Aqbeż għall-kontentut

Zagori

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Zagori
 Greċja
Amministrazzjoni
Stat sovranGreċja
Administrative region of GreeceReġjun ta' Epiru
AkrataUnità Reġjonali ta' Ioannina
Ismijiet oriġinali Ζαγόρι
Ġeografija
Koordinati 39°54′N 20°42′E / 39.9°N 20.7°E / 39.9; 20.7Koordinati: 39°54′N 20°42′E / 39.9°N 20.7°E / 39.9; 20.7
Zagori is located in Greece
Zagori
Zagori
Zagori (Greece)
Superfiċjenti 1,000 kilometru kwadru
Demografija
Popolazzjoni 3,724 abitanti (2011)

Zagori (bil-Grieg: Ζαγόρι; bl-Aromanjan: Zagori), huwa reġjun, muniċipalità u Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO li jinsab fil-muntanji Pindus f'Epirus, fil-Majjistral tal-Greċja. Is-sede tal-muniċipalità hija l-villaġġ ta' Asprangeloi. Zagori għandha erja ta' madwar 1,000 kilometru kwadru (390 mil kwadru) u tinkludi 46 villaġġ magħrufa bħala l-villaġġi ta' Zagori (Zagorochoria jew Zagorohoria), f'għamla ta' triangolu ekwilaterali ta' taħt fuq. Ioannina, il-belt kapitali provinċjali, tinsab fil-ponta tan-Nofsinhar tat-triangolu, filwaqt li fin-naħa tal-Lbiċ hemm il-Muntanja ta' Mitsikeli (1,810 metri). Ix-xmara Aoos fit-Tramuntana tal-Muntanja ta' Tymphe tifforma l-konfini tat-Tramuntana, filwaqt li n-naħa tax-Xlokk tnixxi tul ix-xmara Varda sal-Muntanja ta' Mavrovouni (2,100 metru) qrib Metsovo. Il-muniċipalità għandha erja ta' 989.796 km2.[1] Il-popolazzjoni tal-inħawi hija ta' madwar 3,400 ruħ, jiġifieri densità tal-popolazzjoni ta' 3.4 abitanti kull kilometru kwadru, ftit li xejn meta mqabbel mal-medja ta' 73.8 abitant għall-Greċja kollha.

Zagori huwa reġjun ta' sbuħija naturali kbira, b'ġeoloġija fenomenali u żewġ parks nazzjonali, wieħed li jinkludi x-xmara Aoos u l-Fondoq ta' Vikos, u l-ieħor madwar Valia Kalda, lejn il-Lvant tal-muntanja imponenti ta' Tymphe li dejjem tkun miksija bil-borra. Is-46 villaġġ ta' Zagori kienu interkonnessi permezz ta' toroq fil-muntanji u pontijiet tradizzjonali tal-ġebel bil-ħnejjiet, qabel ma nfetħu t-toroq moderni fis-snin 50 tas-seklu 20. Il-pontijiet tal-ġebel bil-ħnejjiet inbnew permezz ta' donazzjonijiet minn merkanti benefatturi fis-seklu 18 u ħadu post il-pontijiet iktar antiki tal-injam.

Minn dejjem kien diffiċli li wieħed jaċċessa r-reġjun, minħabba t-territorju muntanjuż tiegħu li x'aktarx ikkontribwixxa għan-natura unika tiegħu. Il-poplu Sarakatsani li jgħix fl-inħawi juża diversi kelmiet Griegi ta' djalett tat-Tramuntana tal-Greċja li f'inħawi oħra ma jeżistux fil-Grieg. B'hekk jitqiesu minn xi wħud bħala indiġeni tal-inħawi.[2]

Storja bikrija

[immodifika | immodifika s-sors]

L-ewwel evidenza ta' preżenza umana fl-inħawi tmur lura għal bejn 17,000 u 10,000 sena ilu.[3] Instabu artefatti Epipaleolitiċi importanti mill-Għar ta' Kleidi fix-xtut tax-xmara Voidomatis.[4] Fi żmien il-qedem, ir-reġjun ta' Zagori kien abitat min-nies tal-Muntanja ta' Tymphe u kienu jiffurmaw parti tar-renju antik tal-Molossjani, tribù Griega ta' Epiru li kisbet il-kontroll ta' Epiru kollu fiż-żminijiet klassiċi. Il-familja rjali Molassjana kienet tamministra Epiru mill-belt antika ta' "Molossis" li kienet tinsab qrib il-belt moderna ta' Konitsa, fil-konfini tat-Tramuntana ta' Zagori, fejn ix-xmajjar Voidomatis, Aoös u Sarantaporos jiltaqgħu ma' xulxin. Il-Molassjani kienu magħrufa fost affarijiet oħra għal razza ta' klieb kbar li kienu jużaw biex jgħassu l-merħliet tagħhom kontra l-lupi u l-orsijiet, u li ntużaw ukoll fil-gwerra. Molossus, l-antenat tagħhom b'isem simili, jingħad li twieled mill-unjoni bejn Neoptolemus (iben Akille) u Andromache (il-mara ta' Hector ta' Trojja). Neoptolemus, imsejjaħ Pyrrhus minħabba li kellu xagħru bjond, kien l-ewwel re minn sensiela ta' rejiet ta' Epiru sar-re Pyrrhus taż-żminijiet Ellenistiċi li vara diversi kampanji militari kontra r-Rumani fl-Italja. Olympias, omm Alessandru Manju, kienet prinċipessa Molassjana. Il-fdalijiet ta' swar Ċiklopej fi Skamneli jixhdu l-antikità tal-okkupazzjoni umana.[5] Matul is-sekli 9–4 Q.K., kien jeżisti insedjament Molossjan żgħir bejn Monodendri u Vitsa, flimkien ma' djar tal-ġebel u żewġ ċimiterji li fihom instabu sejbiet importanti.[6] Barra minn hekk, fi Skamneli nstabu l-pedamenti ta' fortifikazzjonijiet u oqbra mill-perjodu Ellenistiku. Madankollu, matul il-biċċa l-kbira taż-żmien il-popolazzjoni kienet sparsa.[7]

Żmien il-Biżantini

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Lag tad-Dragun u l-quċċata ta' Gamila (2,497 metru).
Ix-xmara Voidomatis fil-Park Nazzjonali ta' Vikos-Aoos.

Il-wasla tal-Islavi matul il-perjodu Biżantin bikri toħroġ fid-dieher fil-bosta ismijiet tal-postijiet. L-isem "Zagori" stess x'aktarx oriġina mis-Slav "Zagore" li tfisser "lil hinn mill-muntanji". Taħt l-Imperu Biżantin, Zagori xi kultant kienet tattira gruppi ta' suldati li bnew villaġġi u insedjaw l-inħawi. Diversi monasteri kienu donazzjonijiet irjali, fosthom il-Monasteru ta' Votsa qrib il-villaġġ ta' Greveniti u l-Monasteru tat-Trasfigurazzjoni qrib Kleidonia, li ġie stabbilit fis-seklu 7 mill-Imperatur Biżantin Kostantinu IV Pogonatus, u l-Monasteru ta' San Ġwann ta' Rogovou qrib Tsepelovo, li ġie stabbilit fl-1028 minn oħt l-Imperatur Romanos III Argyros.

Mill-1204 sal-1337, ir-reġjun kien parti mid-Despotat ta' Epiru. Fis-seklu 14, meta diversi klans Albaniżi wettqu invażjonijiet f'Epiru, Zagori kien is-sors ta' suldati li servew fil-gwarniġjon ta' Ioannina. Min-naħa l-oħra, bħala ċ-ċentru tat-tmexxija Griega, Ioannina pproteġiet lil Zagori mill-attakki Albaniżi.[8] Bis-saħħa tal-kampanji militari ta' Andronikos III Paleologos fl-1337, id-Despotat ta' Epiru u għaldaqstant Zagori, flimkien ma' Ioannina u r-reġjun tal-madwar, reġgħu sfaw taħt it-tmexxija Biżantina għal żmien qasir.

Ir-reġjun spiċċa taħt it-tmexxija tas-Serbi fl-1348 u d-Despotat ta' Epiru ġie rriformat u ġie taħt it-tmexxija Latina ta' Carlo II Tocco meta Ioannina u Zagori spiċċaw taħt il-kontroll tat-Torok fl-1430, fi żmien is-Sultan Murad II. Zagori (li dak iż-żmien kien magħmul minn 14-il villaġġ biss) "niżel għarkopptejh", li fil-prattika kien ġest li kien ifisser li kien hemm obbligi bejn id-delegazzjonijiet taż-żewġ naħat u ntlaħaq qbil fuq ammont ta' taxxi bi skambju għal privileġġi konsiderevoli ħafna: l-awtonomija, l-indipendenza amministrattiva, u projbizzjoni fuq it-Torok li jaqsmu l-fruntieri fl-inħawi.

Żmien l-Ottomani

[immodifika | immodifika s-sors]
Id-Despotat ta' Epiru (bl-aħdar) mill-1230 sal-1251.
Il-Monasteru ta' San Paraskevi.

Il-Lega ta' Zagori jew il-Koinon ta' Zagori (bil-Grieg: Κοινόν Ζαγορισίων) iffurmat wara t-trattat tal-1431 ma' Sinan-Pasha. Sa dak iż-żmien l-arranġament li ta l-awtonomija lokali kien jissejjaħ "Voiniko". L-awtonomija ggarantiet li ma jkunx hemm indħil fl-affarijiet lokali mill-mexxejja Ottomani. Iċ-ċittadini ta' Zagori fdaw it-tmexxija tal-affarijiet tagħhom lil Kunsill ta' Anzjani msejjaħ Demogerontia (bil-Grieg: Δημογεροντία), immexxi minn President jew gvernatur imsejjaħ Vekylis (Βεκύλης). Bħala parti mit-tratt ħallew qawwa tal-kavallerija Sipahi (σπαχήδες), u kull villaġġ ikkontribwixxa għadd ta' rikkieba taż-żwiemel għal dik il-qawwa skont il-kapaċitajiet tiegħu.[9] Skont it-termini ta' dan il-ftehim, ma seta' jsir l-ebda intervent mill-awtoritajiet Ottomani, u l-unitajiet armati Ottomani ma kellhomx id-dritt li jaċċessaw ir-reġjun ta' Zagori.[10] Il-villaġġi tal-Lvant ta' Zagori, abitati mill-Aromanjani, daħlu fit-Trattat fl-1480. Bosta toponimi fit-Tramuntana u fil-Lvant ta' Zagori għandhom etimoloġija Aromanjana, filwaqt li t-toponimi b'etimoloġija primarjament Griega jew Slava jinsabu fil-Punent u fin-Nofsinhar ta' Zagori. Fi studju li sar fl-1986 rigward 3,546 toponimu lokali ~70 % ingħataw b'medjazzjoni Griega u ~30 % b'medjazzjoni ta' lingwi mhux Griegi: 13 % bl-Aromanjan, 8.3 % Slavi, 5.2 % bl-Albaniż u 2.2 % bit-Tork, filwaqt li f'termini ta' oriġini lingwistika 56 % kienu Griegi, ul-kumplament mhux Griegi (inkluż kliem missellef li diġà kien inkorporat fil-lingwa Griega lokali): 14 % Aromanjani, 11.5 % Slavi, 6 % Albaniżi, 4.8 % Torok, 3.3 % ta' oriġini lingwistika mħallta u 2.5% Latini.[11]

Is-sors ewlieni ta' introjtu għall-komunitajiet lokali kien minn attivitajiet kummerċjali li rriżultaw fil-migrazzjoni lejn postijiet 'il bogħod.[12] Mis-seklu 17, l-ekonomija ta' Zagori kienet tiddependi primarjament fuq ir-rimessi u d-donazzjonijiet tad-dijaspora. Din l-attività laħqet il-qofol tagħha fis-seklu 18. Minħabba li l-attivitajiet kummerċjali ffjorixxew,id-dijaspora ta' Zagori kemm-il darba tat donazzjonijiet u dawn ġew irreġistrati: pontijiet, pavimentar, funtani, skejjel, tempji, monasteri u karità soċjali.

Sal-aħħar tat-tmexxija Ottomana, iċ-ċittadini nattivi ta' Zagori ppreservaw is-superjorità soċjali tagħhom fuq il-klassijiet l-oħra, u kellhom professjonijiet rikonoxxuti soċjalment u li jqallgħu flus kbar. Fosthom, l-iżjed klassi distinta minħabba l-ġid u l-istatus tagħhom, kienu l-Arkonti. L-influwenza ekonomika tal-imgħoddi ta' Zagori għadha riflessa fl-arkitettura tal-villaġġi. Dan ġie akkumpanjat minn ħajja kulturali u intellettwali impressjonanti li pproduċiet bosta studjużi u benefatturi rinomati tal-Greċja.[13]

Tul is-sekli, xi gruppi ta' Albaniżi Ortodossi (magħrufa lokalment bħala Arvaniti) insedjaw mill-inqas 12-il villaġġ ta' Zagori. L-insedjaturi Albaniżi f'Zagori x'aktarx li kienu ftit ħafna fis-seklu 15. Il-biċċa l-kbira mill-insedjament Albaniż jista' jiġi attribwit f'epoka iktar 'il quddiem u ngħata spinta mill-migrazzjoni 'l barra ta' nies lokali minn Zagori. Dan wassal għall-ħtieġa ta' abitanti ġodda biex jagħtu palata lill-attivitajiet ekonomiċi lokali. Bosta Albaniżi Ortodossi tħalltu u żżewġu fi ħdan il-komunitajiet ta' Zagori jew ġew adottati mill-familji ta' Zagori. Spiss kienu jaħdmu bħala gwardji għall-villaġġi ta' Zagori u għall-għelieqi tagħhom li ma kellhom l-ebda protezzjoni militari, għalkemm xi kultant kienu jkunu ħallelin ukoll. L-immigranti Albaniżi okkupaw l-impjiegi battala u malajr sary parti mill-popolazzjoni lokali. Il-biċċa l-kbira minnhom diġà kienu pparteċipaw fit-taqbid nazzjonali tal-Greċja bħala Klephts u kienu ġellieda bl-esperjenza. Xi Albaniżi minn Konitsa (Gorgopotamos, Chionades) ħadmu bħala bennejja jew pitturi f'Zagori iżda qajla insedjaw il-villaġġi tal-inħawi. L-Albaniżi Ortodossi Kristjani insedjaw mill-inqas 12-il villaġġ ta' Zagori, fosthom Tristeno, Arísti, Megalo Papingo, Anthrakitis, Asprangeloi, Kavallari, Kipi, Leptokarya, Monodendri, Tsepelovo, Vitsa, Vradeto u x'aktarx Kapesovo. It-traċċi Albaniżi lokali, bl-eċċezzjoni ta' xi toponimi, għebu.[14]

Dak iż-żmien, il-familji Rom Ortodossi insedjaw il-biċċa l-kbira tal-villaġġi f'numri żgħar. Huma ħadmu bħala mużiċisti u ħaddieda f'Zagori. L-Arvaniti u r-Rom kienu meqjusa metoikoi (litteralment: barranin) u kienu jirrappreżentaw il-klassi soċjali baxxa fir-reġjun u kienu jgħixu fil-periferiji tal-villaġġi mingħajr drittijiet ċivili u tal-proprjetà f'Zagori, u maż-żmien ġew assimilati.

Il-komunitajiet nomadiċi Griegi tas-Sarakatsani tfaċċaw f'Zagori fl-aħħar tas-seklu 18. Inizjalment kienu jintużaw bħala rgħajja għall-merħliet taċ-ċittadini nattivi ta' Zagori, iżda mbagħad bdew irabbu l-merħliet tagħhom stess minn nofs is-seklu 19.[15]

Minkejja dan, Zagori żamm il-biċċa l-kbira tan-natura Griega tiegħu permezz tas-sistemi ta' governanza u d-donazzjonijiet li ffavorew l-edukazzjoni Griega. Il-Koinon taċ-ċittadini ta' Zagori ġie fformalizzat mill-ġdid permezz ta' trattat li ġie ffirmat fl-1670, li permezz tiegħu Zagori ngħata privileġġi konsiderevoli msejħa Surutia, li tneħħew għalkollox biss mis-Sultan fl-1868. Din is-soluzzjoni ntlaqgħet mill-ħakkiema u mill-maħkuma, għaliex żidiet regoli statutorji mal-fatturi ġeografiċi li kienu wasslu biex Zagori jitqies bħala post naturali mkenni. B'hekk, Zagori qatt ma ġie maqsum fost is-sidien tal-art Torok. L-ekonomija ffjorixxiet bis-saħħa tal-merkanti attivi fir-Rumanija, fl-Ukrajna, fir-Russja u f'Kostantinopli, li kienu jibagħtu l-flus lill-familji tagħhom f'Zagori u kienu jagħtu bosta donazzjonijiet li għenu biex Zagori jibqa' jkollu prosperità matul il-perjodu tat-tmexxija tat-Torok. Inbnew l-iskejjel għas-subien, u mis-seklu 18 'il quddiem anke għall-bniet. Barra minn hekk, inbnew knejjes u mtieħen ġodda għat-tħin tal-qamħirrum, filwaqt li l-bjar tal-ilma spiss kienu jiġu mżejna b'funtani ornamentali.

Fis-seklu 17, il-villaġġi tal-Punent ta' Zagori żdiedu ukoll mat-Trattat, u b'hekk sal-1678 l-għadd totali ta' villaġġi f'Zagori kien tela' għal 60 wieħed. Il-mediċina tradizzjonali ffjorixxiet fl-għamla ta' "tobba ta' Vikos", li kienu jiġbru l-ħxejjex aromatiċi għat-taħlitiet tagħhom mill-Fondoq ta' Vikos. Għaldaqstant Zagori sar ċentru ewlieni tal-mediċina popolari. Dawn il-fejjieqa bil-ħxejjex aromatiċi kienu jużaw riċetti speċjali li spiss kienu kopji tar-riċetti Griegi tal-qedem ta' Ippokrate jew Dijoskoride u saru famużi lil hinn mill-fruntieri tal-Greċja.

Il-prosperità dejjem tikber, megħjuna mill-privileġġi miksuba minn Phanariotes ta' Zagori u benefatturi oħra, wasslet għall-kostruzzjoni ta' diversi skejjel, u wħud minnhom għadhom jeżistu, pereżempju l-Iskola Komuni tal-Istudji Griegi (bil-Grieg: Κοινή Σχολή Ελληνικών Μαθημάτων) f'Monodendri li nbniet mill-aħwa Manthos u Georgios Rizaris (1835). L-aħwa ffinanzjaw ukoll il-kostruzzjoni tal-Iskola Ekkleżjastika ta' Rizareios f'Ateni (1844), filwaqt li Zagori stess kienet taħt it-tmexxija tal-Ottomani. L-aħwa Ioannis u Demetrios Anagnostopoulos minn Dilofo stabbilew l-Anagnostopouleios fil-villaġġ fejn twieldu u kkontribwew għall-ħlas tal-ispejjeż għall-Iskola ta' Zosimaia f'Ioannina. Michael Anagnostopoulos minn Papingo bena l-Iskola ta' Kallineios f'Papingo u l-Iskola ta' Anagnostopouleios f'Konitsa. Bħala riżultat tal-bosta skejjel, il-lingwa Griega ġiet ippreservata fl-inħawi.[16]

Peress li l-muntanji ma kinux taħt il-ġurisdizzjoni diretta tal-Imperu Ottoman, kienu joffru kenn għall-Griegi li kienu jaħarbu l-qilla tal-awtoritajiet Ottomani. Diversi studjużi prominenti tal-Illuminiżmu Grieg, fosthom Neofytos Doukas, Georgios Gennadios u Athanasios Psalidas fittxew il-kenn hemmhekk, wara li l-armata tas-Sultan qerdet lil Ioannina fl-1820. Uħuid minnhom saħansitra għamlu pjanijiet li jistabbilixxu università fil-Monasteru ta' San Ġwann ta' Rogovou, qrib Tsepelovo.[17][18] Fl-1820, wara r-ribelljoni ta' Ali Pasha, qawwa Torka ta' 1,500 ruħ taħt Ismael Pasha waslet f'Zagori, parti mill-armata totali ta' 20,000 ruħ li ntbagħtet kontra Ali Pasha. Alexis Noutsos minn Kapesovo, membru ta' Philike Hetairia, kellu l-kmand tal-qawwa kontra Ismael Pasha. Madankollu, l-armati tas-Sultan rebħu. Ismael Pasha neħħa l-biċċa l-kbira tal-privileġġi għajr id-dritt li jinħatar gvernatur lokali (Vekylis). Madankollu, is-setgħat tiegħu baqgħu nominali. Ismael Pasha introduċa tassazzjoni iebsa ħafna, li kienet tammonta għal 250 munita tal-fidda kull persuna u tassazzjoni addizzjonali in natura. Ir-reġjun ta' Zagori ġie lliberat fl-1913 matul il-Gwerer tal-Balkani.

Żmien modern

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-villaġġ ta' Aristi.

Wara li ngħaqdu mal-Greċja wara l-Gwerer tal-Balkani, l-inħawi ta' Zagori ġarrbu deklin demografiku minħabba l-emigrazzjoni lejn iċ-ċentri urbani Griegi. L-inħawi ta' Epiru madwar Zagori ġew attakkati l-iktar mit-Taljani fl-1940. Barra minn hekk, l-inħawi ġew affettwati mill-kunflitti bejn il-Ġermaniżi u l-partiġjani ta' Napuljun Zervas matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Fl-istess żmien, diversi villaġġi ta' Zagori u l-Monasteru ta' Votsa ngħataw in-nar bħala tpattija mill-Ġermaniżi. Il-biċċa l-kbira tal-villaġġi ġew diżabitati matul il-Gwerra Ċivili Griega tal-1946–1949. Mis-snin 80 tas-seklu 20, inizjattivi statali jippruvaw jippreservaw in-natura tradizzjonali tal-villaġġi u l-pajsaġġ naturali. F'Settembru 2023 Zagori tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, bis-saħħa tal-valur universali tal-arkitettura ta' Zagori bħala eżempju rappreżentattiv tal-insedjamenti tradizzjonali mibnija bil-ġebel.[19] Dan ir-rikonoxximent jenfasizza l-importanza ta' Zagori għall-wirt kondiviż tal-arkitettura Biżantina u Ottomana fi ħdan ir-reġjun usa' tal-Balkani.[20]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Pajsaġġ Kulturali ta' Zagori ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2023.[20]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[20]

Hemm drawwiet uniċi assoċjati ma' festivals Ellenistiċi jew Kristjani ta' Zagori. Il-knejjes u l-monasteri l-kbar jiċċelebraw il-festa tal-qaddis nominali tagħhom b'festival li jaf idum għal jiem sħaħ.

Kanzunetti karatteristiċi tal-luttu (moirologia) jakkumpanjaw it-tnewwiħ għall-mejtin. Fost ir-riti funebri hemm l-eżumazzjoni tal-għadam tad-deċeduti wara perjodu ta' sena sa tliet snin. L-għadam jinħasel, jingħata l-fwieħa u jitqiegħed f'larnax tal-injam u jinżamm f'kappelli tal-għadam f'kull villaġġ.

Arkitettura tradizzjonali

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-villaġġ ta' Skamneli, eżempju tal-arkitettura Epirotika.

Storikament, il-villaġġi kollha tar-reġjun ta' Zagori kienu kkollegati permezz ta' sistema ta' mogħdijiet jew toroq żgħar u kienu jiffunzjonaw bħala entità unika iktar milli bħala komunitajiet separati.[21]

Il-pjazza ċentrali tal-villaġġ ta' Skamneli.

Il-villaġġi nbnew madwar pjazza ċentrali, magħrufa wkoll bħala mesochori (fiċ-ċentru tal-villaġġ), bi knisja kbira, platanu u funtana pubblika. It-toroq pavimentati biċ-ċagħaq u l-mogħdijiet għall-mixi jikkollegaw il-bqija tal-villaġġ. Kull kwartier individwali mbagħad għandu l-knisja żgħira tiegħu.

Il-biċċa l-kbira tal-knejjes f'Zagori jmorru lura għas-sekli 17-18 'il quddiem, għalkemm għad hemm xi pedamenti ta' knejjes iktar antiki. Fil-biċċa l-kbira tal-villaġġi, il-knisja ewlenija tikkonsisti minn bażilika mdaqqsa tal-ġebel b'saqaf tal-injam miksi bil-lavanja. Dawn il-knejjes ġew imżejna minn ikonografi l-iktar ta' Epiru skont it-tradizzjoni Biżantina. Id-daħla tal-knejjes jaf tkun protetta minn arkata bil-kolonni. Normalment il-kampnar tal-knejjes ikun għalih waħdu u mhux mibni mal-knejjes.

Sas-seklu 18, id-djar kienu abitazzjoni rettangolari sempliċi, spiss bi pjan terran biss u b'żoni anċillari taħt l-art użati bħala stalel għall-annimali. Tabilħaqq, dan jidher li huwa l-istil tal-kostruzzjoni tal-abitazzjoni fis-sit Molossjan skavat qrib Vitsa. Id-djar inbnew bil-ġebla lokali u b'soqfa tal-madum (tal-ġebla tal-ġir jew tal-ġebel ramli) mingħajr tkaħħil, li jżommu f'posthom bil-piż tal-madum ta' fuqhom. Għaldaqstant is-saqaf tal-ġebel jeħtieġ restawr kontinwu, speċjalment minħabba l-borra qalila li tinżel fix-xhur tax-xitwa.

Dan l-istil tal-qedem żviluppa matul is-sekli 17-18 fi stili iktar kumplessi saħansitra sa vilel b'diversi sulari tal-familji iktar għonja tal-aħħar tas-seklu 18. Faċċata ta' bosta djar hemm bitħa jew ġnien imdawra b'ċint. Id-daħla għall-bitħa hija binja fiha nnifisha, imsaqqfa b'saqaf tal-ġebel u li tikkollega d-dar mal-bqija tal-villaġġ. Minbarra d-dar, kien ikun hemm binjiet anċillari, normalment "mageirio" (kċina), tojliet fuq barra fl-iżjed rokna 'l bogħod mill-kċina, u stalel. Id-dar prinċipali kienet tinbena b'ħitan bi ħxuna sa metru b'kompartiment ramli intern għall-iżolament kontra l-kesħa. Id-daħla tad-dar tagħti għal spazju magħruf bħala "hagiati" li jagħti għal kmamar oħra msejħa "ondas" jew "mantzato". Il-hagiati oriġinarjament kienet u xi kultant għadha żona parzjalment fil-beraħ quddiem id-dar. L-isem x'aktarx li oriġina mill-kelma Persjana Hayāt, jiġifieri stil ta' ġnien Persjan bil-paviljuni jew b'binjiet oħra. Il-mantzato kienet il-kamra prinċipali għax-xhur tax-xitwa b'fuklar, b'"tavla" (mejda) u postijiet fejn wieħed seta' joqgħod bilqiegħda li setgħu jintużaw ukoll bħala sodod, imsejħa "basia". Faċċata tal-fuklar kien ikun hemm armadju fil-ħajt imsejjaħ "mesantra". Sabiex jaqdi l-funzjoni tagħha, il-mantzato spiss kienet tinsab fin-Nofsinhar tad-dar.

Taraġ normalment tal-injam kien jagħti mill-hagiati għas-sular ta' fuq imsejjaħ "krevatta". Dan kien spazju bejn il-kmamar tas-sodda. Qajla, il-krevatta kienet tagħti għal gallarija żgħira msaqqfa b'saqaf tal-injam. Il-"Glavané" kienet daħla żgħira li kienet tagħti għar-raff. Taħt l-art, id-dar kien ikollha kantini u żoni oħra għall-ħżin li setgħu jintużaw bħala spazji addizzjonali għall-annimali.

Ma tantx fadal wisq abitazzjonijiet antiki, għaliex il-biċċa l-kbira minnhom spiċċaw fix-xejn. Fil-ftit li baqa', il-kamra tal-ondas hija l-iżjed waħda spazjuża, b'fuklar kbir u ġieli b'affreski bil-fjuri. Din kienet tintuża biex tilqa' l-mistednin.

Iktar minn 160 pont bil-ħnejjiet inbnew fiż-żona ta' Zagori, u ħafna minnhomm għadhom jeżistu u jgħinu lill-vjaġġaturi jaqsmu l-bosta xmajjar u nixxigħat tar-reġjun. Inġenerali nbnew l-iktar matul is-sekli 18 u 19 minn artiġjani lokali bil-ġebel lokali. Normalment dawn il-pontijiet ikollhom ħnejja, żewġ ħnejjiet jew tliet ħnejjiet imsejħa "kamares" bil-Grieg. Wieħed mill-iżjed pontijiet ikoniċi huwa l-pont bi tliet ħnejjiet ta' Plakidas, magħruf ukoll bħala Kalogeriko, qrib il-villaġġ ta' Kipoi (Κἠποι).

Fondoq ta' Vikos

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Fondoq ta' Vikos fil-qalba tal-Park Nazzjonali ta' Vikos–Aoös, huwa l-iżjed karatteristika naturali impressjonanti tar-reġjun. Xmara staġonali tgħaddi mill-Fondoq ta' Vikos li huwa twil madwar 38 kilometru. L-iżjed parti fonda tal-fondoq hija twila madwar 12-il kilometru. Fin-nofs tal-parti prinċipali, 'il bogħod mill-aċċess bit-triq jew mill-villaġġi, hemm Megas Lakkos, fondoq sekondarju fond indaqs. Ix-xmara Voidomatis għandha s-sors tagħha fil-Fondoq ta' Vikos u mbagħad tkompli tnixxi f'fondoq iżgħar tagħha stess fix-xmara Aoös. Il-Fondoq ta' Vikos huwa fond 990 metru qrib Monodendri, filwaqt li l-Muntanja ta' Tymphe li tinsab fiha għandha quċċata ta' 1,350 metru. Dan il-fondoq huwa wieħed mill-iżjed fniedaq fondi fid-dinja, tabilħaqq l-iżjed fond meta mqabbel proporzjonalment mal-wisa' tiegħu. Il-Fondoq ta' Vikos huwa wkoll sit ta' interess xjentifiku ewlieni, minħabba l-qagħda naturali kważi mhux mimsusa tiegħu mill-attività umana. Fih iħaddan l-ispeċijiet fil-periklu kif ukoll bosta ekosistemi varjati.

Muniċipalità u villaġġi

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-muniċipalità ta' Zagori ġiet iffurmata permezz ta' riforma tal-gvern lokali fl-2011 permezz tal-fużjoni tal-ħames eks muniċipalitajiet li ġejjin, li saru unitajiet muniċipali (komunitajiet kostitwenti fil-parentesi):

  • Zagori Ċentrali (Agios Minas, Ano Pedina, Aristi, Asprangeloi, Vitsa, Dikorfo, Vikos, Dilofo, Dipotamo, Elati, Elafotopos, Kaloutas, Kato Pedina, Manassis, Mesovouni, Monodendri)
  • Lvant ta' Zagori (Agia Paraskevi, Anthrakitis, Greveniti, Demati, Doliani, Elatochori, Itea, Kavallari, Karyes, Kastanonas, Makrino, Petra, Potamia, Tristeno, Flambourari)
  • Papingo
  • Tymfi (Vradeto, Vrysochori, Iliochori, Kapesovo, Kipoi, Koukouli, Laista, Leptokarya, Negades, Skamneli, Tsepelovo, Frangades)
  • Vovousa

Nies notevoli

[immodifika | immodifika s-sors]
  • John Cassavetes, attur u reġista;
  • Marika Kotopouli, attriċi;
  • Alekos Sakellarios, reġista;
  • Dimitrios Kotopoulis, attur;
  • Dimitrios Myrat, attur.

Kummerċ u Filantropija

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Manthos u Georgios Rizaris, benefatturi, merkanti, membri ta' Filiki Eteria u fundaturi tal-Iskola Jeratika ta' Rizarios f'Ateni;
  • Konstantinos u Pavlos Paschalis, benefatturi minn Kapesovo;
  • Aggeliki Papazoglou, benefattur;
  • Alexios Plakidas, merkant u benefattur;
  • Konstantinos Rantos, merkant u membru ta' Filiki Eteria.

Edukazzjoni u Letteratura

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Methodios Anthrakites (1660–1736), studjuż u patri;
  • Neophytos Doukas (1760–1845), studjuż;
  • Georgios Gennadios (1786–1854), studjuż;
  • Matthaios Paranikas (1832-1914), studjuż, kittieb u għalliem;
  • Dimitrios Sarros (1869/70-1937), studjuż, kittieb, suldat u għalliem;
  • Anastasios Sakellarios, direttur tal-Iskola ta' Zosimea (1833–1862) ta' Ioannina;
  • Angelos Kitsos (1934–2008), eks President tal-Fondazzjoni ta' Rizarios;
  • Konstantinos Lazarides, studjuż u botaniku.
  • Manthos Oikonomou, kanċillier ta' Ali Pasha, membru ta' Filiki Eteria;
  • Michael Dukakis, politiku tal-Istati Uniti u nominat presidenzjali tal-Partit Demokratiku fl-1988;
  • Lefteris Zagoritis, eks membru tal-Parlament Grieg.
  1. "Demografija - Tkabbir tal-popolazzjoni" (PDF).
  2. Νικόλαος Κατσαρός – Οι αρχαιοελληνικές ρίζες του Σαρακατσάνικου λόγου.
  3. Amanatidou, Despoina (2005). "A case study in Vikos-Aoos National Park – Greece". University of Freiburg. p. 32.
  4. Gowlett, J. A. J. (1987). "The Archaeology of Radiocarbon Accelerator Dating". Journal of World Prehistory. 1 (2): 127–170.
  5. Costas Zissis (2006). Zagori, Images of a Greek Heritage. Costas Zissis. p. 13. ISBN 978-960-631-684-5.
  6. Prefectural Committee of Tourist Promotion: p. 14.
  7. Amanatidou, Despoina (2005). "A case study in Vikos-Aoos National Park – Greece". University of Freiburg. p. 34.
  8. Hammond, Nicholas (1976). Migrations and invasions in Greece and adjacent areas. Noyes Press. p. 61. ISBN 0-8155-5047-2.
  9. Constantinos Paparrigopoulos History of the Hellenic Nation 6 volumes, 1860–1877.
  10. Zissis, 2006, p. 14.
  11. Οικονόμου, Κωνσταντίνος (1986). Toponyms of Zagori (teżi) (bil-Grieg). University of Ioannina. p. 971.
  12. Tsefos, 2001, p. 15.
  13. Vokou, Katradia, Kokkini, 1993, p. 1.
  14. Kahl, Thede (1999). "Die Zagóri-Dörfer in Nordgriechenland: Wirtschaftliche Einheit – ethnische Vielfalt" [The Zagóri Villages in Northern Greece: Economic Unity – Ethnic Diversity]. Ethnologia Balkanica (in German). 3: 103–119. p. 116.
  15. Nitsiakos, Vasilēs G.; Agelopoulos, Georgios; Manos, Ioannis; Angelidou, Aliki; Dalkavoukis, Vassilis (2011). Balkan Border Crossings: Second Annual of the Konitsa Summer School. LIT Verlag Münster. p. 32. ISBN 978-3-643-80092-3.
  16. Hammond, Nicholas (1976). Migrations and invasions in Greece and adjacent areas. Noyes Press. p. 61. ISBN 0-8155-5047-2.
  17. Frangoulis, Odysseas T., Το Σκαμνέλι. Συμβολή στην ιστορία του, ήθη – έθιμα – παραδόσεις (Skamneli, a Contribution to its History: Cultural Practices, Customs, and Traditions), published by the Association of Skamneliots in Zagori, Ioannina 1988.
  18. Ευριπίδης Γιαννάκος Το Μοναστήρι του Αγιάννη στο Ρογκοβό (The Monastery of St John of Rogovou) Εκδόσεις Το Ζαγόρι μας, Ioannina 1985.
  19. "Ζαγόρι: Για πρώτη φορά στον Κατάλογο Παγκόσμιας Κληρονομιάς της UNESCO πολιτιστικό τοπίο της σύγχρονης κληρονομιάς". ProtoThema (bil-Grieg). 2023-09-20. Miġbur 2024-04-25.
  20. 1 2 3 Centre, UNESCO World Heritage. "Zagori Cultural Landscape". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-04-24.
  21. Vokou, Katradia, Kokkini 1993, p. 8.