Zacatecas (belt)
Zacatecas (belt) | |||
---|---|---|---|
Messiku | |||
| |||
Amministrazzjoni | |||
Stat sovran | Messiku | ||
State of Mexico | Zacatecas | ||
Municipality of Mexico | Muniċipalità ta' Zacatecas | ||
Isem uffiċjali | Zacatecas | ||
Kodiċi postali |
98000 | ||
Ġeografija | |||
Koordinati | 22°46′18″N 102°34′31″W / 22.7717°N 102.5753°WKoordinati: 22°46′18″N 102°34′31″W / 22.7717°N 102.5753°W | ||
Superfiċjenti | 356.14 kilometru kwadru | ||
Għoli | 2,440 m | ||
Demografija | |||
Popolazzjoni | 122,889 abitanti (2010) | ||
Informazzjoni oħra | |||
Kodiċi tat-telefon |
492-xx-xxx-xx | ||
Żona tal-Ħin | UTC−6 | ||
bliet ġemellati | Málaga, Azusa (en) , El Paso (en) , Prayagraj (en) , Norwalk (en) , Hanover Township (en) , Lynwood (en) , Oaxaca de Juárez, Orihuela (en) u Durango (en) | ||
capitalzacatecas.gob.mx |
Zacatecas (pronunzja bl-Ispanjol: [sakaˈtekas]) hija l-belt prinċipali fi ħdan il-muniċipalità Messikana bl-istess isem, u hija l-belt kapitali u l-ikbar belt tal-istat ta' Zacatecas. Il-belt tinsab fit-Tramuntana tal-Messiku ċentrali.[1] Il-belt bdiet bħala kamp Spanjol tax-xogħol fil-minjieri f'nofs is-seklu 16. L-Amerikani Nattivi diġà kienu jafu bid-depożiti rikki tal-fidda u ta' minerali oħra fl-inħawi. Bis-saħħa tal-ġid li pprovdew il-minjieri, il-belt ta' Zacatecas malajr saret waħda mill-iżjed bliet importanti tal-estrazzjoni fi Spanja l-Ġdida. Fl-inħawi seħħew battalji matul is-seklu 19 li kien pjuttost turbolenti, iżda l-avveniment suċċessiv l-iktar importanti kienet il-Battalja ta' Zacatecas matul ir-Rivoluzzjoni Messikana meta Francisco Villa ħataf il-belt, avveniment li għadu jiġi ċċelebrat kull sena. Illum il-ġurnata, il-parti kolonjali tal-belt saret Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO[2], bis-saħħa l-binjiet Barokki u strutturi oħra li nbnew matul il-perjodu meta x-xogħol tal-estrazzjoni kien fl-aqwa tiegħu. Ix-xogħol tal-estrazzjoni għadu industrija importanti.[3]
L-isem "Zacatecas" oriġina mill-poplu Zacateco u għandu l-għeruq tiegħu fil-lingwa Nahuatl. L-isem ifisser "poplu tal-bwar tal-ħaxix".[4]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Popli indiġeni
[immodifika | immodifika s-sors]L-ewwel nies li insedjaw l-inħawi waslu madwar 10,000 sena ilu, meta l-klima kienet iktar sħuna u kienet tinżel ħafna iktar xita, għaldaqstant kien hemm veġetazzjoni u organiżmi selvaġġi differenti. Eventwalment, l-inħawi ġew iddominati mit-tribujiet Chichimeca bħall-Caxcans, Guachichils, Guamares, Huichols, Zacatecos u oħrajn, filwaqt li z-Zacatecos kienu l-iżjed numerużi fiż-żona fejn tinsab il-belt illum.[5] Dawn il-popli kienu jaħdmu fl-estrazzjoni tal-fidda u ta' metalli oħra fl-għoljiet tal-belt ferm qabel waslu l-Ewropej, u b'hekk il-belt kienet importanti diġà fiż-żminijiet pre-Kolombjani.[6]
Perjodu kolonjali
[immodifika | immodifika s-sors]L-Ispanjoli waslu fl-inħawi ta' Zacatecas minn Guadalajara. Fl-1540, Nuño de Guzmán ivvjaġġa mill-Belt tal-Messiku u ħakem dawk li issa huma l-istati ta' Michoacán u Jalisco. Wieħed mil-logutenenti ta' Guzmán, Cristóbal de Oñate, ħakem l-inħawi madwar il-belt attwali ta' Guadalajara. Min-naħa l-oħra, Pedro Almindes Chirinos Peralmindes, esplora l-artijiet fit-Tramuntana, u ħa lil Zacatecas f'radda ta' salib mingħajr ma kien jaf x'rikkezzi kien hemm taħt l-art. Inizjalment iż-żona kienet sempliċement żona ta' fruntiera. Suċċessivament saru spedizzjonijiet oħra, inkluż waħda minn Juan de Tolosa fl-1546, li ħa kampjuni tal-blat minn Cerro de la Bufa, u b'hekk ġie stabbilit li fihom konċentrazzjonijiet għoljin ta' fidda u ta' ċomb.[7] F'qasir żmien ġie stabbilit kamp tax-xogħol fil-minjieri taħt Cerro de la Bufa. Inizjalment iz-Zacatecos iġġieldu kontra l-preżenza permanenti tal-Ispanjoli, iżda l-potenzjal tal-estrazzjoni fl-inħawi saħħaħ il-qilla tal-Ewropej u l-poplu nattiv ġarrab telfa fis-snin 40 tas-seklu 16. Tolosa, Diego de Ibarra, Baltasar Temiño de Bañuelos, Andrés de Villanueva u oħrajn wettqu stħarriġiet tal-għoljiet l-oħra tal-madwar.[8]
Kamp militari tal-estrazzjoni ġie stabbilit formalment fl-1548 u ssejjaħ Minas de Nuestra Señora de Remedios.[9] L-ewwel vina ewlenija tal-fidda nstabet fl-1548 f'minjiera msejħa San Bernabé. Din is-sejba ġiet segwita b'sejbiet simili oħra fil-minjieri msejħa Albarrada de San Benito, Vetagrande, Pánuco u oħrajn. Dan wassal għadd kbir ta' nies lejn Zacatecas, fosthom artiġjani, merkanti, membri tal-kleru u vjaġġaturi. Fl-1550, f'Zacatecas waslet Leonor Cortés Moctezuma, il-bint illeġittia tal-konkwistatur Hernán Cortés u Isabel Moctezuma, bint l-imperatur tal-Azteki. Doña Leonor iżżewġet lil Juan de Tolosa. L-insedjament kiber fi żmien ftit snin f'waħda mill-iżjed bliet importanti fi Spanja l-Ġdida u saret l-iżjed popolata wara l-Belt tal-Messiku. Il-kamp sar parroċċa fl-1550 u fl-1585 din ġiet iddikjarata bħala belt bit-titlu ta' "Muy Noble y Leal Ciudad de Nuestra Señora de Zacatecas" (Belt Nobbli u Leali Ħafna tal-Madonna ta' Zacatecas), u ngħatat l-istemma mingħand Filippu II ta' Spanja fl-istess żmien. Is-suċċess tal-minjieri wassal għall-wasla tal-popli indiġeni u għall-importazzjoni ta' skjavi ta' karnaġġjon sewda biex jaħdmu fihom. Il-kamp tax-xogħol tal-minjieri nfirex lejn in-Nofsinhar tul l-Arroyo de la Plata, li issa tinsab taħt Triq Hidalgo, l-eqdem triq prinċipali tal-belt. Inbnew binjiet għoljin hemmhekk minħabba n-nuqqas ta' art ċatta tajba għall-kostruzzjoni. L-ewwel dar jingħad li nbniet hemmhekk fl-1547, eżatt qabel il-fortizza u l-fonderija tal-metall. Fis-snin 50 tas-seklu 16 inbnew l-isptarijiet u l-ospizji.[10]
L-istat ta' Zacatecas kien wieħed mill-iżjed stati għonja fil-Messiku. Waħda mill-iżjed minjieri importanti mill-perjodu kolonjali kienet il-minjiera ta' El Edén. Bdiet topera fl-1586 f'Cerro de la Bufa. Prinċipalment kienet tipproduċi deheb u fidda, l-iktar fis-sekli 17 u 18. Illum il-ġurnata l-minjiera tinsab fil-limiti tal-belt u x-xogħlijiet fil-minjiera waqfu fl-1960. Il-minjiera reġgħet infetħet bħala attrazzjoni turistika fl-1975. Sal-aħħar tas-seklu 16, il-belt saret it-tieni l-iżjed belt importanti wara l-Belt tal-Messiku, u l-introjtu li pproduċew il-minjieri tagħha għall-Kuruna Spanjola għamluha waħda mill-iżjed bliet setgħana fl-Ewropa. Kienet meqjusa importanti bħala belt mhux biss għax-xogħol fil-minjieri. Il-biċċa l-kbira tal-ordnijiet monastiċi fi Spanja l-Ġdida eventwalment stabbilew il-monasteri tagħhom, u b'hekk Zacatecas saret ċentru importanti għall-evanġelizzazzjoni. Il-Franġiskani waslu fl-1558, il-Wistinjani fl-1576 u d-Dumnikani fl-1604. Ħafna mill-ispedizzjonijiet missjunarji lejn l-inħawi li issa huma magħrufa bħala California u Texas ġew minn din il-belt.
Matul il-kumplament tal-perjodu kolonjali, ir-rikkezzi minn taħt l-art, iffinanzjaw il-kostruzzjoni ta' binjiet reliġjużi u lajċi importanti. Il-qofol ta' dan il-perjodu ta' kostruzzjoni kien fis-seklu 18. Waħda minn dawn il-binjiet huwa il-Colegio de San Luis Gonzaga, li ġie stabbilit fl-1796.
Gwerra Messikana tal-Indipendenza
[immodifika | immodifika s-sors]Ignacio López Rayón mexxa grupp ta' ribelli Messikani u ħataf il-belt ta' Zacatecas fil-15 ta' April 1811, kmieni fil-ġlieda għall-indipendenza Messikana minn Spanja. Víctor Rosales u José María Cos kienu l-mexxejja tar-ribelljoni ta' Hidalgo. Ftit wara l-Indipendenza, il-gvern Messikan stabbilixxa l-belt ta' Zacatecas bħala l-belt kapitali tal-istat ta' Zacatecas li kien għadu kemm ifforma.
Seklu 19
[immodifika | immodifika s-sors]F'nofs is-snin 20 tas-seklu 19, istituzzjonijiet bħall-ewwel teatru tal-opri, l-ewwel kulleġġ tal-għalliema, it-teżor statali, il-qorti suprema statali u istituzzjonijiet oħra ġew stabbiliti fil-belt meta ġiet iffirmata l-ewwel kostituzzjoni statali. L-ewwel gazzetta fl-istat bdiet tiċċirkola fl-1825. Il-muniċipalità ġiet stabbilita fl-1825 ukoll.
Minn tmiem il-Gwerra tal-Indipendenza sa kważi tmiem is-seklu 19, il-liberali jew il-federalisti u l-konservattivi, li kienu favur it-tmexxija ċentralizzata mill-Belt tal-Messiku, issieltu għall-kontroll ta' Zacatecas. Fl-1835, Antonio López de Santa Anna li dak iż-żmien kien għadu liberali rebaħ kontra t-truppi ta' Francisco Garcia Salinas. Matul il-Gwerra tar-Riforma, il-belt ittieħdet mill-ġeneral konservattiv Miguel Miramón.
L-ewwel linja ferrovjarja bejn Zacatecas u Guadalupe tlestiet fl-1880. Il-kollegamenti ferrovjarji mal-Belt tal-Messiku u ma' El Paso ġew stabbiliti fl-1884.
Rivoluzzjoni Messikana
[immodifika | immodifika s-sors]Matul ir-Rivoluzzjoni Messikana, f'Zacatecas seħħet il-Battalja ta' Zacatecas fl-1914, fejn il-forzi ribelli ta' Francisco Villa daru kontra l-forzi tal-gvern ta' Victoriano Huerta. Zacatecas kienet l-aħħar fortizza tal-forzi ta' Huerta, bil-wasla tad-División del Norte fid-19 ta' Ġunju 1914 minn Torreón.
Permezz tal-ħtif tal-belt, Villa kien ikollu t-triq imwittija biex jasal sal-Belt tal-Messiku. Il-forzi ta' Villa kienu jaqgħu taħt il-kmand dirett tal-Ġeneral Felipe Ángeles, u l-forzi ta' Huerta kienu jaqgħu taħt il-kmand tal-Ġeneral Luis Medina Barrón. Mid-19 sat-23 ta' Ġunju, il-Ġeneral Medina użda ħuġġieġa miġjuba mill-belt portwali ta' Veracruz sabiex idawwal l-għoljiet billejl u jikxef il-pożizzjonijiet tar-ribelli. Il-battalja bdiet fl-10 ta' filgħodu fit-23 ta' Ġunju bl-isparar tal-kanuni min-naħa tar-ribelli. Iktar minn 22,000 persuna tat-truppi ribelli mbagħad ressqu lejn il-belt minn erba' direzzjonijiet, mill-għoljiet magħrufa bħala La Bufa, La Sierpe, Loreto u La Tierra Negra. Il-battalja kompliet għaddejja sa madwar il-5 ta' waranofsinhar, meta t-truppi ta' Huerta bdew jabbandunaw il-pożizzjonijiet tagħhom, u d-División del Norte ħadet il-kontroll strateġiku tal-għoljiet ta' La Bufa u ta' El Grillo, u daħlet fil-belt. Ir-ribelli serqu r-rikkezzi tal-belt u qerdu għadd ta' binjiet. Fil-battalja mietu madwar 5,000 persuna mit-truppi ta' Huerta u madwar 3,000 persuna mill-forzi ribelli. Wara r-Rivoluzzjoni Messikana, il-belt ta' Zacatecas iddeċidiet li terġa' tuża l-istemma oriġinali mogħtija lilha minn Filippu II, u għamlitha l-istemma kemm tal-belt kif ukoll tal-istat. L-istemma kienet ġiet skartata wara l-Gwerra tal-Indipendenza. Il-"Marcha Aréchiga" jew il-"Marcha Zacatecas", miktub minn Genaro Codina fil-bidu tas-seklu 20, sar l-innu semiuffiċjali tal-belt u tal-istat.[11]
Seklu 20
[immodifika | immodifika s-sors]L-Instituto de Ciencias (l-Istitut tax-Xjenzi) l-antik ġie stabbilit mill-ġdid bħala l-Universidad Autónoma de Zacatecas (l-Università Awtonoma ta' Zacatecas) fl-1968, u fl-1970 inbena ajruport internazzjonali. L-anniversarju tal-belt kien ġie ċċelebrat fil-jum tal-Madonna ta' Zapopan, li kienet il-patruna tal-belt sal-1975. Minn dak iż-żmien 'l hawn, il-patruna saret il-Madonna tal-Patroċinju, li tiġi ċċelebrata fl-istess jum.[12]
Iċ-ċentru storiku tal-belt tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1993. Skont id-deskrizzjoni tad-dokument tan-nomina mibgħut lill-UNESCO: "Il-belt ġiet stabbilita fl-1546 wara l-iskoperta ta' depożitu rikk tal-fidda. Zacatecas laħqet il-quċċata tal-prosperità tagħha fis-sekli 16 u 17. Mibnija fuq ix-xaqlibiet weqfin ta' wied dejjaq, il-belt għandha veduti panoramiċi tal-inħawi kollha tal-madwar. Hemm ukoll diversi binjiet antiki, kemm reliġjużi kif ukoll ċivili. Il-katidral, li nbena bejn l-1730 u l-1760, jiddomina ċ-ċentru storiku tal-belt. Huwa notevoli għad-disinn armonjuż tiegħu kif ukoll għall-faċċati Barokki tiegħu, fejn elementi dekorattivi Ewropej u indiġeni jinsabu maġenb xulxin".[2]
Zacatecas esperjenzat għadd ta' terremoti mill-perjodu kolonjali 'l hawn. L-aħħar terremot seħħ fl-1995 u kkawża ħsarat mhux gravi.
Seklu 21
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-2009, il-kunsill tal-belt approva l-logo tal-amministrazzjoni l-ġdida li jinkludi x-xbieha tal-Madonna ta' Zacatecas. Madankollu, minn dak iż-żmien 'l hawn intqal li l-logo l-ġdid ikasbar l-Artikolu 5 tal-kostituzzjoni ta' Zacatecas kif ukoll l-Artikolu 10 tal-liġi msejħa Bando de Policía y Buen Gobierno. Oġġezzjoni oħra kienet li l-istemma l-ġdida fiha l-kuluri isfar u iswed, li inzertaw huma wkoll il-kuluri tal-partit politiku tal-president muniċipali.[13] Il-belt tant kibret li d-djar issa waslu sa xifer l-irdumijiet u nbnew saħansitra fuq l-iskart mill-minjieri. Dan kien possibbli minħabba n-nuqqas ta' regolamentazzjoni u ppjanar urban mill-awtoritajiet fl-imgħoddi. L-irregolaritajiet jeżistu f'85 % tal-kwartieri tal-belt iżda l-kwartieri ta' Lázaro Cárdenas, Minera, CNOP, Lomas de la Pimienta, Benito Juárez u González Ortega għandhom l-ikbar ammont ta' irregolaritajiet. Ħafna minn dawn il-binjiet għandhom problemi strutturali u infrastrutturali, fosthom l-għargħar u l-ħsarat li jiġu kkawżati meta tinżel ħafna xita.[14]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Iċ-Ċentru Storiku tal-Belt ta' Zacatecas ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1993.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[2]
Belt
[immodifika | immodifika s-sors]Il-belt tiġi deskritta bħala belt "con rostro de cantera rosa y corazón de plata" (b'wiċċ tal-ġebel lewn roża u qalb tal-fidda) minħabba l-ġebla ta' lewn roża fil-faċċati ta' bosta mill-binjiet ikoniċi tagħha kif ukoll il-fidda li xprunat l-iżvilupp u l-istorja tagħha. Bħal bliet oħra Messikani tax-xogħol fil-minjieri, bħal Guanajuato u Taxco, il-belt inbniet qrib il-minjieri fuq art imħarbta ħafna.[15] Il-belt tinsab taħt l-għolja ta' Cerro de la Bufa, fejn tinsab waħda mill-ikbar minjiera tal-fidda fid-dinja. Minflok għandu pjanta uniformi tat-toroq, l-insedjament Spanjol segwa l-kwartieri Indjani antiki b'toroq u bi sqaqien dojoq fi ħdan irdum fond kbir jew "cañada". Mingħajr ma sar tentattiv biex tiġi mmodifikata l-art imħarbta, l-iżvilupp kompla fuq l-għoljiet ukoll. It-triq prinċipali li tgħaddi minn nofs il-belt hija allinjata mit-Tramuntana għan-Nofsinhar tul l-Arroyo de la Plata, u l-kumplament tal-belt hija mimlija bi sqaqien u toroq żgħar iserrpu u pjazez żgħar. Bosta mill-isqaqien u mit-trejqiet għandhom ismijiet li jirreferu għal leġġendi lokali, bħal "Callejón del Indio Triste" (Sqaq tal-Indjan Imnikket) u "Callejón del Mono Prieto" (Sqaq tax-Xadina Skura). L-unika spazju tassew miftuħ huwa l-pjazza ewlenija. Hemmhekk ukoll, mhux possibbli li wieħed imur lura biżżejjed biex ikun jista' jara l-faċċata Barokka sħiħa tal-katidral prinċipali.[16]
Madwar il-belt hemm l-għoljiet jew il-muntanji żgħar li fihom il-fidda u minerali oħra, fosthom Cerro de la Virgen, Cerro de Clérigos, Cerro del Grillo, Cerro del Padre u Cerro de la Bufa. Dawn l-għoljiet ma fihomx veġetazzjoni minħabba l-klima semideżertika. Il-belt hija magħrufa għall-arja nadifa u għat-toroq nodfa tagħha, b'laned taż-żibel kull għaxar metri fiċ-ċentru tal-belt.
Din il-belt, flimkien ma' Guanajuato u Taxco, tinsab tul rotta msejħa r-"Ruta de la Plata" jew ir-Rotta tal-Fidda. Dawn il-bliet huma distinti mhux biss għall-fidda iżda anke għall-konservazzjoni tal-faċċati kolonjali u t-toroq dojoq tagħhom. Zacatecas tikkonserva ħafna mill-istrutturi oriġinali tagħha mill-perjodu kolonjali, bħal knejjes, binjiet tal-gvern kolonjali kif ukoll monasteri u vilel li nbnew mill-ħaddiema għonja tal-minjieri tal-ġebla roża. Il-biċċa l-kbira ta' dawn il-binjiet inbnew fis-seklu 18, meta l-fidda estratta mill-minjieri kienet fl-aqwa tagħha. Bis-saħħa ta' dawn il-binjiet, iċ-ċentru storiku tal-belt sar Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2]
Siti storiċi u attrazzjonijiet
[immodifika | immodifika s-sors]Cerro de la Bufa, bil-minjiera ta' El Edén, hija waħda mill-iżjed simboli importanti tal-belt u hija l-post fejn seħħet il-Battalja ta' Zacatecas (imsejħa t-Toma de Zacatecas bl-Ispanjol) fejn Francisco Villa ħareġ rebbieħ fl-1914. Fil-quċċata ta' din l-għolja hemm mużew u statwi li jagħtu ġieħ lil Pánfilo Natera, Francisco Villa u Felipe Ángeles, li huma marbuta ma' dan l-avveniment fl-istorja tal-belt. Hemm ukoll osservatorju, il-Mausoleo de los Hombres Ilustres (Mawżolew tan-Nies Notevoli) u l-Kappella tal-Madonna tal-Patroċinju.[17]
Il-minjiera ta' El Edén bdiet topera fl-1586 u primarjament ipproduċiet deheb u fidda. Skont leġġenda, ix-xitan jingħad li jgħammar f'partijiet mill-minjiera minħabba l-ħoss li jinstema' meta r-riħ ivenven mal-blat. Filwaqt li l-operat tal-minjiera beda fis-seklu 16, il-minjiera laħqet il-qofol tagħha fis-sekli 17 u 18. Minkejja l-fatt li għad hemm ammont sinifikanti ta' minerali li jistgħu jiġu estratti, ix-xogħol fil-minjiera waqaf għalkollox fl-1960, peress li d-daħla tagħha tinsab f'nofs il-belt u b'hekk hemm wisq perikli. Fl-1975, il-minjiera ġiet ikkonvertita f'attrazzjoni turistika. Illum il-ġurnata, il-viżitaturi jistgħu jirkbu ferrovija żgħira li tgħaddi minn ġo nofs il-muntanja għal madwar nofs kilometru, imbagħad jimxu ma' gwida minn ġo wħud mill-passaġġi dojoq tal-minjiera. Waħda mill-attrazzjonijiet fuq ġewwa huwa l-artal iddedikat lis-Santo Niño de Atocha. Billejl, il-kamra li qabel kienet tintuża għat-tkissir tal-blat fil-minjiera saret tintuża bħala nightclub.[18]
Il-Mużew tal-Battalja ta' Zacatecas jinsab fuq l-għolja ta' Cerro de la Bufa fejn seħħet parti mill-Battalja ta' Zacatecas matul ir-Rivoluzzjoni Messikana. Il-mużew infetaħ fl-1984 u fih bosta artefatti minn dik il-battalja kif ukoll uħud mill-Gwerra ta' Cristero. Fuq ġewwa hemm ilbies u uniformijiet, armi bħal xkubetti, azzarini u kanuni, mapep storiċi ta' Zacatecas, kif ukoll gazzetti u ritratti minn dak il-perjodu. Fost ir-ritratti hemm dawk ta' Juana Gallo, li kienet l-eroina tal-Gwerra ta' Cristero. Uħud mill-battalji ta' dan il-kunflitt seħħew ukoll fuq l-għolja ta' Cerro de la Bufa. Faċċata tal-mużew hemm il-Plaza de la Revolución, li fiha statwi ta' Francisco Villa u żewġ ġenerali oħra li rnexxielhom imexxu l-attakk kontra l-belt. Il-binja tal-mużew oriġinarjament kienet il-Casa de la Caridad y Hospital de Pobres (Dar tal-Karità u Sptar tal-Foqra). Ħdejn il-mużew hemm il-Kappella tal-Madonna tal-Patroċinju, eremitaġġ antik tas-seklu 16. Il-faċċata tagħha hija Barokka u fiha żewġ sulari. L-Osservatorju Meteoroloġiku jintuża l-iktar għall-osservazzjoni tal-fenomeni tat-temp.
Bejn Cerro de la Bufa u Cerro del Grillo hemm cablecar fl-ajru li toffri veduti panoramiċi tal-belt. Din il-cablecar hija estiża fuq madwar 650 metru u hija msejħa bħala "El Teleférico". Inbniet fl-1979 mill-Iżvizzeri. Rikba fuq il-cablecar iddum madwar tmien minuti, iżda ma titħaddimx meta jkun riħ qawwi.[19]
Katidral
[immodifika | immodifika s-sors]Fil-belt proprja, fin-Nofsinhar tal-pjazza prinċipali, hemm il-katidral, li nbena fuq il-fdalijiet ta' tempji pre-Ispaniċi. L-istruttura attwali tmur lura għall-1752 b'faċċata skolpita minn ġebla roża. L-aqwa ħin biex wieħed japprezza l-faċċata huwa tard waranofsinhar meta x-xemx tkun qed tiżreġ direttament fuqha. Din il-knisja titqies bħala waħda mill-aqwa eżempji tal-arkitettura Churrigueresque Messikana. L-ewwel knisja parrokkjali nbniet fl-istess post bejn l-1567 u l-1585, iżda fil-bidu tas-seklu 17 kien fadal biss fdalijiet minnha. Bejn l-1612 u l-1625 inbniet knisja oħra u ġiet imsejħa l-Kappella ta' Kristu Mqaddes. Il-fdalijiet ta' din il-kostruzzjoni għadhom viżibbli fl-ewwel sular tat-torri tan-Nofsinhar u fil-faċċata prinċipali. Il-katidral attwali nbeda fl-1729 u l-faċċata prinċipali tlestiet fl-1745, għalkemm il-knisja nfetħet biss fl-1752.[20]
Il-Katidral ġie attribwit lil Domingo Ximénez Hernández u huwa xhieda tal-ġid tal-belt fis-seklu 18. Iktar 'il quddiem, saru xi żidiet. Il-koppla ġiet rikostruwita fl-1848 u t-torri tan-Nofsinhar tlesta fl-1904 minn Dámaso Muñetón. Il-koppla tas-seklu 19 hija imitazzjoni tal-koppla tal-Knisja ta' Loreto fil-Belt tal-Messiku. Il-knisja kisbet l-istatus ta' katidral fl-1862 u ġiet iddikjarata monument nazzjonali fl-1935. Fl-1965 insterqu bosta oġġetti prezzjużi tal-metall mill-knisja li qatt ma reġgħu nstabu.[20]
Il-katidral huwa għoli 85 metru u nbena kompletament bil-ġebla roża. Għandu tliet navati bi tliet portali prinċipali. Il-faċċata prinċipali fiha tliet sulari mirfuda bi tliet kolonni Salamuniċi b'niċeċ laterali. Fil-quċċata hemm kurċifiss. Fl-ewwel sular hemm tliet kolonni mżejna bil-vinji u bl-anġli. Fin-niċeċ hemm l-istatwi tal-erba' Evanġelisti. Fit-tieni sular hemm kolonni ffurmati bl-arzelli, bl-akantus u bil-vinji. It-tieqa tal-kor tinstab f'dan is-sular b'gwarniċ ta' xogħol fil-ġebel. Fit-tielet sular hemm xbieha ta' Kristu u żewġ appostli maġenb kolonni Salamuniċi mżejna bil-weraq, bil-karjatidi u bl-anġli kerubini. Il-portal tan-naħa tal-pjazza fih żewġ sulari bil-kolonni tal-ġebel u xena skolpita ta' Kristu Msallab, il-Madonna u San Ġwann l-Evanġelista. Il-portal tan-naħa tas-suq huwa Barokk u huwa ddedikata lill-Madonna tal-Patroċinju, il-patruna tal-belt. Fuq ġewwa il-katidral għandu konfigurazzjoni ta' salib Latin b'żewġ navati u b'saqaf mirfud b'kolonni Doriċi. L-artali huma magħmula mill-ġebel bi stil Neoklassiku. L-artal maġġuri huwa ddedikat lill-Ewkaristija u l-artali laterali huma ddedikati lil Kristu Mqaddes u lill-Madonna ta' Zacatecas. L-awtriċi Amerikana s-Sinjura John Wesley Butler, fil-ktieb tagħha Historic Churches in Mexico (Knejjes Storiċi fil-Messiku) tirrakkonta li l-artist li ddisinja l-faċċata kien Franċiż. Dan l-individwu, li ġie kkundannat għall-mewt irnexxielu jikseb il-posponiment tal-piena tiegħu sat-tlestija tax-xogħol fuq il-katidral. B'hekk irnexxielu jibqa' jaħdem għal wieħed u għoxrin sena, minkejja l-għassa kostanti tal-kustodji u tal-għassiesa waqt li kien qed jaħdem. Bis-saħħa tax-xogħol li għamel fil-faċċata tal-katidral ma ġiex ġustizzjat u ngħata l-maħfra. Il-kwartieri tal-belt tawh diversi rigali u organizzaw bosta banketti biex jagħtuh ġieħ. Minkejja dan ma kienx kuntent u xtaq jirritorna lejn Franza. B'xorti ħażina, meta kollox kien lest biex jiltaq, huwa miet. Mhux magħruf minn fejn is-Sinjura Butler ġabet din l-informazzjoni, u residenti antiki ta' Zacatecas isostnu li qatt ma semgħu biha.[21]
Binjiet u Plaza de Armas
[immodifika | immodifika s-sors]Il-pjazza prinċipali tissejjaħ Plaza de Armas u fiha l-iżjed binjiet importanti bħall-Palazz tal-Gvern Statali, il-Kungress Statali, il-Katidral u binjiet oħra madwarha. Dak li issa huwa magħruf bħala l-Palazz tal-Gvern Statali nbena fil-bidu tas-seklu 18 bħala r-residenza tal-Konti de la Laguna. Fuq barra tal-palazz jispikka s-saqaf aħmar tiegħu, u fuq ġewwa hemm bitħa mdawra bl-arkati u garigor taraġ b'affresk dwar l-istorja tal-istat. Dan l-affresk ġie mpitter fl-1970 minn Antonio Pintor Rodríguez.
Waħda mill-vilel madwar il-pjazza prinċipali tissejjaħ "Palacio de la Mala Noche", li kienet ta' minatur imsejjaħ José Manuel de Rétegui fis-seklu 18. L-isem oriġina minn leġġenda li ssostni li s-sid spiċċa fil-faqar u lejl minnhom iddeċieda li jikkommetti suwiċidju. Meta kien kważi wasal biex iwettaq l-att, ġie infurmat li kienet instabet vina rikka f'waħda mill-minjieri tiegħu. Il-faċċata tal-villa fiha gallariji u twieqi elaborati fil-ġebla tar-ramel. Il-gallarija prinċipali hija nofs ottagonu. Illum il-ġurnata l-binja tospita l-Qorti Suprema Statali. Villa prominenti oħra hija d-dar antika ta' González Ortega, li tinsab maġenb il-katidral u llum il-ġurnata hija parti mir-residenza tal-gvernatur.
Suq
[immodifika | immodifika s-sors]Fuq in-naħa l-oħra tal-katidral hemm is-Suq ta' González Ortega, li nbena fl-1889 u għadu jikkonserva l-faċċata oriġinali tiegħu. Oriġinarjament kien suq bi stil Messikan tradizzjonali, iżda ġie mmodernizzat f'ċentru kummerċjali bil-ħwienet tal-artiġjanat, tal-fidda, tal-ġlud, tal-inbid ta' Zacatecas wine, tal-antikitajiet, taċ-charreada, tax-xogħol bil-labar tal-Huichol u tal-ħelu reġjonali. Hemm ukoll ristoranti li joffru għadd ta' platti reġjonali, fosthom gorditas, asado de boda, pozole verde, pacholes, gorditas rellenas u enchiladas zacatecanas, mimlija bil-laħam tal-majjal jew bil-ġobon u miksija b'zalza magħmula bil-bżar poblano, guajillo jew ancho jaħraq. Fuq ġewwa, il-binja għandha żewġ sulari mirfuda bil-kolonni tal-ħadid ferrobattut u l-faċċata għandha stil Franċiż. Quddiem il-faċċata hemm il-Plazoleta Goitia. Suq ieħor għall-artiġjanat huwa l-Casa de Artesanias li jinsab quddiem il-Knisja ta' Santu Wistin, fejn jinbigħu affarijiet tas-suf, maskri, figurini bil-Huichol, kaxxi tal-injam, bċejjeċ taċ-ċeramika u ħafna affarijiet oħra.
Knejjes
[immodifika | immodifika s-sors]L-eks Knisja ta' San Franġisk ġiet stabbilita fl-1568 bħala l-ewwel monasteru f'Zacatecas, il-monasteru tal-Madonna ta' Guadalupe, bil-funzjoni primarja ta' evanġelizzazzjoni. Ġiet inawgurata fit-12 ta' Jannar 1707, iżda xi partijiet tal-binja (bħat-torri tan-Nofsinhar) ma tlestewx qabel is-seklu 19. Illum il-ġurnata l-kumpless tal-monasteru jospita mużew filwaqt li fadal biss fdalijiet mill-knisja. Il-volta tan-navata ċentrali waqgħet u bosta mill-kmamar u mill-kurituri huma fdalijiet.
Il-Knisja ta' Santu Wistin inbniet mill-ordni reliġjuża ta' Santu Wistin li waslet fil-belt ta' Zacatecas fl-1575. Il-knisja ġiet ikkonsagrata fl-1617 u ġiet rinnovata u kkonsagrata mill-ġdid fl-1782. Il-binja ġiet attribwita lill-arkitett Andres Manuel de la Riva, li bena l-Knisja u l-Monasteru ta' La Valenciana f'Guanajuato. Wara l-Liġijiet tar-Riforma, il-kumpless inbigħ lil xerrejja privati li kkonvertewh f'sala b'pixxina u lukanda jew appartamenti. Fl-1882, il-kumpless inbigħ mill-ġdid, din id-darba lis-Soċjetà Presbitera Amerikana, li waqqgħet il-faċċata prinċipali peress li ma kinitx tirrappreżenta l-kunċetti li kienet tħaddan dik is-soċjetà. Il-Knisja Kattolika reġgħet kisbet is-sjieda tal-kumpless fl-1942 u issa hija l-palazz tal-isqof. Sforz ta' rikostruzzjoni bdew fl-1948 u komplew sporadikament sal-1969. Fadal biss parti mill-kumpless tal-monasteru u din issa tospita l-Mużew ta' Rafael Coronel. Il-faċċata maħduma mill-ġebel tan-naħa tal-lemin tal-knisja għadha teżisti, u turi xena ta' Santu Wistin qed jiġi kkonvertit għall-Kristjaneżmu. Fuq ġewwa, il-knisja għandha ħnejjiet distintivi kif ukoll koppla u portal laterali. Fis-sagristija hemm uħud mill-iskulturi tal-faċċata prinċipali oriġinali. Barra minn hekk, hemm ukoll kollezzjoni ta' opri tal-arti kolonjali u jiġu ospitati xi wirjiet.
Il-Knisja Ġiżwita ta' San Duminku nbniet bejn l-1746 u l-1749 minn Cayetano de Sigüenza. Lokalment din il-knisja hija magħrufa bħala l-Parroċċa tal-Kunċizzjoni Immakulata. Il-Knisja ta' San Duminku hija mibnija fuq pjattaforma solida, u b'hekk tidher ferm iktar monumentali. Ittieħdet mid-Dumnikani meta l-Ġiżwiti tkeċċew mill-Messiku fis-seklu 18. Sakemm kien qed jinbena l-katidral, kienet tintuża minfloku. Għandha portal Barokk mhux daqstant elaborat, b'għadd ta' artali u pitturi fuq ġewwa. Maġenb din il-knisja hemm il-binja tal-monasteru tal-Kumpanija ta' Ġesù, li attwalment tospita l-Mużew ta' Pedro Coronel. Fuq ġewwa tal-knisja hemm tmien artali bl-istil Churrigueresque, imnaqqxa mill-injam kif ukoll indurati bid-deheb estratt mill-għolja ta' Cerro del Grillo. Madankollu, l-artal maġġuri huwa Neoklassiku. L-artali bi stil Churringueresque huma attribwiti lil Felipe de Ureña u ibnu tar-rispett Juan García de Castañeda.
Teatru
[immodifika | immodifika s-sors]It-Teatru Calderón inbena biex jissostitwixxi teatru li kien ħa n-nar fl-aħħar tas-snin 80 tas-seklu 19 (fejn issa hemm is-Suq ta' González Ortega). It-teatru ilu jaħdem minn dak iż-żmien, u ospita artisti tal-ispettaklu famużi bħal Ángela Peralta. Il-binja nbniet bi stil li jerġa' jqanqal ir-Rinaxximent u fih sala b'mirja kbar magħmula f'Venezja.[19]
Universitajiet u edukazzjoni teknika
[immodifika | immodifika s-sors]Il-belt fiha għadd ta' universitajiet u istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, inkluż l-Università Awtonoma ta' Zacatecas (Universidad Autónoma de Zacatecas) sponsorjata mill-istat.[22]
L-Università Teknoloġika tal-Istat ta' Zacatecas (Universidad Tecnológica del Estado de Zacatecas (UTEZ)) hija parti minn sistema universitarja teknoloġika madwar il-Messiku kollu. Ġiet stabbilita fl-1998 mill-gvern statali ta' Zacatecas b'enfasi fuq l-edukazzjoni fl-oqsma tat-teknoloġija u tan-negozju.[23]
Skejjel tekniċi oħra huma l-Istitut Teknoloġiku ta' Zacatecas (Instituto Tecnológico de Zacatecas), l-Istitut Politekniku ta' Zacatecas (Instituto Politécnico de Zacatecas)[24], u l-kampus tas-sistema ta' kulleġġi ITESM.[25][26]
Trasport
[immodifika | immodifika s-sors]Permezz tal-awtostrada, Zacatecas hija kkollegata ma' Aguascalientes bil-Fed 45, ma' San Luis Potosí bil-Fed 49, bil-Fed 23 ma' Guadalajara u ma' Torreón u bil-Fed 54 ma' Guadalajara u ma' Saltillo. Hemm linja ferrovjarja msejħa Ferrocarril Central li għadha tikkollega l-belt ma' bliet oħra bħal Ciudad Juárez u l-Belt tal-Messiku. Il-belt hija moqdija mill-Ajruport Internazzjonali tal-Ġeneral Leobardo C. Ruiz, li jikkollega l-belt ma' Tijuana, ma' Morelia, ma' Leon, u mal-Belt tal-Messiku. Il-karozzi tal-linja pubbliċi Intercity jikkollegaw il-belt ma' bliet reġjonali oħra bħal Fresnillo kif ukoll ma' destinazzjonijiet nazzjonali bħal Guadalajara, Ciudad Juárez u l-Belt tal-Messiku. Hemm ukoll trasport lejn postijiet bħal Plateros u s-Santwarju tan-Niño de Atocha.
Muniċipalità
[immodifika | immodifika s-sors]Ġeografija
[immodifika | immodifika s-sors]Bħala sede muniċipali, il-belt ta' Zacatecas hija l-awtorità tal-gvern għal 180 lokalità oħra, b'erja totali ta' 444 km2 (171 mil kwadru). 93 % tal-popolazzjoni tal-muniċipalità ta' 132,035 ruħ tgħix fil-belt.[27] Ma hemm l-ebda komunità indiġena fil-muniċipalitajiet, u kważi l-popolazzjoni kollha hija "mestizo" jew imħallta bejn Ewropej u indiġeni. Inqas minn 500 ruħ jitkellmu lingwa indiġena bħall-Huichol u z-Zacateco iżda l-biċċa l-kbira minnhom ġejjin minn partijiet oħra tal-Messiku u jitkellmu bl-Ispanjol ukoll. Il-muniċipalità tmiss mal-muniċipalitajiet ta' Calera, Morelos, Vetagrande, Guadalupe, Genaro Codina u Jerez.
Il-muniċipalità tinsab feles bejn il-muntanji ta' Sierra Madre Occidental u s-sottokatina muntanjuża msejħa Sierras y Valles Zacatecanos. Iż-żona hija mħarbta ferm u mimlija widien dojoq, irdumijiet u muntanji. L-elevazzjonijiet prinċipali jinkludu Cerro El Grillo b'quċċata ta' 2,690 metru (8,830 pied), Cerro Los Alamitos b'quċċata ta' 2,680 metru (8,790 pied), Cerro La Bufa b'quċċata ta' 2,650 metru (8,690 pied), Cerro La Mesa b'quċċata ta' 2,590 metru (8,500 pied), Mesas El Rincón Colorado b'quċċata ta' 2,540 metru (8,330 pied), Cerro La Mesa b'quċċata ta' 2,440 metru (8,010 piedi) u Cerro Grande b'quċċata ta' 2,370 metru (7,780 pied). Iż-żona tal-belt hija maqsuma bejn il-baċiri tax-xmajjar Lerma u El Salado, b'għadd kbir ta' nixxigħat u arroyos żgħar jaqsmu mit-territorju.
Klima u bijodiversità
[immodifika | immodifika s-sors]Il-belt ta' Zacatecas għandha klima semideżertika (BSk, skont il-klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen), b'temperatura annwali medja ta' 15.7 °C (60 °F). It-temperaturi ta' ffriżar huma komuni, speċjalment f'Jannar u fi Frar. Matul ix-xitwa tal-2017-2018, il-muniċipalità ta' Zacatecas laħqet temperaturi li kienu ilhom ma jintlaħqu għal bosta snin: 10 °F jew −12 °C b'fattur ta' sirda li jwassal biex it-temperatura tinħass daqs 3 °F jew −16 °C, għalkemm l-iżjed temperatura baxxa ġiet irreġistrata fi Fresnillo li hija belt oħra qrib il-belt ta' Zacatecas, fejn it-temperatura niżlet għal 3 °F jew −15 °C, b'fattur ta' sirda li jwassal biex it-temperatura tinħass daqs −2 °F jew −20 °C. Ix-xita tinżel l-iktar bejn Ġunju u Settembru, u hemm xitwa definita.
Il-veġetazzjoni selvaġġa prinċipali hija dik adattata għal żoni niexfa bħan-nopal, il-mesquite, il-maguey u l-ħaxix, b'siġar taż-żnuber u tal-ballut f'elevazzjonijiet iktar għoljin. Fost l-organiżmi selvaġġi li jgħixu fl-inħawi hemm il-coyote, il-volpi griż, il-bobcat, l-opossum, il-fenek, ir-raccoon, u mammiferi żgħar oħra, kif ukoll varjetà ta' għasafar u rettili żgħar.
Data klimatika għal Zacatecas (Buenavista), elevazzjoni: 2,352 m, temp. normali fl-1951-2010, temp. estremi fl-1961-2018 | |||||||||||||
---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
Xahar | Jan | Fra | Mar | Apr | Mej | Ġun | Lul | Aww | Set | Ott | Nov | Diċ | Sena |
Temp. għolja rekord f'°C (°F) | 28.0
(82.4) |
29.0
(84.2) |
30.5
(86.9) |
34.0
(93.2) |
36.0
(96.8) |
36.0
(96.8) |
31.0
(87.8) |
29.9
(85.8) |
30.5
(86.9) |
30.0
(86.0) |
29.0
(84.2) |
28.0
(82.4) |
36.0
(96.8) |
Temp. għolja medja f'°C (°F) | 17.8
(64.0) |
19.3
(66.7) |
21.6
(70.9) |
24.4
(75.9) |
26.5
(79.7) |
25.7
(78.3) |
23.8
(74.8) |
23.6
(74.5) |
22.5
(72.5) |
22.1
(71.8) |
21.0
(69.8) |
18.2
(64.8) |
22.2
(72.0) |
Temp. medja ta' kuljum f'°C (°F) | 11.4
(52.5) |
12.5
(54.5) |
14.5
(58.1) |
17.3
(63.1) |
19.3
(66.7) |
19.2
(66.6) |
17.8
(64.0) |
17.7
(63.9) |
17.0
(62.6) |
15.9
(60.6) |
14.1
(57.4) |
11.9
(53.4) |
15.7
(60.3) |
Temp. baxxa medja f'°C (°F) | 4.9
(40.8) |
5.8
(42.4) |
7.5
(45.5) |
10.1
(50.2) |
12.2
(54.0) |
12.7
(54.9) |
11.8
(53.2) |
11.8
(53.2) |
11.5
(52.7) |
9.6
(49.3) |
7.2
(45.0) |
5.6
(42.1) |
9.2
(48.6) |
Temp. baxxa rekord f'°C (°F) | −6.3
(20.7) |
−3.5
(25.7) |
−3.1
(26.4) |
3.0
(37.4) |
5.0
(41.0) |
8.0
(46.4) |
1.5
(34.7) |
5.0
(41.0) |
3.5
(38.3) |
2.0
(35.6) |
−3.5
(25.7) |
−11.0
(12.2) |
−11.0
(12.2) |
Preċipitazzjoni medja f'mm (pulzieri) | 19.0
(0.75) |
14.9
(0.59) |
7.5
(0.30) |
10.7
(0.42) |
17.9
(0.70) |
74.6
(2.94) |
101.3
(3.99) |
106.0
(4.17) |
90.1
(3.55) |
32.6
(1.28) |
9.5
(0.37) |
10.9
(0.43) |
495.0
(19.49) |
Medja ta' jiem bil-preċipitazzjoni (≥ 0.1 mm) | 2.4 | 1.7 | 0.9 | 1.0 | 3.2 | 8.5 | 10.2 | 10.1 | 9.6 | 4.6 | 1.3 | 2.2 | 55.7 |
Medja ta' jiem bil-borra | 0.33 | 0 | 0.03 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0.46 | 0.11 | 0.93 |
Sors 1: Timeanddate[28] | |||||||||||||
Sors 2: Weather-and-climate (borra)[29] |
Data klimatika għal Zacatecas (La Bufa), elevazzjoni: 2,576 m, temp. normali fl-1981-2010, temp. estremi fl-1951-2018 | |||||||||||||
---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
Xahar | Jan | Fra | Mar | Apr | Mej | Ġun | Lul | Aww | Set | Ott | Nov | Diċ | Sena |
Temp. għolja rekord f'°C (°F) | 29.0
(84.2) |
28.6
(83.5) |
29.8
(85.6) |
35.0
(95.0) |
34.8
(94.6) |
32.0
(89.6) |
31.0
(87.8) |
30.5
(86.9) |
29.4
(84.9) |
25.5
(77.9) |
27.9
(82.2) |
21.8
(71.2) |
35.0
(95.0) |
Temp. għolja medja f'°C (°F) | 14.5
(58.1) |
16.1
(61.0) |
17.9
(64.2) |
20.6
(69.1) |
22.4
(72.3) |
21.4
(70.5) |
19.5
(67.1) |
19.6
(67.3) |
18.6
(65.5) |
18.2
(64.8) |
17.1
(62.8) |
15.1
(59.2) |
18.4
(65.1) |
Temp. medja ta' kuljum f'°C (°F) | 10.0
(50.0) |
11.2
(52.2) |
13.0
(55.4) |
15.5
(59.9) |
17.3
(63.1) |
16.8
(62.2) |
15.0
(59.0) |
15.0
(59.0) |
14.5
(58.1) |
13.9
(57.0) |
12.4
(54.3) |
10.8
(51.4) |
13.8
(56.8) |
Temp. baxxa medja f'°C (°F) | 6.2
(43.2) |
6.9
(44.4) |
8.4
(47.1) |
10.9
(51.6) |
12.5
(54.5) |
12.4
(54.3) |
11.1
(52.0) |
11.2
(52.2) |
11.0
(51.8) |
10.3
(50.5) |
8.6
(47.5) |
7.3
(45.1) |
9.7
(49.5) |
Temp. baxxa rekord f'°C (°F) | −14.0
(6.8) |
−9.2
(15.4) |
−4.2
(24.4) |
−1.6
(29.1) |
1.0
(33.8) |
1.4
(34.5) |
1.3
(34.3) |
1.0
(33.8) |
0.0
(32.0) |
1.0
(33.8) |
−5.1
(22.8) |
−12.2
(10.0) |
−14.0
(6.8) |
Preċipitazzjoni medja f'mm (pulzieri) | 16.3
(0.64) |
9.4
(0.37) |
1.4
(0.06) |
4.5
(0.18) |
18.0
(0.71) |
74.9
(2.95) |
126.4
(4.98) |
99.2
(3.91) |
79.3
(3.12) |
29.1
(1.15) |
9.2
(0.36) |
9.1
(0.36) |
476.8
(18.77) |
Medja ta' jiem bil-preċipitazzjoni (≥ 0.1 mm) | 1.8 | 1.3 | 0.3 | 0.7 | 3.0 | 7.7 | 10.2 | 9.0 | 8.2 | 4.3 | 1.2 | 1.6 | 49.3 |
Umdità relattiva medja (%) | 48.4 | 43.3 | 34.4 | 33.6 | 39.4 | 57.9 | 70.2 | 69.5 | 72.8 | 61.9 | 51.3 | 49.9 | 52.7 |
Medja ta' sigħat ta' xemx fix-xahar | 218.4 | 223.6 | 246.4 | 240.0 | 271.9 | 223.6 | 221.4 | 212.1 | 187.0 | 215.8 | 241.3 | 202.3 | 2,703.8 |
Sors 1: World Meteorological Organization[30], Think Hazard[31] | |||||||||||||
Sors 2: NOAA (xemx fl-1961-1990)[32] |
Ekonomija
[immodifika | immodifika s-sors]L-iżjed setturi importanti tal-ekonomika muniċipali huma x-xogħol fil-minjieri jew fl-estrazzjoni, li jimpjega madwar 21 % tal-popolazzjoni, it-trobbija tal-annimali li għaliha hija ddedikata 76 % tal-erja, u l-kummerċ li jimpjega iktar minn 70 % tal-popolazzjoni. Il-biċċa l-kbira tax-xogħol tal-estrazzjoni llum il-ġurnata jsir fil-muntanji Panuco, Vetagrande u Morelos. L-iżjed minjieri attivi huma dawk ta' El Compas, La Gallega, San Panuncio u San Rafael. Il-produzzjoni annwali hija stmata li trendi 50,043 peso għad-deheb, 11,320 peso għall-fidda u 38,122 peso għaċ-ċomb. Fost il-minerali mhux metalliċi hemm il-kaolin, il-ġebel għall-kostruzzjoni u l-aggregati tal-petroleum. L-agrikoltura u t-trobbija tal-bhejjem issir l-iktar fuq livell komunali, b'għaxar ejidos stabbiliti. 15 % biss tal-art tal-muniċipalità hija kkultivata. L-agrikoltura tiddependi fuq l-istaġun annwali tax-xita u tipproduċi xi ikel bażiku bħall-fażola, il-bżar jaħraq u l-qamħirrum. Fost l-annimali li jitrabbew hemm il-bhejjem tal-ifrat, il-ħnieżer, in-nagħaġ, il-mogħoż u ż-żwiemel. Hemm ukoll ftit industrija marbuta mal-ipproċessar tal-ikel, it-tessuti, il-prodotti tal-injam, il-karta u t-tagħmir tal-estrazzjoni, kif ukoll xogħol tal-artiġjanat bħall-produzzjoni ta' sarapes, oġġetti tal-ġebel, ġlud u metalli prezzjużi. Il-kummerċ huwa maqsum bejn il-provvista għad-domanda u għall-ħtiġijiet lokali kif ukoll it-turiżmu. Minbarra t-turiżmu bis-saħħa tal-istatus tal-belt bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, hemm diversi siti għall-kampeġġ fi Sierra de Organos, Canon de Juchipila, Cerro del Mixton u Sierra de Cardos. La Quemada jew Alta Vista-Chalchihuites huwa l-iżjed sit arkeoloġiku magħruf fl-inħawi ta' Zacatecas. Minħabba l-pożizzjoni tas-sit, l-artefatti joħorġu fid-dieher l-influwenza ta' kulturi oħra, fosthom dawk ta' Teotihuacan, il-Purépecha u t-Tolteki. Is-sit fih diversi livelli u huwa mibni fuq għolja kbira. Meta tagħmel ix-xita, l-ilma jnixxi mil-livelli ta' fuq bħal kaskata.
Sport
[immodifika | immodifika s-sors]Klabb | Sport | Stabbilit | Lega |
---|---|---|---|
Mineros de Zacatecas | Basketball | 2017 | LNBP |
Mineros de Zacatecas | Futbol | 2014 | Ascenso MX |
Tuzos de la UAZ | Futbol | 2006 | Serie A |
Ġemellaġġ
[immodifika | immodifika s-sors]Zacatecas hija ġemellata ma':
- Azusa, California, l-Istati Uniti;
- El Paso, Texas, l-Istati Uniti;
- Málaga, l-Andalusija, Spanja;
- Santa Fe, New Mexico, l-Istati Uniti;
- Wichita, Kansas, l-Istati Uniti;
- Norwalk, California, l-Istati Uniti;
- Hanover Township, Illinois, l-Istati Uniti;
- Memphis, Tennessee, l-Istati Uniti;
- Woodstock, Illinois, l-Istati Uniti.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Mendizabal, José Antonio (May 21, 2000). "Zacatecas: Esculturalmente arquitectonica" [Zacatecas:Sculpturally architectural]. Reforma (ibl-Ispanjol). Il-Belt tal-Messiku. p. 29.
- ^ a b ċ d e Centre, UNESCO World Heritage. "Historic Centre of Zacatecas". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-11-05.
- ^ "Zacatecas". web.archive.org. 2012-02-27. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-02-27. Miġbur 2022-11-05.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Zacatecas: Artistica y tradicional" [Zacatecas:Artistic and traditional]. Reforma (bl-Ispanjol). Il-Belt tal-Messiku. 1997. p. 6.
- ^ Puga, Carlos (1998). "Los caminos de la plata" [The silver roads]. Reforma (bl-Ispanjol). Il-Belt tal-Messiku. p. 8.
- ^ Diaz, Katherine A. (2005). "Silver City: Zacatecas, a treasure trove of history and art". Hispanic. Miami. 18 (8): 44.
- ^ Segovia, Francisco (September 1995). "Baroque Zacatecas". The UNESCO Courier. Paris (9): 40–44.
- ^ "La ciudad de Zacatecas, joya del mundo novohispano". web.archive.org. 2010-06-04. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2010-06-04. Miġbur 2022-11-05.
- ^ Boy, Alicia (1999). "Zacatecas: Revolucionaria y cultural" [Zacatecas:Revolutionary and cultural]. Palabra (bl-Ispanjol). Saltillo, il-Messiku. p. 4.
- ^ Gonzalez, Carmen (2004). "Ciudades del Mundo: Zacatecas" [Cities of the World: Zacatecas]. Reforma (bl-Ispanjol). il-Belt tal-Messiku. p. 2.
- ^ "La toma de Zacatecas". web.archive.org. 2012-02-26. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-02-26. Miġbur 2022-11-05.
- ^ Armenta, Francisco (2004). "Aqui Cerca / Zacatecas de fiesta!" [Nearby/Party in Zacatecas!]. Mural (bl-Ispanjol). Guadalajara, il-Messiku. p. 18.
- ^ Salazar, Emmanuel (2001). "Demandan revocar el logotipo de Ayuntamiento de Zacatecas" [Demand the revocation of the logo of the Zacatecas city council]. El Norte (bl-Ispanjol). Monterrey, il-Messiku. p. 15.
- ^ Salazar, Emmanuel (2004). "Crece Zacatecas sin regulacion" [Zacatecas grows without regulation]. El Norte (bl-Ispanjol). Monterrey, il-Messiku. p. 15.
- ^ "Fin de semana en la ciudad de Zacatecas". web.archive.org. 2009-04-17. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2009-04-17. Miġbur 2022-11-06.
- ^ Figueroa, Mariana (2003). "Una ciudad hecha museo" [A city made into a museum]. Reforma (bl-Ispanjol). Il-Belt tal-Messiku. p. 10.
- ^ Vega, Eduardo (2006). "Zacatecas, la leyenda convertida en ciudad" [Zacatecas, the legend converted into a city]. Reforma (bl-Ispanjol). Il-Belt tal-Messiku. p. 7.
- ^ Salazar, Emmanuel (2002). "Cuentan en Zacatecas con liderazgo en museos" [Zacatecas leader in museums]. El Norte (bl-Ispanjol). Monterrey, il-Messiku. p. 20.
- ^ a b Corral, Marcela (2003). "Llega la feria a Zacatecas" [Fair come to Zacatecas]. Reforma (bl-Ispanjol). Il-Belt tal-Messiku. p. 6.
- ^ a b "Reseña de la Catedral de Zacatecas". web.archive.org. 2011-07-22. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-07-22. Miġbur 2022-11-06.
- ^ "Sol de Zacatecas" tat-3 ta' Marzu 2011, p. 4A.
- ^ "UAZ :: Universidad Autónoma de Zacatecas". UAZ :: Universidad Autónoma de Zacatecas (bl-Ispanjol). Miġbur 2022-11-06.
- ^ "UTEZ". web.archive.org. 2005-12-22. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2005-12-22. Miġbur 2022-11-06.
- ^ "Universidad Politécnica de Zacatecas". web.upz.edu.mx. Miġbur 2022-11-06.
- ^ "Tec de Monterrey, Campus Zacatecas". web.archive.org. 2001-04-04. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2001-04-04. Miġbur 2022-11-06.
- ^ "Zacatecas Campus". tec.mx (bl-Ingliż). Miġbur 2022-11-06.
- ^ "Principales resultados por localidad 2005 (ITER)". web.archive.org. 2013-04-06. Arkivjat mill-oriġinal fl-2020-10-20. Miġbur 2022-11-06.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Climate & Weather Averages in Zacatecas, Zacatecas, Mexico". www.timeanddate.com (bl-Ingliż). Miġbur 2022-11-06.
- ^ "Average monthly rainfall and snow in Zacatecas (Zacatecas), Mexico (inches)". World Weather & Climate Information. Miġbur 2022-11-06.
- ^ "WMO". web.archive.org. 2021-10-15. Arkivjat mill-oriġinal fl-2021-10-15. Miġbur 2022-11-06.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Think Hazard - Zacatecas - Extreme heat". thinkhazard.org (bl-Ingliż). Miġbur 2022-11-06.
- ^ 1961-1990 normals NOAA - Zacatecas City .Manutenzjoni CS1: lingwa mhix magħrufa (link)