Persepolis
Persepolis (pronunzjata /pərˈsɛpəlɪs/; bil-Persjan Antik: 𐎱𐎠𐎼𐎿, b'ittri Rumani: Pārsa; bil-Persjan Ġdid: تخت جمشید, b'ittri Rumani: Takht-e Jamshīd, litteralment it-"Tron ta' Jamshid") kienet il-belt kapitali ċerimonjali tal-Imperu Akemenid (għall-ħabta tal-550-330 Q.K.). Tinsab fil-pjanuri ta' Marvdasht, imdawra bil-muntanji tan-Nofsinhar ta' Zagros tal-promontorju Iranjan.[1] Shiraz moderna tinsab 60 kilometru (37 mil) fil-Lbiċ tal-fdalijiet ta' Persepolis. Il-fdalijiet ta' Persepolis tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1979.[2]
L-iżjed fdalijiet bikrin ta' Persepolis imorru lura għall-515 Q.K.[3] Il-belt, li taġixxi bħala ċentru ewlieni għall-imperu, kienet tospita kumpless ta' palazz u ċittadella ddisinjati biex iservu bħala l-qalba tal-governanza u tal-attivitajiet ċerimonjali.[4] Tirrappreżenta l-istil arkitettoniku Akemenid. Il-kumpless ittieħed mill-armata ta' Alessandru Manju fit-330 Q.K., u ftit wara, il-partijiet tal-injam tiegħu nqerdu għalkollox min-nirien, li x'aktarx tqabbdu apposta.
Il-funzjoni ta' Persepolis għadha mhijiex ċara. Ma kinitx waħda mill-ikbar bliet fil-Persja, wisq inqas fil-kumplament tal-imperu, iżda milli jidher kienet kumpless ċerimonjali grandjuż li kien jiġi okkupat b'mod staġonali. Il-kumpless huwa olzat fuq pjattaforma bil-ħitan, b'ħames "palazzi" jew swali b'daqsijiet differenti, u b'daħliet grandjużi. Għadu mhux ċar għalkollox fejn kienu l-kwartieri tar-re effettivament. Sa dan l-aħħar, il-biċċa l-kbira tal-arkeologi sostnew li kien jintuża b'mod primarju għaċ-ċelebrazzjoni tan-Nowruz, is-Sena l-Ġdida Persjana, fl-ekwinozju tar-rebbiegħa, li għadha festività annwali importanti fl-Iran modern. In-nobbli Iranjani u l-partijiet tributarji tal-imperu kienu jiġu biex jippreżentaw rigali lir-re, kif irrappreżentat fir-riljievi mat-taraġ. Mhuwiex ċar lanqas liema strutturi permanenti kienu jinsabu barra l-kumpless tal-palazz; forsi jkun aħjar li wieħed jaħseb f'Persepolis bħala kumpless wieħed iktar milli "belt" proprja tas-soltu.
L-esplorazzjoni ta' Persepolis mill-bidu ta-seklu 17 wasslet għall-iskoperta mill-ġdid moderna tal-kitba kunejformi, u minn studji dettaljati tal-kitbiet irjali Akemenidi mnaqqxa li nstabu fuq il-fdalijiet, għad-deċifrar inizjali tal-kitba kunejformi fil-bidu tas-seklu 19.[5]
Etimoloġija
[immodifika | immodifika s-sors]L-isem Persepolis oriġina mill-Grieg Περσέπολις, Persepolis, kelma komposta minn Pérsēs (Πέρσης) u pólis (πόλις), li flimkien tfisser "il-belt Persjana" jew "il-belt tal-Persjani". Fost il-Persjani tal-qedem, il-belt kienet magħrufa bħala Pārsa (bil-Persjan Antik: 𐎱𐎠𐎼𐎿), li hija l-kelma għar-reġjun tal-Persja.[6][7]
Kitba mnaqqxa fit-311 W.K. mill-Prinċep tas-Sassanidi Shapur Sakanshah, iben Hormizd II, tirreferi għas-sit bħala Sad-stūn, li tfisser "Mitt Pilastru".[8] Minħabba li l-Persjani Medjevali attribwew is-sit lil Jamshid,[9] re mill-mitoloġija Iranjana, is-sit kien jissejjaħ ukoll Takht-e-Jamshid (bil-Persjan: تخت جمشید, Taxt e Jamšīd; [ˌtæxtedʒæmˈʃiːd]), li litteralment tfisser it-"Tron ta' Jamshid". Isem ieħor mogħti lis-sit fil-perjodu Medjevali kien Čehel Menâr (bil-Persjan: چهل منار, "Erbgħin Minaret"), traskritt bħala Chilminara minn De Silva Figueroa[10] u bħala Chilminar fis-sorsi bikrin bl-Ingliż.[11]
Ġeografija
[immodifika | immodifika s-sors]Persepolis tinsab qrib ix-xmara żgħira Pulvar, li tnixxi fix-xmara Kur.
Is-sit jinkludi terrazza ta' 125,000 m2 (1,350,000 pied kwadru), li parzjalment inbniet b'mod artifiċjali u li parzjalment ġiet imħaffra minn muntanja, bin-naħa tal-Lvant tagħha xxaqleb mal-muntanja Rahmat. It-tliet naħat l-oħra huma ffurmati minn ħitan riffieda, li jvarjaw fl-għoli mal-pendil tal-art. Minn bejn 5 metri sa 13-il metru (16-il pied sa 43 pied) fuq in-naħa tal-Punent hemm taraġ doppju li minn hemm jitla' sal-quċċata. Sabiex it-terrazza titwitta, id-depressjonijiet imtlew bil-ħamrija u bil-blat tqil, li ġew imġannta flimkien permezz ta' klipep tal-metall.
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Kostruzzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]L-evidenza arkeoloġika turina li l-iżjed fdalijiet bikrin ta' Persepolis imorru lura għall-515 Q.K. André Godard, l-arkeologu Franċiż li wettaq l-iskavi f'Persepolis fil-bidu tas-snin 30 tas-seklu 20, kien jemmen li Cyrus il-Kbir kien għażel is-sit ta' Persepolis, iżda mbagħad kien Darius I li bena t-terrazza u l-palazzi. Il-kitbiet imnaqqxa fuq dawn il-binjiet jappoġġaw it-twemmin li nbnew minn Darius.
Permezz ta' Darius I, ix-xettru għadda għand fergħa ġdida tal-familja rjali. Persepolis x'aktarx li saret il-belt kapitali tal-Persja matul ir-renju tiegħu. Madankollu, il-pożizzjoni tal-belt f'reġjun remot u muntanjuż għamlitha residenza mhux konvenjenti għall-mexxejja tal-imperu. Il-bliet kapitali reali tal-pajjiż kienu Susa, il-Babilonja u Ecbatana. Forsi għalhekk li l-Griegi ma tantx kienu midħla tal-belt qabel ma Alessandru Manju ħatafha u seraq ir-rikkezzi tagħha.
Il-kostruzzjoni ta' Persepolis minn Darius I twettqet flimkien mal-kostruzzjoni tal-Palazz ta' Susa. Skont Gene R. Garthwaite, il-Palazz ta' Susa serva bħala l-mudell ta' Darius għal Persepolis. Darius I ordna l-kostruzzjoni tal-Palazz ta' Apadana u tas-Sala tal-Kunsill (bit-Tripylon jew id-"Daħla Tripla"), kif ukoll tat-Teżor imperjali prinċipali u l-madwar tiegħu. Dawn tlestew matul ir-renju ta' ibnu, Xerxes I. Iktar kostruzzjoni tal-binjiet fuq it-terrazza kompliet sal-waqgħa tal-Imperu Akemenid. Skont l-enċiklopedija Britannica, l-istoriku Grieg Ctesias semma li l-qabar ta' Darius I kien jinsab fil-wiċċ ta' rdum li seta' jintlaħaq permezz ta' ħbula.
Għall-ħabta tal-519 Q.K., bdiet il-kostruzzjoni ta' taraġ wiesa'. It-taraġ inizjalment kien ippjanat li kellu jkun id-daħla prinċipali għat-terrazza 20 metru (66 pied) 'il fuq mill-art. It-taraġ doppju, magħruf bħala t-Taraġ ta' Persepolis, inbena b'mod simetriku fuq in-naħa tal-Punent tal-Ħajt il-Kbir. Il-111-il tarġa kienu wesgħin 6.9 metri (23 pied), b'tul ta' 31 ċentimetru (12-il pulzier) u għoljin 10 ċentimetri (3.9 pulzieri). Oriġinarjament, kien maħsub li t-taraġ kien inbena biex in-nobbli u l-membri tal-familja rjali setgħu jitilgħu rekbin iż-żwiemel. Madankollu, teoriji ġodda jissuġġerixxu li t-taraġ baxx kien jippermetti lid-dinjitarji li kienu jżuru Persepolis jibqa' jkollhom dehra rjali huma u telgħin it-taraġ. In-naħa ta' fuq tat-taraġ kienet twassal għal bitħa żgħira fin-naħa tal-Grigal tat-terrazza, fuq in-naħa opposta tad-Daħla tal-Ġnus Kollha.
Il-materjal prinċipali tal-kostruzzjoni f'Persepolis kien il-ġebla tal-ġir griża. Wara livellar tal-blat naturali u l-mili tad-depressjonijiet, tħejjiet it-terrazza. Tħaffru mini kbar fil-blat taħt l-art għad-dranaġġ. Tank kbir olzat tal-ilma tħaffer fil-Lvant fuq in-naħa t'isfel tal-muntanja. Il-Professur Olmstead issuġġerixxa li dan il-ġibjun inbena fl-istess żmien li bdiet il-kostruzzjoni tat-torrijiet.
Il-pjanta mhux uniformi tat-terrazza, inkluż il-pedamenti, intużaw bħala kastell, b'ħitan angolati li ppermettew lid-difensuri tiegħu jkollhom fil-mira kwalunkwe sezzjoni tal-faċċata esterna. Diodorus Siculus kiteb li Persepolis kellha tliet ħitan bil-fortifikazzjonijiet, u kollha kellhom torrijiet biex jipprovdu spazju protett għad-difensuri. L-ewwel ħajt kien għoli 7 metri (23 pied), it-tieni, 14-il metru (46 pied) u t-tielet ħajt, li kien ikopri l-erba' naħat kollha, kien għoli 27 metru (89 pied), għalkemm ma teżisti l-ebda preżenza tal-ħajt fi żminijietna.
Qerda
[immodifika | immodifika s-sors]Wara li invada l-Persja Akemenida fit-330 Q.K., Alessandru Manju bagħat il-qawwa prinċipali tal-armata tiegħu lejn Persepolis mit-Triq Irjali. Diodorus Siculus kiteb li fi triqtu lejn il-belt, Alessandru, flimkien mal-armata tiegħu, intlaqgħu minn 800 artiġjan Grieg li kienu nħatfu mill-Persjani. Il-biċċa l-kbira kienu anzjani u kienu ġarrbu xi tip ta' mutilazzjoni, bħal xi id jew sieq nieqsa. Huma spjegaw lil Alessandru li l-Persjani riedu jieħdu vantaġġ mill-ħiliet tagħhom iżda mmankawhom ħalli ma setgħux jaħarbulhom faċilment. Alessandru u l-armata tiegħu baqgħu xxukkjati minn dak li kienu rrakkontawlhom u lill-artiġjani tawhom l-ilbies u l-provvisti qabel ma komplew sejrin lejn Persepolis. Diodorus ma jikkwotax din il-ġrajja bħala r-raġuni għall-qerda ta' Persepolis, iżda jista' jkun li Alessandru beda jara l-belt f'dawl ħażin wara dan l-episodju.
Malli wasal fil-belt, Alessandru attakka d-"Daħliet Persjani", mogħdija li kienet tgħaddi mill-muntanji Zagros moderni. Hemmhekk Ariobarzanes ta' Persis irnexxielu jaħsad lill-armata ta' Alessandru Manju, u qatel bosta minnhom. Wara li kien ġie rreżistit għal 30 jum, Alessandru Manju għeleb lid-difensuri u qeridhom. Ariobarzanes innifsu nqatel waqt il-battalja jew waqt l-irtirar lejn Persepolis. Xi sorsi jindikaw li l-Persjani ġew traduti minn kap tribali li kien inqabad u li wera mogħdija oħra lill-Maċedoni li permezz tagħha għelbu lil Ariobarzanes. Wara diversi xhur, Alessandru Manju ppermetta lit-truppi tiegħu jisirqu r-rikkezzi ta' Persepolis.
Għall-ħabta ta' dak iż-żmien, nar ħaraq "il-palazzi" jew "il-palazz". L-istudjużi jaqblu li dan l-avveniment, deskritt f'sorsi storiċi, seħħ fil-fdalijiet li issa ġew identifikati mill-ġdid bħala Persepolis. Mill-investigazzjonijiet ta' Stolze, milli jidher mill-inqas wieħed mill-fdalijiet, il-kastell li nbena minn Xerxes I, għandu traċċi li juru li nqered minn nar. Il-lokalità deskritta minn Diodorus Siculus wara li Cleitarchus jikkorrispondi b'dettalji importanti dwar Persepolis storika, pereżempju, li kellha muntanja fil-Lvant tagħha.
Huwa maħsub li n-nar li qered lil Persepolis beda mill-Palazz ta' Hadish, li kien ir-residenza ta' Xerxes I, u nfirex fil-kumplament tal-belt. Mhuwiex ċar jekk in-nar kienx aċċident jew att ta' tpattija apposta talli ngħata n-nar lill-Akropoli ta' Ateni matul it-tieni invażjoni Persjana tal-Greċja. Bosta storiċi jargumentaw li, filwaqt li l-armata ta' Alessandru ċċelebrat b'simpożju, huma ddeċidew li jpattuha lill-Persjani. Jekk dan huwa minnu, allura l-qerda ta' Persepolis jaf kienet kemm aċċident kif ukoll każ ta' tpattija. In-nar jaf kellu skop politiku wkoll biex jinqered simbolu ikoniku tal-monarkija Persjana li jaf setgħet issir importanti għar-reżistenza Persjana.
Diversi rakkonti Griegi u Rumani li ġew wara (fosthom ta' Arrian, ta' Diodorus Siculus u ta' Quintus Curtius Rufus) jiddeskrivu li l-ħruq kien idea ta' Thaïs, il-maħbuba tal-Ġeneral ta' Alessandru Tolomew I Soter, u x'aktarx ta' Alessandru nnifsu. Jingħad li hi ssuġġeriet din l-idea matul ċelebrazzjoni b'ħafna xorb alkoħoliku, skont xi rakkonti bħala tpattija tal-qerda tas-santwarji Griegi (peress li hi kienet minn Ateni), u jew hi jew Alessandru nnifsu qabdu n-nar l-ewwel.
Il-Ktieb ta' Arda Wiraz, xogħol Żoroastrijan tas-seklu 3 jew 4, jiddeskrivi li l-arkivji ta' Persepolis li kien fihom "l-Avesta u z-Zend, miktuba fuq ġlud ippreparati tal-baqar, u bil-linka tad-deheb", inqerdu. Tabilħaqq, fil-Kronoloġija tal-Ġnus tal-Qedem tiegħu, il-kittieb Iranjan nattiv Biruni jindika n-nuqqas ta' disponibbiltà ta' ċerti sorsi istorjografiċi Iranjani nattivi wara żmien l-Akemenidi, speċjalment matul l-Imperu Partiku. Huwa jżid jgħid: "[Alessandru] ħaraq Persepolis kollha bħala tpattija kontra l-Persjani, għaliex milli jidher ir-Re Persjan Xerxes kien ta n-nar lill-belt Griega ta' Ateni madwar 150 sena ilu. In-nies jgħidu li, anke attwalment, it-traċċi tan-nar għadhom viżibbli f'xi postijiet".
B'mod paradossali, l-avveniment li kkawża l-qerda ta' dawn it-testi jaf għen fil-preservazzjoni tal-Arkivji Amministrattivi ta' Persepolis, li x'aktarx li kieku kienu jintilfu maż-żmien minħabba avvenimenti naturali jew ikkawżati mill-bniedem. Skont l-evidenza arkeoloġika, il-ħruq parzjali ta' Persepolis ma affettwax dawk li issa huma magħrufa bħala t-tavli tal-Arkivju tal-Fortifikazzjoni ta' Persepolis, iżda anzi jaf ikkawża l-kollass eventwali tal-parti ta' fuq tal-ħajt tal-fortifikazzjoni tat-Tramuntana li ppreserva t-tavli sa ma ġew irkuprati mill-arkeologi tal-Istitut Orjentali.
Wara l-waqgħa tal-Imperu Akemenid
[immodifika | immodifika s-sors]Fit-316 Q.K., Persepolis kienet għadha l-belt kapitali tal-Persja bħala provinċja tal-Imperu Maċedonu kbir (ara Diodorus Siculus xix, 21 seq., 46; x'aktarx wara Hieronymus ta' Cardia, li kien ħaj għall-ħabta tat-326). Wisq probabbli, il-belt gradwalment qabdet it-triq tan-niżla. Il-belt t'isfel taħt il-belt imperjali jaf damet teżisti għal iktar żmien; iżda l-fdalijiet tal-Akemenidi baqgħu jixhdu l-glorja tal-belt fil-qedem. X'aktarx li l-belt prinċipali tal-pajjiż, jew mill-inqas tad-distrett, dejjem kienet f'dawn l-inħawi.
Il-belt ta' Estakhr, ħames kilometri fit-Tramuntana ta' Persepolis, kienet is-sede tal-gvernaturi lokali għall-ħabta tal-200 Q.K. Minn hemm, ġew stabbiliti l-pedamenti tat-tieni Imperu Persjan kbir, u Estakhr kisbet importanza speċjali bħala ċ-ċentru tal-għerf u tal-ortodossija tal-patrijiet. Ir-rejiet Sassanidi ksew wiċċ il-blat f'dawn l-inħawi, u parzjalment anke l-fdalijiet Akemenidi, bl-iskulturi u l-kitbiet imnaqqxa tagħhom. Wisq probabbli bnew bil-kbir hemmhekk, għalkemm qatt fuq l-istess skala ta' kobor bħall-predeċessuri tagħhom. Ir-Rumani ma tantx kienu jafu b'Estakhr bħalma l-Griegi ma kinux jaf wisq dwar Persepolis, minkejja l-fatt li s-Sassanidi kellhom relazzjonijiet mal-imperu għal 400 sena, fit-tajjeb u fil-ħażin.
Għall-ħabta tal-invażjoni Musulmana tal-Persja, Estakhr offriet reżistenza ddisprata. Kienet għadha post ta' importanza konsiderevoli fl-ewwel seklu tal-Iżlam, għalkemm il-kobor tagħha malajr batta fil-konfront tal-metropoli l-ġdida ta' Shiraz. Fis-seklu 10, l-importanza ta' Estakhr battiet għalkollox, kif joħroġ fid-dieher mid-deskrizzjonijiet ta' Istakhr għall-ħabta tad-950 u ta' Al-Muqaddasi għall-ħabta tad-985. Matul is-sekli ta' wara, l-importanza ta' Estakhr kompliet tbatti, sa ma baqgħetx teżisti bħala belt.
Riċerka arkeoloġika
[immodifika | immodifika s-sors]Odoriku ta' Pordenone jaf għadda minn Persepolis fi triqtu lejn iċ-Ċina fl-1320, għalkemm semma fdalijiet ta' belt biss li kien jisimha "Comerum". Fl-1474, Giosafat Barbaro żar il-fdalijiet ta' Persepolis, li bi żball kien ħaseb li kellhom oriġini Lhudija. Il-Vjaġġi ta' Hakluyt kienu jinkludu rendikont ġenerali tal-fdalijiet ta' Persepolis attribwiti lil merkant Ingliż li żar l-Iran fl-1568. António de Gouveia mill-Portugall kiteb dwar il-kitbiet kunejformi mnaqqxa wara ż-żjara tiegħu fl-1602. Ir-rapport tiegħu dwar il-fdalijiet ta' Persepolis ġie ppubblikat bħala parti mir-Relaçam tiegħu fl-1611.
Fl-1618, García de Silva Figueroa, l-ambaxxatur tar-Re Filippu III ta' Spanja għall-qorti ta' Abbas I, il-monarka Safavid, kien l-ewwel vjaġġatur mill-Punent li kkollega s-sit magħruf fl-Iran bħala "Chehel Minar" mas-sit magħruf mill-awturi Klassiċi bħala Persepolis.
Pietro Della Valle żar Persepolis fl-1621, u nnota li 25 kolonna biss mit-72 kolonna oriġinali kienu għadhom weqfin, minħabba vandaliżmu jew proċessi naturali. Il-vjaġġatur Olandiż Cornelis de Bruijn żar Persepolis fl-1704.
Ir-reġjun għammiel kien mimli villaġġi sa ma ġie devastat fis-seklu 18; u anke issa, għadu kkultivat pjuttost sew. Il-Kastell ta' Estakhr kellu rwol importanti bħala fortizza b'saħħitha, għal diversi drabi, matul żmien il-Musulmani. Kien fl-ogħla quċċata u dik nofsana minn tliet qċaċet fil-wied tax-xmara Kur, kemxejn lejn il-Punent jew il-Majjistral tan-nekropoli ta' Naqsh-e Rustam.
Il-vjaġġaturi Franċiżi Eugène Flandin u Pascal Coste huma fost l-ewwel li pprovdew mhux biss rieżami letterarju tal-istruttura ta' Persepolis, iżda wkoll li ħolqu wħud mill-aqwa illustrazzjonijiet bikrin tal-istruttura ta' Persepolis. Fil-pubblikazzjonijiet tagħhom f'Pariġi, fl-1881 u fl-1882, bit-titlu Voyages en Perse de MM. Eugene Flanin peintre et Pascal Coste architecte, l-awturi pprovdew xi 350 illustrazzjoni rivoluzzjonarji ta' Persepolis. L-influwenza u l-interess tal-Franċiżi fis-sejbiet arkeoloġiċi tal-Persja komplew wara l-adeżjoni ta' Reza Shah, meta André Godard sar l-ewwel direttur tas-servizz arkeoloġiku tal-Iran.
Fl-ewwel deċennju tas-seklu 19, saru għadd ta' skavi dilettanteski fis-sit, f'xi każijiet fuq skala kbira.
L-ewwel skavi xjentifiċi f'Persepolis saru minn Ernst Herzfeld u Erich Schmidt f'isem l-Istitut Orjentali tal-Università ta' Chicago. Huma wettqu skavi għal tmien staġuni mill-1930 f'Persepolis kif ukoll f'siti oħra fil-qrib.
Herzfeld kien jemmen li r-raġunijiet wara l-kostruzzjoni ta' Persepolis kienu l-ħtieġa ta' atmosfera maestuża, simbolu għall-imperu, u ċ-ċelebrazzjoni ta' avvenimenti speċjali, b'mod partikolari n-Nowruz. Għal raġunijiet storiċi, Persepolis inbniet meta ġiet stabbilita d-dinastija Akemenida, għalkemm ma kinitx iċ-ċentru tal-imperu dak iż-żmien.
Is-sejbiet ta' frammenti ta' plakek jagħtu x'jifhmu li kienu dwar xena ta' ġlieda bejn Erakle u Apollo, imlaqqma Pittura Griega f'Persepolis.
Arkitettura
[immodifika | immodifika s-sors]L-arkitettura ta' Persepolis hija magħrufa għall-użu tagħha tal-kolonna Persjana, li x'aktarx kienet ibbażata fuq kolonni tal-injam bikrin. L-arkitetti bdew jużaw il-ġebel biss meta l-ikbar siġar taċ-ċedru tal-Libanu jew is-siġar tat-tik tal-Indja ma baqgħux jissodisfaw id-daqsijiet meħtieġa. Il-bażijiet u l-kapitelli tal-kolonni kienu tal-ġebel, anke fuq xaftijiet tal-injam, iżda l-eżistenza ta' kapitelli tal-injam hija probabbli wkoll. Fil-518 Q.K., għadd kbir ta' inġiniera, arkitetti u artisti bl-ikbar esperjenza mid-dinja kollha ġew konvokati biex ikunu involuti u jieħdu sehem fil-kostruzzjoni tal-ewwel binja bħala simbolu ta' unità u ta' paċi universali kif ukoll ta' ugwaljanza għal eluf ta' snin.
Il-binjiet ta' Persepolis jinkludu tliet raggruppamenti ġenerali: il-kwartieri militari, it-teżor, u s-swali tar-riċevimenti u d-djar okkażjonali għar-re. Fost l-istrutturi notevoli nsibu t-Taraġ il-Kbir, id-Daħla tal-Ġnus Kollha, il-Palazz ta' Apadana, is-Sala tal-Mitt Kolonna, is-Sala tat-Tripylon u l-Palazz ta' Tachara, il-Palazz ta' Hadish, il-Palazz ta' Artaxerxes III, it-Teżor Imperjali, l-Istalel Irjali, u d-Dar tal-Karrijiet.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Persepolis ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1979.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[2]
Fdalijiet
[immodifika | immodifika s-sors]Fit-terrazza jeżistu l-fdalijiet ta' għadd ta' binjiet kolossali magħmula mill-irħam griż skur. Ħmistax mill-pilastri tagħhom għadhom weqfin u intatti. Tliet pilastri oħra reġgħu ttellgħu weqfin mill-1970. Diversi mill-binjiet qatt ma tlestew. F. Stolze wera li għad hemm ftit mill-iskart tal-bennejja fis-sit.
Sa issa, instabu iktar minn 30,000 kitba mnaqqxa matul l-esplorazzjoni ta' Persepolis, li huma żgħar u konċiżi f'termini ta' daqs u bħala test, iżda huma l-iżjed dokumenti siewja tal-perjodu tal-Akemenidi. Dawn il-kitbiet imnaqqxa li attwalment jinsabu fl-Istati Uniti, ħafna drabi jindikaw li fi żmien Persepolis il-ħaddiema kienu jitħallsu bil-pagi.
Minn żmien Pietro Della Valle, intwera bla dubju li dawn il-fdalijiet jirrappreżentaw il-perjodu meta Persepolis inħatfet u nqerdet parzjalment minn Alessandru Manju.
Wara l-kumpless ta' Persepolis, hemm tliet sepulkri mħaffra fil-blat tal-ġenb tal-għolja. Il-faċċati, waħda minnhom mhux kompluta, huma mżejna b'mod rikk bir-riljievi. Madwar 13-il kilometru (8.1 mili) Grieg it-Tramuntana, fuq in-naħa opposta tax-xmara Pulvar, hemm blata vertikali perpendikolari, li minnha tħaffru erba' oqbra simili f'għoli konsiderevoli mill-qiegħ tal-wied. L-Iranjani moderni dan il-post isejħulu Naqsh-e Rustam ("ir-Riljiev ta' Rustam"), mir-riljievi tas-Sassanidi ta' taħt il-fetħa, li skonthom huma rappreżentazzjoni tal-eroj mitiku Rostam. Wieħed jista' jassumi mill-iskulturi, li l-okkupanti ta' dawn l-oqbra kienu rejiet. Kitba mnaqqxa fuq wieħed minn dawn l-oqbra tiddikjara li l-qabar huwa ta' Darius I, li fir-rigward tiegħu Ctesias jirrakkonta li l-qabar kien jinsab ma' wiċċ il-blat, u wieħed seta' jasal għalih biss bl-użu ta' ħbula. Ctesias isemmi wkoll, fir-rigward ta' għadd ta' rejiet Persjani, li l-fdalijiet tagħhom kienu ngħataw "lill-Persjani", jew li l-okkupanti kienu mietu hemmhekk.
Id-Daħla tal-Ġnus Kollha
[immodifika | immodifika s-sors]Id-Daħla tal-Ġnus Kollha, b'referenza għas-sudditi tal-imperu, kienet tikkonsisti minn sala kwadra grandjuża twila madwar 25 metru (82 pied), b'erba' kolonni u daħla mal-Ħajt tal-Punent. Hemm żewġ daħliet oħra, waħda lejn in-Nofsinhar li kienet tagħti għall-bitħa tal-Palazz ta' Apadana u oħra li kienet tagħti għal triq twila lejn il-Lvant. Fl-irkejjen tad-daħliet kollha nstabu apparati jiċċaqilqu qishom ċappetti li jindikaw li kellhom żewġ bibien jinfetħu u jingħalqu fi tnejn, li x'aktarx kienu tal-injam u miksija b'folji mżejna tal-metall.
Par lamassus (divinitajiet protettivi b'għamla ta' barrin b'irjus ta' rġiel bid-daqna) jinsabu mad-daħla tal-Punent. Par ieħor, bil-ġwienaħ u b'Ras Persjana (Gopät-Shäh), jinsabu mad-daħla tal-Lvant, biex jirriflettu s-setgħa tal-imperu.
Isem Xerxes I inkiteb bi tliet lingwi u tnaqqax mad-daħliet, sabiex kulħadd ikun jaf li hu ordna l-kostruzzjoni tad-daħla.
Il-Palazz ta' Apadana
[immodifika | immodifika s-sors]Darius I bena l-ikbar palazz f'Persepolis man-naħa tal-Punent tal-pjattaforma. Dan il-palazz kien magħruf bħala l-Palazz ta' Apadana. Ir-Re tar-Rejiet kien jużah għall-udjenzi uffiċjali. Ix-xogħol beda fil-518 Q.K., u ibnu, Xerxes I, lestieh 30 sena wara. Il-palazz kellu sala grandjuża kwadra, kull naħa twila 60 metru (200 pied) bi 72 kolonna, li tlettax minnhom għadhom weqfin fuq il-pjattaforma enormi. Kull kolonna hija għolja 19-il metru (62 pied) u fiha barri u bażi ta' pedestall. Il-kolonni kienu jifilħu l-piż tas-saqaf kbir u wiesa'. Il-partijiet ta' fuq tal-kolonni kienu magħmula minn skulturi ta' annimali bħal iljuni b'żewġt irjus, ajkli, bnedmin u baqar (il-baqar kienu simboli tal-fertilità u tal-abbundanza fl-Iran tal-qedem). Il-kolonni kienu magħqudin flimkien bl-għajnuna ta' xorok tal-ballut u taċ-ċedru mil-Libanu. Il-ħitan kienu miksija b'saff tajn u bl-istukko sa fond ta' 5 ċentimetri (2.0 pulzieri), li kien jintuża biex jagħqad il-kisi, u mbagħad kien jitgħatta bl-istukko ħadrani li jinstab fil-palazzi kollha.
F'żewġ kaxxi nstabu tavli tad-deheb u tal-fidda fil-pedamenti tal-palazz. Dawn fihom kitba mnaqqxa minn Darius bil-kitba kunejformi tal-Persjan Antik, li tiddeskrivi l-kobor tal-imperu tiegħu f'termini ġeografiċi ġenerali, u hija magħrufa bħala l-kitba mnaqxxa ta' DPh:[12]
Darius ir-re l-kbir, ir-re tar-rejiet, ir-re tal-pajjiżi, iben Hystaspes, Akemenid. Ir-Re Darius jgħid: Dan huwa r-renju tiegħi, minn Sacae lil hinn minn Sogdia, sa Kush, u minn Sind (bil-Persjan Antik: 𐏃𐎡𐎭𐎢𐎺, b'ittri Rumani: Hidauv, lokattiv ta' Hiduš, jiġifieri l-"wied tal-Indus") sa Lydia (bil-Persjan Antik: Spardâ) – Ahuramazda, l-ikbar fost id-divinitajiet, tani dan [kollu]. J'Alla Ahuramazda jħares lili u l-familja rjali tiegħi!
Fin-naħat tal-Punent, tat-Tramuntana u tal-Lvant tal-palazz, kien hemm tliet portiċi rettangolari, u kull wieħed minnhom kellu tnax-il kolonna f'żewġ ringieli ta' sitta. Fin-Nofsinhar tas-sala grandjuża, inbnew sensiela ta' kmamar għall-ħżin. Żewġ garigori taraġ grandjużi ta' Persepolis inbnew b'mod simetriku ma' xulxin u ġew ikkollegati mal-pedamenti tal-ġebel. Sabiex il-bejt jiġi protett mill-erożjoni, inbnew drenaġġi vertikali fil-ħitan tal-brikks. Fl-erba' kantunieri tal-Palazz ta' Apadana, iħarsu 'l barra, inbnew erba' torrijiet.
Il-ħitan ġew miksija bil-madum u ġew imżejna bi stampi ta' iljuni, barrin u fjuri. Darius ordna li ismu u d-dettalji tal-imperu tiegħu jinkitbu bid-deheb u bil-fidda fuq plakek, li tpoġġew f'kaxxi tal-ġebel mgħottija fil-pedamenti taħt l-erba' kantunieri tal-palazz. Żewġ garigori taraġ simetriċi bl-istil ta' Persepolis inbnew fin-naħat tat-Tramuntana u tal-Lvant tal-Palazz ta' Apadana biex jikkumpensaw għal differenza fil-livell. Żewġ garigori taraġ oħra nbnew f'nofs il-binja. Il-faċċati tal-palazz minn barra ġew imbuzzati b'tinqix tal-Immortali, il-gwardji elit tar-Rejiet. It-taraġ tat-Tramuntana tlesta matul ir-renju ta' Darius I, iżda t-taraġ l-ieħor tlesta ferm wara.
Ir-riljievi ta' fuq it-taraġ jippermettu lil dak li jkun josserva n-nies mill-imperu kollu lebsin b'mod tradizzjonali, u saħansitra lir-Re nnifsu, "sal-iċken dettall".
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b "Google Maps". web.archive.org. 2023-04-20. Arkivjat mill-oriġinal fl-2023-04-20. Miġbur 2024-01-03.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Persepolis". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-03.
- ^ Mousavi, Ali, Persepolis: Discovery and Afterlife of a World Wonder, p. 53, 2012, Walter de Gruyter, ISBN 978-1614510338.
- ^ Gates, Charles (2011). Ancient cities: the archaeology of urban life in the ancient Near East and Egypt, Greece and Rome (2nd ed.). Londra: Routledge. pp. 186–187. ISBN 978-0-203-83057-4.
- ^ Mousavi, Ali (14 March 2012). "VI. Persepolis and the Puzzle of Cuneiform Inscriptions". Persepolis. De Gruyter. pp. 113–122. ISBN 978-1-61451-028-4.
- ^ Bailey, H.W. (1996) "Khotanese Saka Literature", in Ehsan Yarshater (ed), The Cambridge History of Iran, Vol III: The Seleucid, Parthian, and Sasanian Periods, Part 2 (reprint edition), Cambridge: Cambridge University Press, p. 1230.
- ^ Michael Woods, Mary B. Woods (2008). Seven Wonders of the Ancient Middle East. Twenty-First Century Books. pp. 26–28. ISBN 978-0822575733.
- ^ Shahbazi, A. Shapur; Bosworth, C. Edmund (1990). "Capital Cities– Encyclopaedia Iranica". Encyclopædia Iranica. Vol. IV. pp. 768–774.
- ^ Holland, Tom (2012). In the Shadow of the Sword. Little, Brown. pp. 118–122. ISBN 978-1408700075.
- ^ Figueroa, García de Silva y (1667). L'ambassade de D. Garcias de Silva Figueroa en Perse... Traduite de l'espagnol par Monsieur de Wicqfort (bil-Franċiż). Louis Billaine.
- ^ "Chilminar", Encyclopædia Britannica, vol. II (1st ed.), Edinburgu: Colin Macfarquhar, 1771, pp. 183–184.
- ^ "Kitba mnaqqxa DPh". web.archive.org. Arkivjat mill-oriġinal fl-2021-04-11.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)