Aqbeż għall-kontentut

Belt ta' Guanajuato

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Belt ta' Guanajuato
 Messiku
Amministrazzjoni
Stat sovranMessiku
State of MexicoStat ta' Guanajuato
Municipality of MexicoMuniċipalità ta' Guanajuato
Kodiċi postali 36000
Ġeografija
Koordinati 21°01′04″N 101°15′24″W / 21.0178°N 101.2567°W / 21.0178; -101.2567Koordinati: 21°01′04″N 101°15′24″W / 21.0178°N 101.2567°W / 21.0178; -101.2567
Belt ta' Guanajuato is located in Mexico
Belt ta' Guanajuato
Belt ta' Guanajuato
Belt ta' Guanajuato (Mexico)
Superfiċjenti 996.74 kilometru kwadru, 2,167.5 hectare
Għoli 2,045 m
Demografija
Popolazzjoni 194,500 abitanti (2020)
Informazzjoni oħra
Fondazzjoni 1546
Kodiċi tat-telefon 473
Żona tal-Ħin UTC−6
bliet ġemellati Toledo, Salinas, Ashland, Cuenca, Ħavana Antika, Morgantown, San Miguel de Allende, Tepatitlán de Morelos, Santa Fe, Alcalá de Henares, Arequipa, Avignon, Belt tal-Messiku, Morelia, Oaxaca de Juárez, Quebec, Spoleto, Umeå, Valparaísou Zacatecas
guanajuatocapital.gob.mx

Il-Belt ta' Guanajuato jew sempliċement Guanajuato (pronunzja bl-Ispanjol: [gwanaˈxwato]) hija munċipalità fil-Messiku ċentrali u l-belt kapitali tal-istat tal-istess isem. Hija parti mill-makroreġjun ta' Bajío.[1] Tinsab f'wied dejjaq u għaldaqstant għandha toroq tassew dojoq u jserpu. Il-biċċa l-kbira huma trejqiet li l-karozzi ma jistgħux jgħaddu minnhom, u wħud huma mogħdijiet b'ħafna taraġ mal-ġnub tal-muntanji. Bosta mit-toroq tal-belt huma parzjalment jew kompletament taħt l-art. Iċ-ċentru storiku fih bosta pjazez żgħar u vilel, knejjes u kostruzzjonijiet ċivili tal-era kolonjali li nbnew bil-ġebel ramli roża jew aħdar. Iċ-ċentru storiku tal-belt u l-minjieri tal-madwar tniżżlu bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1988.[2]

It-tkabbir ta' Guanajuato rriżulta mill-abbundanza ta' minerali disponibbli fil-muntanji ta' madwar il-belt. Il-minjieri tal-belt kienu fost l-iżjed importanti matul il-kolonizzazzjoni Ewropea tal-Amerka (flimkien ma' Zacatecas fil-Messiku wkoll, Potosí fil-Bolivja u Ouro Preto fil-Brażil). Waħda mill-minjieri, La Valenciana, kienet tirrappreżenta żewġ terzi tal-produzzjoni tal-fidda fid-dinja fl-aqwa tal-produzzjoni tagħha.

Il-belt tospita l-Mużew tal-Mumji, li fih iġsma mmummifikati naturalment li nstabu fiċ-ċimiterju muniċipali bejn nofs is-seklu 19 u s-seklu 20.[3] Il-belt tospita wkoll il-Festival Internacional Cervantino, fejn jiġu mistiedna artisti inġenerali u artisti tal-ispettaklu mid-dinja kollha kif ukoll mill-Messiku. Guanajuato kienet il-belt fejn seħħet l-ewwel battalja tal-Gwerra Messikana tal-Indipendenza bejn il-ġellieda ribelli Messikani li kienu għadhom kemm ġew assimilati u t-truppi rjalisti f'Alhóndiga de Granaditas.

Perjodu Pre-Ispaniku

[immodifika | immodifika s-sors]

L-ewwel abitanti magħrufa tal-inħawi kienu l-Otomi, li mbagħad ħadulhom posthom iċ-Chichimeca.[4][5] Barra minn hekk, kien hemm preżenza tal-Purépecha l-iktar minħabba r-rotot kummerċjali tal-qedem. L-iżjed isem antik magħruf tal-inħawi huwa "Mo-o-ti" li jfisser "post tal-metalli". Iktar 'il quddiem, l-inħawi kienu jissejħu "Paxtitlán" mill-Azteki, li tfisser "post tal-muski Spanjoli".[6] L-isem attwali ta' Guanajuato ġej mill-Purépecha kuanhasï juáta (jew bl-ortografija iktar antika "quanax huato"), li jfisser "għolja taż-żrinġijiet".[7]

L-estrazzjoni kienet ilha ssir fl-inħawi minn ferm qabel waslu l-Ispanjoli. Lejn l-aħħar tal-perjodu pre-Ispaniku, l-Azteki kellhom preżenza hawnhekk, speċifikament biex ifittxu għall-metalli għall-produzzjoni ta' oġġetti ornamentali għall-elit politiku u reliġjuż tagħhom. Xi ġrajjiet ta' dak iż-żmien jiddikjaraw li l-inħawi tant kienu rikki bil-minerali li wieħed seta' jinzerta xi bċejjeċ tad-deheb u hu miexi u jiġborhom mill-art.[8]

Era kolonjali

[immodifika | immodifika s-sors]

L-Ispanjoli sabu depożiti tad-deheb hawnhekk fis-snin 40 tas-seklu 16 u ma damux biex jibagħtu s-suldati u jibnu l-fortijiet. Fl-1548 ġie stabbilit impjant formali bl-isem ta' Real de Minas de Guanajuato mill-Viċirè Don Antonio de Mendoza. Minkejja l-attakki taċ-Chichimeca, il-popolazzjoni tal-inħawi kibret ferm bil-wasla tal-migranti Spanjoli u Creole, kif ukoll tal-merkanti u tal-ħaddiema indiġeni u mestizo. F'qasir żmien ġiet iddikjarata raħal bl-isem ta' Santa Fe Real de Minas de Guanajuato, u Preafán de Rivera kien is-sindku. L-ewwel knisja tar-raħal ġiet ikkonsagrata fl-1555, u saret "alcaldía mayor" fl-1574.

Inizjalment, il-belt ġiet maqsuma f'erba' barrios jew viċinati msejħa Marfil/Santiago, Tepetapa, Santa Ana u Santa Fe. Dan tal-aħħar jitqies bħala l-eqdem viċinat u jinsab fil-colonia attwali ta' Pastita. Din il-belt ġiet maqsuma minn xmara żgħira li kienet isservi bħala rotta prinċipali tat-trasport. L-eqdem viċinati huma Rayas y Mellado, Cata, La Valenciana u Pastita, li ngħataw isem il-minjieri tal-post.[9]

Il-passat kolonjali Spanjol tal-belt joħroġ fid-dieher sew fl-arkitettura tagħha.

L-ewwel vina tal-minerali li qatt instabet, imsejħa San Bernabé, attirat l-attenzjoni mhux biss ta' Spanja l-Ġdida, iżda ta' Spanja stess. L-iskoperta wasslet eluf ta' migranti fl-inħawi, u dan wassal għall-iskoperta ta' depożiti oħra, bħal fil-minjiera ta' Rayas. Is-sejba ta' San Bernabé baqgħet tipproduċi sal-1928, meta mbagħad ġiet eżawrita. Illum il-ġurnata, il-fdalijiet ta' din il-minjiera jinsabu fil-villaġġ żgħir ta' La Luz, ftit 'il barra mill-belt stess.[10]

Fl-1679, permezz tad-digriet tal-Viċirè tal-Messiku Fray Payo Enriquez de Rivera, l-isem inbidel għal Ciudad de Santa Fe y Real de Minas de Guanajuato. Ingħatat escutcheon fl-istess sena, li għadu jintuża. L-arma tal-belt għandha sfond tad-deheb b'immaġni ta' mara fiċ-ċentru b'referenza għall-Fidi Mqaddsa (Santa Fe). Fiha immaġnijiet oħra bħal qoxra tal-frott tal-baħar mirfuda minn żewġ friegħi tar-rand, żigarella blu u kolonni tal-irħam. Fuq nett imbagħad hemm il-kuruna rjali ta' Kastilja u weraq tal-akaċja.

Fl-1741, il-belt ingħatat it-titlu ta' "L-Iżjed Belt Nobbli u Leali ta' Santa Fe de Minas de Guanajuato" u saret "intendencia" (provinċja) fl-1790 bis-saħħa tal-abbundanza ta' rikkezzi mill-minjieri tagħha. Fis-seklu 18, il-belt kienet l-ikbar ċentru dinji tal-estrazzjoni tal-fidda, u b'hekk saret l-iżjed belt għonja fil-Messiku għall-biċċa l-kbira tal-perjodu kolonjali bikri. Il-produzzjoni tal-minjiera ta' La Valenciana waħedha affettwat l-ekonomija dinjija, u b'hekk il-kontijiet ta' Valenciana kienu fost l-iżjed familji setgħana fi Spanja l-Ġdida. Il-belt kienet waħda mill-iżjed għonja u lussużi fi Spanja l-Ġdida fis-seklu 18. Dan il-ġid huwa manifestat fl-arkitettura ċivili u reliġjuża tagħha. L-arkitettura kolonjali tinkludi wħud mill-aqwa eżempji ta' Barokk u ta' Churrigueresque fid-Dinja l-Ġdida — bħall-Knejjes ta' Valenciana, ta' Cata u ta' La Compañía (tal-Ġiżwiti), u l-Bażilika tal-Madonna ta' Guanajuato. Il-biċċa l-kbira tal-kostruzzjonijiet minn dak iż-żmien inbnew bil-ġebel ramli roża jew aħdar. Fil-knejjes, l-artali Barokki kienu indurati bid-deheb mill-minjieri lokali. Dawn l-istrutturi influwenzaw binjiet ta' wara fil-Messiku ċentrali kollu. Fost is-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, il-knejjes ta' La Compañía u ta' La Valenciana jitqiesu bħala wħud mill-isbaħ eżempji tal-arkitettura Barokka fl-Amerka Ċentrali u fl-Amerka t'Isfel.[2]

Monument lil Pípila, eroj leġġendarju tal-Gwerra Messikana tal-Indipendenza.

Sal-aħħar tas-seklu 18, il-klassijiet il-baxxi kienu foqra u magħkusa minkejja l-ġid kbir li kien qed jiġi prodott mill-minjieri. Avveniment ta' indikazzjoni tal-Gwerra Messikana tal-Indipendenza kien rewwixta li twettqet fil-belt fejn ġiet attakata l-Caja Real ferm militarizzata (binja fejn kien maħżun is-sehem tal-Kuruna mill-produzzjoni tal-minjieri) bħala protesta għat-taxxi għoljin. Sena wara kien hemm protesti kbar kontra t-tkeċċija tal-Ġiżwiti.

Guanajuato fis-seklu 19.

Il-Gwerra tal-Indipendenza faqqgħet fl-istat ta' Guanajuato fir-raħal ta' Dolores, meta l-Patri Miguel Hidalgo y Costilla għajjat il-"Grito de Dolores" u ġemgħa armata fil-15 u fis-16 ta' Settembru 1810. Din l-armata avvanzat lejn San Miguel, illum San Miguel de Allende, u mbagħad lejn il-belt ta' Guanajuato. Kemm kemm fil-periferiji fit-28 ta' Settembru 1810, Hidalgo bagħat ittra ta' twissija lill-awtoritajiet tal-belt, iżda din ġiet injorata. Minflok, it-truppi rjalisti u bosta mill-elit inġemgħu fil-foss tal-qamħ ta' Alhóndiga de Granaditas, binja imponenti bi ftit twieqi u b'ħitan ħoxnin. Wara li daħal fil-belt bla oppożizzjoni, Hidalgo ddeċieda li jattakka l-foss tal-qamħ. Din kienet l-ewwel battalja kontra t-truppi Spanjoli fil-gwerra u spiss tissejjaħ l-"Assedju ta' Alhondiga". L-armata ta' ribelli ma rnexxielhomx jieħdu l-kontroll tal-binja li kienet difiża bil-kbir għaliex il-porvli tal-irjalisti ma ħallewhomx jaslu sal-unika daħla, sakemm minatur jismu Juan José de los Reyes Martínez, magħruf aħjar bħala El Pípila, rabat ġebla ċatta kbira ma' dahru bħala protezzjoni. Huwa mexa mbe u ġarr ġarra qatran u torċa. Meta wasal sal-bibien tal-injam tad-daħla prinċipali, dililkom bil-qatran u tahom in-nar. B'hekk l-armata ta' ribelli rnexxielha tidħol fil-binja u rebħet kontra l-armata tal-irjalisti u tal-elit Spanjoli, u ħadu l-kontroll tal-binja ffortikata u difiża daqstant. Din l-azzjoni ġiet imfakkra bi statwa kolossali ta' El Pípila fuq għolja li tħares fuq il-belt.

Wara l-Indipendenza, il-provinċja ta' Guanajuato saret stat, u l-belt saret il-belt kapitali tal-istat fl-1824. Madankollu, il-ġlied fl-istat u fil-bqija tal-pajjiż baqa' għaddej, peress li l-Liberali, li riedu gvern Federalista, iġġieldu kontra l-Konservattivi, li riedu gvern ċentralizzat taħt monarka jew dittatur. Il-poter fil-belt u fl-istat għadda minn id għall-oħra bejn iż-żewġ fazzjonijiet matul il-biċċa l-kbira tas-seklu 19, b'effett devastanti fuq l-estrazzjoni. Il-belt kienet il-belt kapitali proviżorja tal-pajjiż fl-1858 meta l-President Liberali Benito Juárez iġġieled kontra r-ribelli Konservattivi. Fl-1863, il-Franċiżi ħadu l-belt matul l-Intervent Franċiż fil-Messiku, u rċevew żjara mill-Imperatur Massimiljanu I u martu Carlota. L-okkupazzjoni Franċiża ntemmet fil-bidu tal-1867. Il-Ġeneral Messikan Florencio Antillón ħataf il-belt fis-26 ta' Jannar 1868, mill-Konservattivi.

L-estrazzjoni ġiet attivata mill-ġdid għall-ħabta tas-snin 70 tas-seklu 19 bis-saħħa tal-investimenti barranin mħeġġa mill-gvern ta' Porfirio Díaz. Matul l-aħħar tas-seklu 19 u l-bidu tas-seklu 20, din l-attività ekonomika rinnovata xprunat era ġdida ta' proġetti Messikani bħat-Teatru ta' Juárez, id-Diga ta' Esperanza, il-Monument għall-Paċi, il-Monument għal Hidalgo u l-Palazz tal-Gvern Statali.

L-għargħar kien problema serja matul il-biċċa l-kbira tal-istorja tal-belt, minħabba l-ġnub tal-għolja kompatti u weqfin. Fl-1760 u fl-1780 żewġ għargħar kbar kważi qerduha għalkollox. Dan xpruna l-kostruzzjoni ta' digi kbar u mini biex irażżnu u jiddevjaw il-flussi żejda matul l-istaġun tax-xita. Eventwalment dawn inbnew f'parti kbira mill-belt. Il-kostruzzjoni tad-digi fis-snin 60 tas-seklu 20 wasslu biex l-għargħar ikun taħt kontroll, u bosta mid-digi u mill-mini ġew ikkonverti f'toroq taħt l-art.

L-ewwel Festival Internacional Cervantino ġie organizzat fl-1972. Iċ-ċentru storiku tal-belt ġie ddikjarat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1988.

Hemm żewġ klimi predominanti fil-belt. Waħda hija pjuttost sħuna u tiddomina fil-partijiet tan-Nofsinhar u tax-Xlokk tal-muniċipalità. L-oħra hija miti u tiddomina fil-bqija tat-territorju, inkluż il-belt. Fl-inħawi iktar sħan, it-temperaturi jistgħu jilħqu saħansitra 36 °C (97 °F) fis-sajf u fl-inħawi iktar kesħin jistgħu jinżlu saħansitra sa 3 °C (37 °F) fix-xitwa. It-temperatura medja kumplessiva tkun 18.5 °C (65.3 °F), bi preċipitazzjoni annwali medja ta' bejn 600 u 840 mm (23.6 u 33.1 pulzier). Il-biċċa l-kbira tax-xita tinżel matul l-istaġun tal-monsoon bejn Ġunju u Settembru.

Data klimatika għal Guanajuato, Guanajuato (1951-2010)
Xahar Jan Fra Mar Apr Mej Ġun Lul Aww Set Ott Nov Diċ Sena
Temp. għolja rekord f'°C (°F) 28.9

(84.0)

33.6

(92.5)

34.7

(94.5)

37.0

(98.6)

38.9

(102.0)

37.2

(99.0)

34.1

(93.4)

34.5

(94.1)

33.5

(92.3)

34.0

(93.2)

29.8

(85.6)

29.7

(85.5)

38.9

(102.0)

Temp. għolja medja f'°C (°F) 22.3

(72.1)

24.1

(75.4)

27.1

(80.8)

29.4

(84.9)

30.6

(87.1)

28.7

(83.7)

26.9

(80.4)

26.8

(80.2)

26.1

(79.0)

25.5

(77.9)

24.2

(75.6)

22.6

(72.7)

26.2

(79.2)

Temp. medja ta' kuljum f'°C (°F) 14.6

(58.3)

16.0

(60.8)

18.4

(65.1)

20.8

(69.4)

22.3

(72.1)

21.7

(71.1)

20.5

(68.9)

20.4

(68.7)

19.9

(67.8)

18.6

(65.5)

16.6

(61.9)

15.0

(59.0)

18.7

(65.7)

Temp. baxxa medja f'°C (°F) 6.9

(44.4)

7.9

(46.2)

9.7

(49.5)

12.2

(54.0)

14.0

(57.2)

14.7

(58.5)

14.1

(57.4)

14.1

(57.4)

13.8

(56.8)

11.7

(53.1)

9.0

(48.2)

7.5

(45.5)

11.3

(52.3)

Temp. baxxa rekord f'°C (°F) −1.5

(29.3)

−2.0

(28.4)

0.3

(32.5)

5.5

(41.9)

8.0

(46.4)

9.0

(48.2)

10.4

(50.7)

9.0

(48.2)

4.8

(40.6)

2.2

(36.0)

−4.0

(24.8)

−4.0

(24.8)

−4.0

(24.8)

Preċipitazzjoni medja f'mm (pulzieri) 16.4

(0.65)

11.9

(0.47)

8.8

(0.35)

8.1

(0.32)

42.4

(1.67)

136.9

(5.39)

179.8

(7.08)

149.4

(5.88)

122.8

(4.83)

35.6

(1.40)

10.4

(0.41)

8.0

(0.31)

730.5

(28.76)

Medja ta' jiem bil-preċipitazzjoni (≥ 0.1 mm) 2.8 2.1 1.8 2.7 7.1 12.3 15.7 13.7 10.6 5.0 2.2 2.1 78.1
Umdità relattiva medja (%) 64.3 59.6 55.2 53.3 57.6 66.9 73.2 72.8 73.0 68.4 66.5 64.8 64.6
Medja ta' sigħat ta' xemx fix-xahar 224.4 237.6 285.2 265.1 265.7 210.7 203.6 212.9 193.3 239.7 241.9 222.8 2,802.8
Sors 1: Servicio Meteorológico Nacional
Sors 2: World Meteorological Organization (relative humidity and sun 1981–2010)[11]

Konfigurazzjoni u trasport

[immodifika | immodifika s-sors]
Triq Pocitos, li tagħti lejn l-Università ta' Guanajuato.

Inizjalment, il-belt ġiet maqsuma f'erba' barrios jew viċinati: Marfil/Santiago, Tepetapa, Santa Ana u Santa Fe. Dan tal-aħħar jitqies li huwa l-eqdem fil-colonia attwali ta' Pastita. Il-belt ġiet maqsuma minn xmara żgħira bħala mezz ewlieni tat-trasport. Minħabba li hemm bosta għoljiet, triq prinċipali waħda biss tidħol fil-belt u oħra toħroġ minnha. It-triq prinċipali lejn il-belt, imsejħa Belaunzarán, attwalment fiha tliet kilometri taħt l-art u ssegwi l-mogħdija oriġinali tax-xmara Guanajuato. Għad-differenza tal-konfigurazzjonijiet regolari ta' bosta bliet Spanjoli u Messikani oħra, it-toroq ta' Guanajuato jsegwu l-irregolarità estrema tal-art tal-belt, bi trejqiet żgħar, pjazez u f'xi każijiet taraġ wieqaf mal-ġnub tal-għoljiet. Il-biċċa l-kbira huma pavimentati b'ġebel kwadru, u għadd limitat minnhom jistgħu jgħaddu l-karozzi minnhom. Il-maġġoranza tal-passaġġi huma trejqiet żgħar b'ammont limitat ta' spazju fil-beraħ bħala pjazez żgħar ħafna, u b'hekk il-belt għandha bixra iktar Ewropea minn bliet Messikani oħra.

Daħla ta' mina.

Għadd minn dawn it-trejqiet lanqas għandhom isem u oħrajn għandhom ismijiet strambi bħal "Sal si puedes" (Oħroġ jekk jirnexxilek). Trejqa famuża oħra hi Callejón Tecolote, li minnha Ignacio Allende u Miguel Hidalgo daħlu bl-armata tagħhom fl-1810. Trejqa qrib il-Palazz tal-Gvern Statali tissejjaħ Callejón de la Condesa (Trejqa tal-Kontessa). L-isem oriġina mill-Kontessa li kienet tgħix f'waħda mill-vilel lejn l-aħħar tas-seklu 18 u l-bidu tas-seklu 19. Bil-mistħija li kellha minħabba r-reputazzjoni ħażina tar-raġel tagħha li kien qed imur ma' nisa oħra, qabel u wara ż-żwieġ, il-Kontessa bdiet tidħol u toħroġ mid-dar mill-bieb ta' wara u tmur f'din it-trejqa biex tevita ħarset in-nies tal-belt.

Mina ta' Guanajuato.

L-iżjed trejqa famuża hi Callejón del Beso (Trejqa tal-Bewsa). Din tinsab fix-xaqlibet tal-għolja ta' Cerro del Gallo f'viċinat li jmur lura għas-seklu 18. Hija wiesgħa 168 ċentimetru (66 pulzier) biss u l-gallariji taż-żewġ naħat tat-trejqa kważi jmissu ma' xulxin. Skont il-folklor il-koppji li jitbewsu fuq it-tielet tarġa (miżbugħa bl-aħmar) jiġu ggarantiti seba' snin ta' hena flimkien. L-isem ġej minn leġġenda ta' żewġ maħbubin żgħażagħ li spiċċaw ħażin: Doña Carmen u Don Luis. Missier Carmen ipprojbixxa li Luis jittantaha, u hedded li jibgħatha f'kunvent jekk tiddeċiedi li titlaq mid-dar biex tmur tarah. Il-gallarija ta' Carmen kienet fuq din it-trejqa u kważi kienet tmiss mal-gallarija tad-dar tal-ġar. Luis sab ta' min kienet u rnexxielu jirranġa biex ikollu aċċess. Lejla minnhom, meta it-tnejn li huma kienu fuq dawn il-gallariji, missier Carmen rahom proprju meta Luis kellu id Carmen f'idu. Missier Carmen inkorla u taha daqqa ta' sikkina, filwaqt li Luis baqa' xxokkjat b'idha li baqgħet f'idu u kesħet u saret bla ħajja, u taha bewsa tal-aħħar.

It-toroq u t-trejqiet dojoq wasslu għal passatemp imsejjaħ "callejoneadas", jiġifieri festini, li tradizzjonalment isiru mill-istudenti tal-Università ta' Guanajuato b'mużiċisti f'ħin reali. Illum il-ġurnata, isiru callejoneadas għat-turisti wkoll.

Triq Juárez hija waħda mill-ftit toroq mhux taħt l-art, mimlija ħwienet u ristoranti, u jkollha fluss kostanti ta' nies u ta' karozzi. It-toroq l-oħra tal-belt huma parzjalment jew kompletament taħt l-art, u jsegwu l-kanali u l-mini antiki tad-drenaġġ li ġew imħaffrin fl-era kolonjali. Oriġinarjament intużaw għall-kontroll tal-għargħar, iżda d-diga moderni kkontrollaw l-għargħar u b'hekk baqgħu nexfin, u setgħu jiġu kkonvertiti f'toroq tant importanti għal belt mingħajr daqstant superfiċe. L-iżjed importanti fost it-toroq hija Triq Miguel Hidalgo jew Belaunzarán, li minnha kien jgħaddi l-ilma tax-xmara li kienet taqsam il-belt fi tnejn. Il-verżjoni ta' Guanajuato tal-ġrajja ta' La Llorona ssostni li l-mara għadha tgħix fil-mini tagħha, fejn uħud minnhom kienu jgħaddu x-xmajjar jew in-nixxigħat.

It-toroq u t-trejqiet tal-belt huma miżgħuda b'binjiet l-iktar tal-era kolonjali, bir-ristoranti, bil-kafetteriji u bil-pjazez żgħar. Il-binjiet inbnew bil-ġebel ramli roża u aħdar, bil-brikks u b'ġebel ieħor, u b'hekk it-toroq għandhom sfumaturi ta' roża, aħdar, okra u aħmar. Il-biċċa l-kbira tal-pjazez jinsabu quddiem jew biswit bosta knejjes, bħal Plaza San Fernando, Plaza San Roque, Plaza de la Valenciana, Plaza de los Ángeles, u Plaza de Mexiamora. Xi eċċezzjonijiet huma Jardín Reforma u Jardín Unión.

Mini ta' Guanajuato

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-mini ta' taħt l-art ta' Guanajuato huma network ta' kanali wesgħin li jgħinu biex ibegħdu t-traffiku miċ-ċentru tal-belt. Dawn il-mini għandhom diversi saffi ta' toroq u trejqiet taħt l-art. Il-mini jintużaw għat-traffiku li jkun sejjer lejn il-Lvant. It-traffiku li jkun sejjer lejn il-Punent jgħaddi miċ-ċentru ta' Guanajuato. Il-mini kollha għandhom bankini għall-mixi kif ukoll uħud mill-waqfiet tal-karozzi tal-linja taħt l-art.

Is-sistema ta' mini ta' Guanajuato kienet inbniet għall-prevenzjoni tal-għargħar. Túnel La Galereña hija l-itwal mina minn dan in-network u ġiet skavata fil-bidu tas-seklu 19 biex tbiegħed ix-xmara Guanajuato miċ-ċentru tal-belt. Fis-snin 60 tas-seklu 20 il-mini antiki tax-xmara ġew imsaħħa, peress li kienu f'kundizzjoni ħażina u bdew iċedu. Wara r-rikostruzzjoni, ġew ikkonvertiti f'mini għall-karozzi. L-ewwel vjaġġ fihom bil-karozza sar fl-1961. Iżda l-mini l-antiki kienu tajbin biss għall-karozzi, għall-karozzi tal-linja żgħar u għall-vannijiet żgħar, mhux għall-mezzi ikbar tat-trasport. B'hekk tħaffret mina oħra lejn l-aħħar tas-snin 60 tas-seklu 20, li ddevjat ix-xmara iktar fil-fond. Diversi mini addizzjonali ġew skavati matul is-snin 90 tas-seklu 20.

Il-Knisja ta' San Gejtanu qrib il-minjiera ta' La Valenciana.

Il-minjieri li wasslu l-ġid lil Guanajuato jinsabu kemm fil-belt kif ukoll eżatt barra minnha. Għadd minn dawn il-minjieri wasslu għall-iżvilupp ta' komunitajiet żgħar bil-knejjes tagħhom stess; dawn għadhom jeżistu flimkien ma' istituzzjonijiet oħra bħal mużewijiet. L-iżjed minjieri magħrufa taw isem uħud mill-eqdem viċinati tal-belt, fosthom Cata, Rayas y Mellado, La Pastita, San Luisito u Valenciana. Uħud minn dawn il-minjieri huma miftuħa għall-pubbliku permezz ta' żjarat iggwidati. L-ewwel minjiera sinifikanti kienet imsejħa San Bernabé, li wasslet eluf ta' nies lejn Guanajuato u wasslet ukoll għall-iskoperta ta' depożiti minerali oħra. Din il-minjiera operat mis-seklu 16 sal-1928. Il-fdalijiet ta' din il-minjiera jistgħu jinstabu fil-villaġġ żgħir ta' La Luz kemm kemm barra mill-belt.

L-iżjed minjiera importanti fost il-kumplessi kollha hija l-minjiera ta' La Valenciana, fit-tarf tat-Tramuntana tal-belt. Bdiet topera fl-1774. Minn dak iż-żmien sal-bidu tas-seklu 19 kienet waħda mill-iżjed minjieri tal-fidda produttivi fid-dinja, u kienet tipproduċi żewġ terzi tal-produzzjoni dinjija fl-aqwa tagħha. Kienet tipproduċi 80 % tal-fidda kollha li kienet tiġi estratta fl-istat ta' Guanajuato u 16.67 % tal-fidda kollha fil-Messiku. Għal iktar minn 250 sena, kienet tipproduċi madwar 30 % tal-fidda tad-dinja. Il-minjiera għadha topera attwalment. Il-produzzjoni naqset, iżda kull sitt minuti għadha tiġi estratta tunnellata ta' blat. L-ikbar xaft jinżel għal 450 metru u madwar 10,000 minatur ħadmu fiha matul l-istorja tagħha.

Turisti jżuru l-minjiera ta' Bocamina.

Il-minjiera wasslet biex is-sidien tagħha, il-Kontijiet ta' Valenciana, isiru sinjuri u setgħana ħafna. L-ewwel Konti ta' Valenciana, Antonio de Obregón y Alcocer ordna li tinbena l-Knisja ta' San Gejtanu (magħrufa wkoll bħala l-Knisja ta' La Valenciana), qrib id-daħla ta' din il-minjiera. Ġiet iddedikat lil San Gejtanu u nbniet bejn l-1765 u l-1788. Il-knisja għandha portal bl-istil Churrigueresque, li ġie mqabbel ma' dak tal-Katidral u tal-Knisja La Santisima tal-Belt tal-Messiku. Fuq ġewwa ġew ikkonservati għadd ta' artali indurati u pulptu bl-avorju u injam preġjat. Barra minn hekk fuq ġewwa hemm lavur "agraffito" u pitturi tas-seklu 19.

Qrib il-Minjiera ta' La Valenciana hemm il-Minjiera ta' Guadalupe, stabbilita fis-seklu 16. Dan il-kumpless inbena b'ħitan tal-ġebel tassew kbar u ħoxnin, mifruda bir-riffieda, li jagħtuha dehra ta' fortizza Medjevali. Il-minjiera ma għadhiex operattiva iżda l-kumpless ġie żviluppat mill-ġdid bħala lukanda.

Il-minjiera ta' La Cata hija waħda mill-ewwel minjieri, u tat isimha lil viċinat tal-belt. Il-minjiera tinsab qrib il-Pjazza ta' Don Quijote. Bdiet topera fl-1558 u l-qofol tal-produzzjoni tagħha kien fl-ewwel kwart tas-seklu 18. Is-sid tagħha kien il-Markiż ta' San Clemente. Iċ-ċentru tal-viċinat hija l-Knisja ta' Señor de Villaseca, magħrufa l-iktar bħala l-Knisja ta' La Cata. Din il-knisja nbniet fis-seklu 17 bl-istil Barokk Messikan jew Churrigueresque simili għal dak tal-Knisja ta' La Valenciana. Fil-knisja hemm kurċifiss ta' valur imsejjaħ ta' Señor del Villaseca u huwa rreġistrat bħala Monument Storiku Federali Messikan.

Il-minjiera ta' Bocamina de San Ramón hija wkoll waħda mill-ewwel minjieri tal-belt, meta nstab depożitu minn xi vjaġġaturi bikrin fil-bidu tas-seklu 16. Fil-1548 instabet il-mamma tal-materja prima tagħha. Attwalment, il-minjiera hija attrazzjoni turistika fejn it-turisti jistgħu jidħlu fiha u jinżlu fix-xaftijiet antiki. Il-kumpless fih spazju fil-beraħ, gallerija ta' minerali u bar jismu El Petardo, li fl-imgħoddi kien il-maħżen tal-porvli.

Il-minjiera ta' Rayas tat isimha lil wieħed mill-viċinati tal-belt, wara li ġiet stabbilita fl-1550 minn Juan Rayas. L-apoġew tal-minjiera kien fis-seklu 18, u wasslet biex is-sid tagħha, José de Sardineta y Legaspi, ikollu t-titli ta' Viskonti ta' Sardineta u ta' Markiż ta' Rayas. Illum il-ġurnata tinsab f'sezzjoni tal-Carretera Panorámica (Awtostrada Panoramika) madwar il-belt. Il-ħitan tal-kumpless huma għoljin u huma mirfuda bir-riffieda tal-ġebel. Fiha wieħed mill-itwal xaftijiet fid-dinja, li jibqa' nieżel taħt l-art għal 425 metru.

Il-Kastell ta' Santa Cecilia huwa kostruzzjoni maestuża bi stil Medjevali li nbena fuq eks hacienda tal-estrazzjoni tas-seklu 17. Il-binja attwali tintuża bħala lukanda.

Wirja ta' mumji f'Guanajuato.

L-iżjed attrazzjoni famuża mat-turisti huma l-Mumji ta' Guanajuato, li jinsabu f'mużew apposta maġenb iċ-ċimiterju muniċipali fil-viċinat ta' Tepetapa. Il-Mużew tal-Mumji fih kollezzjoni ta' eżemplari mmummifikati b'mod naturali fiċ-ċimiterju biswit. L-awtoritajiet bdew isibuhom fl-1870, meta liġi ġdida kienet teżiġi li r-residenti jħallsu taxxa għal difna perpetwa. Jekk l-antenati ħajjin ma kinux iħallsu t-taxxa, il-katavru kien jitneħħa. Jekk kien jinstab mummifikat, kien jinħażen f'binja fuq l-art u n-nies bdew iħallsu biex jarawhom fl-aħħar tas-seklu 19. Din it-taxxa ġiet abolita fl-1958. Għall-ewwel, il-mumji kienu jintwerew f'mina mingħajr wisq tidwil, tant li l-viżitaturi kienu jidħlu b'torċa jew b'xemgħa. Il-viżitaturi kienu jitħallew imissu l-mumji u wħud saħansitra qalgħu xi biċċiet biex jeħduhom magħhom bħala tifkira jew biex jivverifikaw jekk il-katavru kienx ta' veru. Il-mużew modern infetaħ fl-1970 b'tidwil u b'ventilazzjoni tajbin, u l-mumji jinsabu protetti wara l-ħġieġ.

Ritratt tal-1897 tal-mumji ta' Guanajuato.

Il-kollezzjoni fiha 111-il mumja, l-iktar nisa, b'xi rġiel u madwar 20 tifel u tifla, iżda 59 mumja minnhom qegħdin għall-wiri. Din titqies bħala l-ikbar kollezzjoni ta' mumji fl-Emisferu tal-Punent. Kważi n-nies kollha kienu persuni komuni u kellhom sfond ta' minaturi jew bdiewa. Il-mumji tneħħew miċ-ċimiterju muniċipali bejn l-1870 u l-1958, u kienu ta' nies li kienu mietu bejn l-1850 u l-1950. L-ewwel mill-mumji ddokumentati, li ilha għall-wiri f'xi forma jew oħra mis-snin 70 tas-seklu 19, hija dik ta' tabib Franċiż li kien jismu Remigio Leroy. Il-mumja tiegħu tinsab għall-wiri fil-mużew attwali. Mit-tfal fil-kollezzjoni, wieħed jista' jara evidenza ta' prattika fejn it-tfal Kattoliċi li kienu jmutu kienu jitlibbsu ta' anġli, jekk ikunu bniet, jew ta' qaddisin, jekk ikunu subien, sabiex tiġi indikata l-purezza tagħhom u jiġu żgurati l-aċċess għall-ġenna. Diversi minnhom kienu trabi, inkluż waħda li titqies bħala l-iżgħar mumja fid-dinja. Tnejn minn dawn il-katavri żgħar kienu ġew parzjalment ibbalzmati billi tneħħewlhom l-organi interni u minflok tpoġġa materjal tal-mili bl-imballaġġ. Wieħed kien ta' fetu, x'aktarx ta' korriment ta' madwar 24 ġimgħa, u ieħor kien ta' tarbija maskili tat-twelid. Dan il-proċess ta' bbalzmar jaf tejjeb il-proċess ta' mummifikazzjoni naturali iżda ma kienx il-kawża ewlenija. Mhuwiex magħruf għalfejn dawn kienu ġew ibbalzmati, u lanqas nafu eżatt is-snin meta mietu. Hemm mumja ta' mara li mietet hi u twelled jew hi u tkorri (għandha plaċenta niexfa mehmuża magħha) iżda ma nafux jekk kinitx l-omm ta' xi wieħed jew waħda mit-trabi mmummifikati.

Veduta tad-daħla tal-Mużew tal-Mumji ta' Guanajuato. Fuqu hemm ħajt li jissepara l-mużew miċ-ċimiterju.

Għalkemm wieħed minn kull 100 katavru midfun fiċ-ċimiterju kien jiġi mmummifikat b'mod naturali, il-konċentrazzjoni ta' dan il-fenomenu wassal għal teoriji differenti. Uħud jemmnu li huma r-riżultat ta' difniet ta' persuni meta kienu għadhom ħajjin, li kienu ġew iddikjarati mejtin bi żball. Dawn in-nies, skont it-twemmin, mietu ddisprati u fgati u bħala sinjal tal-uġigħ tagħhom, ikkonvertew f'mumji. Teorija iktar komuni hi li x'aktarx il-mummifikazzjoni naturali kienet isseħħ minħabba l-altitudni ta' Guanjuato jew minħabba l-abbundanza ta' minerali fil-ħamrija. Madankollu, il-fdalijiet immummifikati kollha nstabu fil-kripti tas-siment ta' fuq l-art fiċ-ċimiterju, mhux f'oqbra taħt l-art. Ir-riċerkaturi jemmnu li l-fenomenu seħħ minħabba l-klima sħuna u niexfa tal-inħawi, li kienet tnixxef il-katavri malajr.

Waħda mir-raġunijiet għalfejn dawn il-mumji saru daqstant famużi fil-Messiku huwa l-film tal-1972 El Santo contra las momias de Guanajuato, dwar l-iżjed lottatur famuż tal-lucha libre fil-Messiku, El Santo, kif ukoll tnejn oħra msejħa Blue Demon u Mil Máscaras. F'dan il-film, il-mumji jerġgħu jingħataw il-ħajja permezz ta' lottatur magħruf bħala "Satán" u El Santo jiġġieled kontrihom u jirbħilhom. Dan il-film inġibed fiċ-ċimiterju ta' Guanajuato u minn dak iż-żmien 'l hawn sar film klassiku famuż.

Sindku tal-belt, Dr. Eduardo Hicks, ta bidu għall-Proġett ta' Riċerka dwar il-Mumji ta' Guanajuato fl-2007 biex jiżdiedu l-għarfien u s-sensibilizzazzjoni dwar l-eżemplari. Minn dak iż-żmien 'l hawn il-mumji ġew studjati b'mod estensiv fil-Messiku u fl-Istati Uniti. Mill-istudju ħarġet evidenza ta' kundizzjonijiet mediċi bħall-artrite, anemija estrema, ħsara fil-pulmuni mill-inalazzjoni tad-dħaħen u tuberkolożi. Ftit mir-riċerka tat ħarsa lejn il-folklor fir-rigward għadd ta' mumji bħal dak ta' raġel b'wiċċ sfigurat li kien maħsub li ġralu hekk b'xi daqqa mortali, ta' mara li kien maħsub li ġiet mgħallqa mir-raġel tagħha u ta' mara li kien maħsub li ġiet midfuna ħajja. Ma nstabet l-ebda evidenza xjentifika li tappoġġa l-aħħar żewġ ġrajjiet. Mingħajr rekords, mhux possibbli li nkunu nafu eżatt meta mietu wħud mill-mumji. Il-karbonju 14 ma jistax ikun ta' għajnuna għaliex hemm marġni ta' żball ta' 50 sena u diġà nafu li l-mumji mietu bejn l-1850 u l-1950. Fl-2009, 36 mumja ntwerew għall-ewwel darba barra mill-Messiku, fiċ-Ċentru tax-Xjenza ta' Detroit fl-Istati Uniti bħala parti minn wirja li damet sal-2012. Il-mumji kienu s-suġġett ewlieni ta' sensiela ta' dokumentarji tan-National Geographic imsejħa "The Mummy Road Show", dwar 18-il mumja.

Festival Cervantino

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Kastell ta' Santa Cecilia.

Il-Festival Internacional Cervantino huwa avveniment kulturali annwali, li jsir fil-belt ta' Guanajuato, u li jisponsorja għadd kbir ta' avvenimenti artistiċi u kulturali, b'artisti differenti li jiġu mistiedna mill-Messiku u minn madwar id-dinja kollha. Il-festival għandu kunjom Miguel de Cervantes, l-awtur ta' Don Quixote. Il-festival beda jsir fl-1972, meta kienu jittellgħu reċti qosra mill-istudenti tal-Università ta' Guanajuato bbażati fuq ix-xogħlijiet ta' Cervantes. Fl-2010, fost il-mistednin speċjali kien hemm l-istat ta' Querétaro u l-Kolombja. L-edizzjoni tal-2010 tal-festival kienet tinkludi artisti tal-ispettaklu bħal Tangokineses mill-Arġentina u Cumbia Cienaguera mill-Kolombja. B'kollox kien hemm 424 avveniment matul 26 jum.

Il-festival jospita avvenimenti bħal opri, produzzjoni teatrali, films, wirjiet tal-arti, konferenzi u taħditiet akkademiċi, kunċerti u żfin. L-ispettakli jsiru f'70 post fil-belt matul il-biċċa l-kbira tax-xahar ta' Ottubru. L-avvenimenti jsiru fil-belt kollha, u oħrajn isiru wkoll f'lokalitajiet oħra bħall-Belt tal-Messiku, Guadalajara u San Miguel de Allende. L-iżjed post importanti f'Guanajuato għall-festival huwa t-Teatru Juárez, li jinsab qrib Jardín de la Unión (il-Ġnien tal-Unjoni). Postijiet importanti oħra fil-belt huma t-Teatru Prinċipali, it-Teatru Cervantes u l-faċilitajiet tal-Università ta' Guanajuato. L-avvenimenti jsiru wkoll qrib il-knejjes, fil-pjazez u anke fit-toroq. Il-Festival International Cervantino Callejero huwa avveniment parallel sponsorjat miċ-Centro Libre de Experimentación Teatral y Artística (CLETA). Fl-2010, dan l-avveniment ospita 300 spettaklu b'temi soċjali. Dan l-avveniment annwali beda jsir fl-1975, ispirat parzjalment mill-qoxra tal-album Abbey Road ta' The Beatles.

Attrazzjonijiet

[immodifika | immodifika s-sors]

Żona madwar Plaza de la Paz, il-Bażilika u l-Palazz Leġiżlattiv

[immodifika | immodifika s-sors]
Plaza de la Paz u l-Bażilika Kulleġjali tal-Madonna ta' Guanajuato (2009).

Iċ-ċentru tal-belt moderna huwa l-Plaza de la Paz (il-Pjazza tal-Paċi), magħrufa wkoll bħala Plaza Mayor (il-Pjazza Ewlenija). Mill-perjodu kolonjali, l-iżjed familji għonja tal-belt bnew id-djar prinċipali tagħhom hawnhekk, flimkien ma' binjiet tal-gvern u l-knisja parrokkjali, li issa saret bażilika. Din il-pjazza hija ġnien bi skultura ta' mara li tirrappreżenta l-paċi; il-kollokazzjoni tagħha hawnhekk fl-aħħar tas-seklu 19 wassal biex tingħata dan l-isem uffiċjali ta' Plaza de la Paz. Attwalment, il-pjazza hija mdawra mill-bażilika, knejjes oħra u binjiet tal-gvern u kummerċjali, li bosta minnhom fl-imgħoddi kienu vilel. Madwar il-pjazza għad hemm vilel li kienu tan-nobbli lokali bħall-Konti Rul, il-Konti Gálvez, u l-Konti De los Chico. Il-villa tal-Konti Rul inbniet lejn l-aħħar tas-seklu 18 mill-arkitett Francisco Eduardo Tresguerras. Hija magħrufa għall-bitħa interna tagħha, b'karatteristiċi arkitettoniċi mill-Greċja Antika. Alexander von Humboldt qagħad hemmhekk fl-1803. Iktar 'il quddiem, id-dar saret magħrufa bħala Palacio de Otero. Il-Casa Real de Ensaye hija villa Barokka, li mal-faċċata tagħha għandha l-ewwel arma nobbli li ngħatat lil Guanajuato.

Is-Suq ta' Hidalgo.

Il-knisja prinċipali tal-belt hija l-Basílica Colegiata de Nuestra Señora de Guanajuato, li nbniet bejn l-1671 u l-1696. Inġenerali, il-knisja għandha stil Barokk Messikan mhux stravaganti iżda fiha elementi popolari mid-donazzjonijiet li ngħataw mill-minaturi tal-inħawi, u elementi oħra li juru l-influwenza ta' diversi nobbli sinjuruni tal-estrazzjoni tal-belt. Il-Markiż ta' San Clemente u Pedro Lascuráin de Retana kienu l-ewwel patruni tal-binja attwali. Iktar 'il quddiem, il-Kontijiet ta' Valenciana ħallew l-influwenza tagħhom ukoll, kif ukoll bid-donazzjoni ta' arloġġ għal wieħed mit-torrijiet u l-akkwist ta' relikwi b'rabta ma' qaddisa u martri jisimha Faustina li nkisbu mill-Papa. Dawn ir-relikwi jinsabu fl-artal prinċipali. Il-portal prinċipali huwa magħmul minn ġebel ramli roża b'"estipiti" jew kolonni piramidali invertiti. L-enfasi tal-artal prinċipali hi x-xbieha tal-Madonna ta' Guanajuato (Nuestra Señora de Guanjuato), il-patruna tal-belt. Din ingħatat b'donazzjoni lill-belt minn Carlos I u ibnu Felipe II fl-1557. Fl-1696, il-knisja ngħatat l-istatus ta' bażilika minuri u fl-1957 ingħatat l-istatus ta' bażilika sħiħa.

Il-Palazz Leġiżlattiv jew il-binja tal-gvern statali kien is-sit tal-Aduana jew tal-Casas Consistoriales (id-dwana) fil-perjodu kolonjali. Il-binja attwali nbniet minn Cecilio Luis Long bi stil Ewropew li kien popolari fl-aħħar tas-seklu 19 u fil-bidu tas-seklu 20, u ġiet inawgurata fl-1903. Il-faċċata għandha portal Neoklassiku tal-ġebel ramli b'kuluri tipiċi tal-inħawi ta' Guanajuato. Fih sala leġiżlattiva msejħa Sala de Sessiones, imżejna b'pitturi u b'għamara sempliċi tas-sekli 19 u 20.

Alhóndiga de Granaditas

[immodifika | immodifika s-sors]
Monument storiku ta' Alhóndiga de Granaditas waqt kunċert billejl matul il-Festival Cervantino.

L-Alhóndiga de Granaditas hija binja kbira ħafna li tkopri blokk sħiħ. Oriġinarjament inbniet biex jinħażen biżżejjed qamħ biex il-belt ikollha x'tiekol għal sena, sabiex il-popolazzjoni tkun protetta mill-ġuħ bħal dawk li batiet fl-1783 minħabba l-mewt tal-għelejjel. B'hekk il-binja ngħatat isimha, li bejn wieħed u ieħor ifisser "binja tal-qamħ". Il-binja fiha żewġ sulari, kważi mingħajr twieqi, b'bitħa kbira ħafna fuq ġewwa. Il-kostruzzjoni bdiet fl-1798 taħt l-arkitett Durán y Villaseñor u tlestiet taħt José del Mazo.

L-Alhóndiga ntużat għall-għan oriġinali tagħha għal tmien xhur biss wara li nbniet. Ir-raġuni prinċipali tal-importanza tagħha llum hi li kienet is-sit tal-ewwel battalja tal-Gwerra Messikana tal-Indipendenza bejn ir-ribelli u t-truppi rjalisti fit-28 ta' Settembru 1810. Meta Miguel Hidalgo, Ignacio Allende u l-armata tar-ribelli qorbu lejn il-belt, it-truppi rjalisti taħt il-Logutenent Riaño u l-elit tal-belt fittxew il-kenn fil-binja, flimkien ma' miljuni ta' pesos ta' fidda u rikkezzi oħra. Ir-ribelli malajr iċċirkondaw il-binja, iżda sabuha diffiċli biex jidħlu minħabba n-nuqqas ta' aperturi u l-porvli tal-irjalisti.

Il-battalja baqgħet staġnata sakemm minatur minn San Miguel de Allende sab mod biex jasal sad-daħla prinċipali tal-binja. Dan il-minatur, li kien jismu Juan José de los Reyes Martínez, huwa magħruf aħjar bħala El Pípila, li kien ingħaqad mal-armata ta' ribelli meta għaddiet minn raħal twelidu. El Pípila rabat ġeble ċatta ma' dahru, u b'ġarra qatran u b'torċa f'idejh, mexa mbe lejn id-daħla prinċipali. Il-ġebla pproteġietu mill-balal li ġew sparati lejh. Meta wasal sal-bieb tqil tal-injam tad-daħla, dilku bil-qatran u tah in-nar. B'hekk ir-ribelli rnexxielhom jieħdu l-binja.

Il-Knisja ta' La Compañía.

Wara l-battalja l-binja ntużat bħala barrakki, maħżen ġenerali u maħżen tat-tabakk. Mill-1864 sal-1949, intużat bħala struttura penitenzjarja statali. Fl-1949, il-binja ġiet ikkonvertita fil-Museo Regional de Guanajuato, fejn ġiet iddokumentata l-istorja tal-inħawi u r-rwol li kellha fl-istorja nazzjonali Messikana mill-perjodu pre-Ispaniku sal-preżent, f'erbatax-il sala fis-sular ta' fuq. Fil-pjan terran hemm maskaruni kbar ta' José Mariano Jiménez, Vicente Guerrero, Ignacio Allende u Ignacio Aldama. Is-sala prinċipali għandha maskaruni ta' Miguel Hidalgo u ta' José María Morelos y Pavón, li "jgħassu" l-arma nazzjonali. Quddiemhom hemm il-fjamma eterna li tiġġedded kull 28 ta' Settembru. Il-ħitan tal-garigor taraġ prinċipali fihom affreski ta' José Chávez Morado li jalluda għall-indipendenza. Tospita kollezzjoni kbira ta' ċeramiki mill-partijiet tal-Punent tal-Amerka Ċentrali, speċjalment minn Chupícuaro. Fiha x-xogħlijiet tal-artist minn Guanajuato Hermeneguildo Bustos u tal-fotografu Romualdo García.

Hemm wirjiet marbuta mal-binja stess, mal-kostruzzjoni tagħha, mal-funzjoni oriġinali tagħha bħala foss tal-qamħ u mar-rwol tagħha f'waħda mill-ewwel battalji tal-Gwerra tal-Indipendenza. Il-bitħa l-kbira fl-Alhóndiga hija post tradizzjonali fejn jiġi ċċelebrat Jum l-Indipendenza tal-Messiku b'"El Grito de Dolores" ta' Hidalgo. Hija wieħed mis-siti fejn isiru għadd ta' avvenimenti tal-Festival Cervantino. Il-mużew ġie rrestawrat fl-2010 għall-Biċentenarju mill-INAH u sewa 5.7 miljun pesos, bħala parti minn mużewijiet simili f'Dolores Hidalgo u f'San Miguel de Allende biex jiffurmaw ir-Ruta de Independencia (ir-Rotta tal-Indipendenza). Ix-xogħol kien l-ewwel rinnovazzjoni tal-binja li saret f'20 sena.

Università ta' Guanajuato

[immodifika | immodifika s-sors]
L-Università ta' Guanajuato.

L-Università ta' Guanajuato bdiet bħala skola tal-Ġiżwiti għat-tfal fl-ewwel nofs tas-seklu 18. L-istabbiliment ta' din l-iskola ġie sponsorjat minn Josefa Teresa de Busto y Moya, oħt il-Markiż ta' San Clemente, li kisbet il-permess għall-iskola mill-Kuruna Spanjola fl-1732 u stabbiliet l-istituzzjoni fid-dar tagħha. Hija tat għoxrin fil-mija tal-ġid tagħha b'donazzjoni għaliha u ħadmet biex tikseb donazzjonijiet mingħand familji għonja oħra fil-belt. Madankollu, il-mertu għall-istabbiliment tal-iskola spiss jingħata l-iktar lill-Ġiżwiti. Maż-żmien, l-iskola kibret u bdiet toffri studji tal-edukazzjoni għolja u studji ta' livell professjonali. Kellha diversi ismijiet tul l-istorja tagħha, minn Real Colegio de la Purísima Concepción (1767), Colegio del Estado (1828), Colegio Nacional de Guanajuato (1867), sal-isem attwali tagħha li ġie adottat fl-1945. L-isem ta' Colegio del Estado ngħata minħabba l-fatt li l-istituzzjoni saret proprjetà tal-istat fl-1828. Fl-1945 kisbet status ta' università.

Teatro Juárez.

Illum il-ġurnata l-istituzzjoni fiha madwar 30,000 student fl-edukazzjoni għolja, u fil-livelli ta' baċellerat u ta' lawrja. Minbarra l-kampus prinċipali fil-belt, hemm disa' oħra f'partijiet oħra tal-istat ta' Guanajuato. L-università tospita għadd ta' avvenimenti tal-Festival Cervantino, u t-taraġ famuż tagħha jintuża għall-postijiet bilqiegħda għal xi avvenimenti. L-iżjed faċilità magħruf tal-istituzzjoni hija l-binja prinċipali fil-belt ta' Guanajuato, li nbniet bl-istil Neoklassiku bil-ġebel ramli aħdar. Din tospita l-uffiċċju tad-dekan, l-uffiċċji amministrattivi u għadd ta' dipartimenti tal-istituzzjoni. Il-binja prinċipali tingħaraf mit-taraġ twil tagħha li fih 113-il tarġa, li jagħti għal Callejón del Estudiante. Taħt is-saqaf prinċipali hemm kappella tas-seklu 16 li ġiet sponsorjata minn Vasco de Quiroga għall-minaturi indiġeni. Din hija magħrufa bħala t-Templo de los Hospitales (it-Tempju tal-Isptarijiet). Ingħatat ix-xbieha tal-Madonna tar-Rużarju, li issa tissejjaħ il-Madonna ta' Guanajuato.

Il-Museo de Historia Natural Alfredo Dugès jinsab fil-pjan terran tal-binja prinċipali tal-Università ta' Guanajuato. Fih kollezzjoni ta' livell nazzjonali ta' fossili, pjanti u annimali. L-importanza ta' din il-kollezzjoni hi l-istat ta' konservazzjoni u l-età tagħha. Il-kollezzjoni ġiet miġbura minn Alfredo Dugés u ngħatat b'donazzjoni lill-università.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Id-Dar-Mużew ta' Gene Byron.

Iċ-Ċentru Storiku ta' Guanajuato u l-Minjieri fl-Inħawi ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1988.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[2]

Muniċipalità

[immodifika | immodifika s-sors]

Bħala s-sede ta' muniċipalità, il-belt ta' Guanajuato hija l-gvern lokali ta' iktar minn 373 komunità, li jkopru erja ta' 1,014-il kilometru kwadru (391.51 mil kwadru). Il-popolazzjoni totali tal-muniċipalità tlaħħaq il-194,500 ruħ. Din il-muniċipalità tinsab fir-Reġjun I fil-Grigal tal-istat. Tmiss mal-muniċipalitajiet ta' San Felipe, Dolores Hidalgo, Salamanca, Irapuato, Silao u León.

Il-biċċa l-kbira tat-territorju huwa kopert mis-Sierra ta' Guanajuato msejħa wkoll Sierra ta' San Gregorio. L-elevazzjonijiet prinċipali jinkludu Santa Rosa, Chichíndaro, Sirena, Bufa Picacho u Bufa Peñón, kollha qrib il-belt. Oħrajn jinkludu La Giganta, El Gigante, Los Llanitos u Vaquería fil-Lvant u fit-Tramuntana. Dawn il-qċaċet huma għoljin medja ta' 2,400 metru (7,874 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar. It-territorju mimli nixxigħat żgħar, arroyos u xmajjar, li jserpu madwar il-muntanji weqfin. Dawn jinkludu El Cedeño, La Goya, La Hernia, El Salto u La Cebada.

L-ekosistemi jvarjaw minn foresti tropikali baxxi li jarmu l-weraq fl-istaġun niexef, għal żoni b'siġar li qatt ma jaqbżu l-15-il metru, bwar tal-ħaxix u foresti miti, uħud minn siġar dominati mill-familja Prosopis. Fil-biċċa l-kbira taż-żoni, jgħixu mammiferi żgħar fosthom fniek, baġers, eċċ — u fiż-żoni iżolati jgħixu coyotes u ċriev. Jistgħu jinstabu wkoll rettili bħal sriep, żrinġijiet u gremxul, kif ukoll xi speċijiet ta' għasafar u insetti.

Skont l-INEGI, l-unika lingwa indiġena mitkellma fil-muniċipalità hija n-Nahuatl u minn 330 ruħ biss. Kważi r-residenti kollha tal-muniċipalità huma Kattoliċi, u l-biċċa l-kbira tal-kumplament huma Protestanti jew Kristjani Evanġeliċi.

Inqas minn 50 % tal-popolazzjoni tal-muniċipalità hija attiva ekonomikament, iżda ftit ħafna minnhom huma qegħda. Il-kummerċ u s-servizzi jimpjegaw l-ikbar għadd ta' nies, segwiti mill-kostruzzjoni u l-estrazzjoni. L-agrikoltura hija limitata ferm minħabba li l-art hija mħarbta sew. Madankollu, xi għelejjel bħas-sorgu, l-alfalfa, il-lewż u l-frott jiġu prodotti. Il-bhejjem jitrabbew fuq skala żgħira ħafna u jinkludu bhejjem tal-ifrat, mogħoż u ngħaġ. L-estrazzjoni hija l-attività ekonomika li xprunat l-istabbiliment tal-belt. Madankollu, l-estrazzjoni tal-minerali attwalment hija minima, peress li l-minerali tad-deheb u tal-fidda kważi ġew eżawriti. Għadhom jiġu estratti l-kaolin u ċ-ċomb. Fost il-kumpaniji prinċipali tal-estrazzjoni hemm Las Torres, Santa Fe de Guanajuato u El Cubo. L-iżjed segmenti importanti tal-ekonomija issa huma t-turiżmu u l-kummerċ. Il-wirt kulturali u artistiku rikk tal-belt, flimkien mal-kostruzzjonijiet kolonjali tagħha, jattiraw lill-viżitaturi. Għaż-żoni rurali madwar il-belt, Guanajuato hija l-post minn fejn wieħed jista' jixtri l-provvisti li mhumiex disponibbli fl-irħula. Dawn jinkludu ikel, parts tal-karozzi, servizzi inġenerali, servizzi bankarji, eċċ.

Cristo Rey del Cubilete.

Cerro de la Bufa hija qrib ħafna tal-belt ta' Guanajuato u mal-għolja hemm għadd ta' ġrajjiet assoċjati. F'inżul ix-xemx, hemm formazzjoni li qisha l-profil ta' wiċċ ta' raġel bid-daqna. Skont it-tradizzjoni, dan huwa wiċċ Kristu. Hemm ukoll żewġ għerien konsagrati u ddedikati lil San Injazju ta' Loyola. Dawn jinsabu fuq in-naħat opposti tal-quċċata u jissejħu l-għar il-"ġdid" u l-għar l-"antik". Kull 31 ta' Lulju, isir pellegrinaġġ lejn l-għar il-"ġdid" f'ġieħ il-qaddis. Fl-imgħoddi, matul il-perjodu kolonjali, kien hemm immaġni ta' Injazju mpittra mal-ħajt. Skont leġġenda, grupp ta' sħaħar maskili kienu jużaw l-għar għar-riti tagħhom lejliet ir-ritwal Kattoliku, biex "jobbligaw" l-immaġni mal-ħajt tosserva. F'Cerro de la Bufa hemm leġġenda oħra dwar prinċipessa. Jingħad li fil-jiem ta' festa, kienet tidher mara lil raġel fi triq fil-muntanja u kienet tistaqsih iġorrha sal-Bażilika fiċ-ċentru tal-belt. Jekk jagħmel dan, il-belt ta' Guanajuato kienet terġa' lura fl-aqwa tal-ġid tagħha. Malli kien jagħżel li jagħmel kif tgħidlu, minn warajh kienu jinstemgħu ħsejjes u theddid. Jekk kien jerġa' jibdielu, il-mara kienet tinbidel f'serp u toqtlu. L-ebda mara qatt ma nġarret minn din l-għolja sal-Bażilika.

Presa de la Olla hija diga li nbniet f'nofs is-seklu 18 biex il-belt ikollha l-ilma tax-xorb. L-inħawi saru post popolari fejn kienu jinġabru l-aristokratiċi żgħażagħ, u iktar 'il quddiem anke il-klassijiet iktar baxxi. L-inħawi jospitaw il-Festa ta' San Ġwann kull 24 ta' Ġunju. L-oriġini ta' dan l-avveniment tmur lura għall-perjodu kolonjali meta minatur fqir kien jiġi hawnhekk biex irodd il-ħajr tal-wasla reċenti tax-xita. L-avveniment attwali jilħaq il-qofol tiegħu bil-"ftuħ tad-diga", li jattira mijiet li jinġabru biex jaraw il-fluss tal-ilma. Attwalment, l-avveniment jiġi estiż tul it-tieni u t-tielet ġimgħa ta' Ġunju u sar jinkludi elementi ġodda bħal konkors tas-sbuħija u żfin b'mużika techno, reggaetón, ta' Durango u Grupero. Id-diga tintuża għall-isport tal-ilma, u hemm park jismu l-Ġnien ta' Florencio Antillon biswit.

Il-Monument ta' Kristu Re nbena fil-quċċata tal-muntanja ta' Cubilete fl-1923 mill-arkitett Nicolás Mariscal Piña u mill-iskultur Fidias Elizondo. L-iskultura hija għolja 20 metru (66 pied) u turi lil Kristu b'dirgħajh miftuħin u maġenbu żewġ anġli b'kuruna tax-xewk u b'kuruna rjali f'idejhom. L-iskultura tiżen 250 tunnellata metrika. Mill-pjazza wieħed jista' jara l-Wied ta' Bajio kollu.

Il-Belt ta' Guanajuato għandha ftehimiet ta' ġemellaġġ ma' għadd sostanzjali ta' bliet għal belt relattivament żgħira f'kuntest Messikan (il-123 l-ikbar belt fl-2015). L-iżjed relazzjoni ikonika u viżibbli hija dik ma' Ashland. Il-kumplament tar-relazzjonijiet ma' bliet oħra huma pjuttost inattivi. Il-ġemellaġġi jinkludu:

Ċittadini u residenti notevoli

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Alfredo Dugès, naturalista Messikan.
  • Emma Godoy, akkademika u kittieba.
  • Jorge Ibargüengoitia, ġurnalist u kittieb.
  • Jorge Negrete, kantant Messikan mill-"Epoka tad-Deheb" taċ-ċinema Messikan.
  • Diego Rivera, artist Messikan.
  • José Alfredo Jiménez, kantant-kantawtur Messikan.
  • Enrique Ruelas Espinosa, poeta, kittieb u direttur tat-teatru tal-Università ta' Guanajuato.
  1. ^ "Bajío, el nuevo milagro mexicano". t21.com.mx (bl-Ispanjol). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2019-04-02. Miġbur 2023-07-30.
  2. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Historic Town of Guanajuato and Adjacent Mines". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-07-30.
  3. ^ Staff, M. N. D. (2023-04-04). "Experts raise public health concerns about Guanajuato mummies" (bl-Ingliż). Miġbur 2023-07-30.
  4. ^ "Significado de Guanajuato y su escudo". web.archive.org. 2011-07-22. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-07-22. Miġbur 2023-07-30.
  5. ^ "Guanajuato". web.archive.org. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-07-18. Miġbur 2023-07-30.
  6. ^ Desconocido, México (2010-07-16). "La muy noble y leal ciudad de Santa Fe, Real y Minas de Guanajuato". México Desconocido (bl-Ispanjol). Miġbur 2023-07-30.
  7. ^ "Endangered Languages Project - Purepecha - Vocabulario del Idioma Purépecha". www.endangeredlanguages.com (bl-Ingliż). Miġbur 2023-07-30.
  8. ^ Gonzalez, p. 95.
  9. ^ Gonzalez, p. 96.
  10. ^ Gonzalez, p. 96.
  11. ^ "WMO". web.archive.org. 2021-10-15. Arkivjat mill-oriġinal fl-2021-10-15. Miġbur 2023-07-30.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)