Aqbeż għall-kontentut

Susa

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Palazz ta' Darius I f'Susa.

Susa (pronunzjata: /ˈsuːsə/ SOO-sə; bl-Elamit Nofsani: 𒀸𒋗𒊺𒂗, b'ittri Rumani: Šušen;[1] bin-Neo-Elamit u Nofsani: 𒋢𒋢𒌦, b'ittri Rumani: Šušun; bin-Neo-Elamit u bl-Elamit Akemenid: 𒀸𒋗𒐼𒀭, b'ittri Rumani: Šušan;[2] bl-Elamit Akemenid: 𒀸𒋗𒐼, b'ittri Rumani: Šuša; bil-Persjan: شوش Šuš [ʃuʃ]; bl-Ebrajk: שׁוּשָׁן Šūšān; bil-Grieg: Σοῦσα Soûsa; bis-Sirjan: ܫܘܫ Šuš; bil-Persjan Nofsani: 𐭮𐭥𐭱𐭩 Sūš or 𐭱𐭥𐭮 Šūs; bil-Persjan Antik: 𐏂𐎢𐏁𐎠 Çūšā) kienet belt tal-qedem fin-naħa t'isfel tal-Muntanji Zagros madwar 250 kilometru (160 mil) fil-Lvant tax-xmara Tigris, bejn ix-xmajjar Karkheh u Dez fl-Iran modern. Susa kienet waħda mill-iżjed bliet importanti tal-Lvant Qarib tal-qedem u kienet il-belt kapitali ta' Elam u l-belt kapitali tax-xitwa tal-Imperu Akemenid, filwaqt li baqgħet ċentru strateġiku matul żmien il-Partiċi u s-Sassanidi.

Attwalment is-sit jikkonsisti minn tliet tumbati arkeoloġiċi, li jkopru erja ta' madwar kilometru kwadru.[3] Ir-raħal Iranjan modern ta' Shush jinsab fuq is-sit ta' Susa tal-qedem. Susa tiġi identifikata wkoll bħala Shushan, imsemmi fil-Ktieb ta' Esther u kotba Bibbliċi oħra.

L-isem Susa oriġina mill-Grieg Antik Sousa (Σουσα), li x'aktarx li oriġina minn isem Elamit oriġinali, miktub bħala Šušen (𒀸𒋗𒊺𒂗) fil-forma bl-Elamit Nofsani, Šušun (𒋢𒋢𒌦) fil-forom bl-Elamit Nofsani u bin-Neo-Elamit, Šušan (𒀸𒋗𒐼𒀭) fil-forom bin-Neo-Elamit u bl-Akemenid, u Šuša (𒀸𒋗𒐼) fil-formai bl-Elamit Akemenid.

Referenzi letterarji

[immodifika | immodifika s-sors]
Mappa li turi r-Renju Elamit (bl-oranġjo) u ż-żoni ġirien. Tidher ukoll l-estensjoni tal-Golf Persjan fi Żmien il-Bronż.

Susa kienet waħda mill-iżjed bliet importanti tal-Lvant Qarib tal-qedem. Fil-letteratura storika, Susa tissemma fl-iżjed rekords Sumeri bikrin: pereżempju, ġiet deskritta bħala wieħed mill-postijiet li jobdu lil Inanna, id-divinità patruna ta' Uruk, f'Enmerkar u l-Mulej ta' Aratta.

Testi Bibbliċi

[immodifika | immodifika s-sors]

Susa tissemma fil-Ketuvim tal-Bibbja bl-Ebrajk bl-isem ta' Shushan, l-iktar fil-Ktieb ta' Esther, iżda wkoll darba f'kull wieħed mill-kotba ta' Ezra (Ezra 4:9), Neħemija (Neħemija 1:1) u Danjel (Danjel 8:2). Skont dawn it-testi, Neħemija għex f'Susa matul il-ħakma Babiloniża tas-seklu 6 Q.K. DanJel isemmiha f'viżjoni profetika, filwaqt li Esther saret reġina hemmhekk, iżżewġet lir-Re Ahasuerus, u salvat lil-Lhud mill-ġenoċidju. Fl-inħawi hemm dak li hu maħsub bħala l-qabar ta' Danjel, magħruf bħala Shush-Danjel. Madankollu, parti kbira mill-istruttura attwali effettivament inbniet ferm wara għall-ħabta tal-aħħar tas-seklu 19, fl-1871.[4]

Testi reliġjużi oħra

[immodifika | immodifika s-sors]

Susa tissemma wkoll fil-Ktieb tal-Ġubilej (8:21 u 9:2) bħala wieħed mill-postijiet tal-wirt ta' Shem u ibnu l-kbir Elam; u f'8:1, "Susan" tissejjaħ ukoll bħala iben (jew bint f'xi traduzzjonijiet) Elam.

Storja tal-iskavi

[immodifika | immodifika s-sors]
Mappa tas-sit arkeoloġiku ta' Susa.

Is-sit ġie eżaminat fl-1836 minn Henry Rawlinson u mbagħad minn A. H. Layard.

Fl-1851, saru ftit skavi minn William Loftus, akkumpanjat minn Fenwick Williams, li identifikawha bħala Susa. Fost is-sejbiet ta' Loftus kien hemm ġarra b'madwar 110 muniti, u l-iżjed waħda bikrija fosthom kienet tmur lura għas-697-698 W.K.[5]

Fl-1885 u fl-1886, Marcel-Auguste Dieulafoy u Jane Dieulafoy bdew l-ewwel skavi Franċiżi, u skoprew brikks igglejżjati, bażijiet tal-kolonni, u kapitelli mill-palazz tar-rejiet Akemenidi. Madankollu, ma rnexxilhomx jidentifikaw il-ħitan tal-brikks tat-tajn, li mbagħad inqerdu matul l-iskavi. Kważi l-iskavi kollha f'Susa ta' wara l-1885 ġew organizzati u awtorizzati mill-gvern Franċiż.[6]

Il-fdalijiet ta' Susa, l-Arkivji tal-Mużew ta' Brooklyn, il-Kollezzjoni tal-Arkivji ta' Goodyear.

F'żewġ trattati fl-1894 u fl-1899, il-Franċiżi kisbu monopolju fl-iskavi arkeoloġiċi kollha fl-Iran b'mod indefinit. Jacques de Morgan, wara li żar is-sit fl-1891, wettaq skavi kbar mill-1897 sal-1911. Mill-iskavi li saru f'Susa ttieħdu bosta artefatti artistiċi u storiċi lejn Franza. Dawn l-artefatti mlew diversi swali fil-mużew tal-Louvre matul l-aħħar tas-snin 90 tas-seklu 19 u l-bidu tas-seklu 20. L-iżjed xogħol importanti ta' De Morgan kienu l-iskavi tal-Grande Tranchée fit-tumbata tal-Akropoli, fejn sab l-istele ta' Naram-Sin, ġabra ta' kudurru Babiloniżi (ħaġar tal-konfini), l-istele bil-Kodiċi ta' Hammurabi, mejda tal-bronż imżejna bis-sriep, l-istatwa tal-bronż tar-Reġina Napir-Asu, u eluf ta' brikks bil-kitbiet imnaqqxa. Is-sejbiet tiegħu wrew li Susa kienet l-iżjed ċentru importanti taċ-ċivilizzazzjoni Elamita, li effettivament ġiet skoperta permezz tal-missjoni Franċiża f'Susa.[7]

L-isforzi tal-iskavi komplew taħt Roland De Mecquenem sal-1914, fil-bidu tal-Ewwel Gwerra Dinjija. Ix-xogħol tal-Franċiżi f'Susa kompla wara l-gwerra, immexxi minn De Mecquenem, u baqa' għaddej sat-Tieni Gwerra Dinjija fl-1940. Sabiex jissupplimentaw il-pubblikazzjonijiet oriġinali ta' De Mecquenem, l-arkivji tal-iskavi tiegħu issa ttellgħu online bis-saħħa ta' għotja finanzjarja mill-Programm Shelby White Levy.[8]

Roman Ghirshman ħa f'idejh it-tmexxija tal-isforzi Franċiżi fl-1946, wara tmiem il-gwerra. Flimkien ma' martu Tania Ghirshman, huwa baqa' jaħdem hemmhekk sal-1967. Il-familja Ghirshman ikkonċentrat fuq l-iskavi ta' parti waħda tas-sit, l-ettaru tal-Ville Royale, u baqgħu neżlin sas-sisien. Il-bċejjeċ tal-fuħħar li nstabu fid-diversi saffi ppermettew li ssir stratigrafija ta' Susa.[9]

Mill-1969 sal-1979 l-iskavi twettqu taħt Jean Perrot.[10]

Fl-2019 il-proġett biex il-fdalijiet ta' Susa jiġu salvati tnieda biex jikkontrasta l-kostruzzjoni ta' mina tat-trasport qrib is-sit.[11]

Insedjament bikri

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-istorja urbana, Susa hija waħda mill-iżjed insedjamenti bikrin magħrufa fir-reġjun. Abbażi tad-datazzjoni kkalibrata bir-radjokarbonju 14, l-istabbiliment ta' insedjament fis-sit seħħ hemmhekk diġà fl-4395 Q.K. Fir-reġjun madwar Susa kien hemm għadd ta' rħula (bil-pjattaformi tagħhom stess) u villaġġi li kellhom relazzjoni kummerċjali mal-belt, speċjalment dawk tul il-fruntiera ta' Zagros.[12]

L-istabbiliment ta' Susa kien jikkorrispondi mal-abbandun tal-villaġġi fil-qrib. Potts jissuġġerixxi li l-insedjament x'aktarx li ġie stabbilit bħala tentattiv biex jiġi stabbilit mill-ġdid l-insedjament ta' Chogha Mish li kien inqered, madwar 25 kilometru fil-Punent. Qabel, Chogha Mish kien insedjament kbir ħafna, u kellu pjattaforma enormi simili għal dik li iktar 'il quddiem inbniet f'Susa.

Insedjament importanti ieħor fl-inħawi huwa dak ta' Chogha Bonut, li ġie skopert fl-1976.

Susa I (4200-3800 Q.K.)

[immodifika | immodifika s-sors]
Kalċi u tazza, l-Iran, bl-istil ta' Susa I, ir-raba' millenju Q.K. – il-perjodu Ubaid; Sèvres – Cité de la céramique, Franza.

Ftit wara li Susa ġiet insedjata għall-ewwel darba iktar minn 6,000 sena ilu, l-abitanti tagħha bnew pjattaforma monumentali li kienet tispikka qalb il-pajsaġġ ċatt tal-madwar. In-natura eċċezzjonali tas-sit għadha tingħaraf sal-lum fl-artistrija tar-reċipjenti taċ-ċeramika li ngħataw bħala offerti f'iktar minn elf qabar qrib il-bażi tal-pjattaforma tat-tempju.

L-iżjed insedjament bikri ta' Susa huwa magħruf bħala l-perjodu ta' Susa I (għall-ħabta tal-4200-3900 Q.K.). Żewġ insedjamenti msemmija mill-arkeologi bħala l-Akropoli (7 ettari) u l-Palazz ta' Apadana (6.3 ettari), iktar 'il quddiem ingħaqdu sabiex jiffurmaw l-belt ta' Susa (18-il ettaru). Il-Palazz ta' Apadana kien imdawwar b'ħitan ħoxnin sitt metri bit-tajn ikkumpattjat (dan il-post partikolari jissejjaħ il-Palazz ta' Apadana għaliex fih ukoll struttura tal-perjodu aħħari tal-Akemenidi ta' dan it-tip).[13]

Miċ-ċimiterju ġew irkuprati kważi elfejn reċipjent, li l-biċċa l-kbira minnhom issa jinsabu fil-mużew tal-Louvre. Ir-reċipjenti li nstabu huma xhieda ċara tal-kisbiet artistiċi u tekniċi tal-produtturi tagħhom, u fihom ħjiel dwar l-organizzazzjoni tas-soċjetà li kkummissjonathom. L-ewwel still bikri ta' reċipjenti mpittra taċ-ċeramika ta' Susa, huma verżjoni reġjonali aħħarija tat-tradizzjoni taċ-ċeramika ta' Ubaid tal-Mesopotamja li nfirxet fil-Lvant Qarib kollu matul il-ħames millenju Q.K. L-istil ta' Susa I kien tassew prodott tal-imgħoddi u tal-influwenzi mill-industriji kontemporanji taċ-ċeramika fil-muntanji tal-Punent tal-Iran. Ir-rikorrenza b'assoċjazzjoni mill-qrib ta' tliet tipi ta' reċipjenti — kalċi tax-xorb, gabarrè, u ġarra żgħira — timplika l-konsum ta' tliet tipi ta' ikel, li milli jidher kien maħsub li kienu meħtieġa għall-ħajja ta' wara l-mewt. Iċ-ċeramika b'dawn l-għamliet, li kienet tiġi mpittra, tikkostitwixxi proporzjon kbir tar-reċipjenti miċ-ċimiterju. Reċipjenti oħra huma ġarer u skutelli tat-tisjir inqas elaborati u b'borduri sempliċi fuqhom. X'aktarx kienu oġġetti funebri ta' ċittadini iktar umli kif ukoll ta' adolexxenti, u x'aktarx ta' tfal. Il-bċejjeċ tal-fuħħar huma magħmula bl-idejn bir-reqqa kollha. Għalkemm jaf intuża torn li kien idur bil-mod, l-asimetrija tar-reċipjenti u l-irregolarità tat-tpittir tal-linji u tal-borduri mad-dawra tagħhom jindikaw li l-biċċa l-kbira tax-xogħol sar bl-idejn biss.

Matul dan il-perjodu ġiet attesta wkoll il-metallurġija tar-ram, li kienet kontemporanja max-xogħol bil-metall f'xi siti Iranjani fl-artijiet għoljin bħal dak ta' Tepe Sialk.

Susa II u l-influwenza ta' Uruk (3800-3100 Q.K.)

[immodifika | immodifika s-sors]

Susa ġiet f'kuntatt mal-isfera kulturali ta' Uruk matul il-perjodu ta' Uruk. Imitazzjoni ta' apparat statali sħiħ ta' Uruk, proto-kitba, siġilli ċilindriċi b'motivi Sumeri, u arkitettura monumentali nstabu f'Susa. Skont xi studjużi, Susa jaf kienet kolonja ta' Uruk.

Hemm dibattitu dwar il-perjodizzazzjoni komparattiva ta' Susa u ta' Uruk f'dan iż-żmien, kif ukoll dwar il-livell ta' influwenza li kellha Uruk fuq Susa. Riċerka reċenti tindika li l-Perjodu Bikri ta' Uruk jikkorrispondi mal-perjodu ta' Susa II.

Daniel T. Potts isostni li l-influwenza miż-żona ta' Khuzestan fl-artijiet għoljin Iranjani f'Susa kienet iktar sinifikanti fil-perjodu bikri, u kompliet iktar 'il quddiem. B'hekk, Susa għaqdet flimkien l-influwenza ta' żewġ kulturi, miż-żona tal-artijiet għoljin u mill-pjanuri tal-għargħar tax-xmajjar. Potts jisħaq ukoll dwar il-fatt li s-sistemi tal-kitba u tan-numri ta' Uruk ma ġewx sempliċement misselfa għalkollox f'Susa. Minflok, x'aktarx li seħħ self parzjali u selettiv biss, li ġie adattat għall-ħtiġijiet ta' Susa. Minkejja l-fatt li Uruk kienet ferm ikbar minn Susa f'dak iż-żmien, Susa ma kinitx il-kolonja tagħha, iżda skont Potts kellha indipendenza għal żmien twil.[14] Ġiet issuġġerita wkoll rabta arkitettonika bejn Susa, Tal-i Malyan u Godin Tepe lejn dan iż-żmien, b'appoġġ għall-idea tal-iżvilupp parallel tal-kitbiet protokunejformi u Proto-Elamiti.[15]

Xi studjużi jemmnu li Susa kienet parti mill-kultura ikbar ta' Uruk. Holly Pittman, storiku tal-arti fl-Università ta' Pennsylvania f'Philadelphia jsostni li "ċ-ċittadini ta' Susa pparteċipaw għalkollox fl-istil ta' għajxien ta' Uruk. Iż-żewġ entitajiet mhumiex kulturalment distinti; il-kultura materjali ta' Susa hija varjazzjoni reġjonali ta' dik tal-pjanura tal-Mesopotamja". Gilbert Stein, id-direttur tal-Istitut Orjentali tal-Università ta' Chicago jsostni li "Tkabbir li xi darba kien maħsub li dam inqas minn 200 sena issa milli jidher nafu li dam 700 sena. Diffiċli taħseb li sistema kolonjali damet għal daqshekk. It-tifrix ta' materjal ta' Uruk mhuwiex evidenza tad-dominanza ta' Uruk; tista' tkun għażla lokali biss".[16]

Susa III jew il-perjodu "Proto-Elamit" (3100-2700 Q.K.)

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-perjodu ta' Susa III (3100-2700 Q.K.) huwa magħruf ukoll bħala l-perjodu Proto-Elamit. F'dan il-perjodu huwa predominanti l-fuħħar taż-żmien Banesh. F'dan il-perjodu wkoll feġġew għall-ewwel darba t-tavli Proto-Elamiti. Sussegwentement, Susa saret iċ-ċentru taċ-ċivilizzazzjoni ta' Elam.

Referenza ambigwa għal Elam (bil-kitba kunejformi: 𒉏 NIM) tidher ukoll f'dan il-perjodu fir-rekords Sumeri. Susa daħlet fl-istorja rreġistrata fil-perjodu dinastiku bikri tas-Sumerja. Battalja bejn Kish u Susa ġiet irreġistrata fl-2700 Q.K., meta En-me-barage-si jingħad li "ġiegħel l-art ta' Elam tissottometti ruħha".[17]

Puzur-Inshushinak Ensi Shushaki, "il-Gvernatur ta' Susa", fit-"Tavla tal-Iljun", tal-2100 Q.K., il-Mużew tal-Louvre.

Puzur-Inshushinak Ensi Shushaki (Mudell:Cuneiform), "Puzur-Inshushinak Ensi (Governor) of Susa", in the "Table au Lion", dated 2100 BC, Louvre Museum.

Fil-perjodu tas-Sumeri, Susa kienet il-belt kapitali ta' stat imsejjaħ Susiana (Šušan), li kien jokkupa bejn wieħed u ieħor l-istess territorju tal-provinċja moderna ta' Khūzestān iċċentrata max-xmara Karun. Il-kontroll ta' Susiana għadda minn id għall-oħra bejn Elam, is-Sumerja, u l-Akkadja.

Matul il-monarkija Elamita, bosta rikkezzi u materjali nġabu lejn Susa mis-serq minn bliet oħra. Dan seħħ l-iktar minħabba l-pożizzjoni ta' Susa fir-reġjun tax-Xlokk tal-Iran, li kienet eqreb tal-belt tal-Babilonja u tal-bliet fil-Mesopotamja.

L-użu tal-lingwa Elamita bħala lingwa amministrattiva ġie attestat għall-ewwel darba fit-testi ta' Ansan tal-qedem, Tall-e Mal-yan, li jmorru lura għall-1000 Q.K. Qabel dan il-perjodu tal-Elamiti, kien jintuża l-Akkadjan għall-biċċa l-kbira tat-testi fid-dokumenti tal-qedem. Susiana ġiet inkorporata minn Sargon il-Kbir fl-Imperu Akkadjan tiegħu għall-ħabta tal-2330 Q.K.[18]

Id-divinità prinċipali tal-belt kienet Nanaya, li kellha tempju sinifikanti f'Susa.

Perjodu tal-Qedem tal-Elamiti (għall-ħabta tal-2700-1500 Q.K.)

[immodifika | immodifika s-sors]
Kalċi tal-fidda minn Marvdasht, l-Iran, b'tinqix lineari Elamit ta' żmien Kutik-Inshushinak. Il-Mużew Nazzjonali tal-Iran.

Il-Perjodu tal-Qedem tal-Elamiti beda għall-ħabta tal-2700 Q.K. Ir-rekords storiċi jsemmu l-ħakma ta' Elam minn Enmebaragesi, ir-re Sumer ta' Kish fil-Mesopotamja. Matul dan il-perjodu rrenjaw tliet dinastiji. Tnax-il re ta' kull waħda mill-ewwel żewġ dinastiji, dawk ta' Awan (jew Avan; għall-ħabta tal-2400-2100 Q.K.) u ta' Simashki (għall-ħabta tal-2100–1970 Q.K.), huma magħrufa minn lista ta' Susa li tmur lura għall-perjodu Babiloniż tal-qedem. Żewġ dinastiji Elamiti jingħad li kellhom kontroll għal żmien qasir fuq partijiet mis-Sumerja fi żmien bikri ħafna, u dawn kienu dawk ta' Awan u ta' Hamazi; u bl-istess mod, bosta mill-mexxejja Sumeri iktar b'saħħithom, bħal Eannatum ta' Lagash u Lugal-anne-mundu ta' Adab, ġew irreġistrati li ddominaw lil Elam temporanjament.

Kutik-Inshushinak

[immodifika | immodifika s-sors]

Susa kienet il-belt kapitali ta' provinċja Akkadjana sal-ħabta tal-2100 Q.K., meta l-gvernatur tagħha, Kutik-Inshushinak, irribella u għamilha stat indipendenti u ċentru letterarju. Barra minn hekk, huwa kien l-aħħar fost id-dinastija Awan skont il-lista tar-rejiet ta' Susa. Huwa wassal għall-unifikazzjoni tat-territorji tal-madwar u sar ir-re ta' Elam. Huwa ħeġġeġ l-użu tal-kitba lineari Elamita, li għadha ma ġietx iddeċifrata.

Sussegwentement, il-belt inħakmet mit-tielet dinastija Neo-Sumera ta' Ur sakemm il-belt ta' Ur finalment spiċċat f'idejn l-Elamiti taħt Kindattu għall-ħabta tal-2004 Q.K. Matul dan iż-żmien, Susa kienet immexxija mill-ġdid minn Elam u saret il-belt kapitali tagħha taħt id-dinastija Shimashki.

Relazzjonijiet bejn il-Wied tal-Indus u Susa (2600-1700 Q.K.)

[immodifika | immodifika s-sors]
Lista dinastika ta' tnax-il re tad-dinastija Awan u ta' tnax-il re tad-dinastija Shimashki, 1800-1600 Q.K., Susa, il-Mużew tal-Louvre.

Instabu bosta artefatti ta' oriġini taċ-ċivilizzazzjoni tal-Wied tal-Indus f'Susa minn dan il-perjodu, speċjalment siġilli u żibeġ inċiżi tal-kornalina, li jindikaw li matul dan il-perjodu kien hemm relazzjonijiet bejn il-Wied tal-Indus u l-Mesopotamja.[19]

Perjodu Nofsani tal-Elamiti (għall-ħabta tal-1500-1100 Q.K.)

[immodifika | immodifika s-sors]

Għall-ħabta tal-1500 Q.K., il-Perjodu Nofsani tal-Elamiti beda permezz tat-tlugħ fil-poter tad-dinastiji Anxaniti. It-tmexxija tagħhom kienet ikkaratterizzata minn "Elamizzazzjoni" ta' Susa, u r-rejiet ħadu t-titlu ta' "re ta' Anxan u ta' Susa". Filwaqt li preċedentement il-lingwa Akkadjana kienet tintuża spiss fil-kitbiet imnaqqxa, ir-rejiet il-ġodda, bħal dawk tad-dinastija Igihalkid tal-ħabta tal-1400 Q.K., ippruvaw jużaw l-Elamit. B'hekk, il-lingwa u l-kultura Elamita kibru fl-importanza tagħhom f'Susiana.

Dan kien ukoll perjodu meta l-panteon Elamit kien qed jiġi impost f'Susiana. Din il-politika laħqet il-qofol tagħha bil-kostruzzjoni tal-kumpless politiku u reliġjuż f'Tchogha Zanbil, 30 kilometru (19-il mil) fix-Xlokk ta' Susa.

Għall-ħabta tal-1175 Q.K., l-Elamiti taħt Shutruk-Nahhunte serqu l-istele oriġinali bil-Kodiċi ta' Hammurabi u ħaduha lejn Susa. L-arkeologi sabuha fl-1901. Nebuchadnezzar I tal-imperu Babiloniż seraq ir-rikkezza ta' Susa madwar ħamsin sena wara.

Perjodu Neo-Elamit (għall-ħabta tal-1100-540 Q.K.)

[immodifika | immodifika s-sors]

Neo-Assirjani

[immodifika | immodifika s-sors]
Bassoriljevi Elamit Nofsani tad-divinitajiet ġellieda, Susa, l-1600-1100 Q.K.

Fis-647 Q.K., ir-re Neo-Assirjan Ashurbanipal qered il-belt matul gwerra li fiha l-poplu ta' Susa pparteċipa man-naħa l-oħra. Tavla li nstabet fl-1854 minn Austen Henry Layard f'Nineveh tiżvela lil Ashurbanipal bħala "vendikattiv", li ried tpattija għall-umiljazzjonijiet li l-Elamiti kienu wettqu kontra ċ-ċittadini tal-Mesopotamja matul is-sekli:

"Jien ħkimt lil Susa, il-belt sagra kbira, ir-residenza tal-allat tagħhom, is-sede tal-misteri tagħhom. Dħalt fil-palazzi tagħha, ftaħt it-teżori tagħhom fejn kien hemm massa ta' oġġetti lussużi tal-fidda u tad-deheb... Qridt iż-żiggurat ta' Susa. Kissirt il-qrun tar-ram ileqq tagħha. Ġibt it-tempji ta' Elam fix-xejn; ġibt lid-divinitajiet maskili u femminili tagħhom trab u sparpaljajtu mal-irjieħ. L-oqbra tar-rejiet reċenti u tal-qedem iddevastajthom, esponejthom għax-xemx, u ġarrejt l-għadam tagħhom lejn l-art ta' Ashur. Iddevastajt il-provinċji ta' Elam u qridt l-artijiet tagħhom bil-melħ".[20]


It-tmexxija Assirjana ta' Susa bdiet fis-647 Q.K. u dament sal-ħakma Medjana ta' Susa fis-617 Q.K.

Susa wara l-ħakma tal-Akemenidi Persjani

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-freġju tal-arċiera mill-Palazz ta' Darius f'Susa.

Susa għaddiet minn tranżizzjoni politika u etnokulturali kbira meta saret parti mill-Imperu Akemenid Persjan bejn il-540 u l-539 Q.K., meta nħakmet minn Cyrus il-Kbir matul il-konkwista tiegħu ta' Elam (Susiana), li Susa kienet il-belt kapitali tagħha. Il-Kronaka ta' Nabonidus issemmi li qabel il-battalja/battalji, Nabonidus kien ordna li l-istatwi tal-qima mill-bliet Babiloniżi tal-madwar jittieħdu lejn il-belt kapitali, u dan jissuġġerixxi li l-kunflitt rigward Susa kien beda x'aktarx fix-xitwa tal-540 Q.K.[21]

X'aktarx li Cyrus innegozja mal-ġenerali Babiloniżi biex jikseb kompromess min-naħa tagħhom u b'hekk jiġi evitat konfront armat. Nabonidus kien qed joqgħod fil-belt matul dak iż-żmien u ftit wara ħarab lejn il-belt kapitali, il-Babilonja, li kienu ilu snin ma jżur. Il-ħakma ta' Susa u tal-bqija tal-Babilonja min-naħa ta' Cyrus tat bidu għal bidla fundamentali, li wasslet biex għall-ewwel darba Susa tkun taħt il-kontroll Persjan. Strabo stqarr li Susa saret belt kapitali imperjali taħt Cyrus, għalkemm ma saret l-ebda kostruzzjoni ġdida f'dak il-perjodu u għalhekk ma hemmx qbil fost l-istudjużi jekk dan kienx tassew il-każ.[22]

Taħt iben Cyrus, Cambyses II, Susa saret ċentru tal-poter politiku bħala waħda mill-erba' bliet kapitali tal-Imperu Akemenid Persjan, filwaqt li naqqset l-importanza ta' Pasargadae bħala l-belt kapitali ta' Persis. Wara t-tmexxija qasira ta' Cambyses, Darius il-Kbir beda programm kbir ta' kostruzzjoni f'Susa u f'Persepolis, li kienet tinkludi l-kostruzzjoni ta' palazz kbir. Matul dan iż-żmien huwa jiddeskrivi l-belt kapitali l-ġdida tiegħu f'kitba mnaqqxa:

"It-tiżjin tal-palazz li bnejt f'Susa, ġibtu mill-bogħod. Ħaffirt l-art 'l isfel sal-blat. Meta sar it-tħaffir, ir-radam ġie ppakkjat 'l isfel, f'fond ta' xi 40 kubitu, u parti oħra f'fond ta' xi 20 kubitu. Fuq dak ir-radam bnejt palazz".[23]

Fil-belt ġiet ambjentata traġedja ta' Ateni, Il-Persjani (472 Q.K.), tad-drammaturgu Grieg tal-qedem Aeschylus, li hija l-eqdem waħda eżistenti fl-istorja tat-teatru.

L-avvenimenti msemmija fil-Ktieb ta' Esther tat-Testment l-Antik jingħad li seħħew f'Susa matul il-perjodu tal-Akemenidi. Ir-re Ahasuerus imsemmi f'dak il-ktieb jaf jirreferi għal Xerxes I (486-465 Q.K.).

Susa tilfet ħafna mill-importanza tagħha wara l-invażjoni ta' Alessandru Manju fit-331 Q.K. Fit-324 Q.K. huwa ltaqa' ma' Nearchus hawnhekk, li esplora l-Golf Persjan hu u ġej lura mix-xmara Indus bil-baħar. F'dik l-istess sena, Alessandru Manju ċċelebra f'Susa żwieġ tal-massa bejn il-Persjani u l-Maċedoni.[24]

Il-belt baqgħet importanti taħt is-Selewċidi għal madwar seklu wara Alessandru Manju. Madankollu, Susa tilfet il-pożizzjoni tagħha bħala belt kapitali imperjali u minflokha saret Seleucia max-xmara Tigris. Minflok saret il-belt kapitali reġjonali tas-satrapija ta' Susiana. Madankollu, Susa żammet l-importanza ekonomika tagħha għall-imperu bis-saħħa tal-għażla kbira ta' merkanti f'Susa, li kienu jużaw lil Charax Spasinou bħala l-port tagħha.

Il-belt ħadet l-isem ta' Seleucia max-xmara Eulaeus jew Seleucia ad Eulaeum.

Seleucus I Nicator izzekka l-muniti hemmhekk b'kwantitajiet sostanzjali. Susa għandha bosta kitbiet imnaqqxa bil-Grieg, li x'aktarx jindika li għadd sinifikanti ta' Griegi kienu jgħixu fil-belt. Speċjalment fil-belt irjali, ġew skavati djar kbar mgħammra sew bil-peristil.

Għall-ħabta tal-147 Q.K., Susa u Elymais fil-qrib inqatgħu mill-Imperu tas-Selewċidi. Il-belt kienet immexxija mill-inqas temporanjament mill-mexxejja ta' Elymais, fejn Kamnaskires II Nikephoros izzekka xi muniti. Il-belt jaf reġgħet lura għal xi żmien f'idejn it-tmexxija tas-Selewċidi, iżda minn Phraates II (għall-ħabta tal-138-127 Q.K.) sa Gotarzes II (għall-ħabta tal-40–51 W.K.), il-mexxejja kważi kollha tal-Imperu Partiku zzekkaw il-muniti fil-belt, u dan jindika li l-belt kienet f'idejn il-Partiċi mill-inqas matul dan il-perjodu. Madankollu, il-belt żammet ammont konsiderevoli ta' indipendenza u żammet l-organizzazzjoni ta' belt-stat Griega matul il-perjodu Partiku. Mit-tieni nofs tas-seklu 1, il-belt x'aktarx li kienet iggvernata parzjalment mill-mexxejja ta' Elymais mill-ġdid, iżda reġgħet għaddiet għand il-Partiċi fil-215 W.K.[25]

Susa kienet sikwit post ta' refuġju għall-Partiċi, u iktar 'il quddiem tar-rejiet Sassanidi Persjani, peress li r-Rumani serqu r-rikkezzi ta' Ctesiphon ħames darbiet differenti bejn il-116 u l-297 Q.K. Susa nħatfet għal żmien qasir fil-116 W.K. mill-imperatur Ruman Trajanu matul il-kampanja militari Partika tiegħu. L-Imperu Ruman qatt ma reġa' avvanza daqshekk lejn il-Lvant.

Suzan inħakmet u nqerdet fil-224 W.K. mis-Sassanidi taħt Ardashir I, iżda ġiet rikostruwita ftit wara, u x'aktarx temporanjament bħala residenza rjali. Skont tradizzjoni iktar 'il quddiem, Shapur I jingħad li qatta' l-aħħar snin ta' ħajtu fil-belt, minkejja li din it-tradizzjoni mhix ċerta u jaf tirreferi iktar għal Shapur II.

Taħt is-Sassanidi, wara l-istabbiliment ta' Gundeshapur, Susa bil-mod il-mod tilfet l-importanza tagħha. Arkeoloġikament, il-belt tas-Sassanidi kienet inqas densa mqabbla mal-perjodu Partiku, iżda xorta waħda kien hemm binjiet sinifikanti, b'insedjament estiż fuq iktar minn 400 ettaru. Susa kienet għadha wkoll sinifikanti ħafna ekonomikament, u kienet ċentru kummerċjali, speċjalment fil-kummerċ tad-deheb. Il-muniti baqgħu jiġu zzekkati wkoll fil-belt. Il-belt kellha komunità Kristjana f'distrett separat b'isqof Nestorjan, u l-aħħar rappreżentant tagħha ġie attestat fl-1265. Arkeoloġikament instab panew tal-istukko bi xbieha ta' qaddis Kristjan.

Matul ir-renju ta' Shapur II wara li l-Kristjaneżmu sar ir-reliġjon statali tal-Imperu Ruman fit-312 W.K., il-Kristjani ġew identifikati bħala kollaboraturi possibbli mal-Kristjani għedewwwa fl-Imperu tas-Sassanidi u ġew ippersegwitati mit-339 W.K. 'il quddiem. Shapur II impona wkoll taxxa doppja fuq il-Kristjani matul il-kampanja militari tiegħu kontra r-Rumani. Wara ribelljoni tal-Kristjani li kienu jgħixu f'Susa, ir-re qered il-belt fit-339 bl-użu ta' 300 iljunfant. Iktar 'il quddiem ordna li l-belt terġa' tinbena u ġiet insedjata mill-ġdid bil-priġunieri tal-gwerra u bin-nissieġa. Huwa maħsub li dan seħħ wara r-rebħa tiegħu kontra r-Rumani f'Amida fit-359 W.K. In-nissieġa kienu jipproduċu l-ħarir. Shapur II bidel isem il-belt għal Eran-Khwarrah-Shapur ("il-Glorja tal-Iran mibnija minn Shapur").

Perjodu Iżlamiku

[immodifika | immodifika s-sors]

Matul il-ħakma Musulmana tal-Persja, armata Għarbija invadiet il-provinċja ta' Khuzistan taħt il-kmand ta' Abu Musa al-Ash'ari. Wara li ħatfet il-biċċa l-kbira tal-irħula ffortifikati ż-żgħar, l-armata rnexxielha tirbaħ lil Tustar fis-642 W.K. qabel ma assedjat lil Susa. Il-belt kienet post ta' importanza militari u fiha kien hemm ukoll il-qabar tal-profeta Lhudi Danjel. Sorsi Musulmani jagħtu żewġ verżjonijiet differenti tal-kollass tal-belt. Fl-ewwel waħda, patri Persjan ipproklama mill-ħitan li dajjal biss kellu d-destin li jaħtaf il-belt. Dajjal huwa terminu Iżlamiku għal Al-Masih ad-Dajjal, jiġifieri "messija falz", kompatibbli mal-Antikrist fil-Kristjaneżmu. Fl-użu ta' kuljum, it-terminu jfisser ukoll "qarrieqi" jew "impostur". Siyah, ġeneral Persjan li kien dar mal-Musulmani, stqarr li meta kkonverta għall-Iżlam hu kien dar kontra ż-Żoroastrijaniżmu u b'hekk kien dajjal. Abu Musa qabel mal-pjan ta' Siyah. Ftit wara tlugħ ix-xemx filgħodu minnhom, l-għassiesa mal-ħitan raw raġel b'uniformi ta' uffiċjal Persjan mimli demm mixħut mal-art quddiem id-daħla prinċipali. Huma ħasbu li kien tħalla hemm mal-lejl wara kunflitt fil-jum ta' qabel, u b'hekk fetħu l-bibien tal-belt u marru biex jiġbruh. Malli resqu lejh, Siyah qam għalihom u qatilhom. Qabel ma l-għassiesa l-oħra kellhom iċ-ċans jirreaġixxu, Siyah u grupp żgħir ta' suldati Musulmani li kienu moħbija fil-qrib daħlu mill-bibien miftuħa. Huma ħallew il-bibien miftuħa biżżejjed sakemm laħqu waslu r-rinforzi Musulmani kollha u daħlu biex jaħtfu l-belt.[26]

Fil-verżjoni l-oħra, mill-ġdid il-Musulmani ġew imqarrqa mill-ħitan tal-belt li Al-Masih ad-Dajjal biss seta' jaħtaf il-belt, u ladarba ma kien hemm ħadd fl-armata tal-assedju, setgħu jaqbdu u jarrendu u jmorru d-dar. Wieħed mill-kmandant Musulmani tant irrabja li waqgħu għal dan il-qerq li mar sa wieħed mill-bibien tal-belt u tah daqqa ta' sieq. Dak il-ħin stess, il-ktajjen inqasmu, is-sokra nkisru, u l-bieb infetaħ beraħ. Wara li daħlu fil-belt, il-Musulmani qatlu n-nobbli Persjani kollha.

Ladarba l-belt inħatfet, peress li Danjel (bl-Għarbi: دانيال, b'ittri Rumani: Danyal) ma jissemmiex fil-Koran, u lanqas jitqies bħala profeta fil-Ġudaiżmu, ir-reazzjoni inizjali tal-Musulmani kienet li jeqirdu dan it-twemmin billi jikkonfiskaw it-teżor maħżun fil-qabar minn żmien l-Akemenidi. Imbagħad żgassaw it-tebut tal-fidda u ħadu magħhom il-katavru mmummifikat, u minnu ħadu ċurkett bis-siġill, bix-xbieha ta' raġel bejn żewġ iljuni. Madankollu, malli sema' x'kien ġara, il-kaliff Umar ordna li ċ-ċurkett jiġi rritornat flimkien mal-qabar u jerġa' jindifen taħt qiegħ ix-xmara. Maż-żmien, Danjel sar figura importanti għall-Musulmani u huma wkoll bħall-Kristjani bdew jagħmlu pellegrinaġġi lejn is-sit, minkejja li diversi siti oħra kienu jitqiesu wkoll bħala l-post fejn hemm il-qabar ta' Danjel.[27]

Wara li ħatfu lil Susa, il-Musulmani assedjaw lil Gundeshapur.[28]

Susa rkuprat wara li kienet inħatfet u baqgħet ċentru reġjonali b'daqs ta' iktar minn 400 ettaru. Inbniet moskea għalkemm ġew attestati wkoll isqfijiet Nestorjani. Barra minn hekk, kien hemm komunità Lhudija bis-sinagoga tagħha stess. Il-belt baqgħet ċentru tal-manifattura tat-tessuti lussużi matul dan il-perjodu. Arkeoloġikament, il-perjodu Iżlamiku huwa kkaratterizzat l-iktar miċ-ċeramika rikka tiegħu. Beth Huzaye (il-Provinċja Ekkleżjastika tal-Lvant tas-Sirja) kellha popolazzjoni Kristjana sinifikanti matul l-ewwel millenju, u kienet djoċesi tal-Knisja tal-Lvant bejn is-sekli 5 u 13 W.K., fil-provinċja metropolitana ta' Beth Huzaye (Elam).

Fl-1218 il-belt ġiet attakkata mill-invażuri Mongoli u qatt ma rnexxielha terġa' tikseb l-importanza li kellha fl-imgħoddi. Il-belt kompliet tmur għall-agħar fis-seklu 15 meta l-maġġoranza tal-popolazzjoni tagħha marret tgħix f'Dezful.[29]

Illum il-ġurnata ċ-ċentru antik ta' Susa mhuwiex okkupat, u l-popolazzjoni tgħix fil-qrib fir-raħal Iranjan modern ta' Shush lejn il-Punent u t-Tramuntana tal-fdalijiet storiċi. Shush hija l-belt kapitali amministrattiva tal-Kontea ta' Shush fil-provinċja ta' Khuzestan, fl-Iran. Fl-2005 kellha popolazzjoni ta' 64,960 ruħ.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Susa ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO f'Lulju 2015.[30]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[30]

  1. ^ Hinz, Walther; Koch, Heidemarie (1987). Elamisches Wörterbuch [Elamite Wordbook] (bil-Ġermaniż). Vol. 2. Berlin, Germany: Dietrich Reimer Verlag. p. 1184.
  2. ^ Hinz, Walther; Koch, Heidemarie (1987). Elamisches Wörterbuch [Elamite Wordbook] (bil-Ġermaniż). Vol. 2. Berlin, Germany: Dietrich Reimer Verlag. p. 1183.
  3. ^ John Curtis (2013). "Introduction". In Perrot, Jean (ed.). The Palace of Darius at Susa: The Great Royal Residence of Achaemenid Persia. I.B.Tauris. p. xvi. ISBN 9781848856219.
  4. ^ Kriwaczek, Paul, Babylon: Mesopotamia and the Birth of Civilization, St. Martin's Press, 2012, ISBN 978-1250054166.
  5. ^ Vaux, W. S. W., "ON COINS DISCOVERED, BY W. K. LOFTUS, Esq., AT SUSA", The Numismatic Chronicle and Journal of the Numismatic Society, vol. 20, pp. 25–32, 1857.
  6. ^ Peters, John P. (1915). "Excavations in Persia". The Harvard Theological Review. 8 (1): 82–93.
  7. ^ Mousavi, Ali (2013). The History of Archaeological Research in Iran. Oxford University Press.
  8. ^ "Archives de Suse · Mecquenem · Omekas". omekas.mom.fr. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2024-01-07. Miġbur 2024-01-07.
  9. ^ Hermann Gasche, "Ville Royale de Suse: vol I : La poterie elamite du deuxieme millenaire A.C.", Mission archéologique en Iran, Mémoires 47, Librairie Orientaliste Paul Geuthner, 1973, ISBN 978-9004038264.
  10. ^ Jean Perrot, Les fouilles de Suš en 1975, Annual Symposium on Archaeological Research in Iran 4, pp. 224–231, 1975.
  11. ^ SORAGHI, S., & ZEYNIVAND, M., "The Susa salvage project in 2019, southwestern Iran", Historia I Świat, 11, pp. 71–79, 2022.
  12. ^ Wright, Henry T., "The Zagros Frontiers of Susa during the Late 5th Millennium", Paléorient, vol. 36, no. 1, pp. 11–21, 2010.
  13. ^ Aruz, Joan (1992). The Royal City of Susa: Ancient Near Eastern Treasures in the Louvre. New York: Abrams. p. 26.
  14. ^ Daniel T. Potts, The Archaeology of Elam: Formation and Transformation of an Ancient Iranian State. Cambridge World Archaeology. Cambridge University Press, 2015, ISBN 1107094690 pp. 58–61.
  15. ^ F. Desset, An Architectural Pattern in Late Fourth-Millennium BC Western Iran: A New Link Between Susa, Tal-I Malyan, and Godin Tepe, Iran, vol. 52, iss. 1, pp. 1–18, 2014.
  16. ^ Lawler, Andrew. 2003. Uruk: Spreading Fashion or Empire. Science. Volume 302, pp. 977–978.
  17. ^ D. T. Potts, A Companion to the Archaeology of the Ancient Near East. Volume 94 of Blackwell Companions to the Ancient World. John Wiley & Sons, 2012, ISBN 1405189886, p. 743.
  18. ^ FOSTER, BENJAMIN R, "'International' Trade at Sargonic Susa (Susa in the Sargonic Period III)", Altorientalische Forschungen, vol. 20, no. 1, pp. 59-68, 1993.
  19. ^ Marshall, John (1996). Mohenjo-Daro and the Indus Civilization: Being an Official Account of Archaeological Excavations at Mohenjo-Daro Carried Out by the Government of India Between the Years 1922 and 1927. Asian Educational Services. p. 425. ISBN 9788120611795.
  20. ^ "Persians: Masters of Empire", ISBN 0-8094-9104-4, p. 7-8.
  21. ^ Kuhrt, Amélie. "Babylonia from Cyrus to Xerxes", in The Cambridge Ancient History: Vol IV — Persia, Greece and the Western Mediterranean, pp.112–138. Ed. John Boardman. Cambridge University Press, 1982. ISBN 0-521-22804-2.
  22. ^ Waters, Matt, "CYRUS AND SUSA", Revue d'Assyriologie et d'archéologie Orientale, vol.102, pp.115–18, 2008.
  23. ^ Kent, Roland G., "The Record of Darius's Palace at Susa", Journal of the American Oriental Society, vol. 53, no. 1, pp. 1–23, 1933.
  24. ^ van Oppen de Rutter, Branko F., "THE SUSA MARRIAGES — A HISTORIOGRAPHICAL NOTE", Ancient Society, vol. 44, pp. 25–41, 2014.
  25. ^ Robert J. Wenke, Elymeans, Parthians, and the Evolution of Empires in Southwestern Iran, Journal of the American Oriental Society, vol. 101, no. 3, pp. 303–315, 1981.
  26. ^ Crawford, Peter (2013). The War of the Three Gods: Romans, Persians and the Rise of Islam. Barnsley: Pen & Sword Military. pp. 183–184. ISBN 978-1-84884-612-8.
  27. ^ Kennedy, Hugh (2007). The Great Arab Conquests: How the Spread of Islam Changed the World We Live In. London: Weidenfeld & Nicolson. pp. 128–129. ISBN 978-0-297-84657-4.
  28. ^ Crawford, Peter (2013). The War of the Three Gods: Romans, Persians and the Rise of Islam. Barnsley: Pen & Sword Military. pp. 183–184. ISBN 978-1-84884-612-8.
  29. ^ M. Streck, Clifford Edmund Bosworth (1997). Encyclopaedia of Islam, San-Sze. Vol. IX. Leiden: Brill. pp. 898–899. ISBN 9789004104228.
  30. ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Susa". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-06.