-avvanzata ulterjuri tal-Hyksos billi laħqu ftehim biex ikun hemm tmexxija paċifika bejniethom. Il-Hyksos kienu kapaċi jbaħħru 'l fuq lil hinn minn Tebe biex jagħmlu kummerċ maċ-ċittadini ta' Nubja u ċ-ċittadini ta' Tebe ġabu l-merħliet magħhom fid-delta mingħajr avversarji. L-istatus quo kompla sa meta l-mexxej Hyksos, Apophis (il-15-il dinastija) insulta lil Seqenenre Tao (is-17-il dinastija) ta' Tebe. Wara ftit l-armati ta' Tebe avvanzaw lejn l-artijiet immexxija mill-Hyksos. Tao miet f'battalja u ibnu Kamose ħa l-kmand tal-kampanja militari f'idejh. Wara l-mewt ta' Kamose, ħuh Ahmose I kompla minfloku sa ma ħakem lil Avaris, il-belt kapitali tal-Hyksos. Ahmose I keċċa lill-Hyksos mill-Eġittu u l-Lvant u ħataf l-artijiet li qabel kienu mmexxija minnhom.[13]

Renju Ġdid u l-quċċata ta' Tebe

[immodifika | immodifika s-sors]
Statwi ta' Memnon f'Tebe matul l-għargħar, ta' David Roberts (għall-ħabta tal-1845)

Ahmose I stabbilixxa era ġdida għall-unifikazzjoni tal-Eġittu b'Tebe bħala l-belt kapitali. Il-belt baqgħet il-belt kapitali matul il-biċċa l-kbira tat-18-il dinastija (ir-Renju l-Ġdid). Saret ukoll iċ-ċentru ta' servizz ċivili professjonali ġdid, fejn kien hemm talba ikbar għall-iskribi u għal-litterati peress li l-arkivji rjali bdew jimtlew bil-kontijiet u bir-rapporti.[14] Fil-belt il-ftit favoriti ta' Nubja ġew edukati mill-ġdid permezz tal-kultura Eġizzjana, sabiex iservu bħala amministraturi tal-kolonja.[15]

Bl-Eġittu stabilizzat mill-ġdid, ir-reliġjon u ċ-ċentri reliġjużi ffjorixxew speċjalment Tebe. Pereżempju, Amenhotep III alloka ħafna mill-ġid enormi tiegħu mit-tributi barranin għat-tempji ta' Amun.[16] L-alla ta' Tebe, Amun, sar divinità statali prinċipali u kull proġett tal-kostruzzjoni beda jipprova jkun aħjar minn ta' qablu sabiex tiġi pproklamata l-glorja ta' Amun u tal-faragħuni nfushom. Thutmose I (li rrenja fl-1506-1493 Q.K.) beda l-ewwel espansjoni kbira tat-Tempju ta' Karnak. Iktar 'il quddiem, it-tkabbir kolossali tat-tempju sar in-norma fir-Renju l-Ġdid kollu.[17]

Pjanta tat-tempju ta' Karnak.

Ir-Reġina Hatshepsut (li rrenjat fl-1479-1458 Q.K.) għenet lill-ekonomija ta' Tebe tiffjorixxa permezz tat-tiġdid tan-networks kummerċjali, primarjament il-kummerċ fil-Baħar l-Aħmar bejn il-port ta' Al-Qusayr f'Tebe, Elat u l-art ta' Punt. Is-suċċessur tagħha Thutmose III ġab miegħu f'Tebe parti kbira mir-rikkezzi tal-gwerra li oriġinaw minn postijiet imbegħda, saħansitra minn Mittani. It-18-il dinastija laħqet il-quċċata tagħha matul ir-renju tal-proneputi Amenhotep III (li rrenja fl-1388-1350 Q.K.). Minbarra li sebbaħ it-tempji ta' Amun, Amenhotep żied il-kostruzzjoni f'Tebe għal livelli mingħajr preċedent. Fix-xatt tal-Punent, huwa bena t-tempju funebri enormi u l-palazz-belt enormi ta' Malkata b'lag artifiċjali faċċata ta' 364 ettaru. Fil-belt proprja huwa bena t-Tempju ta' Luxor u t-Triq tal-Isfinġijiet li twassal sat-Tempju ta' Karnak.

Għal perjodu qasir fir-renju ta' iben Amenhotep III, Akhenaten (li rrenja fl-1351-1334 Q.K.), Tebe għaddiet minn żminijiet diffiċli; il-belt ġiet abbandunata mill-qorti, u l-qima ta' Amun ġiet proskritta. Il-belt kapitali ġiet ittrasferita lejn il-belt il-ġdida ta' Akhetaten (Amarna fl-Eġittu modern), nofs triq bejn Tebe u Memphis. Wara mewtu, ibnu Tutankhamun irritorna l-belt kapitali lejn Memphis, iżda t-tiġdid tal-proġetti tal-kostruzzjoni f'Tebe pproduċa tempji u santwarji saħansitra iktar glorjużi.[18]

Kolonna polikromatika bil-bassoriljevi fit-tempju ta' Medinet Habu ddedikat lil Rameses III

Bil-wasla tad-19-il dinastija, is-sede tal-gvern ġiet ittrasferita lejn id-delta. Tebe żammet id-dħul u l-prestiġju tagħha matul ir-renji ta' Seti I (li rrenja fl-1290-1279 Q.K.) u ta' Ramesses II (li rrenja fl-1279-1213 Q.K.), li xorta waħda baqgħu jirresjedu għal parti minn kull sena f'Tebe. Ramesses II wettaq proġetti estensivi tal-kostruzzjonif il-belt, fosthom statwi u obeliski, it-tielet ħajt madwar it-Tempju ta' Karnak, żidiet fit-Tempju ta' Luxor, u r-Ramesseum, it-tempju funebri grandjuż tiegħu. Il-kostruzzjonijiet ġew iffinanzjati mill-fosos il-kbar tal-qmuħ (li nbnew madwar ir-Ramesseum), li kkonċentraw it-taxxi miġbura mill-Eġittu ta' Fuq;[19] u mid-deheb mill-ispedizzjonijiet lejn Nubja u d-Deżert tal-Lvant. Matul ir-renju ta' Ramesses li dam 66 sena, l-Eġittu u Tebe kisbu livell għoli ta' prosperità li laħaq jew saħansitra qabeż l-ogħla livell li kien intlaħaq taħt Amenhotep III.[20]

Il-belt baqgħet fuq wiċċ l-idejn sal-bidu tal-20 dinastija. Il-Papiru l-Kbir ta' Harris jiddikjara li Ramesses III (li rrenja fl-1187-1156) għamel donazzjoni ta' 86,486 skjav u patrimonji enormi lit-tempji ta' Amun. Ramesses III rċieva tributi mill-popli kollha ta' taħtu, inkluż il-popli ta' mal-baħar u l-Libjani Meshwesh. Madankollu, l-Eġittu kollu kien qed jesperjenza problemi finanzjarji, u dan joħroġ fid-dieher fl-avvenimenti fil-villaġġ ta' Deir el-Medina f'Tebe. Fil-25 sena tar-renju tiegħu, il-ħaddiema f'Deir el-Medina bdew jistrajkjaw għall-paga u hemmhekk feġġew irvelli ġenerali fost il-klassijiet soċjali kollha. Sussegwentement, konfoffa fil-Ħarem li ma rnexxietx wasslet għall-ġustizzjar ta' bosta membri li ħadu sehem fil-konfoffa, inkluż uffiċjali u nisa minn Tebe.[21]

Ir-Ramesseum f'Tebe, ta' John Frederick Lewis (għall-ħabta tal-1845).

Iktar 'il quddiem, taħt ir-Ramessidi, Tebe qabdet it-triq tan-niżla peress li l-gvern waqgħa f'diffikultajiet ekonomiċi gravi. Matul ir-renju ta' Ramesses IX (li rrenja fl-1129-1111 Q.K.), għall-ħabta tal-1114 Q.K., sensiela ta' investigazzjonijiet dwar is-serq mill-oqbra rjali fin-nekropoli tal-Punent ta' Tebe żvelaw provi ta' korruzzjoni fil-karigi għoljin, wara akkuża li tressqet mis-sindku tax-xatt tal-Punent kontra l-kollega tiegħu fil-Punent. Il-mumji rjali misruqa tressqu minn post għall-ieħor u finalment ġew iddepożitati mill-patrijiet ta' Amun f'qabar-xaft f'Deir el-Bahri u fil-qabar ta' Amenhotep II. Is-sejba ta' dawn iż-żewġ moħbiet fl-1881 u fl-1898, rispettivament, kienet wieħed mill-avvenimenti l-kbar tal-iskoperti arkeoloġiċi moderni. L-amministrazzjoni ħażina f'Tebe wasslet għal rewwixti.

It-Tielet Perjodu Intermedju

[immodifika | immodifika s-sors]

Kulma jmur il-kontrol tal-affarijiet lokali bdiet tgħaddi iktar f'idejn il-Patrijiet Għoljin ta' Amun, tant li matul it-Tielet Perjodu Intermedju, Il-Patrijiet Għoljin ta' Amun kellu poter assolut fin-Nofsinhar, bħala kontrobilanċ għar-rejiet tal-21 u tat-22 dinastiji li rrenjaw mid-delta tan-Nil. Iż-żwiġijiet irranġati bejn id-dinastiji u l-adozzjoni saħħew ir-rabtiet bejniethom, u l-bniet tar-rejiet Taniti saru d-divinità mara ta' Amun f'Tebe, u b'hekk setgħu jeżerċitaw iktar poter. L-influwenza politika ta' Tebe battiet biss fil-Perjodu Aħħari.[22]

Sal-ħabta tas-750 Q.K., l-influwenza tal-Kuxiti (minn Nubja) bdiet tikber f'Tebe u fl-Eġittu ta' Fuq. Fis-721 Q.K., ir-Re Shabaka tal-Kuxiti rebaħ kontra l-forzi kkombinati ta' Osorkon IV (it-22 dinastija), Peftjauawybast (it-23 dinastija) u Bakenranef (l-24 dinastija), u reġa' wassal għall-unifikazzjoni tal-Eġittu. Matul ir-renju tiegħu kien hemm ammont sinifikanti ta' kostruzzjonijiet li seħħew madwar l-Eġittu kollu, speċjalment fil-belt ta' Tebe, li għamilha l-belt kapitali tar-renju tiegħu. Fit-Tempju ta' Karnak huwa ordna li tinbena statwa tal-granit roża tiegħu nnifsu liebes il-kuruna doppja tal-Eġittu magħrufa bħala l-Pschent. Taharqa wettaq bosta proġetti notevoli f'Tebe (fosthom il-Kjosk fit-Tempju ta' Karnak) u f'Nubja qabel ma l-Assirjani bdew il-gwerra kontra l-Eġittu.

Perjodu Aħħari

[immodifika | immodifika s-sors]
Kolonna ta' Taharqa fid-distrett ta' Amun-Re fit-Tempju ta' Karnak, irrestawrata għall-għoli sħiħ tagħha.

Fis-667 Q.K., attakkat mill-armata tar-re Assirjan Ashurbanipal, Taharqa abbanduna l-Eġittu t'Isfel u ħarab lejn Tebe. Tliet snin wara mewtu, in-neputi jew il-kuġin tiegħu Tantamani ħataf lil Tebe, invada lill-Eġittu t'Isfel u għamel assedju kontra Memphis, għalkemm abbanduna t-tentattivi tiegħu li jaħkem il-pajjiż fis-663 Q.K. u rtira lejn in-Nofsinhar.[23] L-Assirjani komplew jissieltu kontrih u ħadu lil Tebe, li żdiedet mal-lista twila ta' bliet li ġew misruqa u meqruda mill-Assirjani, kif kiteb Ashurbanipal stess:

Il-belt, kollha kemm hi, ħkimtha bl-għajnuna ta' Ashur u Ishtar. Ħadt il-fidda, id-deheb, il-ħaġar prezzjuż, il-ġid kollu tal-palazz, id-drapp lussuż, l-għażel prezzjuż, iż-żwiemel grandjużi, l-irġiel u n-nisa superviżuri, żewġ obeliski tal-elektrum mill-isbaħ li jiżnu 2,500 talent, u l-bibien tat-tempji li qaċċadt mill-bażijiet tagħhom, u ġarrejthom lejn l-Assirja. B'dan il-ġid tqil kollu, tlaqt minn Tebe. Kontra l-Eġittu u kontra Kush olzajt il-lanza tiegħi u wrejt is-setgħa tiegħi. B'idejja mimlija rritornajt lejn Nineveh, qawwi u sħiħ.[24]

Tebe qatt ma reġgħet kisbet l-importanza politika li kellha qabel, iżda baqgħet ċentru reliġjuż importanti. L-Assirjani laħħqu lil Psamtik I (664-610 Q.K.), li kiseb il-poter fuq Tebe fis-656 Q.K. u organizza l-adozzjoni ta' bintu stess, Nitocris I, bħala werrieta tal-Mara divina ta' Amun hemmhekk. Fil-525 Q.K., Cambyses II mill-Persja invada lill-Eġittu u sar faragħun, u wassal għas-subordinazzjoni tar-renju bħala satrapija tal-Imperu l-Kbir tal-Akamenidi.[25]

Żmien il-Griegi u r-Rumani

[immodifika | immodifika s-sors]
Riljiev fit-Tempju ta' Hathor, f'Deir el-Medina (li nbena matul id-Dinastija Tolemajka).

Ir-relazzjoni t-tajba ta' Tebe mal-poter ċentrali fit-Tramuntana ntemmet meta l-faragħuni Eġizzjani nattivi finalment ġew sostitwiti mill-Griegi, immexxija minn Alessandru l-Kbir. Huwa żar Tebe matul ċelebrazzjoni tal-Festival ta' Opet. Minkejja ż-żjara inizjali tiegħu, Tebe saret ċentru li xejn ma kien favurih. Lejn l-aħħar tas-seklu 3 Q.K., Hugronaphor (Horwennefer), x'aktarx ta' oriġini Nubjana, mexxa rewwixta kontra t-Tolomej fl-Eġittu ta' Fuq. Is-suċċessur tiegħu, Ankhmakis, kellu l-kontroll ta' partijiet kbar mill-Eġittu ta' Fuq sal-185 Q.K. Din ir-rewwixta ġiet appoġġata mill-patrijiet ta' Tebe. Wara li r-rewwixta ġiet imrażżna fil-185 Q.K., Tolomew V, li kien jeħtieġ l-appoġġ tal-patrijiet, ħafrilhom.

Nofs seklu wara, iċ-ċittadini ta' Tebe reġgħew għamlu rewwixta, u tellgħu lil ċertu Harsiesi fuq it-tron fil-132 Q.K.. Harsiesi, wara li bill subgħajh fil-fondi tal-bank irjali ta' Tebe, ħarab is-sena ta' wara. Fil-91 Q.K., reġgħet faqqgħet rewwixta oħra. Fis-snin ta' wara, Tebe battiet fis-setgħa tagħha, u l-belt ġiet imġarrfa.[26]

Matul l-okkupazzjoni tar-Rumani (30 Q.K.-641 W.K.), il-komunitajiet li kien għad fadal baqgħu raggruppati madwar il-pilastri tat-Tempju ta' Luxor. Tebe saret parti mill-provinċja Rumana ta' Thebais, li iktar 'il quddiem inqasmet f'Thebais Superior, iċċentrata fil-belt, u Thebais Inferior, iċċentrata f'Ptolemais Hermiou. Leġjun Ruman ġie stazzjonat fit-Tempju ta' Luxor fiż-żmien tal-kampanji militari Rumani f'Nubja. Il-kostruzzjoni ma waqfitx għalkollox, iżda l-belt baqgħet tmajna. Fis-seklu 1 W.K., Strabo ddeskriva li Tebe kienet irrelegata għal sempliċi villaġġ.[27]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Tebe l-Antika u n-Nekropoli tagħha ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1979.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]

Id-daħla prinċipali tat-Tempju ta' Karnak b'diversi statwi ta' sfinġijiet b'ras ta' muntun.
Obelisk, kolossi ta' Ramesses u pilastru kbir tat-Tempju ta' Luxor.
Id-dawl tax-xemx idawwal it-tempju funebri ta' Hatshepsut f'Deir al-Bahri.
Id-daħla tal-qabar KV19 ta' Mentuherkhepeshef fil-Wied tar-Rejiet.

Fil-Lvant ta' Tebe:

[immodifika | immodifika s-sors]
  • iż-żona mibnija tal-qedem;
  • it-Tempju l-Kbir ta' Amun f'Karnak (bl-Eġizzjan tal-qedem: Ta-opet). Għadu t-tieni l-ikbar binja reliġjuża li qatt inbniet. Kien it-tempju ewlieni għall-qima ta' Amun, id-divinità patruna ta' Tebe, kif ukoll ir-residenza tal-patrijiet setgħana ta' Amun. Huwa distint mill-bosta tempji tal-Eġittu għat-tul ta' żmien biex inbena (iktar minn 2,000 sena b'kollox, mill-bidu tar-Renju Nofsani). Il-karatteristiċi prinċipali ta' dan it-tempju huma l-għaxar pilastri tiegħu, is-Sala l-Kbira tal-Ipostili, il-lag sagru, is-sottotempji, id-diversi santwarji u l-bosta obeliski. Kien l-iżjed tempju importanti għall-maġġoranza tal-istorja Eġizzjana tal-qedem;
  • it-Tempju ta' Luxor (Ipet resyt). Għad-differenza ta' tempji oħra f'Tebe, dan it-tempju mhux iddedikat lil xi alla jew verżjoni divina tal-faragħun wara mewtu. Minflok, it-tempju huwa ddedikat lit-tiġdid tal-funzjoni rjali; x'aktarx li kien il-post fejn bosta mill-faragħuni tal-Eġittu ġew inkurunati. Huwa t-tempju ewlieni tal-"Festival ta' Opet", fejn id-dgħajsa sagra tat-Trijade ta' Tebe kienet tivvjaġġa mit-Tempju ta' Karnak sat-Tempju ta' Luxor, biex toħroġ fid-dieher l-importanza divina tal-inkurunazzjoni mill-ġdid tal-faragħun;
  • it-Tempju ta' Khonsu;
  • id-Distrett ta' Mut;
  • id-Distrett ta' Montu;
  • it-Triq tal-Isfinġijiet.

Fil-Punent ta' Tebe:

[immodifika | immodifika s-sors]
  • il-villaġġ ta' Deir el-Medina;
  • il-kumpless tal-palazz ta' Malkata;
  • ir-Ramesseum;
  • it-Tempju Funebri ta' Amenhotep III;
  • it-Tempju Funebri ta' Hatshepsut;
  • it-Tempju Funebri ta' Seti I;
  • it-Tempju Funebri ta' Ramesses III;
  • il-Wied tar-Rejiet;
  • il-Wied tal-Irġejjen;
  • l-Oqbra tan-Nobbli;
  • it-Tumbata ta' Aten.

Wirt kulturali

[immodifika | immodifika s-sors]

Iż-żewġ tempji l-kbar — it-Tempju ta' Luxor u t-Tempju ta' Karnak —u l-Wied tar-Rejiet u l-Wied tal-Irġejjen huma fost l-ikbar kisbiet tal-Eġittu tal-qedem.

Mill-25 ta' Ottubru 2018 sas-27 ta' Jannar 2019, il-Mużew ta' Grenoble organizza wirja ta' tliet xhur dwar il-belt ta' Tebe u r-rwol tan-nisa fil-belt f'dak iż-żmien, bl-appoġġ tal-Louvre u l-British Museum.

  1. 1 2 3 Centre, UNESCO World Heritage. "Ancient Thebes with its Necropolis". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-10-28.
  2. Nahum 3 (bl-Ingliż). Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |iktar= (għajnuna)
  3. Eżekjel 30:14–16.
  4. Ġeremija 46:25.
  5. Huddlestun, John R. “Nahum, Nineveh, and the Nile: The Description of Thebes in Nahum 3:8–9.” Journal of Near Eastern Studies, vol. 62, no. 2, 2003, pp. 97–98.
  6. "Demografija" (PDF). Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-07-26. Miġbur 2022-10-28.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  7. Hall, H. R. (Harry Reginald), 1873-1930 (22 December 2015). The ancient history of the Near East : from the earliest times to the battle of Salamis. Oxon. ISBN 978-1-317-27164-2.
  8. Baikie, James, 1866-1931. (29 March 2018). Egyptian antiquities in the Nile Valley : a descriptive handbook. Abingdon, Oxon. ISBN 978-1-351-34406-7.
  9. "Opet | Egyptian festival | Britannica". www.britannica.com (bl-Ingliż). Miġbur 2022-10-28.
  10. Barry J. Kemp: Ancient Egypt, Anatomy of a Civilization, Second Edition, New York 2006, ISBN 9780415235501, pp. 225-229
  11. Wilkinson, Toby (2011). The Rise and Fall of Ancient Egypt. New York: Random House. p. 560. ISBN 9780747599494, pp. 183-187.
  12. Daphna Ben Tor: Sequences and chronology of Second Intermediate Period royal-name scarabs, based on excavated series from Egypt and the Levant, in: The Second Intermediate Period (Thirteenth-Seventeenth Dynasties), Current Research, Future Prospects editjat minn Marcel Maree, Orientalia Lovaniensia Analecta, 192, 2010, p. 91.
  13. Bunson, Margaret. "Encyclopedia of Ancient Egypt" (PDF).
  14. Tyldesley, Joyce. Egypt's Golden Empire: The Age of the New Kingdom, pp. 18–19. Headline Book Publishing Ltd., 2001.
  15. Draper, R. (2008). "The Black Pharaohs". National Geographic Magazine.
  16. "Thebes | Definition, History, Temples, & Facts | Britannica". www.britannica.com (bl-Ingliż). Miġbur 2022-10-29.
  17. Mark, Joshua J. "Thebes (Egypt)". World History Encyclopedia (bl-Ingliż). Miġbur 2022-10-29.
  18. J. van Dijk: ''The Amarna Period and the later New Kingdom, in: I. Shaw: The Oxford History of Ancient Egypt, Oxford 2000, ISBN 0-19-815034-2, p. 290.
  19. Wilkinson, T. (2013). "The Rise and Fall of Ancient Egypt".
  20. "Ramses II | Biography, Accomplishments, Tomb, Mummy, Death, & Facts | Britannica". www.britannica.com (bl-Ingliż). Miġbur 2022-10-29.
  21. "THEBES - RAMESSES III - THE LAST GREAT PHAROAH". www.greatdreams.com. Miġbur 2022-10-29.
  22. "Egypt: Thebes, A Feature Tour Egypt Story". www.touregypt.net. Miġbur 2022-10-29.
  23. Barbara Watterson, Women in Ancient Egypt (Stroud, Gloucestershire: Amberley Publishing Limited, 2011), 153. ISBN 1445612666.
  24. Ashurbanipal (auto) biography cylinder, c. 668 BCE; in James B. Pritchard, ed., Ancient Near Eastern Texts Relating to the Old Testament with Supplement (Princeton UP, 1950/1969/2014), 294-95. ISBN 9781400882762.
  25. Roger Forshaw, Egypt of the Saite Pharaohs, 664–525 BC (Manchester University Press, 2019), 198. ISBN 9781526140166.
  26. "קיבוץ רשפים - רשפים- קהילנט". www.reshafim.org.il. Miġbur 2022-10-29.
  27. "Luxor | History & Facts | Britannica". www.britannica.com (bl-Ingliż). Miġbur 2022-10-29.